Language of document : ECLI:EU:F:2009:128

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2009

Kawżi magħquda F-69/07 u F-60/08

O

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Stabbiltà tal-impjieg – Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Riżerva medika – Artikolu 39 KE − Moviment liberu tal-ħaddiema”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu O titlob l-annullament, fil-Kawża F‑69/07, tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħha bħala membru tal-persunal awżiljarju, sa fejn jinkludu riżerva medika, kif prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej u sa fejn jillimitaw it-tul tal-kuntratt tagħha sal-15 ta’ Settembru 2009; fil-Kawża F-60/08, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Settembru 2007, li tiġi applikata r-riżerva medika prevista fl-Artikolu 100 imsemmi iktar ’il fuq.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2006 hija annullata sa fejn timponi riżerva medika fir-rigward tar-rikorrenti. Il-kumplament tar-rikors F‑69/07, O vs Il-Kummissjoni, huwa miċħud bħala infondat. Ir-rikors F‑60/08, O vs Il-Kummissjoni, huwa miċħud bħala inammissibbli. Fil-Kawża F‑69/07, il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati nofs l-ispejjeż tagħha fil-Kawża F‑69/07, kif ukoll l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni fil-Kawża F‑60/08. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu fiż-żewġ kawżi.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors ġudizzjarju – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Ilment intempestiv – Ilment ippreżentat qabel it-tmiem tal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2); Kondizzjonijiet tal-Impjieg, Artikolu 100)

2.      Uffiċjali – Rikorsi – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Kwalifika li taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-qorti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Rikors għal annullament – Rikors intiż kontra deċiżjoni li sempliċement tikkonferma deċiżjoni preċedenti – Talbiet ippreżentati fl-istess rikors kemm kontra deċiżjoni kkonfermata kif ukoll kontra deċiżjoni konfermatorja– Ammissibbiltà f’ċerti ċirkustanzi

(ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE)

4.      Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Direttiva 1999/70 – Stabbiltà tal-impjieg

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness)

5.      Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi – Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg, Artikoli 3b u 88; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 5, punt 1)

6.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25)

7.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Pensjoni ta’ invalidità – Perijodu ta’ esklużjoni fakultattiv ipprovdut mill-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg

(Artikolu 39 KE; Kondizzjonijiet tal-Impjieg, Artikolu 100)

8.      Rikors għal annullament – Motivi – Motiv imqajjem ex officio mill-qorti

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg, Artikolu 100)

1.      Ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u r-rikors sussegwenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistgħux jitqiesu intempestivi abbażi tal-fatt li dan l-ilment tressaq qabel it-tmiem tal-proċedura prevista fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, bħal kull kumitat mediku, il-Kumitat ta’ Invalidità previst fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa biss kompetenti li jagħti opinjoni dwar l-elementi rilevanti li jirriżultaw minn evalwazzjoni ta’ natura medika, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe evalwazzjoni legali. Għaldaqstant, l-appell quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jista’ biss ikollu bħala suġġett kontestazzjoni ta’ natura medika u membru tal-persunal ma jistax jiġi mġiegħel jeżawrixxi din il-proċedura jekk il-kritika tiegħu ma hijiex ta’ natura medika.

(ara l-punti 37, 38 u 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Jannar 1987, Rienzi vs Il-Kummissjoni, 76/84, Ġabra p. 315, punti 9 sa 12; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 1997, S vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑4/96, Ġabra p. II‑1125, punti 41 u 59

2.      Att li jikkawża preġudizzju jista’ jkun suġġett ta’ lment wieħed biss, li jitressaq kontrih mill-uffiċjal ikkonċernat. Meta żewġ ilmenti jkollhom l-istess suġġett, huwa biss wieħed fosthom, jiġifieri dak li tressaq l-ewwel, li jikkostitwixxi lment skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li l-ieħor, li jitressaq sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat bħala sempliċement att li jsostni l-ewwel wieħed u ma jistax ikollu l-effett li jipproroga l-proċedura. Id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dan l-allegat tieni lment hija, għaldaqstant, sempliċement konfermatorja u għalhekk ma tistax tiġi kkontestata.

