KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PIKAMÄE
ippreżentati fil‑21 ta’ Novembru 2019 (1)
Kawża C‑836/18
Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real
vs
RH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla‑La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑La Mancha, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 TFUE – Dritt ta’ residenza, fi Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-permess ta’ residenza għall-kundizzjoni li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-konjuġi – Rifjut ibbażat fuq l-assenza ta’ riżorsi suffiċjenti – Modalitajiet ta’ evalwazzjoni tar-relazzjoni ta’ dipendenza li teżisti bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni”
I. Introduzzjoni
1. Din il-kawża tirrigwarda l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt ta’ residenza dderivat li għandu jiġi rrikonoxxut, fi Stat Membru, fuq il-bażi tal-Artikolu 20 TFUE, lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li qatt ma għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment.
2. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tfakkar il-prinċipji li hija stabbilixxiet għal dan il-għan fis-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et (2), u tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (3), f’kuntest fejn l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ġiet ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, sussegwentement irrifjutata minħabba l-assenza ta’ kwalunkwe evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn dawn iż-żewġ persuni.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
3. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38/KE (4) jipprovdi li:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi:
(a) il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;
(b) id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;
[…]”
4. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”
5. L-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:
“1. Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:
[…]
(b) għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew
[…]
(d) membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).
2. Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”
B. Id-dritt Spanjol
6. Skont l-Artikolu 68 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili):
“Il-konjuġi għandhom jgħixu flimkien u bejniethom għandu jkun hemm lealtà u assistenza reċiproka. Barra minn hekk, għandhom jaqsmu r-responsabbiltajiet domestiċi, kif ukoll il-kura tal-axxendenti u tad-dixxendenti, u persuni oħra taħt ir-responsabbiltà tagħhom.”
7. L-Artikolu 1 tar-Real Decreto 240/2007, sobre entrada, libre circulación y residencia en España de ciudadanos de los Estados miembros de la Unión Europea y de otros Estados parte en el Acuerdo sobre el Espacio Económico Europeo (id-Digriet Irjali Nru 240/2007 dwar id-dħul, il-libertà ta’ moviment u r-residenza fi Spanja taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati l-oħra li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea) (5), tas‑16 ta’ Frar 2007, jipprovdi li:
“1. Dan id-digriet irjali jirregola l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dħul u ta’ ħruġ, ta’ moviment liberu, ta’ residenza, ta’ residenza permanenti u ta’ xogħol fi Spanja għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati l-oħra li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll il-limiti tad-drittijiet imsemmija iktar ’il fuq għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.
2. Il-kontenut ta’ dan id-digriet irjali huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet speċjali u tat-trattati internazzjonali li Spanja hija parti fihom.”
8. L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet irjali jipprevedi li:
“Dan id-digriet irjali japplika wkoll, fit-termini stabbiliti fih, għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta dawn jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu, u li huma dawn li ġejjin:
a) il-konjuġi, ladarba ma jkun hemm l-ebda ftehim jew dikjarazzjoni ta’ nullità taż-żwieġ, divorzju jew separazzjoni legali.
[…]”
9. Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi digriet irjali:
“1. Kull ċittadin tal-Unjoni jew ċittadin ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għandu d-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Spanjol għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur:
[…]
(b) jekk għandu riżorsi suffiċjenti għalih u għall-membri tal-familja tiegħu sabiex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ Spanja matul il-perijodu ta’ residenza tiegħu, u għandu assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fi Spanja; jew,
[…]
d) jekk huwa membru tal-familja li qiegħed jakkumpanja jew li ser jingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jissodisfa huwa stess il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) jew (c).
2. Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru, meta jakkumpanjaw jew jingħaqdu fi Spanja maċ-ċittadin tal-Unjoni jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, sakemm dan iċ-ċittadin jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(a), (b) jew (c).
[…]
7. Fir-rigward tal-mezzi ta’ għajxien suffiċjenti, ma jistax jiġi stabbilit ammont fiss, u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali taċ-ċittadini tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istat l-ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. F’kull każ, dan l-ammont ma jistax ikun ogħla mil-livell ta’ riżorsi finanzjarji li taħtu l-Ispanjoli jirċievu assistenza soċjali, jew mill-ammont tal-pensjoni minima tas-sigurtà soċjali.”
