Language of document : ECLI:EU:C:2019:864

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis-16 ta’ Ottubru 2019 (1)

Kawża C371/18

Sky plc,

Sky International AG,

Sky UK Limited

vs

SkyKick UK Limited,

SkyKick Inc

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (Chancery Division), (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales) Sezzjoni tal-Ekwità, ir-Renju Unit)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri – Trade marks inkwistjoni – Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom intalbet il-protezzjoni ta’ trade mark – Rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Mala fide – Mala fide minħabba l-assenza tal-intenzjoni li t-trade mark tintuża għall-prodotti jew għas-servizzi indikati – Interpretazzjoni tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361)”






1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-High Court of Justice (England and Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit), iqajjem ċerti punti importanti tal-liġi Ewropea dwar it-trade marks inkwistjoni. Dan huwa rifless ukoll fis-sentenza tal-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali tas-6 ta’ Frar 2018 ([2018] EWHC 155 (Ch), Arnold J), li ngħatat wara smigħ ta’ ħamest ijiem u li fiha 94 paġna (358 paragrafu) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża prinċipali”).

2.        Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem, flimkien, “Sky”, li huma essenzjalment xandara bis-satellita u bit-televiżjoni diġitali) isostnu li l-konvenuti (iktar ’il quddiem, flimkien, “SkyKick”, fejn SkyKick Inc hija kumpannija li għadha kemm bdiet topera (start-up) li tipprovdi servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jinvolvu l-migrazzjoni ta’ data fuq servers remoti (2)) kisru erba’ trade marks inkwistjoni tal-Unjoni Ewropea, proprjetà tat-tieni rikorrenti (iktar ’il quddiem “Sky AG”) u trade mark tar-Renju Unit, proprjetà tal-ewwel rikorrenti (iktar ’il quddiem “Sky plc”), li fihom il-kelma SKY (iktar ’il quddiem it-“trade marks inkwistjoni”), bl-użu tas-sinjal “SkyKick” u varjanti tiegħu.

3.        Il-każ huwa pjuttost kumpless, iżda essenzjalment, SkyKick jiċħdu l-ksur, u jagħmlu kontrotalba sabiex issir dikjarazzjoni li t-trade marks inkwistjoni kienu għalkollox jew parzjalment irreġistrati b’mod invalidu, minħabba li: (i) l-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi huma neqsin miċ-ċarezza u mill-preċiżjoni u (ii) l-applikazzjonijiet saru b’mala fide.

4.        Il-każ huwa sinjifikattiv għaliex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tittratta kwistjonijiet marbuta ma’ għadd ta’ nuqqasijiet li rriżultaw fis-sistema tat-trade marks tal-Unjoni. Kif tindika SkyKick, il-ħames domandi tal-qorti tar-rinviju kollha jikkonċernaw wieħed mill-aspetti l-iktar problematiċi ta’ trade mark — ir-rwol u l-funzjoni tal-hekk imsejħa “speċifikazzjoni” ta’ prodotti jew servizzi. Ħafna mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-trade marks kienet tikkonċerna s-sinjal irreġistrat bħala trade mark. Il-liġi hija issa relattivament stabbilita sew f’dan il-qasam. Madankollu, għad baqa’ lakuni u inkoerenzi fil-liġi rigward tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodotti u ta’ servizzi. L-Unjoni tagħti protezzjoni lil trade mark skont prinċipju ta’ speċjalità (3), jiġifieri fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi speċifiċi li n-natura u l-għadd tagħhom jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark b’rabta mas-sinjal.

5.        Il-qorti tar-rinviju tinsisti li l-problema hija partikolarment li SkyKick ma jidhirx li għandhom difiża kontra l-pretensjonijiet ta’ Sky għal ksur ta’ trade mark skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli dwar it-trade mark. Dan iqajjem il-kwistjoni ta’ jekk wasalniex f’punt fil-leġiżlazzjoni dwar it-trade marks li tagħti lill-proprjetarju ta’ trade mark monopolju assolut li kontrih wieħed ma jistax jiddefendi ruħu iktar fi proċedura ta’ ksur — u dan minkejja l-fatt li t-trade mark ma kinitx użata, u li mhux probabbli li tintuża, għal ħafna mill-prodotti u servizzi li din ġiet irreġistrata fir-rigward tagħhom. Għaldaqstant, dan il-każ juri t-tensjoni li teżisti llum bejn l-interessi differenti, li jeħtieġ li jkunu bbilanċjati.

I.      Il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula

6.        It-trade marks inkwistjoni ta’ Sky huma: (i) it-trade mark figurattiva Nru 3 166 352, ippreżentata fl-14 ta’ April 2003 u rreġistrata fit-12 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem “EU352”) fir-rigward ta’ prodotti u servizzi fil-Klassijiet 9, 16, 18, 25, 28, 35, 38, 41 u 42; (ii) it-trade mark figurattiva Nru 3 203 619 ippreżentata fit-30 ta’ April 2003 u rreġistrata fis-6 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem “EU619”) fir-rigward ta’ prodotti u servizzi fil-Klassijiet 9, 16, 18, 25, 28, 35, 38, 41 u 42; (iii) it-trade mark verbali “SKY” Nru 5 298 112 ippreżentata fis-6 ta’ Settembru 2006 u rreġistrata fit-18 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem “EU112”) fir-rigward ta’ prodotti u servizzi fil-Klassijiet 9, 16, 28, 35, 37, 38, 41; (iv) it-trade mark verbali SKY Nru 6 870 992 ippreżentata fit-18 ta’ April 2008 u rreġistrata fit-8 ta’ Awwissu 2012 (iktar ’il quddiem “EU992”) fir-rigward ta’ prodotti u servizzi fil-Klassijiet 3, 4, 7, 9, 11, 12, 16, 17, 18, 25, 28 u 35 sa 45; u (v) it-trade mark verbali tar-Renju Unit “SKY” Nru 2 500 604, ippreżentata fl-20 ta’ Ottubru 2008 u rreġistrata fis-7 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem “UK604”) fir-rigward ta’ prodotti u servizzi fil-Klassijiet 3, 4, 7, 9, 11, 12, 16, 17, 18, 25, 28 u 35 sa 45.

7.        Sky ippreżentat rikors li fih tallega li SkyKick kienet kisret dawn it-trade marks. Għall-finijiet tal-pretensjonijiet tagħha dwar il-ksur, Sky tistrieħ fuq ir-reġistrazzjonijiet tat-trade marks inkwistjoni dwar il-prodotti u s-servizzi li ġejjin (għalkemm mhux kull trade mark hija rreġistrata għal dawn il-prodotti u servizzi kollha): (i) softwer tal-kompjuter (Klassi 9); (ii) softwer tal-kompjuter ipprovdut bl-internet (Klassi 9); (iii) softwer tal-kompjuter u apparat tat-telekomunikazzjoni li jagħmel possibbli l-konnessjoni ma’ databases u l-internet (Klassi 9); (iv) ħżin ta’ data (Klassi 9); (v) servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet (Klassi 38); (vi) servizzi ta’ posta elettronika (Klassi 38); (vii) servizzi ta’ portal tal-internet (Klassi 38); u (viii) servizzi tal-kompjuter għall-aċċess u l-irkupru ta’ informazzjoni/data permezz ta’ kompjuter jew netwerk ta’ kompjuters (Klassi 38).

8.        Sky għamlu użu estensiv mit-trade mark SKY fir-rigward ta’ firxa ta’ prodotti u servizzi, u b’mod partikolari prodotti u servizzi marbuta mal-oqsma ċentrali tan-negozju ta’ Sky, li huma (i) ix-xandir bit-televiżjoni, (ii) it-telefonija u (iii) il-provvista ta’ konnessjoni b’veloċità għolja (broadband). SkyKick jaċċettaw li, sa Novembru 2014, SKY kien sar isem magħruf estensivament fir-Renju Unit u fl-Irlanda fl-oqsma msemmija. Madankollu, Sky ma toffrix prodotti jew servizzi ta’ migrazzjoni ta’ posta elettronika jew ta’ ħażna ta’ prodotti jew servizzi permezz ta’ servers remoti, u lanqas ma hemm evidenza li biħsiebha tagħmel dan fil-futur immedjat.

9.        SkyKick jargumentaw li kull waħda mit-trade marks inkwistjoni għandha tkun iddikjarata (parzjalment) invalida, għar-raġuni li huma rreġistrati għal prodotti u servizzi li ma humiex speċifikati b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti.

10.      Il-qorti tar-rinviju ssostni li dan l-argument iqajjem żewġ kwistjonijiet. L-ewwel kwistjoni hija dwar jekk dik ir-raġuni ta’ invalidità tistax tkun invokata kontra trade mark irreġistrata.

11.      Is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, The Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361) stabbilixxiet (u l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 (4) issa jirrikjedi) li applikant għal trade mark għandu jispeċifika l-prodotti u s-servizzi li għalihom qiegħda tintalab reġistrazzjoni b’ċarezza u preċiżjoni biżżejjed li tippermetti li l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jiddeterminaw il-firxa ta’ protezzjoni mixtieqa mit-trade mark. Jekk l-applikant jonqos milli jagħmel dan, l-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tippermetti li l-applikazzjoni tgħaddi għar-reġistrazzjoni mingħajr ma tkun emendata l-ispeċifikazzjoni b’mod li ssir ċara u preċiża biżżejjed.

12.      Skont il-qorti tar-rinviju, mhux neċessarjament isegwi li, jekk l-applikant jonqos milli jagħmel dan u l-awtorità, waqt li tkun qiegħda teżamina l-applikazzjoni, tonqos milli tiżgura li l-applikant jirrettifika n-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, it-trade mark tista’ tkun iddikjarata invalida minħabba f’hekk wara r-reġistrazzjoni. Ir-raġunijiet għal invalidità elenkati fir-regolament ma jinkludu ebda rekwiżit espliċitu li l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni għandha tkun ċara u preċiża. Il-pożizzjoni hija essenzjalment l-istess fil-każ ta’ trade mark nazzjonali.

