Language of document : ECLI:EU:F:2010:45

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

12 ta’ Mejju 2010

Kawża F-13/09

Josefina Peláez Jimeno

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Ilment li għandu jitressaq qabel — Terminu għat-tressiq ta’ lment — Tardività — Prova — Ex membru tal-persunal temporanju — Ħatra bħala uffiċjal — Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. Peláez Jimeno titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tat-8 ta’ Frar 2008, li taħtarha uffiċjal bi prova, sa fejn din id-deċiżjoni tiffissa l-klassifikazzjoni tagħha fil-grad AST 1 skala 5, u tad-deċiżjoni tal-Parlament, tat-12 ta’ Novembru 2008, li tiċħad l-ilment tagħha mressaq abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjez kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Oneru tal-prova

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31(1); Anness XIII, Artikoli 5(2) u (4), 12(3), u 13(1); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      Hija l-parti li tinvoka l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ lment jew għall-preżentata ta’ rikors li għandha tipproduċi l-prova tad-data ta’ meta l-imsemmi terminu beda jiddekorri, prova li fin-nuqqas tagħha ma tistax tiġi kkompletata serje ta’ indizji li jgħatu l-wieħed x’jifhem li r-rikorrenti rċeviet ittra f’data preċedenti għal dik li hija ssostni. Iktar minn hekk, il-fatt li l-uffiċjal ikkonċernat ikun preżenti fuq il-post tax-xogħol tiegħu ma jippermettix, fin-nuqqas ta’ dokument li jikkonferma n-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, li jiġi konkluż b’ċertezza suffiċjenti, u għaldaqstant ma huwiex ekwivalenti għal prova, li l-persuna kkonċernata setgħet effettivament tkun taf biha.

(ara l-punt 24)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Marzu 1991, Mérez‑Minguez Casariego vs Il‑Kummissjoni, T‑1/90, Ġabra p. II‑143, punt 37; 17 ta’ Jannar 2001, Kraus vs Il‑Kummissjoni, T‑14/99, ĠabraSP p. I‑A‑7 u II‑39, punt 22; 27 ta’ Settembru 2002, Di Pietro vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑254/01, ĠabraSP p. I‑A‑177 u II‑929, punti 19, 22 u 25 sa 27; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ April 2007, Lebedef-Caponi vs Il‑Kummissjoni, F‑71/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑115 u II‑A‑1‑629, punti 29, 31 u 34

2.      L-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal japplika wkoll għall-membri tal-persunal temporanju li isimhom huwa inkluż “fuq il-lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra” kif ukoll għal dawk li isimhom huwa “inkluż fuq il-lista tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni interna”. Għalkemm kompetizzjoni ta’ “trasferimenti minn kategorija għal oħra” hija wkoll, minnha nnifisha, kompetizzjoni interna, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’tali mod li din tingħata effett utli, billi jiġi evitat, sa fejn possibbli, kull interpretazzjoni li twassal għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni hija żejda. Jidher li l-leġiżlatur ried ifisser, permezz tal-kliem “kompetizzjoni interna”, il-kompetizzjonijiet imsejħin ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti li l-għan tagħhom huwa li jippermettu, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw l-aċċess għas-servizz pubbliku Ewropew, ir-reklutaġġ, bħala uffiċjali, ta’ membri tal-persunal li diġà għandhom ċerta esperjenza tal-istituzzjoni u li wrew il-kompetenzi tagħhom sabiex jimlew il-pożizzjoni vakanti. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tal-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċerna biss l-uffiċjali li isimhom huwa inkluż “fuq il-lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra”, mingħajr ma jsemmi uffiċjali li isimhom huwa “inkluż fuq il-lista tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni interna”. Tali riferiment ma kienx ikun iġġustifikat peress li ma tagħmilx sens li membru tal-persunal li huwa diġà uffiċjal jingħata kuntratt permanenti.

Sabiex l-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ikun applikabbli huwa meħtieġ li jkun hemm trasferiment mill-“kategorija ta’ qabel” għall-“kategorija l-ġdida”, kemm jekk wara kompetizzjoni li twassal għall-istabbilment ta’ “lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra”, kif ukoll jekk wara kompetizzjoni interna għall-ħatra bħala uffiċjal permanenti, li kellu bħala effett tali trasferiment fil-kategorija. Għalhekk il-leġiżlatur warrab, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu kemm fil-qasam tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kif ukoll f’dak ta’ kriterji ta’ klassifikazzjoni, ir-regola ġenerali fil-qasam ta’ klassifikazzjoni tal-Uffiċjali l-ġodda maħtura, stabbilita fl-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ikkompletat permezz tal-Artikolu 12(3) jew permezz tal-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII fir-rigward tal-kandidati li għaddew li isimhom huwa inkluż fuq lista ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u maħtura, rispettivament, bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, u wara l-1 ta’ Mejju 2006, billi rriżerva l-benefiċċju tal-klassifikazzjoni fi grad li ma huwiex dak indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni għall-membri tal-persunal maħtura bħala uffiċjali bi prova li diġà għandhom esperjenza tal-istituzzjoni u li wrew, wara l-kompetizzjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq, il-kompetenzi tagħhom li jaqdu impjiegi f’kategorija superjuri.

(ara l-punti 40, 41, 46 u 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn‑Bergé vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, ĠabraSP p. I‑A‑47 u II‑135, punti 45 u 46; 12 ta’ Novembru 1998, Carrasco Benitez vs Il‑Kummissjoni, T‑294/97, ĠabraSP p. I‑A‑601 u II‑1819, punt 51