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10. Fit‑13 ta’ Novembru 2015, RH, li huwa ċittadin Marokkin, iżżewweġ lil ċittadina Spanjola f’Ciudad Real (Spanja). Din tal-aħħar, ladarba hija ta’ nazzjonalità Spanjola, hija ċittadina tal-Unjoni. Madankollu, hija qatt ma għamlet użu mil-libertà tagħha ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-validità u l-legalità ta’ dan iż-żwieġ ma ġewx ikkontestati mill-amministrazzjoni nazzjonali, u li RH ma huwa suġġett għall-ebda projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju nazzjonali.
11. Il-konjuġi jgħixu flimkien f’Ciudad Real, akkumpanjati minn missier iċ-ċittadina Spanjola.
12. Fit‑23 ta’ Novembru 2015, RH ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti.
13. Fl‑20 ta’ Jannar 2016, din irrifjutat l-applikazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Digriet Irjali Nru 240/2007, billi qieset li mart RH ma kinitx stabbilixxiet li hija personalment kellha riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex tieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ żewġha, u dan konformement mar-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni.
14. Fl‑10 ta’ Marzu 2016, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mis-Subdelegado del Gobierno de Ciudad Real (is-Subdelegazzjoni tal-Gvern ta’ Ciudad Real, Spanja).
15. Għalhekk, RH ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de lo Contencioso‑Administrativo no 2 de Ciudad Real (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 2 ta’ Ciudad Real, Spanja), fejn sostna li l-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali Nru 240/2007 ma kienx applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fejn iċ-ċittadina Spanjola qatt ma eżerċitat il-libertà tagħha ta’ moviment. Din il-qorti laqgħet ir-rikors, billi qablet mal-kunsiderazzjonijiet esposti minn RH.
16. L-amministrazzjoni tal-Istat appellat minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla‑La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑La Mancha, Spanja), li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:
“1) Fid-dawl tal-Artikolu 68 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol li jipprovdi li l-konjuġi għandhom jgħixu flimkien, l-obbligu impost fuq ċittadin Spanjol li ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment, li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Real Decreto 240/2007, sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt ta’ residenza tal-konjuġi tiegħu ċittadin ta’ Stat terz, skont l-Artikolu 7(2) [ta’ dan id-digriet], jista’ jimplika, f’każ li dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfatti, li hemm ksur tal-Artikolu 20 [TFUE] jekk, b’konsegwenza tar-rifjut ta’ dan id-dritt, iċ-ċittadin Spanjol jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu?
2) Fi kwalunkwe każ, indipendentement mis-suespost u mir-risposta għad-domanda preċedenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], fosthom, inter alia, is-sentenza [K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju)], l-Artikolu 20 tat-TFUE jipprekludi l-prassi tal-Istat Spanjol li tikkonsisti fl-applikazzjoni automatika tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 [tad-Digriet Irjali Nru 240/2007], billi tirrifjuta l-permess ta’ residenza lil [membru tal-familja] ta’ ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċitax [qatt ma eżerċita] id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, sempliċiment peress li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu, mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali tal-kwistjoni dwar jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ natura tali li, għal xi raġuni tkun xi tkun u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, twassal sabiex f’każ ta’ rifjut tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkunx jista’ jissepara ruħu mill-membru tal-familja li jiddependi fuqu u jkun obbligat li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni?”
17. RH, il-Gvern Spanjol, Daniż, Ġermaniż u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
IV. Analiżi
18. Qabel ma neżamina d-domandi li l-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, nixtieq nifformula osservazzjoni preliminari dwar il-portata ta’ dawn id-domandi, kif ukoll dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
A. Osservazzjoni preliminari dwar il-portata tad-domandi preliminari u dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
19. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunal Superior de Justicia de Castilla‑La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑La Mancha) għandha dubji serji dwar il-kriterji li l-awtorità nazzjonali kompetenti applikat skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Digriet Irjali Nru 240/2007, sabiex tiġi evalwata n-natura suffiċjenti tar-riżorsi taċ-ċittadina tal-Unjoni. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-awtorità nazzjonali kompetenti llimitat l-evalwazzjoni tagħha għas-sitwazzjoni ekonomika taċ-ċittadina Spanjola, billi qieset li l-obbligu ta’ disponibbiltà tar-riżorsi suffiċjenti kien jaqa’ esklużivament fuq din tal-aħħar. Għalhekk, din l-awtorità ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni minn missier din iċ-ċittadina, minkejja li l-provvista u l-prova tar-riżorsi finanzjarji kienu stabbiliti.
20. Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tfakkar il-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Din it-tfakkira hija utli. Madankollu, minix konvint li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-imsemmija dispożizzjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan minħabba r-raġunijiet li ser nippreżenta issa.
21. Skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Digriet Irjali Nru 240/2007, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jistax jikseb dritt ta’ residenza fi Spanja, ħlief jekk dan iċ-ċittadin ikollu, b’mod partikolari, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi suffiċjenti sabiex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ Spanja.
22. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tittrasponi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.
23. Barra minn hekk, kif fakkret reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2004/38 għandha esklużivament l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri differenti minn dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità (6). Għalhekk, din id-direttiva ma tkoprix sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni ma għamilx użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (7).
24. Dan il-punt ma huwiex diskuss fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, il-partijiet kollha jqisu li d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ RH ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u, b’mod partikolari, taħt dawk previsti fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38.
25. Madankollu, huwa fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Digriet Irjali Nru 240/2007 li ġiet irrifjutata l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza fid-dawl tar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata minn RH, billi l-awtorità nazzjonali kompetenti tqis li mart RH ma kinitx stabbilixxiet li hija personalment kellha riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex tieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ żewġha.
26. Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, permezz tal-ġurisprudenza żviluppata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għal kull applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin Spanjol, li qatt ma għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment.
27. Skont dawn l-istess indikazzjonijiet, għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom l-obbligu li japplikaw bl-istess mod ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Digriet Irjali Nru 240/2007, li skontu l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li, minħabba li għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, jew tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Spanjol li, minħabba li qatt ma għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment, huwa eskluż, min-naħa tiegħu, mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
28. Għalhekk, jista’ jidher xieraq u utli li jitfakkru l-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet sabiex tevalwa l-kundizzjoni ta’ riżorsi stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.
29. Madankollu, ma naħsibx li dan il-pass huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li d-dritt Spanjol jagħmel “riferiment dirett u inkundizzjonat” għall-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 u, għalhekk, li jagħmel vinkolanti l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-direttiva sabiex tinqata’ l-kawża prinċipali mill-qorti tar-rinviju.
30. Infakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att, tiġi ġġustifikata “meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat” sabiex jiġi żgurat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għal dawk irregolati mid-dritt tal-Unjoni (8).
31. Għaldaqstant, f’dan il-każ, naħseb li l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonfermat li d-dispożizzjonijiet iċċitati tad-dritt tal-Unjoni saru applikabbli direttament u b’mod inkundizzjonat mid-dritt Spanjol, b’tali mod li jiġi żgurat li s-sitwazzjonijiet interni u dawk irregolati mid-dritt tal-Unjoni huma suġġetti għall-istess regola.
32. Fil-fatt, ninnota li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Spanjol, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu, ma indikaw lill-Qorti tal-Ġustizzja xi dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Spanjol li jagħmlu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 applikabbli direttament u b’mod inkundizzjonat għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva mil-leġiżlatur tal-Unjoni, minħabba li tikkonċerna lil membru tal-familja ta’ ċittadin Spanjol li qatt ma għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment.