13.      It-tieni kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju hija jekk, f’każ li r-raġuni għall-invalidità tkun tista’ tiġi invokata, l-ispeċifikazzjonijiet ta’ kwalunke waħda mit-trade marks inkwistjoni ikunux oġġezzjonabbli.

14.      Il-qorti tar-rinviju tqis li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għal “softwer tal-kompjuter” hija wiesgħa wisq, mhux iġġustifikata u tmur kontra l-interess pubbliku. Madankollu, hija tiddikjara wkoll li ma jsegwix neċessarjament li dak it-terminu huwa nieqes miċ-ċarezza u mill-preċiżjoni. Tabilħaqq, prima facie jidher terminu li t-tifsira tiegħu hija raġonevolment ċara u preċiża. Għaldaqstant, huwa ċar u preċiż biżżejjed li jagħmilha possibbli li wieħed jiddeċiedi jekk il-prodotti ta’ SkyKick humiex identiċi għaliha. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ssibha diffiċli tifhem għalfejn ir-raġunament tal-Uffiċċji tat-Trade Marks li jiffurmaw in-Netwerk Ewropew tat-Trademarks u tad-Disinni (ETMDN), kif stabbilita fil-Komunikazzjoni Komuni tal-20 ta’ Novembru 2013, fir-rigward ta’ “magni” fil-Klassi 7, ma huwiex applikabbli bl-istess mod għal “softwer tal-kompjuter” (5).

15.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-validità tat-trade marks inkwistjoni, tistax tkun affettwata mill-mala fide tal-applikant fil-mument li jkun qiegħed japplika biex jirreġistra t-trade marks inkwistjoni.

16.      SkyKick isostnu fil-kawża prinċipali li t-trade marks inkwistjoni kienu rreġistrati b’mala fide għaliex Sky ma kellhomx l-intenzjoni li jużaw it-trade marks inkwistjoni b’rabta mal-prodotti u s-servizzi kollha speċifikati fl-ispeċifikazzjonijiet rispettivi. SkyKick jaċċettaw li Sky kellhom intenzjoni jużaw it-trade marks inkwistjoni b’konnessjoni ma’ xi wħud mill-prodotti u s-servizzi speċifikati. Madankollu, l-argument prinċipali ta’ SkyKick huwa li t-trade marks inkwistjoni huma invalidi fit-totalità tagħhom. Alternattivament, l-argument sussidjarju ta’ SkyKick huwa li t-trade marks inkwistjoni huma invalidi sa fejn l-ispeċifikazzjonijiet ikopru prodotti u servizzi li fir-rigward tagħhom Sky ma kellha ebda intenzjoni li tuża t-trade marks inkwistjoni.

17.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li, b’paragun mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit iffokaw iktar mill-qrib fuq ir-rekwiżit li jkun hemm l-intenzjoni ta’ użu, minħabba r-rwol li għandu l-Artikolu 32(3) tal-United Kingdom Trade Marks Act 1994 (l-Att tal-1994 dwar it-Trade Marks, iktar ’il quddiem l-“Att tal-1994”) (6).

18.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni hijiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. F’każ li jitqies li hija kompatibbli, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubji dwar il-portata tar-rekwiżit dwar l-intenzjoni li tintuża t-trade mark.

19.      Għalhekk, il-High Court of Justice (England and Wales) Chancery Division iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Trade mark tal-Unjoni Ewropea jew trade mark nazzjonali rreġistrata fi Stat Membru tista’ tiġi totalment jew parzjalment iddikjarata invalida minħabba li xi wħud mill-kliem fl-ispeċifikazzjoni tal-prodoti u tas-servizzi jew il-kliem kollha ma humiex suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex l-awtoritajiet kompetenti u t-terzi jkunu jistgħu jiddeterminaw unikament fuq il-bażi ta’ dawn il-kliem il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, kliem bħal “softwer tal-kompjuter” huwa ġenerali wisq u jkopri prodotti li huma varji wisq sabiex ikun kompatibbli mal-funzjoni tat-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini sabiex dawn il-kliem ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippemettu lill-awtoritajiet kompetenti u lil terzi jiddeterminaw unikament fuq il-bażi ta’ dawn il-kliem il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark?

(3)      Is-sempliċi applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ebda intenzjoni li din tintuża fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi speċifikati tikkostitwixxi mala fide?

(4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, jista’ jiġi konkluż li l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni parzjalment f’bona fide u parzjalment f’mala fide jekk u sa fejn l-applikant kellu l-intenzjoni li juża t-trade mark fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti u mis-servizzi speċifikati, iżda ma kellu l-ebda intenzjoni li juża t-trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi speċifikati oħra?

(5)      It-Taqsima 32(3) tal-UK Trade Marks Act 1994 hija kompatibbli mad-Direttiva (UE) 2015/2436 [(7)] u mal-predeċessuri tagħha?”

II.    Analiżi

20.      Sky, SkyKick, ir-Renju Unit, il-Gvern Finlandiż, Franċiż, Ungeriż, Pollakk u Slovakk, u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-partijiet kollha, ħlief għall-Gvern Ungeriż, Pollakk, Slovakk u Finlandiż, kienu preżenti għas-sottomissjonijiet orali.

A.      L-ewwel u t-tieni domanda magħmula

1.      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

21.      Sky isostnu li r-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, li jirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, The Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), huwa marbut biss mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. B’hekk, l-unika sanzjoni possibbli għal nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit hija azzjoni meħuda ex officio mill-awtoritajiet sabiex jiżguraw li dik l-applikazzjoni ma twassalx għal reġistrazzjoni ta’ prodotti u servizzi li tkun miktuba f’termini li la jkunu ċari u lanqas preċiżi. Sky isostnu li r-raġunijiet għal rifjut u invalidità huma elenkati b’mod eżawrjenti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni u li dawn ir-raġunijiet ma jinkludux ir-rekwiżit li l-ispeċifikazzjoni tkun ċara u preċiża. Barra minn hekk, fis-sentenzi tas-16 ta’ Frar 2017, Brandconcern vs EUIPO u Scooters India (C‑577/14 P, EU:C:2017:122, punti 29 u 30), u tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus (C‑501/15 P, EU:C:2017:750, punt 38), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li jirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), ma għandux jiġi invokat għal trade marks li jkunu diġà ġew irreġistrati. Sky jipproponu li tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda, peress li termini bħal “softwer tal-kompjuter” li fuqhom hija bbażata l-pretensjoni ta’ ksur tat-trade mark irreġistrata, jissodisfaw l-eżami prattiku għal ċarezza u preċiżjoni.

22.      SkyKick jipproponu li tingħata tweġiba affermattiva għall-ewwel domanda. Inkella, kumpanniji bħal SkyKick ma jkollhom ebda rimedju jew rikors prattiku fi proċeduri ta’ ksur imressqa kontrihom, fejn proprjetarju ta’ trade mark jibbaża ruħu fuq terminu nieqes miċ-ċarezza u mill-preċiżjoni meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għamlitha ċara li d-Direttiva 2008/95/UE (8) (u b’analoġija r-Regolament (UE) Nru 207/2009 (9)) teħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet ikunu ċari u preċiżi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx espressament il-konsegwenzi jekk l-ispeċifikazzjoni ta’ trade mark irreġistrata ma tkunx konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. Li kieku Sky kienet korretta, is-sinjifikat tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), ikun fil-prattika limitat ħafna.

23.      Skont SkyKick, ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 4, mill-Artikolu 7(1)(a) u mill-Artikolu 8 tar-Regolament 2017/1001 u mill-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Direttiva 2015/2436, moqrija fid-dawl tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748). SkyKick jargumentaw li huwa notevoli li l-Qorti tal-Ġustizzja stess tirreferi, fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361, punti 43 sa 45), għal dawn id-dispożizzjonijiet u għall-fatt li dawn jistabbilixxu raġunijiet għal rifjut jew invalidità.

24.      SkyKick isostnu, essenzjalment, li t-tieni domanda għandha tingħata risposta affermattiva. Dawn jargumentaw li nuqqas ta’ preċiżjoni kkawżat mill-ġeneralità ta’ terminu u mill-applikazzjoni tiegħu għal varjetà ta’ tipi differenti ta’ prodotti u servizzi jaqa’ taħt id-difett identifikat bis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361).

25.      Il-Gvern tar-Renju Unit, Franċiż, Ungeriż, Pollakk, Slovakk u Finlandiż jipproponu li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, peress li r-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni huma elenkati b’mod eżawrjenti u mkien fil-leġiżlazzjoni ma hemm xi rekwiżit li l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi għandha tkun ċara u preċiża. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza (punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet) isegwi li r-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni huwa applikabbli biss fl-istadju tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark.

26.      Il-Gvern tar-Renju Unit u dak Finlandiż, fid-dawl tar-risposta li jipproponu għall-ewwel domanda, ma jqisux li huwa meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda.

27.      Il-Gvern Ungeriż, Franċiż, Pollakk u Slovakk jargumentaw, essenzjalment, li t-terminu “softwer” ma huwiex ġenerali wisq u ma jindikax prodotti li huma varjati wisq sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni.

28.      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, abbażi ta’ argumenti simili għal dawk tal-Gvernijiet intervenjenti, li l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv. Il-Kummissjoni żżid li l-eżami ta’ karattru distintiv huwa bbażat fuq ir-relazzjoni li teżisti bejn “sinjal” u “prodotti jew servizzi”, mhux fuq il-preċiżjoni jew nuqqas ta’ preċiżjoni tal-ispeċifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti jew servizzi (10). Jekk l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti tkun vaga, din għandha tiġi interpretata għad-detriment tal-proprjetarju tagħha u l-konklużjoni tkun li l-karattru distintiv huwa nieqes. Il-Kummissjoni tissottometti li, fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda. Madankollu, din tqis li l-Komunikazzjoni Konġunta ma tapplikax ratione temporis għat-trade marks ikkontestati.

2.      Evalwazzjoni

29.      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li huwa xieraq li jitqiesu flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini li jispeċifikaw il-prodotti u s-servizzi koperti minn trade mark jistax ikun raġuni għall-invalidità ta’ trade mark irreġistrata. F’każ ta’ risposta affermattiva, tixtieq tkun taf jekk it-terminu “softwer tal-kompjuter” inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lil partijiet terzi li jiddeterminaw abbażi ta’ dan it-terminu waħdu l-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark.