(ara l-punti 45 u 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Ġunju 1991, Weyrich vs Il-Kummissjoni, T‑14/91, Ġabra p. II‑235, punt 41; 25 ta’ Frar 1992, Torre vs Il-Kummissjoni, T‑67/91, Ġabra. p. II‑261, punt  2; 11 ta’ Diċembru 2007, Sack vs Il-Kummissjoni, T‑66/05, ĠabraSP p. I-A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punti 37 u 41

3.      Il-ġurisprudenza li tipprovdi li rikors għal annullament intiż kontra deċiżjoni konfermatorja huwa inammissibbli biss jekk id-deċiżjoni kkonfermata tkun saret definittiva fir-rigward tal-parti kkonċernata, mingħajr ma jkun sar rikors kontenzjuż fit-terminu previst, filwaqt li, fil-każ kuntrarju, ir-rikorrent jista’ jikkontesta kemm id-deċiżjoni kkonfermata, kemm id-deċiżjoni konfermatorja u kif ukoll it-tnejn li huma, ma tistax tapplika meta d-deċiżjoni kkonfermata u d-deċiżjoni konfermatorja jkunu kkontestati permezz ta’ żewġ rikorsi differenti u r-rikorrent ikun jista’ jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu u jsostni l-argumenti tiegħu fil-kuntest tal-ewwel waħda fosthom.

(ara l-punt 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2001, Métropole télévision‑M6 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/00, Ġabra p. II‑3177, punt 35

4.      Minkejja li skont il-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, dan tal-aħħar jinkludi “prinċipji ġenerali, ħtiġiet minimi u dispożizzjonijiet”, mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 u kif ukoll mit-tielet paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas, mill-punt 9 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali u mill-klawżoli 1 u 4 tiegħu, jirriżulta li l-prinċipji inkwistjoni huma l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju tal-projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt. Fir-rigward tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas, dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi intiżi sabiex jillimitaw l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal perijodu determinat, u sabiex b’dan il-mod jevitaw l-użu abbużiv ta’ dawn il-kuntratti u l-instabbiltà tal-istatus tal-benefiċjarji ta’ tali kuntratti. Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minima jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali Komunitarju li għandhom importanza partikolari iżda madankollu ma jistabbilixxux l-istabbiltà tal-impjieg bħala prinċipju ġenerali tad-dritt li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni. Fil-fatt, anki jekk l-istabbiltà tal-impjieg titqies bħala element importanti tal-protezzjoni tal-ħaddiema, mill-ftehim qafas ma jirriżultax li din ġiet stabbilita bħala dispożizzjoni legali vinkolanti. Barra minn hekk, il-ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali li, wara numru ta’ tiġdid ta’ kuntratti għal perijodu determinat jew wara li jgħaddi ċertu perijodu ta’ xogħol, dawn il-kuntratti jsiru kuntratti għal perijodu indeterminat. Għalhekk, filwaqt li l-istabbiltà tal-impjieg ma tistax tiġi kkunsidrata bħala prinċipju ġenerali, min-naħa l-oħra, din tikkostitwixxi għan mixtieq mill-partijiet kontraenti tal-ftehim qafas, li l-klawżola 1(b) tiegħu tipprovdi li dan għandu bħala għan “li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss”.

(ara l-punti 74 sa 76)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 64; 4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punti 63 u 91; 7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punt 47; 13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, Ġabra p. I‑7109, punt 27; 15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 87; 23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punti 73, 105 u 183; 24 ta’ April 2009, Koukou, C‑519/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 53 u 85; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il-Parlament, F‑65/07, ĠabraSP p. I-A-1-0000 u II‑A‑1‑0000, punti 114 u 115

5.      Fid-dawl tal-karatteristiċi inerenti għall-attivitajiet li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-Artikolu 88 tal-imsemmija Kundizzjonijiet tal-impjieg ma jippreġudikax l-għanijiet tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, inkluż f’anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, u r-rekwiżiti minimi tal-klawżola 5 tiegħu. Fil-fatt, il-klawżola 5(1) tal-imsemmi ftehim qafas tipprovdi biss li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jintroduċu fis-sistema legali tagħhom miżura waħda jew iktar minn dawk elenkati fis-subparagrafi (a) sa (ċ), li jinkludu, fil-paragrafu (a), ir-“raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet”. Issa, kull impjieg ta’ aġent bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji għandu, skont l-Artikolu 3b imsemmi iktar ’il fuq, jissodisfa b’mod konkret il-bżonnijiet temporanji jew intermettenti. Barra minn hekk, f’amministrazzjoni b’persunal kbir bħal dak tal-Kummissjoni, huwa inevitabbli li tali bżonnijiet jirrepetu ruħhom minħabba, b’mod partikolari, l-indisponibbiltà tal-uffiċjali, iż-żieda tax-xogħol dovuta għaċ-ċirkustanzi jew in-neċessità, għal kull Direttorat Ġenerali, li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu persuni li għandhom kwalifiki speċifiċi jew għarfien speċifiku, u dawn iċ-ċirkustanzi kollha jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw kemm il-perijodu determinat tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji u kif ukoll l-estensjoni ta’ tali kuntratti meta jkun hemm il-bżonn.

