Rikors ippreżentat fis-6 ta' Jannar 2012 - Provincia Groningen et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-15/12)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Provincie Groningen (Groningen, il-Pajjiżi l-Baxxi); Provincie Friesland (Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi); Provincie Drenthe (Assen, il-Pajjiżi l-Baxxi); Provincie Overijssel (Zwolle, il-Pajjiżi l-Baxxi); Provincie Gelderland (Arnhem, il-Pajjiżi l-Baxxi); Provincie Flevoland (Lelystad, il-Pajjiżi l-Baxxi); Provincie Utrecht (Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi); Provincie Noord-Holland, (Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi); Provincie Zuid-Holland ('s-Gravenhage, il-Pajjiżi l-Baxxi); Provincie Zeeland (Middelburg, il-Pajjiżi l-Baxxi); Provincie Noord-Brabant ('s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi); u Provincie Limburg (Maastricht, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: P. Kuypers u N. van Nuland)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitlobu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2011 mogħtija fil-Każ N308/2010 jew minn tal-inqas, sussidjarjament, tannullaha sa fejn l-organizzazzjonijiet ta' protezzjoni tan-natura huma benefiċjarji tal-iskema tas-sussidji jew minn tal-inqas, sussidjarjament, tannullaha sa fejn l-organizzazzjonijiet ta' amministrazzjoni tal-artijiet huma benefiċjarji tal-iskema tas-sussidji;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
L-ewwel motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE u fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
Fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-protezzjoni tan-natura hija servizz ta' interess ġenerali skont l-Artikolu 2 tal-protokoll Nru°26 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali. Għalhekk, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma huwiex applikabbli;
L-amministraturi tal-ambjent, l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tan-natura, jew minn tal-inqas l-organizzazzjonijiet ta' ġestjoni tal-artijiet huma b'mod żbaljat deskritti bħala impriżi skont l-Artikolu 107(1) TFUE.
Meta jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet li huma konnessi magħha, l-iskema ta' sussidji ma tirriżultax f'vantaġġ ekonomiku, skont l-Artikolu 107 TFUE, għall-benefiċjarji.
Il-Kummissjoni applikat bi żball ir-raba' kundizzjoni, li hija msemmija fis-sentenza tal-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra 2003 p. I-7747).
L-iskema ta' sussidju ma hijiex suxxettibbli li jkollha effett sfavorevoli fuq il-kummerċ interstatali.
2. It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296(2) TFUE.
____________