30.      B’dan premess, inqis li din id-domanda għandha tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja anki jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva. Dan għaliex huwa meħtieġ li wieħed jeżamina jekk in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti bir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jistgħux ikunu konnessi ma’ xi waħda mir-raġunijiet ta’ invalidità li huma espliċitament previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli.

31.      Qabel ma ngħaddi għas-sustanza tad-domandi, meta tikkunsidra dawn il-kwistjonijiet, il-qorti tar-rinviju jkollha tevalwa liema qafas leġiżlattiv speċifiku tal-Unjoni huwa applikabbli ratione temporis, peress li fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari hija sfortunatament ma tirreferixxix speċifikament għal xi att partikolari.

32.      Il-proċeduri jirrigwardaw kemm trade marks tal-Unjoni, minn naħa, u trade mark nazzjonali, min-naħa l-oħra, għall-perijodu mill-2003 sal-2018. In-natura tat-talba prinċipali (ksur) u l-kontrotalba għal invalidità flimkien ifissru li iktar minn regolament u direttiva waħda fl-acquis tal-Unjoni dwar it-trade mark jistgħu japplikaw għall-proċeduri.

33.      Kif innotat il-Kummissjoni, id-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kontrotalba mqajma fi proċeduri ta’ ksur hija d-data li fiha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Ir-rikorrenti applikaw għat-trade marks inkwistjoni fil-perijodu bejn l-14 ta’ April 2003 u l-20 ta’ Ottubru 2008. Fil-każ tat-trade marks tal-Unjoni, dan ifisser li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija r-Regolament (KE) Nru 40/94 (11) (u mhux ir-Regolament Nru 207/2009) u, fil-każ tat-trade mark nazzjonali, hija d-Direttiva 89/104/KEE (12) (u mhux id-Direttiva 2015/2436).

34.      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ ksur, fil-każ tat-trade marks tal-Unjoni inkwistjoni, il-proċeduri jirreferu għall-perijodi koperti bir-Regolament Nru 207/2009; fir-rigward tat-trade mark nazzjonali, il-leġiżlazzjoni rilevanti hija d-Direttiva 2008/95.

35.      Minn dan isegwi li, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, fir-rigward tat-trade marks tal-Unjoni, ir-Regolament Nru 207/2009 japplika għall-ksur u r-Regolament Nru 40/94 japplika għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni; u fir-rigward tat-trade mark nazzjonali, id-Direttiva 2008/95 tapplika għall-ksur u d-Direttiva 89/104 tapplika għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

36.      Għas-sempliċità, huwa biżżejjed li f’dawn il-konklużjonijiet niddiskuti primarjament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104 u tar-Regolament Nru 40/94, mhux l-inqas minħabba li għall-iskopijiet preżenti ma hemmx differenza materjali bejn id-dispożizzjonijiet tal-iktar regolament bikri, jiġifieri r-Regolament Nru 40/94, u dak li ġie wara, ir-Regolament Nru 207/2009, għalkemm ftit mill-enumerazzjoni tal-artikoli nbidlet; l-istess japplika għad-Direttiva 89/104 u għad-Direttiva 2008/95 (13).

a)      Ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ma huwiex fost ir-raġunijiet ta’ invalidità stabbiliti b’mod eżawrjenti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

37.      L-ewwel domanda preliminari teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-iskop tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361). B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din il-ġurisprudenza meta trade mark irreġistrata ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

38.      Wasalt għall-konklużjoni — u jeżisti qbil mifrux sew fost l-Istati Membri kollha intervenjenti u l-Kummissjoni — li l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

39.      Ir-raġuni għal dan hija sempliċi: ma hemm ebda dispożizzjoni fl-ebda leġiżlazzjoni rilevanti għall-invalidità ta’ trade mark irreġistrata għar-raġuni li wħud mit-termini jew it-termini kollha fl-ispeċifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi huma nieqsa minn ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti.

40.      Filwaqt li huwa minnu li n-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rappreżentazzjoni tas-sinjal huwa raġuni għal invalidità skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 89/104 (u d-Direttiva 2008/95) u l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, jibqa’ l-fatt li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi. Kull interpretazzjoni oħra tkun qiegħda ċċaħħad lill-premessa għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104 u għall-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament minn ħafna mill-effett prattiku tagħha.

41.      Fir-rigward ta’ trade marks nazzjonali, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/104 (raġunijiet għal rifjut jew invalidità) sempliċement ma jipprovdix għal raġuni speċifika ta’ invalidità bbażata fuq in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fl-ispeċifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi dan (ara l-punt 159 tas-sentenza fil-kawża prinċipali).

42.      Il-ġurisprudenza wkoll tenfasizza li “[k]if jirriżulta mis-seba’ premessa tagħha, id-Direttiva tirregola b’mod komplet ir-raġunijiet ta’ rifjut jew ta’ annullament ta’ reġistrazzjoni rigward it-trade mark infisha” (14). Tagħmilha ċara wkoll, fir-rigward tad-Direttiva 2008/95, li kkodifikat id-Direttiva 89/104, li hija “tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità barra minn dawk li jinsabu f’din id-direttiva” (15).

43.      Għalhekk, sa fejn in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini użati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti bir-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali ma huwiex espressament stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/104, dan ma jistax jitqies li jikkostitwixxi raġuni addizzjonali għal invalidità flimkien ma’ dawk previsti f’dan l-artikolu.

44.      Bl-istess mod, rigward it-trade marks tal-Unjoni, għandu jiġi nnotat li l-lista ta’ raġunijiet assoluti għal invalidità stabbiliti fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 40/94 u fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li jirreferi għalih l-Artikolu 51, ma tinkludix raġuni għal invalidità bbażata fuq in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini użati sabiex ikunu speċifikati l-prodotti u s-servizzi koperti bir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni.

45.      L-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Il-kontrotalbiet”, jipprovdi li “[k]ontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi ibbażata biss fuq ir-raġunijiet ta’ revoka jew ta’ invalidità msemmija f’dan ir-Regolament”.

46.      Il-ġurisprudenza kkwotata fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet tapplika b’mod ċar ukoll fir-rigward tar-Regolamenti dwar it-trade marks tal-Unjoni u fir-rigward tat-trade marks tal-Unjoni.

47.      Minn dan isegwi li l-lista ta’ raġunijiet assoluti għal invalidità fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 40/94 hija eżawrjenti u li n-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fl-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni ma jistax jitqies li jikkostitwixxi raġuni addizzjonali għal invalidità flimkien ma’ dawk previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dak ir-regolament.

48.      Fil-fatt, naqbel li kwistjonijiet bħan-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni huma importanti fil-liġi tat-trade marks, iżda huma kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati mill-uffiċċji tat-trade marks kompetenti meta jkunu qegħdin jittrattaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark.

49.      Għalkemm reġistrazzjonijiet eżistenti li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ma jistgħux jiġu ddikjarati invalidi abbażi ta’ dan, jibqa’ l-fatt li dan ikollu riperkussjonijiet fuq il-portata tal-protezzjoni tat-trade mark irreġistrata.

50.      Il-kunsiderazzjoni msemmija hija sostnuta minn analiżi sistemika tal-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni. Kif innotat il-Kummissjoni, wieħed jista’ jistaqsi għalfejn il-leġiżlatur wasal għall-konklużjoni li nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rappreżentazzjoni tas-sinjal għandha tkun raġuni għal invalidità, filwaqt li ma għandhiex tkun fejn hija kkonċernata l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi. Ir-raġuni hija li r-rappreżentazzjoni tas-sinjal, ladarba tkun saret applikazzjoni għat-trade mark, bħala prinċipju ma tistax tiġi emendata (ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet ristretti) għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. B’hekk, jekk jinstab li saret applikazzjoni għal sinjal jew li dan kien irreġistrat bi ksur tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 89/104 jew tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, dan ma jistax ikun irrimedjat ex post. Rifjut (qabel ir-reġistrazzjoni) jew kanċellazzjoni (wara r-reġistrazzjoni) huma l-uniċi għażliet disponibbli f’dawk iċ-ċirkustanzi.

51.      B’kuntrast, taħt ir-Regolament Nru 40/94, l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi tista’ dejjem tkun suġġetta għal restrizzjoni jew għal ċessjoni parzjali (il-proprjetarju jista’ a posteriori jkompli jispeċifika u jillimita, iżda mhux jestendi, il-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi, u hekk jirrimedja għal kwalunkwe nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni). Għalhekk, kwalunkwe nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi jista’ jiġi rrimedjat qabel jew wara r-reġistrazzjoni. Id-Direttiva 89/104 tipprovdi awtonomija proċedurali li tippermetti lill-Istati Membri li jagħmlu l-istess.

b)      Jista’ r-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni jintrabat ma’ raġuni għal invalidità li hija stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni?

52.      Issa jeħtieġ li jkun eżaminat jekk in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jistax jintrabat ma’ waħda mir-raġunijiet għal invalidità li huma stabbiliti b’mod eżawrjenti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli.

53.      SkyKick iressqu żewġ possibbiltajiet f’dan ir-rigward.

54.      Fl-ewwel lok, dawn jissottomettu li filwaqt li s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361) ma tispeċifikax fejn preċiżament fit-test tad-direttivi u tar-regolamenti applikabbli l-kliem għandu jinftiehem fis-sens li jagħti effett lill-kundizzjoni impliċita ta’ ċarezza fl-ispeċifikazzjoni identifikata f’dik il-kawża, “hija b’mod ċar tqis li [ċ-ċarezza] hija rekwiżit impliċitu għar-reġistrazzjoni, u saħansitra għall-validità, ta’ trade mark u bħala kundizzjoni għal reġistrazzjoni”. Il-lok naturali għal tali implikazzjoni huwa bħala kundizzjoni impliċita, għal trade marks nazzjonali, fl-Artikolu 2 moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 89/104 u, għal trade marks tal-Unjoni, fl-Artikolu 4 moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94.