33. Ċertament, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li tikkostitwixxi l-“prassi nazzjonali Spanjola li għandna nibbażaw ruħna fuqha” u li, barra minn hekk, ġiet adottata fl-Orden PRE/1490/2012, por la que se dictan normas para la aplicación del artículo 7 del Real Decreto 240/2007, de 16 de febrero, sobre entrada, libre circulación y residencia en España de ciudadanos de los Estados miembros de la Unión Europea y de otros Estados parte en el Acuerdo sobre el Espacio Económico Europeo (id-Digriet Ministerjali PRE/1490/2012, li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali Nru 240/2007, tas‑16 ta’ Frar 2007, dwar id-dħul, il-libertà ta’ moviment u r-residenza fi Spanja ta’ ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ta’ Stati oħra li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea) (9), tad‑9 ta’ Lulju 2012. Il-Gvern Spanjol jagħmel riferiment ukoll għall-ġurisprudenza rilevanti tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li kkunsidrat leġittimu li tintuża d-Direttiva 2004/38, permezz ta’ traspożizzjoni b’analoġija, sa fejn din kienet tikkostitwixxi l-istrument leġiżlattiv Ewropew li, fir-rigward tal-iskop u tal-kontenut tiegħu, kien l-iktar viċin tas-sitwazzjoni quddiemha.
34. Issa, fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li regola stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), minkejja li din hija qorti suprema, u li hija intiża għal applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex ekwivalenti għal att leġiżlattiv li permezz tiegħu l-leġiżlatur nazzjonali jindika preċiżament li għandu l-intenzjoni li jagħmel riferiment għall-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif mitlub mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
35. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, a priori, sabiex tinterpreta l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
36. Għalhekk, huwa sussidjarjament u fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata, wara l-verifiki mwettqa, li d-dritt nazzjonali jagħmel riferiment dirett u inkundizzjonat għall-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 sabiex tiġi eżaminata applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja bħal dik inkwistjoni, li ser infakkar il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.
B. Sussidjarjament, prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38
37. Infakkar li l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 jippermetti li l-Istat Membru ospitanti li jirċievi applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jitlob il-prova li dan iċ-ċittadin għandu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi suffiċjenti sabiex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ dan l-Istat matul il-perijodu tiegħu ta’ residenza.
38. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-legalità tar-rifjut tal-permess ta’ residenza fil-konfront ta’ RH, fid-dawl tal-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti ħadet esklużivament inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Digriet Irjali Nru 240/2007, ir-riżorsi personali taċ-ċittadina tal-Unjoni, filwaqt li eskludiet ir-riżorsi finanzjarji li ġejjin mingħand missierha (10).
39. Id-dubji mqajma mill-qorti tar-rinviju jistgħu jiġu ċċarati faċilment fid-dawl tal-ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (11).
40. Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, sa fejn l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola ġenerali, id-dispożizzjonijiet li jippermettu limitazzjonijiet għaliha għandhom jiġu interpretati strettament. Jekk l-Istat Membru ospitanti jkollu marġni ta’ manuvra, dan ma għandux jużah b’mod li jippreġudika l-għan tad-Direttiva 2004/38, li huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja, u li jippreġudika l-effettività tagħha (12).
41. Sussegwentement, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari (13), li “d-dritt tal-Unjoni ma fih l-ebda rekwiżit dwar l-oriġini tagħhom” (14). Konsegwentement, din tikkunsidra li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti hija ssodisfatta mhux biss meta r-riżorsi finanzjarji jkunu żgurati minn membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, iżda wkoll meta dawn ikunu ġejjin minn xi mkien ieħor, inkluż minn persuna li ma hijiex marbuta mal-benefiċjarju b’rabta ġuridika li torbtu jipprovdi għall-bżonnijiet tagħha (15).
42. Finalment, hekk kif fakkret reċentement fis-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, X (Residenti għal perijodu twil – Riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti) (16), il-Qorti tal-Ġustizzja tqis “li interpretazzjoni tal-kundizzjoni rigward in-natura suffiċjenti tar-riżorsi prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 fis-sens li l-persuna kkonċernata għandu jkollha hija nnifisha tali riżorsi, mingħajr ma tkun tista’ tistrieħ, f’dan ir-rigward, fuq ir-riżorsi ta’ membru tal-familja li jakkumpanjah, iżżid ma’ din il-kundizzjoni, kif ifformulata fid-Direttiva 2004/38, rekwiżit marbut mal-oriġini tar-riżorsi, li jkun jikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu u ta’ residenza ggarantit fl-Artikolu 21 TFUE, fis-sens li ma huwiex neċessarju għat-twettiq tal-għan segwit permezz tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri” (17). Dan ir-raġunament huwa applikabbli, b’analoġija, fil-kuntest tal-Artikolu 20 TFUE.
