Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Settembru 2010 - IEM ERGA - EREVNES MELETES PERIVALLONTOS & CHOROTAXIAS A.E. vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-435/10)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: IEM ERGA - EREVNES MELETES PERIVALLONTOS & CHOROTAXIAS A.E. (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: N. Sofokleous, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

-    tannulla l-att preparatorju, tas-7 ta' Mejju 2010, tad-Direttorat Ġenerali "Riċerka" tal-Kummissjoni Ewropea li jinnotifika lir-rikorrenti bid-deċiżjoni li tiġi adottata ordni għal ħlas fir-rigward tagħha;

-    tannulla l-ordni għal ħlas Nru 3241004968 (nota ta' debitu) tal-Kummissjoni Ewropea;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fir-rikors inkwistjoni, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-att preparatorju, tas-7 ta' Mejju 2010, tad-Direttorat Ġenerali "Riċerka" tal-Kummissjoni Ewropea li jinnotifika lir-rikorrenti bid-deċiżjoni li tiġi adottata ordni għal ħlas fir-rigward tagħha kif ukoll l-annullament tal-ordni għal ħlas (nota ta' debitu) Nru 3241004968 tal-14 ta' Lulju 2010, adottata fuq il-bażi tal-kuntratt FAIR-CT98-9544.

Insostenn tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi segwenti:

nuqqas ta' bażi legali u inkompetenza, sa fejn l-atti kkontestati, adottati fil-kuntest tal-kuntratt FAIR-CT98-9544, huma atti amministrattivi adottati mingħajr bażi legali u mingħajr kompetenza għaliex dan il-kuntratt, skont l-Artikolu 10 tiegħu, huwa rregolat esklużivament mid-dritt Elleniku, ma jagħtix lill-Kummissjoni d-dritt li tiddetermina unilateralment u tirkupra b'mod awtonomu is-somom li jirriżultaw minnu;

nuqqas ta' motivazzjoni legali, nuqqas ta' provi u ċaħda tal-argumenti tal-Kummissssion sa fejn, hekk kif muri fis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-7/05 u mill-fatturi maħruġa mir-rikorrenti għas-servizzi pprovduti, l-ammonti li hija rċeviet mill-kumpannija "Parthénon A.E.", għal dawk il-fatturi, kienu jirrapreżentaw parti mir-remunerazzjoni tagħha għall-provvista tas-servizzi li kienu deskritti fihom u mhux ħlas bil-quddiem fuq sussidju li l-kumpannija "Parthénon A.E." kienet irċeviet min-naħa tal-Kummissjoni fil-kapaċità tagħha ta' rappreżentant tar-rikorrenti;

kontradizzjoni fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati;

nuqqas ta' motivazzjoni legali u nuqqas ta' provi, sa fejn l-argumenti tal-Kummissjoni, li permezz tagħhom hija ġġustifikat l-atti kkontestati, ma humiex stabbiliti la permezz tal-motivi tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-7/05, Il-Kummissjoni vs Parthénon A.E., u lanqas permezz tal-fatturi u l-provi l-oħra li ġew ippreżentati.

____________