55.      Fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 51 u 52), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, fir-rigward ta’ rappreżentazzjoni grafika ta’ sinjali, “l-operaturi ekonomiċi għandhom, b’ċarezza u bi preċiżjoni, ikunu kapaċi jistħarrġu dwar reġistrazzjonijiet jew applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni mressqa mill-kompetituri kurrenti jew potenzjali tagħhom u hekk jiksbu informazzjoni rilevanti dwar id-drittijiet ta’ terzi” u “jekk l-utenti ta’ dan ir-reġistru jkunu kapaċi jiddeterminaw in-natura preċiza ta’ trade mark abbażi tar-reġistrazzjoni tagħha, ir-rappreżentazzjoni grafika tagħha fir-reġistru għandha tkun kompluta minn kollox, aċċessibbli faċilment u intelliġibbli”.

56.      SkyKick targumenta li l-istess għandu japplika fir-rigward tar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fl-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni.

57.      Biżżejjed jingħad li, kif essenzjalment argumentaw il-partijiet kollha ħlief għal SkyKick, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361) — minkejja l-lingwaġġ iebes użat mill-Qorti tal-Ġustizzja — sempliċement ma tistax tkun interpretata fis-sens li ser iddaħħal raġuni ġdida għal invalidità, b’mod partikolari minħabba li l-leġiżlazzjoni nnifisha hija tant ċara li l-lista ta’ raġunijiet għal invalidità hija eżawrjenti.

58.      Inqis (l-istess bħall-Kummissjoni) li, meta siltet analoġija mas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748), fis-sentenza Chartered Institute of Patent Attorneys, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta ħafna li tispeċifika li l-għan tar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni applikat għal sinjali kien li tiġi ddeterminata l-materja tal-protezzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-protezzjoni mitluba (16). Għandha dejjem issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark fir-rigward ta’ ċerti prodotti jew servizzi. Għalkemm il-funzjoni tar-rekwiżit ta’ rappreżentazzjoni grafika hija, b’mod partikolari, li tiddefinixxi t-trade mark innifisha sabiex tiddetermina s-suġġett preċiż tal-protezzjoni pprovduta mit-trade mark irreġistrata (17), il-portata ta’ din il-protezzjoni hija ddeterminata min-natura u l-għadd tal-prodotti u tas-servizzi speċifikati f’dik l-applikazzjoni. Għalhekk, is-sentenza Chartered Institute of Patent Attorneys turi li hija biss raġuni għal oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark u li ma hemm ebda bażi f’dik is-sentenza għal pretensjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ladarba r-reġistrazzjoni tkun saret. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni fuq il-konsegwenzi ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark li ma tkunx konformi mar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

59.      Fit-tieni lok, SkyKick jissottomettu li dak ir-rekwiżit jista’ jaqa’ wkoll taħt ir-raġuni għal rifjut jew l-invalidità ta’ trade marks li jmorru kontra l-politika pubblika jew l-ordni pubbliku, kif jistabbilixxu l-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 89/104 u l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94.

60.      Wasalt għall-konklużjoni li dan huwa l-każ f’dawn il-proċeduri u, kif ser nispjega iktar ’il quddiem (punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet), naqbel mal-qorti tar-rinviju li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għal “softwer tal-kompjuter” ma hijiex iġġustifikata u tmur kontra l-interess pubbliku.

61.      Huwa wkoll possibbli li jiġi dedott mill-ġurisprudenza li trade mark li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, tmur kontra l-ordni pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361, punti 46 sa 48)).

62.      Barra minn hekk, jekk reġistrazzjoni tkun tista’ tinkiseb faċilment wisq u/jew b’mod ġenerali wisq, ir-riżultat ikun il-bini ta’ barrieri kontra d-dħul ta’ terzi billi l-provvista ta’ trade marks xierqa tonqos, jogħlew l-ispejjeż li jistgħu jgħaddu fuq il-konsumaturi, u jkun hemm tnaqqir tad-dominju pubbliku (ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

63.      Inqis, l-ewwel nett, li fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), il-Qorti tal-Ġustizzja espressament osservat li termini wiesgħa li jkunu jistgħu japplikaw għal varjetà ta’ prodotti u ta’ servizzi differenti huma nieqsa miċ-ċarezza u mill-preċiżjoni. It-tieni nett, kif osservat minn SkyKick, termini eċċessivament ġenerali jagħtu lok għall-istess tħassib fil-politika pubblika bħal forom oħra ta’ termini vagi u impreċiżi. Il-premessa 28 tar-Regolament 2017/1001 tfisser b’mod ċar din il-kwistjoni ta’ politika pubblika. It-tielet nett, il-fatt li jkunu permessi reġistrazzjonijiet għal firxa tant wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi, ma huwiex konsistenti mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, kif imfisser b’mod ċar fis-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 28).

64.      Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li, jekk wieħed jassumi li t-trade marks inkwistjoni kienu jkopru validament il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, kien ikollha tikkonstata ksur ta’ trade mark abbażi ta’ paragun bejn il-firxa wiesgħa ħafna ta’ prodotti u ta’ servizzi rreġistrati minn Sky (irrispettivament mill-użu attwali u mir-reputazzjoni ta’ Sky dwar dawn il-prodotti u servizzi; fil-fatt, kif ser naraw iktar ’il quddiem, wieħed jista’ jitkellem dwar trade marks użati għal “firxa enormi ta’ prodotti mifruxa b’mod enormi”) u l-prodotti u s-servizzi ta’ SkyKick. Il-qorti tar-rinviju kienet evidentement skomda b’dik il-konklużjoni.

65.      Il-qorti tar-rinviju għamlet konstatazzjonijiet fattwali dwar il-firxa tas-sensiela ta’ prodotti u ta’ servizzi speċifikati fl-applikazzjonijiet għat-trade marks (ara d-digriet tar-rinviju, punt 4): pereżempju, fid-dati tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni ta’ Sky għat-trade marks tal-Unjoni, Sky ma kellha l-ebda intenzjoni li tuża t-trade marks tal-Unjoni tagħha fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha koperti bl-ispeċifikazzjonijiet (ara s-sentenza fil-kawża prinċipali, punt 250). Id-dikjarazzjoni ta’ Sky fir-rigward tat-trade mark tar-Renju Unit magħmula taħt l-Artikolu 32(3) tal-Att tal-1994 li kienu qegħdin jużaw (jew li kellhom l-intenzjoni li jużaw) it-trade mark b’konnessjoni ma’ prodotti/servizzi li għalihom kienu qegħdin ifittxu l-protezzjoni ta’ trade mark, kienet, parzjalment, falza (ara s-sentenza fil-kawża prinċipali, punt 254).

66.      Imbagħad, l-ispeċifikazzjonijiet jinkludu prodotti/servizzi li għalihom Sky ma kellhom ebda raġuni kummerċjali sabiex jitolbu reġistrazzjoni tagħhom. Skont l-Imħallef sedenti fil-qorti tar-rinviju, wara li kkunsidra l-evidenza kollha u l-proċess kollu, “[i]kolli neċessarjament nikkonkludi li r-raġuni għall-inklużjoni ta’ tali prodotti u servizzi kienet li Sky kellhom strateġija li jiksbu protezzjoni wiesgħa ħafna tat-trade marks inkwistjoni irrispettivament minn jekk kinitx kummerċjalment ġustifikata jew le” (is-sentenza fil-kawża prinċipali, punt 250). Pereżempju, l-ispeċifikazzjonijiet huma wesgħin b’mod esaġerat għall-applikazzjoni għal EU112 (2 836 kelma), EU992 (8 127 kelma) u UK604 (8 255 kelma) (digriet tar-rinviju, punt 4). Ix-xhud ta’ Sky ta’ spiss ma kienx kapaċi jgħid jekk Sky kellhomx xi intenzjoni li jużaw it-trade marks inkwistjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti u servizzi koperti bl-ispeċifikazzjonijiet (is-sentenza fil-kawża prinċipali, punt 246).

67.      F’dan ir-rigward, nagħmel enfasi li l-qorti tar-rinviju eżaminat il-kategoriji varji u ġibdet konklużjonijiet minn dik l-analiżi, semgħet lix-xhieda u stabbilixxiet il-fatti, li huwa ċertament it-tip ta’ eżami li għandu jsir f’każ bħal dan.

68.      Inqis li, filwaqt li l-użu ma huwiex prerekwiżit għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, fl-aħħar mill-aħħar, is-sistema kollha taħdem abbażi tal-assenjar ta’ (xi ftit) użu eventwalment.

69.      F’dan ir-rigward, infakkar fil-premessa 9 tad-Direttiva 2008/95 u fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009.

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja (18) ddikjarat li “jirriżulta […] mill-[premessi msemmija] li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet iż-żamma tad-drittijiet marbuta mat-trade mark, rispettivament, nazzjonali u [tal-Unjoni], bil-kundizzjoni li dawn ikunu effettivament użati. […] [T]rade mark [tal-Unjoni] li ma tkunx użata tkun tista’ tfixkel il-kompetizzjoni billi tillimita il-firxa ta’ sinjali li jistgħu jiġu rreġistrati minn oħrajn bħala trade mark u tiċħad lill-kompetituri mill-possibbiltà li jużaw din it-trade mark jew trade mark simili meta jitqiegħdu fis-suq intern prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk protetti mit-trade mark inkwistjoni. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark [tal-Unjoni] jista’ wkoll jirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.” Għalkemm huwa minnu li dawn il-kummenti jirreferu għall-iskop tar-revoka wara ħames snin ta’ nuqqas ta’ użu, il-ħsibijiet imfissra japplikaw għar-rekwiżit ta’ użu matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ trade mark, u għalhekk it-tħassib rigward l-iffullar tar-reġistru jkomplu jsaħħu l-bżonn għal preċiżjoni ikbar (19). Il‑Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li r-reġistru tat-trade marks jeħtieġ li jkun ‘adattat u preċiż’ (20). Ċertament, reġistrazzjonijiet żejda joħolqu żbilanċ fil-kuntest tal-proprjetà intellettwali għad-detriment tal-interess pubbliku, li jitlob li dawk li jkunu qegħdin ifittxu protezzjoni jispeċifikaw b’mod ċar x’inhu dak li jkunu qegħdin ifittxu li jipproteġu validament (21).