43. Ladarba ġiet ippreżentata din l-informazzjoni, ifformulata sussidjarjament, għandhom jiġu eżaminati d-domandi preliminari.
C. Eżami tad-domandi preliminari
44. Iż-żewġ domandi li l-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, ta’ dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 TFUE li jista’ jiġi invokat minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li qatt ma għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment.
45. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, qabel kollox, it-tieni domanda. Fil-fatt, jekk nikkunsidraw l-eżami klassiku ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, din id-domanda tindirizza aspett tal-proċedura li jiġi qabel l-eżami tal-kundizzjonijiet tal-mertu meħtieġa skont l-Artikolu 20 TFUE (l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza), li l-qorti tar-rinviju teżamina iktar fl-ewwel domanda tagħha.
1. Fuq it-tieni domanda preliminari
46. Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 20 TFUE jipprekludix prassi nazzjonali li skontha d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġi rrifjutat b’mod awtomatiku għall-unika raġuni li dan tal-aħħar ma jissodisfax il-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
47. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda toħroġ kjarament mis-sentenza K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), li l-qorti tar-rinviju inċidentalment ħadet ħsieb li ssemmi espressament fid-domanda tagħha.
48. F’din il-kawża, huwa stabbilit li s-sitwazzjoni ta’ RH u ta’ martu hija rregolata minn leġiżlazzjoni li taqa’, a priori, taħt il-kompetenza tar-Renju ta’ Spanja, jiġifieri dik li tirrigwarda d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni.
49. Madankollu, bħala ċittadina ta’ Stat Membru, mart RH tgawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 20(1) TFUE u għalhekk tista’ tinvoka, inkluż fil-konfront tal-Istat Membru li tiegħu hija għandha n-nazzjonalità, drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus, inkluż id-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri (18).
50. Huwa fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprekludi kull miżura nazzjonali, inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw id-dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandhom l-effett li jippreġudikaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ dan iċ-ċittadin (19) u li jċaħħdu lil dan tal-aħħar, skont il-formula użata mill-Qorti tal-Ġustizzja, “mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu” (20).
51. Għalhekk, sabiex nirriproduċi l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, “jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jkunx applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, dan iċ-ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus” (21).
52. Hija din ir-rabta intrinsika mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, li jgawdi minnha ċ-ċittadin tal-Unjoni, li tiġġustifika li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ppreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja tiegħu, ma tistax tiġi rrifjutata b’mod awtomatiku, esklużivament fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni, li jistabbilixxu kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi. Dan ir-rifjut għandu jirriżulta biss, jekk ikun il-każ, minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti kollha ta’ dan il-każ (22).
53. Din l-evalwazzjoni konkreta għandha tippermetti li tiġi evalwata r-relazzjoni ta’ dipendenza li teżisti bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni.
54. Fil-fatt, infakkar li r-raġunijiet marbuta mat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mit-territorju tagħha, minħabba r-rifjut tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ppreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, huma partikolarment iddelimitati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
55. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar tqis li “[r]-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jqiegħed inkwistjoni l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, meqjus kollu kemm hu” (23).
56. Is-sitwazzjonijiet tassew partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għalihom huma sitwazzjonijiet li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkollux għażliet oħrajn ħlief li jsegwi lill-persuna kkonċernata li tkun ġiet irrifjutata d-dritt ta’ residenza, għax ikun fil-kustodja tagħha u għalhekk jiddependi għalkollox minnha, sabiex tiżguralu l-għajxien tiegħu u tieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu.
57. Qabel kollox, dawn is-sitwazzjonijiet jikkonċernaw lil ġenituri, ċittadini ta’ pajjiż terz, li jkollhom fil-kustodja tagħhom wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, jew li jkollhom il-kustodja legali, finanzjarja jew affettiva ta’ dan tal-aħħar. Dan kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (24).
58. Sitwazzjonijiet bħal dawn rari jikkonċernaw lil adulti, ċittadini ta’ pajjiż terz, li għandhom relazzjoni familjari ma’ adult ieħor, ċittadin tal-Unjoni.