(ara l-punt 77)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, F‑134/07 u F‑8/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 119 sa 136

6.      Il-motivazzjoni, mingħajr ma għandha tkun eżawrjenti, għandha tippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u tipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex tabilħaqq fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni. L-istituzzjonijiet lanqas ma huma marbuta jiddiskutu l-punti kollha ta’ fatt jew ta’ dritt li jkunu ġew invokati, b’mod partikolari jekk dawn ikunu ġew invokati b’mod superfiċjali, matul il-proċedura amministrattiva.

(ara l-punt 90)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T‑372/00, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑223, punt 49; 17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑406/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑213 u II‑A‑2‑1097, punt 67

7.      L-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi l-possibbiltà għall-Awtorità tal-kuntratti li tagħmel riżerva medika, fl-affiljazzjoni tal-membru tal-persunal mas-sistema tas-sigurtà soċjali Komunitarja, fil-każ fejn l-eżistenza ta’ mard jew ta’ invalidità ta’ dan tal-aħħar ikunu rrilevati matul l-eżami mediku tar-reklutaġġ. Il-perijodu ta’ esklużjoni tal-assigurazzjoni fil-qasam ta’ invalidità jew ta’ mewt, relatata ma’ dan il-mard jew ma’ din l-invalidità, huwa ta’ ħames snin.

Din id-dispożizzjoni hija ta’ natura li tipproduċi tali effett dissważiv fir-rigward tal-persuna li, wara li tkun telqet mill-Istat ta’ oriġini tagħha, fejn wettqet parti mill-karriera tagħha, sabiex tokkupa kariga fi ħdan istituzzjoni Komunitarja, issib ruħha, minħabba l-bdil obbligatarju skont ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal awżiljarju f’kuntratt bħala membru tal-persunal kuntrattwali u minħabba l-bdil sussegwenti tas-sistema ta’ sigurtà soċjali applikabbli, jew f’sitwazzjoni fejn kellha ssofri telf tal-vantaġġ tal-benefiċċji ta’ invalidità li kienet tiggarantilha l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti preċedentement applikabbli, mingħajr madankollu ma tikseb dritt għal benefiċċji Komunitarji li jista’ jkollha dritt għalihom jekk ittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni li hija kienet wettqet taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti u mal-istess persuna li tħaddem, jew li tkun imġiegħla, fi tmiem il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal awżiljarju, li tirrinunzja l-attività ta’ xogħol tagħha mal-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata, li sabiex teżerċitaha kienet speċifikament telqet mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

F’tali każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għalhekk tostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 39 KE, mingħajr ma jintwera li dan l-ostakolu huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali, li huwa xieraq sabiex jiżgura li jintlaħaq dan l-għan u li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.

Isegwi li l-Awtorità tal-kuntratti, meta jkollha tiddeċiedi dwar sitwazzjoni ta’ persuna li tinsab f’tali każ bħal każ inkwistjoni, ma għandhiex tirrikorri għall-fakultà prevista fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg sabiex ma ċċaħħadx l-imsemmija persuna mill-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li kienet tkun intitolata għalihom kieku baqgħet affiljata taħt il-leġiżlazzjonijiet tal-Istat tal-oriġini tagħha jew tal-Istat Membru ospitanti.

(ara l-punti 112, 131, 136 u 138 sa 140)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punti 36 sa 42, 48, 52 u 55

8.      Il-limitazzjoni tas-setgħa tal-qorti Komunitarja li tqajjem motiv ex officio hija l-konsegwenza tal-obbligu tagħha li żżomm mas-suġġett tal-kawża u li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-fatti li ġew ippreżentati quddiemha. Din il-limitazzjoni hija ġġustifikata bil-prinċipju li jipprovdi li l-inizjattiva proċesswali tappartjeni lill-partijiet b’mod li l-qorti taġixxi ex officio f’każijiet eċċezzjonali biss, fl-interess pubbliku.

Billi tippreċiża l-kuntest ġuridiku li fih għandha tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt derivat, il-qorti Komunitarja ma tiddeċidiex fuq il-legalità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl ta’ regoli tad-dritt supremi, inklużi dawk tat-Trattat, iżda tfittex li tinterpreta d-dispożizzjoni inkwistjoni b’mod li l-applikazzjoni tagħha tkun l-iktar konformi possibbli mal-kuntest ġuridiku li tagħmel parti minnu.

Isegwi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi interpreta l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-moviment liberu tal-ħaddiema, stipulat fl-Artikolu 39 KE, ma marx lil hinn mil-limiti tal-kawża kif ċirkoskritti mir-rikorrenti u ma bbażax ruħu fuq fatti jew ċirkustanzi differenti minn dawk li fuqhom ibbażat ir-rikors tagħha r-rikorrenti.

(ara l-punti 143 u 144)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punti 34 sa 36