71.      Barra minn hekk, ninnota li fid-Direttiva l-ġdida 2015/2436 jintużaw termini iktar ibsin. Il-premessi 31 u 32 tagħha jgħidu hekk: “trade marks jissodisfaw l-għan tagħhom li jiddistingwu oġġetti jew servizzi u jippermettu lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet informati biss meta dawn jintużaw verament fis-suq. Huwa meħtieġ ukoll rekwiżit tal-użu sabiex jitnaqqas l-għadd totali ta’ trade marks reġistrati u protetti fl-Unjoni u, konsegwentement, l-għadd ta’ kunflitti li jirriżultaw bejniethom. Għaldaqstant huwa essenzjali li jkun meħtieġ li trade marks reġistrati verament jintużaw inkonnessjoni mal-oġġetti jew servizzi li għalihom huma reġistrati, jew, jekk ma jintużawx f’dik il-konnessjoni fi żmien ħames snin mid-data tat-tlestija tal-proċedura tar-reġistrazzjoni, li jkunu suxxettibbli għal revoka” (enfasi miżjuda) u għalhekk “trade mark reġistrata għandha tkun protetta biss sa fejn din tintuża fil-verità”. Tassew, ma hemm ebda raġuni għalfejn trade mark tal-Unjoni għandha tkun protetta sakemm ma tintużax b’mod ġenwin (22).

72.      Jekk termini li ma jkunux applikabbli, iżda xorta jidhru fir-reġistru, ikunu vagi u inċerti, dan allura jkollu wkoll l-effett li jiddisswadi lill-kompetituri li jkunu qegħdin jikkunsidraw li jidħlu fis-suq (23), sa fejn kumpannija bħal Sky tkun tidher ikbar fis-suq milli fil-fatt hi.

73.      Fil-qosor, Sky ma kellhom ebda intenzjoni li jużaw it-trade marks għal prodotti u servizzi koperti mir-reġistrazzjonijiet, minn tliet aspetti differenti (is-sentenza fil-kawża prinċipali, punt 251): (i) l-ispeċifikazzjonijiet jinkludu prodotti u servizzi speċifikament imsemmija li dwarhom Sky ma kellhom assolutament l-ebda intenzjoni li jużaw it-trade marks, bħal “sustanzi likwidi ta’ bliċ”, “materjal ta’ insulazzjoni”, u “frosti”; (ii) l-ispeċifikazzjonijiet jinkludu kategoriji ta’ prodotti u servizzi li huma tant wesgħin li Sky ma kellhomx l-intenzjoni li jużaw it-trade marks fil-firxa kollha tal-kategorija: l-eżempju tipiku huwa “softwer tal-kompjuter”, iżda hemm oħrajn bħal “telekomunikazzjonijiet/servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet” f’kull waħda mill-ħames reġistrazzjonijiet; u (iii) l-ispeċifikazzjonijiet kellhom l-għan li jkopru l-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet rilevanti (pereżempju, it-tipi kollha ta’ softwer tal-kompjuter maħsuba li jkunu koperti mill-Klassi 9, irrispettivament mill-fatt li Sky ma setgħetx u qatt ma setgħet tipprovdi t-tipi kollha ta’ softwer) iżda Sky kellhom il-ħsieb li jkopru l-prodotti kollha fil-Klassi 9. Din il-klassi fiha mijiet ta’ prodotti diversi minn qniepen tal-bieb ta’ barra elettriċi sa apparat li jżomm il-ħin għat-tgħollija tal-bajd u allarmi ta’ twissija tan-nar sa wajer tal-fjus (fuse wire). Sky użaw it-trade marks inkwistjoni (u trade marks oħra proprjetà tagħhom) sabiex jopponu partijiet minn applikazzjonijiet għal trade marks minn terzi li jkopru prodotti u servizzi li fir-rigward tagħhom Sky ma kellhom ebda intenzjoni li jużaw it-trade marks (is-sentenza fil-kawża prinċipali, punt 255).

74.      Filwaqt li f’ċertu sens it-terminu “softwer tal-kompjuter” huwa ċar (jinkludi kodiċi tal-kompjuter), ma hemmx dubju li fih nuqqas ta’ preċiżjoni fis-sens li jkopri prodotti li jvarjaw wisq fil-funzjoni u fil-qasam ta’ użu tagħhom sabiex ikunu kompatibbli mal-funzjoni ta’ trade mark.

75.      Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 54), “xi wħud mill-indikazzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice […] ma jistgħux jissodisfaw dan ir-rekwiżit [li jkunu ċari u preċiżi biżżejjed] peress li huma ġenerali wisq u jkopru prodotti jew servizzi wisq varjati sabiex ikunu kompatibbli mal-funzjoni tal-oriġini tat-trade mark” (enfasi miżjuda).

76.      Din hija preċiżament is-sitwazzjoni li għandna quddiemna f’dan il-każ. Ċertament, naqbel mal-qorti tar-rinviju li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għal “softwer tal-kompjuter” hija wiesgħa wisq għar-raġunijiet mogħtija mill-Imħallef Laddie f’Mercury vs Mercury (24), li japplikaw b’forza ikbar kważi kwart ta’ seklu wara, issa li s-softwer tal-kompjuter huwa mifrux kullimkien ħafna iktar milli kien fl-1995.

77.      F’dik is-sentenza, l-Imħallef Laddie iddeċieda li “il-konvenut jargumenta li fit-termini preżenti, ir-reġistrazzjoni tar-rikorrenti toħloq monopolju fuq it-trade mark (u fuq trade marks tant simili li joħolqu konfużjoni) meta tintuża għal firxa enormi ta’ prodotti u mifruxa b’mod enormi, inklużi prodotti li fihom ir-rikorrenti ma jista’ jkollu ebda interess leġittimu. Fil-kors tal-argument għidt [lir-rikorrenti] li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għal ‘softwer tal-kompjuter’ tista’ tkopri kwalunkwe sett ta’ istruzzjonijiet diġitali rrekordjati użati sabiex jikkontrollaw kull tip ta’ kompjuter. Tkun tkopri mhux biss it-tip ta’ prodotti tar-rikorrenti, iżda softwer għal-logħob, softwer għall-kontabbiltà, softwer sabiex tibni arbli tar-razza tal-familja, softwer użat fil-qasam dijanjostiku tal-mediċina, softwer użat sabiex jikkontrolla l-kompjuters fis-satelliti u s-softwer użat fil-kompjuters li jħaddmu s-sistema tal-London Underground. Naħseb li fl-aħħar aċċetta li wħud minn dawn kienu mbiegħda ħafna minn dak li l-klijent tiegħu kellu fis-suq u li kellu interess fihom li forsi kienet tkun mixtieqa restrizzjoni fuq l-ambitu tar-reġistrazzjoni sabiex ikunu esklużi wħud mill-prodotti l-iktar eżoteriċi. F’kull każ, jekk dak kienx aċċettat jew le, fil-fehma tiegħi hemm argument b’saħħtu favur li reġistrazzjoni ta’ trade mark sempliċement għal ‘softwer tal-kompjuter’ normalment tkun wiesgħa wisq. Fil-fehma tiegħi, il-karatteristika li tiddefinixxi biċċa softwer tal-kompjuter la hija l-mezz li fuqu tkun irrekordjata, lanqas huwa l-fatt li tikkontrolla kompjuter, u lanqas huma r-rotot kummerċjali li minnu tgħaddi, iżda hija l-funzjoni li taqdi. Biċċa softwer li tippermetti lil kompjuter jopera bħallikieku kien simulatur ta’ titjira huwa prodott kompletament differenti minn softwer li, ngħidu aħna, jippermetti lil kompjuter jaqra ottikament test jew jiddisinja fabbrika ta’ sustanzi kimiċi. Fil-fehma tiegħi, huwa assolutament mhux deżiderabbli li negozjant li huwa interessat f’qasam wieħed limitat ta’ softwer tal-kompjuter ikun jista’, permezz ta’ reġistrazzjoni, jikseb monopolju statutorju għal żmien indefinit li jkopri kull tip ta’ softwer, inklużi dawk li huma ferm ’il bogħod mill-qasam ta’ interess kummerċjali tiegħu.”

78.      F’dan ir-rigward, SkyKick josservaw korrettement li fis-soċjetà moderna hemm firxa prattikament illimitata ta’ prodotti “intelliġenti” li jinkorporaw, jew li huma pprovduti b’softwer tal-kompjuter: konsols għal-logħob elettroniku, kotba elettroniċi, apparat domestiku, ġugarelli, televiżjonijiet, arloġġi, eċċ. (biex ma nsemmux applikazzjonijiet bħas-softwer ta’ kontroll sabiex jitħaddem l-apparat tal-Large Hadron Collider). Dawn kollha fihom softwer tal-kompjuter, iżda huma tipi ta’ prodotti kompletament differenti minn xulxin. Wara kollox, ma hijiex l-intenzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar it-trade marks li kumpannija li tipprovdi friġġ intelliġenti għandha tkun eżaminata għal ksur tat-trade mark abbażi tal-fatt li hija tipprovdi prodotti identiċi — softwer tal-kompjuter — bħal dawk ta’ min jipprovdi pjattaforma għan-negozju fis-swieq finanzjarji.

79.      Fil-qosor, fil-fehma tiegħi, reġistrazzjoni ta’ trade mark għal “softwer tal-kompjuter” ma hijiex iġġustifikata u tmur kontra l-interess pubbliku minħabba li tagħti lill-proprjetarju monopolju wiesa’ immens li ma jista’ jkun iġġustifikat minn ebda interess kummerċjali leġittimu tal-proprjetarju.