59. Fis-sentenza K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi distinzjoni ċara skont jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni huwiex minuri (25) jew maġġuri.
60. B’hekk, din tinnota li “b’differenza mill-minorenni u, a fortiori jekk dawn huma tfal ta’ età żgħira […], adult huwa, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li jkollu eżistenza indipendenti mill-membri tal-familja tiegħu” (26). Hija żżid li relazzjoni ta’ dipendenza bejn żewġ adulti, membri tal-istess familja, ma hijiex prevista ħlief “f’każijiet eċċezzjonali, li fihom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, il-persuna kkonċernata ma tkunx tista’, bl-ebda mod, tiġi sseparata mill-membru tal-familja tagħha li minnha tiddependi” (27).
61. F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ppreżentata minn RH għall-unika raġuni li martu ma kellhiex ir-riżorsi meħtieġa mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Digriet Irjali Nru 240/2007, mingħajr ma eżaminat jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari kollha ta’ dan il-każ, kinitx teżisti, bejn dawn tal-aħħar, relazzjoni ta’ dipendenza li tiġġustifika l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tal-Artikolu 20 TFUE.
62. Fir-rigward tal-iżviluppi preċedenti u fir-rigward tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi manifestament tali prassi.
63. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla‑La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑La Mancha) tenfasizza, barra minn hekk, li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma kellhiex il-possibbiltà li tkun parti minn dawn iċ-ċirkustanzi partikolari u, għalhekk, li tafferma l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, li jidher li qiegħda tirrifjuta l-amministrazzjoni Spanjola.
64. Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk, u sa fejn, il-leġiżlazzjoni Spanjola tippermettix lill-persuni kkonċernati jipprovdu lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-elementi kollha rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ relazzjoni eventwali ta’ dipendenza. Min-naħa l-oħra, jidhirli utli li l-qorti tar-rinviju titfakkar dwar il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fir-rigward tal-modalitajiet proċedurali dwar il-prova ta’ relazzjoni ta’ dipendenza li tista’ tkun ibbażata fuq dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE.
65. Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li, bħala prinċipju, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz li għandu l-għan li jikseb ir-rikonoxximent ta’ tali dritt ta’ residenza, hija xorta timponi żewġ obbligi fuq l-Istati Membri. L-ewwel nett, dawn tal-aħħar għandhom jadottaw modalitajiet proċedurali rigward l-oneru tal-prova, li ma jikkompromettux l-effettività tal-Artikolu 20 TFUE (28). It-tieni nett, l-Istati Membri għandhom iwettqu, fuq il-bażi tal-elementi pprovduti miċ-ċittadin tal-pajjiż terz, ir-riċerki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix jew le relazzjoni ta’ dipendenza, bejn dan iċ-ċittadin u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, li ġġiegħel lil dan tal-aħħar jitlaq mit-territorju tal-Unjoni (29).
66. Fir-rigward ta’ dawn l-elementi kollha, naħseb li, konsegwentement, l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi prassi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġi rrifjutat b’mod awtomatiku għall-unika raġuni li dan tal-aħħar ma jissodisfax il-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti kollha ta’ dan il-każ, b’tali mod li jiġi ddeterminat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-persuni kkonċernati li tiġġustifika l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjoni.
2. Fuq l-ewwel domanda preliminari
67. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fejn id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni ġie rrifjutat, huwiex rilevanti li tittieħed inkunsiderazzjoni leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi r-residenza komuni tal-konjuġi, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn dawn tal-aħħar u, jekk ikun il-każ, sabiex jingħata dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tal-Artikolu 20 TFUE.