80.      Ta’ min jinnota, kif semmiet il-qorti tar-rinviju, li l-fehma espressa iktar ’il fuq hija rrikonoxxuta wkoll fil-prattika tal-United States Patent and Trademark Office (l-Uffiċċju tal-Istati Uniti għall-Privattivi u t-Trademarks, iktar ’il quddiem l-“USPTO”) u mit-Trademark Manual of Examining Procedure tiegħu (il-Manwal tal-Proċedura tal-Eżami tat-Trademarks, iktar ’il quddiem it-“TMEP”) (fis-sistema tat-trade marks tal-Istati Uniti, ma huwiex permess li tapplika għal “softwer tal-kompjuter” bħala tali — iżda pjuttost, fl-interess tal-preċiżjoni, l-applikant għandu wkoll jispeċifika t-tip/l-għan tas-softwer u l-qasam ta’ użu tiegħu) (25). Fil-21 ta’ Ġunju 2012, l-eżaminatur tal-USPTO qajjem oġġezzjonijiet għat-termini “softwer tal-kompjuter” u “servizzi tal-kompjuter”: “l-espressjoni ‘servizzi tal-kompjuter’ […] hija indefinita u jeħtieġ li tiġi ċċarata għax irid jitniżżel l-iskop tagħha […] Identifikazzjoni għal softwer tal-kompjuter għandha tispeċifika l-għan jew il-funzjoni tas-softwer”.

81.      Naqbel ukoll mal-qorti tar-rinviju li huwa diffiċli tara għalfejn ir-raġunar tat-TMDN fir-rigward ta’ “magni” fil-Klassi 7 ma huwiex applikabbli bl-istess mod għal “softwer tal-kompjuter” (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet); għal “servizzi ta’ telekomunikazzjoni” (ara s-sentenza fil-kawża prinċipali, punt 163); jew għal “servizzi finanzjarji” (26).

c)      Liema huma l-kriterji rilevanti sabiex ikun stabbilit jekk terminu huwiex biżżejjed ċar u preċiż?

82.      Wasalt għall-konklużjoni li l-punt tat-tluq tal-analiżi tal-kriterji rilevanti sabiex ikunu stabbiliti ċ-ċarezza u l-preċiżjoni jinsab fil-ġurisprudenza diġà eżistenti tal-qrati tal-Unjoni sabiex ikun stabbilit jekk ir-rekwiżit ta’ “użu” ġiex issodisfatt rigward xi wħud, iżda mhux f’kollha, mill-prodotti u s-servizzi. Kif kien issuġġerit fil-letteratura legali (27), dan huwa importanti għaliex jispjega kif il-partijiet ta’ trade mark li ma jkunux intużaw jisseparaw mill-partijiet li jkunu ntużaw. Dan jindika l-livell ta’ speċifiċità li idealment ikun meħtieġ sabiex trade mark tkun valida u, f’kull każ, kemm jeħtieġ li tkun preċiża wara ħames snin.

83.      Sa issa l-Qorti Ġenerali biss kellha opportunità li tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni. Fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (T‑126/03, EU:T:2005:288; mhux appellata) (28), hija indikat l-approċċ bażiku għal użu parzjali ta’ prodott jew servizz. Din identifikat iż-żewġ qawwiet li jillimitaw l-ambitu tal-użu. Fejn trade mark tkun intużat biss għal ftit prodotti jew servizzi, din ma tkunx tista’ titqies li tintuża fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha li tkun ġiet irreġistrata għalihom (punt 44 ta’ dik is-sentenza). Inqis dan l-approċċ bħala korrett sa fejn jikkunsidra prodotti partikolari f’termini ta’ kategoriji u ta’ sottokategoriji. L-użu f’kategorija huwa biżżejjed sabiex iżomm il-kategorija kollha meta din ma tkunx tista’ tiġi diviża f’sottokategoriji li huma suffiċjentement distinti (punti 45 u 46) jekk mhux b’mod arbitrarju (29). Għalhekk, jeħtieġ li jkun determinat jekk kategorija tinkludix jew le sottokategoriji indipendenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi jekk l-użu kienx ipprovat biss rigward dik is-sottokategorija ta’ prodotti u ta’ servizzi jew jekk, min-naħa l-oħra, fejn ebda sottokategorija ma tkun tista’ tiġi identifikata, l-użu jistax ikun stabbilit fi ħdan il-kategorija kollha (30).

84.      Għaldaqstant, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li l-intenzjoni ta’ użu għandha tirrifletti revoka għal raġuni ta’ nuqqas ta’ użu (31).

85.      Ċertament, il-Kummissjoni diġà pproponiet tali approċċ madwar 11‑il sena ilu fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361, ara l-punti 31 u 32) (32), li stabbilixxiet li l-EUIPO għandu jiċċekkja, matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark, jekk l-applikazzjoni għat-trade mark hijiex qiegħda ssir bil-ħsieb li din it-trade mark effettivament tintuża. Min-naħa l-oħra, jekk l-EUIPO jirreġistra sinjal bħala trade mark li sussegwentement effettivament ma tintużax, allura jsir ukoll possibbli għal partijiet terzi, abbażi tal-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li jsostnu, fi żmien ħames snin, li l-applikant kien qiegħed jaġixxi in mala fide fil-mument meta saret ir-reġistrazzjoni ta’ dak is-sinjal bħala trade mark u li jitolbu dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark għal din ir-raġuni. Fir-rigward tal-kriterji rilevanti għad-determinazzjoni jekk l-applikant kienx qiegħed jaġixxi in mala fide, il-Kummissjoni tirreferi għall-kondotta tal-applikant fis-suq, għall-kondotta ta’ operaturi oħra fir-rigward tas-sinjal li jkun ġie ppreżentat għal reġistrazzjoni, għall-fatt li l-applikant, fil-ħin li ressaq l-applikazzjoni, seta’ kellu portafoll ta’ trade marks, u għaċ-ċirkustanzi speċifiċi l-oħra kollha tal-każ partikolari.

86.      Dan huwa approċċ sensibbli minħabba li “meta fid-data tal-applikazzjoni, l-użu intenzjonat ta’ trade mark ma jkunx suffiċjenti sabiex teħlisha minn azzjoni ta’ revoka ħames snin wara, il-qorti għandha tikkonkludi li l-applikazzjoni tkun saret b’mala fide. Matul l-investigazzjoni ma jkun inbidel xejn, u l-Uffiċċju tat-Trademarks xorta jibqa’ mhux obbligat li jiddetermina jekk kienx hemm intenzjoni ta’ użu meta tressqet l-applikazzjoni, […] pjuttost jitħalla f’idejn partijiet terzi sabiex japplikaw għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark wara li tkun ġiet konċessa [jew waqt proċeduri ta’ oppożizzjoni quddiem l-Uffiċċju tat-Trademarks fejn jistgħu jitqajmu oġġezzjonijiet għal raġunijiet assoluti]. […] Fil-prattika dan (is-soltu) ikun ifisser li jkun biss fejn parti terza tkun trid verament tuża t-trade mark mhux użata [— bħal fil-kawża prinċipali —] li ssir talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità; inkella, it-trademarks mhux użati (inklużi dawk li dwarhom ma hemm l-ebda intenzjoni li xi darba jiġu użati) sempliċement jibqgħu fuq ir-reġistru (kif qegħdin bħalissa)” (33).

B.      It-tielet domanda magħmula

1.      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

87.      Sky isostnu li ma hemm ebda rekwiżit għall-użu ta’ trade mark irreġistrata fil-livell ta’ Stat Membru jew fil-livell tal-Unjoni ħlief dawk speċifikament stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli, li għandhom jiġi evalwati b’mod kompletament oġġettiv fil-kuntest ta’ talba inter partes għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, magħmula wara t-tmiem ta’ perijodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ nuqqas ta’ użu. L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ użu ma tiddependix mill-eżistenza ta’ intenzjoni suġġettiva tal-proprjetarju tat-trade mark. Sky iżidu li ma huwiex permissibbli li tkun adottata jew applikata regola fis-sens li l-protezzjoni ta’ trade marks permezz ta’ reġistrazzjoni hija jew qatt kienet tiddependi mill-eżistenza ta’ “dikjarazzjoni ta’ intenzjoni li tintuża t-trade mark”, espressa jew impliċita fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, sew fil-livell ta’ Stat Membru u sew fil-livell tal-Unjoni. Ir-Renju Unit ma jistax jadotta jew japplika xi regola differenti minn tiegħu stess abbażi tan-notifika li ppreżenta skont ir-Regola 7(2) tar-Regolamenti Komuni skont il-Ftehim ta’ Madrid u l-Protokoll ta’ Madrid (34). Ma huwiex permissibbli li tkun adottata jew applikata regola fis-sens li l-eżistenza ta’ mala fide tkun tista’ sempliċement tkun meqjusa l-istess bħan-nuqqas ta’ intenzjoni li tuża trade mark għall-prodotti u s-servizzi koperti b’applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ dik it-trade mark ippreżentata jew fuq livell ta’ Stat Membru jew fuq livell tal-Unjoni.

88.      SkyKick jissottomettu essenzjalment li t-tielet domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv sa fejn Sky aġixxiet b’mala fide.

89.      Il-Gvern tar-Renju Unit jipproponi li t-tielet u r-raba’ domanda jingħataw flimkien risposta fl-affermattiv.

90.      Il-Gvern Franċiż jissottometti li t-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda għandhom ikunu ttrattati flimkien u għandhom jingħataw risposta fin-negattiv. B’mod partikolari, dan jargumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi wkoll li l-applikant ikollu l-intenzjoni li jagħmel ħsara lil parti terza, b’mod li l-fatt biss li jkun ressaq applikazzjoni sabiex jirreġistra trade mark mingħajr l-intenzjoni li juża din it-trade mark ma jikkostitwixxix raġuni suffiċjenti sabiex tkun stabbilita mala fides. Barra minn hekk, dan il-gvern jargumenta li jekk, fil-perijodu konċess ta’ ħames snin, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark tal-Unjoni b’konnessjoni mal-prodotti u s-servizzi li tkun irreġistrata għalihom, allura t-trade mark tkun suġġetta għal sanzjoni minħabba nuqqas ta’ użu u din is-sanzjoni jkollha tapplika irrispettivament minn jekk il-proprjetarju tat-trade mark ikollux jew le l-intenzjoni li juża l-prodotti u s-servizzi elenkati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu.

91.      Il-Gvern Ungeriż, Pollakk u Slovakk ma jipproponux risposta għal din id-domanda.

92.      Il-Gvern Finlandiż jissottometti li t-tielet domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv. Il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni jagħmlu argumenti simili u jqisu li l-intenzjoni tal-applikant tista’ tkun “element ta’ mala fide” f’ċerti ċirkustanzi fejn l-uniku skop ikun li jimpedixxi lil parti terza milli tidħol fis-suq. L-assenza ta’ intenzjoni ġenwina li tintuża t-trade mark tista’ “f’ċerti ċirkustanzi” issostni l-konklużjoni li l-applikazzjoni tkun tressqet b’mala fide meta jkun stabbilit li l-uniku skop imfittex mill-applikant għat-trade mark kien li jimpedixxi lil partijiet terzi milli “jidħlu fis-suq” (35).

2.      Evalwazzjoni

93.      It-tielet domanda teżamina jekk it-trade marks inkwistjoni kinux irreġistrati b’mala fide minħabba li Sky ma kellhiex l-intenzjoni li tużahom b’konnessjoni mal-prodotti u mas-servizzi kollha elenkati fl-ispeċ      ifikazzjonijiet rispettivi u, fil-fatt, applikat sabiex tirreġistra wħud mit-trade marks inkwistjoni mingħajr ebda intenzjoni li tużahom b’konnessjoni mal-prodotti u mas-servizzi speċifikati. Għalhekk, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddeċiedi fuq it-tifsira u fuq l-ambitu tal-kunċett ta’ mala fide kif imsemmi fl-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fl-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 89/104 (36).

94.      Fil-fehma tiegħi, fejn l-applikant — bħal Sky f’dan il-każ — instab mill-qorti tar-rinviju li kellu l-intenzjoni deliberata li jakkwista drittijiet li ma kellu ebda intenzjoni li juża, potenzjalment, inter alia, sabiex jimpedixxi lil partijiet terzi milli jużaw it-trade mark irreġistrata għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk il-prodotti u servizzi, allura hemmhekk ikun hemm mala fide (37). Ir-raġuni hija għaliex ir-reġistrazzjoni deliberata ta’ prodotti u ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom ma hemm ebda intenzjoni li jiġu nnegozjati tirrifletti intenzjoni ta’ abbuż mis-sistema tat-trade marks. Il-permess li trade mark tiġi ddikjarata invalida abbażi ta’ mala fide minħabba nuqqas ta’ intenzjoni li tintuża b’konnessjoni ma’ wħud mill-prodotti u mis-servizzi speċifikati mhux biss huwa konformi mal-għan innifsu tar-Regolament Nru 40/94 u tad-Direttiva 89/104 u tas-suċċessuri tagħhom, iżda wkoll mal-istorja tal-leġiżlazzjoni madwar dan il-kunċett (ara l-punt 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

95.      Il-qorti tar-rinviju tinnota korrettement li dawn huma kwistjonijiet importanti: iċ-ċirkustanzi li fihom tista’ tkun akkwistata reġistrazzjoni ta’ trade mark, u l-portata tal-kopertura hekk miksuba, huma karatteristiċi fundamentali ta’ kwalunkwe sistema ta’ trade marks u huma kruċjali sabiex ikun hemm bilanċ fis-sistema. Mingħajr dubju hemm vantaġġi jekk ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks tkun permessa mingħajr ma jkun meħtieġ li fil-fatt isir użu minnhom, kif tagħmel is-sistema Ewropea (b’differenza, pereżempju, mis-sistema tal-Istati Uniti). Tnejn mill-vantaġġi fundamentali huma li dan jagħmilha eħfef għall-proprjetarji ta’ ditta li jakkwistaw il-protezzjoni tat-trade marks tagħhom qabel it-tpoġġija fis-suq tagħhom u li jagħmel il-proċess ta’ reġistrazzjoni iktar sempliċi, iktar mgħaġġel u irħas. Madankollu, jekk reġistrazzjoni tkun tista’ tiġi akkwistata b’faċilità żejda u/jew b’mod vag wisq bħal fil-każ preżenti, ir-riżultat ikun it-tqegħid ta’ ostakoli għad-dħul ta’ partijiet terzi billi titnaqqas il-provvista ta’ trade marks xierqa, iż-żieda fl-ispejjeż li x’aktarx jgħaddu għal fuq il-konsumaturi, u t-tnaqqir tad-dominju pubbliku.

96.      Naqbel ukoll mal-fehma tal-qorti tar-rinviju li jekk l-applikant japplika sabiex jirreġistra trade mark mingħajr ma jkollu l-intenzjoni li jużaha b’konnessjoni mal-prodotti u s-servizzi speċifikati, ma hemm xejn li jżomm milli t-trade mark tkun irreġistrata (fl-ipoteżi li t-trade mark tkun reġistrabbli). L-uniku mod li bih reġistrazzjoni tista’ tiġi kkanċellata, jew ristretta fil-portata tagħha, qabel jgħaddi l-perijodu ta’ ħames snin meħtieġ għal oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ użu huwa fuq il-bażi li l-applikazzjoni tkun saret b’mala fide. Jekk trade mark tista’ tkun irreġistrata mingħajr ebda intenzjoni li tintuża b’konnessjoni mal-prodotti u mas-servizzi speċifikati kollha jew uħud minnhom, u r-reġistrazzjoni ma tistax tkun ikkontestata jew limitata għal raġunijiet ta’ mala fide, allura s-sistema tkun miftuħa għall-abbuż. Eżempji ta’ tali abbużi jidhru fil-ġurisprudenza (38).

97.      B’mod pjuttost konvenjenti, dawn il-kwistjonijiet kienu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża reċenti. Naqbel mal-Avukat Ġenerali Kokott meta tipproponi test għal mala fide abbażi tal-fatt li l-mala fide tiġi stabbilita mill-mument meta xi ħadd jikseb vantaġġ indebitu mis-sistema tat-trade marks tal-Unjoni (39).

98.      Fis-sentenza f’dik il-kawża (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO (C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 45)), il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel fakkret li r-regoli dwar it-trade marks tal-Unjoni huma intiżi sabiex jikkontribwixxu għas-sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fl-Unjoni Ewropea. F’din is-sistema, kull impriża, sabiex tiġbed u żżomm il-klijenti bis-saħħa tal-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi tagħha, għandha tkun tista’ tirreġistra bħala trade marks is-sinjali li jippermettu lill-konsumatur, mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni, li jiddistingwi dawn il-prodotti jew is-servizzi minn oħrajn ta’ oriġini differenti.

99.      Sussegwentement, fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ir-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika meta jirriżulta minn indizji rilevanti u konkordanti li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark mhux bil-għan li jipparteċipa b’mod leali għall-kompetizzjoni iżda bl-intenzjoni li jippreġudika, b’mod li ma jkunx konformi mal-użanzi onesti, l-interessi ta’ terzi, jew bl-intenzjoni li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terzi b’mod partikolari, dritt esklużiv għal skopijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini”.

100. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “l-eżistenza tal-mala fide tal-applikant skont l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi evalwata globalment, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ ineżami” u li “l-intenzjoni tal-applikant fil-mument rilevanti hija element suġġettiv li għandu jiġi stabbilit b’referenza għaċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ ineżami” (40).

101. Barra minn hekk, fis-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret v EUIPO (C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punti 62 et seq.), il-Qorti tal-Ġustizzja dehrilha li kien importanti wkoll li tiddeċiedi li, f’dak il-każ, il-Qorti Ġenerali “naqset milli teżamina jekk l-applikazzjoni għal trade mark li tinkludi l-kelma stilizzata ‘KOTON’ għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 25, 35 u 39 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice kinitx turi loġika kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet tal-intervenjent”. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li, minkejja li l-Qorti Ġenerali kienet semmiet “il-loġika kummerċjali li kienet il-bażi tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni” u “l-kronoloġija tal-avvenimenti li kkaratterizzaw l-imsemmija preżentata” bħala fatturi li jistgħu jkunu rilevanti, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżaminahom b’mod sħiħ iktar tard fis-sentenza tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-aggravju u annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

102. B’differenza mill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm diġà korp ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali rigward il-mala fide. Filwaqt li huwa minnu li ħafna każijiet jistgħu jiddependu fuq il-fatti individwali tagħhom, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi wkoll li, għall-inqas f’ċerti ċirkustanzi, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ebda intenzjoni (ġenwina) li tintuża tista’ tikkostitwixxi mala fide (41).

103. Inqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali msemmija iktar ’il fuq tikkonferma korrettement li huwa rilevanti li wieħed jistħarreġ dwar il-loġika kummerċjali li wasslet lill-applikant sabiex iressaq l-applikazzjoni (42). Pereżempju, il-Qorti Ġenerali qieset li kondotta li ma kinitx attività kummerċjali leġittima, iżda li kienet kuntrarja għall-għanijiet tar-Regolament Nru 207/2009, kienet tammonta għal mala fide minħabba li kienet tammonta għal abbuż mil-liġi. Din is-sentenza ssostni wkoll il-fehma li l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark mingħajr intenzjoni li tintuża b’konnessjoni mal-prodotti u mas-servizzi speċifikati, fil-prinċipju tammonta għal mala fide (43).