68. Kif diġà nnotajt (30), il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li relazzjoni ta’ dipendenza bejn żewġ adulti, membri tal-istess familja, ma hijiex prevista ħlief “f’każijiet eċċezzjonali, li fihom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, il-persuna kkonċernata ma tkunx tista’, bl-ebda mod, tiġi sseparata mill-membru tal-familja tagħha li minnha tiddependi” (31). Fil-fatt, din tqis li “b’differenza mill-minorenni u, a fortiori jekk dawn huma tfal ta’ età żgħira […], adult huwa, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li jkollu eżistenza indipendenti mill-membri tal-familja tiegħu” (32). Għalhekk, sabiex ikollu dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tal-Artikolu 20 TFUE, huwa neċessarju li jintwera li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkollux għażliet oħrajn ħlief li jsegwi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ġie rrifjutat d-dritt ta’ residenza, għax ikun fil-kustodja tiegħu, minħabba mard serju jew invalidità, pereżempju, u/jew għaliex jiddependi għalkollox minnu, sabiex jiżguralu l-għajxien tiegħu u jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu.
69. Madankollu, il-kawża prinċipali ma taqax f’dan il-kuntest.
70. Kif ġie nnotat mill-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm xejn li jippermetti li jitqies li teżisti relazzjoni ta’ dipendenza, bejn RH u martu, li tiġġustifika li għandu jingħata, fuq il-bażi tal-Artikolu 20 TFUE, dritt ta’ residenza dderivat liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.
71. Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-informazzjoni kkomunikata mill-qorti tar-rinviju, RH ma jeżerċita l-ebda responsabbiltà finanzjarja, fil-konfront ta’ martu, ċittadina tal-Unjoni. Fir-realtà, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-koppja hija sostnuta finanzjarjament minn missier iċ-ċittadina tal-Unjoni.
72. Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ rabta familjari, kemm jekk tkun ta’ natura bijoloġika jew ġuridika, ma tippermettix, minnha nnifisha, li tiġġustifika rabta ta’ dipendenza fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE (33). Għalhekk, is-sempliċi rabta ta’ żwieġ li tgħaqqad, f’dan il-każ, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u liċ-ċittadina tal-Unjoni, ma hijiex suffiċjenti sabiex turi li din tal-aħħar fl-ebda mument ma tista’ tkun separata minn żewġha u, finalment, ma jkollhiex għażliet oħrajn ħlief li titlaq mill-Unjoni sabiex issegwih, jekk jiġi rrifjutat dritt ta’ residenza. Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ koabitazzjoni msemmi fl-Artikolu 68 tal-Kodiċi Ċivili, inqis li lanqas dan ma jikkostitwixxi ċirkustanza ta’ natura li toħloq relazzjoni ta’ dipendenza, minħabba li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni ma ċċaħħadx lill-konjuġi milli jgħixu separatament, b’tali mod li dawn tal-aħħar jistgħu jgħixu fi Stati differenti.
73. Ċertament, ma huwiex eskluż li ċ-ċittadina tal-Unjoni tagħżel li ssegwi lil żewġha fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu sabiex iżżomm l-unità tal-ħajja tal-familja tagħhom. Jekk dan ikun il-każ, inqis li d-deċiżjoni tat-tluq mit-territorju tal-Unjoni tittieħed b’mod liberu minn din tal-aħħar, għal raġuni marbuta maż-żamma tal-ħajja tal-familja, li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija insuffiċjenti għall-finijiet ta’ stabbiliment ta’ relazzjoni ta’ dipendenza (34).
74. Sa fejn RH ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ta’ dawk previsti fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, u lanqas ma jidher f’pożizzjoni li jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat ibbażat direttament fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 TFUE, minħabba li ma teżistix, a priori, relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadina tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, b’tali mod li din tal-aħħar tiġi mġiegħla titlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat kollu kemm hu, sabiex takkumpanjah, is-sitwazzjoni tiegħu hija rregolata minn dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istat Membru kkonċernat.
V. Konklużjoni
75. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla‑La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑La Mancha, Spanja) kif ġej:
L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– jipprekludi prassi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġi rrifjutat b’mod awtomatiku għall-unika raġuni li dan tal-aħħar ma jissodisfax il-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti kollha ta’ dan il-każ, b’tali mod li jiġi ddeterminat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-persuni kkonċernati li tiġġustifika l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjoni;
– l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għalkemm titlob il-koabitazzjoni tal-konjuġi, ma ċċaħħadx lil dawn tal-aħħar milli jgħixu separatament, ma hijiex ċirkustanza ta’ natura li toħloq tali relazzjoni ta’ dipendenza.