104. Għall-kuntrarju tal-fehma tal-Gvern Franċiż, inqis li l-approċċ u l-interpretazzjoni tiegħi tal-kunċett ta’ “mala fide” min-naħa  tal-applikant — li jkopri każijiet fejn huwa jirreġistra sinjal għal prodotti u servizzi mingħajr l-intenzjoni li juża dak is-sinjal għal dawn il-prodotti u servizzi — ma jippreżentawx riskju li jċaħħdu lill-mekkaniżmu ta’ revoka mill-effett utli tiegħu. Kif jispjega l-eżempju mressaq mill-Gvern tar-Renju Unit waqt is-seduta, jekk xi ħadd japplika għal reġistrazzjoni tat-trade mark ‘Taxi’ fir-rigward ta’ tliet tipi ta’ oġġetti tal-ikel: gallettini, jogurt u laħam imsajjar, dan ikollu l-intenzjoni li juża t-trade mark għat-tliet tipi kollha. Imbagħad, jekk, wara ħames snin, l-applikant ma użahiex għall-gallettini, f’dak il-każ it-trade mark tiegħu tirriskja sempliċement li tkun revokata fir-rigward tal-gallettini abbażi tan-nuqqas ta’ użu. Fi kliem ieħor, l-applikant ser isibha diffiċli li jinvoka din it-trade mark fil-konfront ta’ produttur ieħor. F’dan l-eżempju, ma hemmx inkompatibbiltà ma’ mala fide. Kien hemm ġustifikazzjoni kummerċjali għaliex l-applikant ried ikopri l-eventwalità li juża jew jestendi l-użu tat-trade mark tiegħu għal prodotti oħra fil-futur. Min-naħa l-oħra, kieku l-applikant applika sabiex jirreġistra l-istess trade mark “Taxi” għal gallettini, jogurts, laħam imsajjar, ajruplani u strumenti tal-kirurġija, f’dak il-każ il-monopolju tiegħu kien jimpedixxi lil kwalunkwe produttur ta’ ajruplani u strumenti tal-kirurġija milli juża t-terminu “Taxi” bħala trade mark għall-kumpannija tiegħu. Għalhekk, jekk bl-applikazzjoni l-applikant ried jimpedixxi lil partijiet terzi milli jużaw dak it-terminu minkejja li huwa ma kellu ebda intenzjoni li jużah bħala trade mark, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija abbużiva, billi ma għandha xejn x’taqsam mal-attivitajiet kummerċjali tal-applikant.

105. Barra minn hekk, l-enfasi qiegħda fuq il-motivazzjoni fil-mument meta ssir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, filwaqt li fil-każ ta’ revoka, huwa meħtieġ li wieħed jiffoka fuq l-użu li kien jew li ma kienx sar matul l-ewwel ħames snin.

106. Għall-kuntrarju, inqis li, fir-realtà, jista’ jkun il-mekkaniżmu tar-revoka li potenzjalment jirriskja li jċaħħad lill-mekkaniżmu ta’ mala fide mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

107. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li “l-intenzjoni li timpedixxi parti terza milli tpoġġi prodott fis-suq tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun element ta’ mala fide min-naħa tal-applikant, meta jkun evidenti, sussegwentement, li l-applikant applika għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni mingħajr ma kellu intenzjoni jużaha” (44) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jista’ jingħad li din hija deċiżjoni ċara fis-sens li applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr intenzjoni li din tintuża inkonnessjoni mal-prodotti u mas-servizzi speċifikati, minnha u fiha nnifisha tikkostitwixxi mala fide.

108. Naqbel ukoll mal-fehma tal-ġurisprudenza tar-Renju Unit (45) li tgħid li l-mala fide “tinkludi diżonestà u […] ċerti negozjati li ma jilħqux l-istandards ta’ mġiba kummerċjali aċċettabbli li huma mħarsa minn nies raġonevoli u ta’ esperjenza fil-qasam partikolari li jkun qiegħed jiġi eżaminat” (46).

109. Mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà jista’ jiġi dedott li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ebda intenzjoni li tintuża tista’ tikkostitwixxi mala fide (47). Ċertament, inqis (kif tagħmel il-qorti tar-rinviju) li, l-ewwel nett, għalkemm ma hemm ebda rekwiżit espress li jkun hemm intenzjoni ta’ użu la fir-regolamenti u lanqas fid-direttivi applikabbli, u li trade mark irreġistrata ma tistax tkun irrevokata minħabba nuqqas ta’ użu qabel ikunu għaddew ħames snin, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tissuġġerixxi li, għallinqas f’ċerti ċirkustanzi, applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ebda intenzjoni li tintuża b’konnessjoni mal-prodotti u mas-servizzi speċifikati tista’ tikkostitwixxi mala fide, minħabba li dan huwa abbuż tas-sistema tat-trade marks (din hija wkoll il-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni). It-tieni nett, skont il-ġurisprudenza, il-fatt  li l-applikant ikun applika sabiex jirreġistra trade mark fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti jew ta’ servizzi ma huwiex biżżejjed sabiex jipprova mala fide jekk l-applikant kellu raġuni kummerċjali raġonevoli sabiex ifittex tali protezzjoni fid-dawl tal-użu jew l-użu intenzjonat tiegħu tat-trade mark.

110. Inżid ukoll li, meta applikant iressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ebda intenzjoni li jużaha, il-ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tgħib. F’dak il-każ, din ma tkunx applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li għandha funzjoni essenzjali, iżda tixbah iktar applikazzjoni antikompetittiva sabiex timpedixxi lil partijiet terzi milli jiżviluppaw l-attivitajiet proprji tagħhom. Dan ovvjament ma huwiex l-għan tas-sistema tat-trade marks.

111. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr l-intenzjoni li tużaha fin-negozju iżda għall-iskop waħdieni li tużaha sabiex tirreġistra isem ta’ dominju tal-internet tista’ tikkostitwixxi mala fide (48). L-applikant f’dik il-kawża ried jirreġistra l-isem ta’ dominju “.eu” għal kelma bil-Ġermaniż (għal tajers tal-karozzi) billi jirreġistraha bħala trade mark Svediża (għaċ-ċintorini tal-karozzi jew “ċintorini tas-sigurtà”) sabiex imbagħad jibdilha f’isem ta’ dominju taħt ir-regolament applikabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ir-regola fis-sentenza Lindt (49) u ddeċidiet li kien jidher ċar mid-digriet tar-rinviju li, għalkemm l-appellant kien irreġistra t-trade mark verbali &R&E&I&F&E&N& fl-Isvezja għal ċinturini tas-sigurtà, ma kellu ebda intenzjoni li juża din it-trade mark sa fejn “kellha l-intenzjoni fir-realtà li topera sit internet għall-bejgħ ta’ tajers, li hija kellha l-intenzjoni tirreġistra”. Għalhekk, li kien qiegħed jiġri fil-fatt f’dak il-każ kien pjuttost tentattiv sabiex isir “logħob” bir-regoli tat-trade marks (50). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li applikazzjoni għal trade marks sabiex jiġi “okkupat spazju diġitali” tista’ tikkostitwixxi mala fide fil-kuntest ta’ dan ir-regolament. Kif nargumenta f’dawn il-konklużjonijiet, raġunament simili japplika b’mod iktar ġenerali għas-sistema tar-reġistrazzjoni tat-trade marks.

112. Kien irrikonoxxut ukoll mill-Qorti Ġenerali li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea bħala parti minn strateġija ta’ imblokkar tista’ tikkostitwixxi mala fide (51).

113. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 51 ta’ dik is-sentenza, li “s-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali għall-istess sinjal għal prodotti jew servizzi li jaqgħu taħt klassifikazzjonijiet li huma mill-inqas parzjalment identiċi huwa intiż li jpoġġi lil A. f’pożizzjoni li minnha jkun jista’ jopponi. Fil-fatt, meta terz jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identika jew simili, A. jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jinvoka l-prijorità għaliha billi jibbaża ruħu fuq l-aħħar element tas-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali u jagħmel oppożizzjoni billi jibbaża ruħu fuq l-imsemmija applikazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Is-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali hija intiża għalhekk li tagħtih pożizzjoni li minnha jkun jista’ jopponi għal perijodu li jeċċedi t-tul tat-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u anki dak tal-perijodu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin previst mill-Artikolu 51(1)(a) tal-imsemmi regolament”.

114. Inqis li jekk l-applikant ma jkollux intenzjoni li juża t-trade mark, huwa immaterjali jekk l-applikant għandux l-intenzjoni li jostakola parti terza speċifika milli tuża t-trade mark, jew inkella l-partijiet terzi kollha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikant ikun qiegħed, b’mod skorrett, ifittex monopolju sabiex jeskludi kompetituri potenzjali milli jużaw sinjal li huwa ma għandux l-intenzjoni li juża. Dan jammonta għal abbuż mis-sistema tat-trade marks.

115. Finalment, fl-opinjoni tiegħi, it-travaux préparatoires  jappoġġjaw l-analiżi msemmija iktar ’il fuq. Dawn jissuġġerixxu, fir-rigward tal-kunċett ta’ mala fide, li d-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark għal raġunijiet ta’ mala fide tinkludi wkoll sitwazzjonijiet fejn tali applikazzjoni għal trade mark issir mingħajr l-intenzjoni ta’ użu tal-prodotti/servizzi speċifikati kollha jew uħud minnhom. Fl-1984, fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill għal Regolament dwar it-Trademarks, id-delegazzjoni Ġermaniża pproponiet espressament li jkun hemm ir-rekwiżit ta’ “intenzjoni in bona fide ta’ użu” fil-mument ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni (Schreiben der deutschen Delegation doc. 12 ta’ Ottubru 1984 9755/84 pp 7 sa 8). Din il-proposta kienet sussegwentement aċċettata fl-1985 u, fl-1986, kienet adottata fl-Artikolu 41(1)(b) bħala raġuni assoluta għal invalidità. F’verżjonijiet sussegwenti ta’ dik id-dispożizzjoni, l-espressjoni nuqqas ta’ intenzjoni ta’ użu f’bona fide inbidlet bl-espressjoni iktar ġenerali ta’ mala fide, li finalment irriżultat fl-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (issa l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001).

116. Xi kummentaturi legali (52) wrew il-fehma li s-sostituzzjoni ta’ rekwiżit espliċitu li jkun hemm intenzjoni bona fide ta’ użu tat-trade mark b’sempliċi “mala fides saret sabiex ir-rekwiżit ta’ intenzjoni ta’ użu jkun eskluż mir-regolament (u mid-direttiva). Inqis li din il-fehma hija żbaljata.

117. Ma nara xejn fit-travaux préparatoires  li  jagħti x’tifhem li dan huwa l-każ u nsib ħafna iktar konvinċenti l-fehma tal-kummentaturi legali l-oħra (53), li tgħid li s-sostituzzjoni tar-rekwiżit espliċitu bit-termini iktar ġenerali “mala fides saret sabiex titwessa’ l-portata tad-dispożizzjoni, billi kien maħsub li kienet tinkludi intenzjoni bona fide ta’ użu u tipi oħra ta’ mala fide (54).

C.      Ir-raba’ domanda magħmula

1.      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

118. Sky tissottometti li, fejn tkun aċċettata oġġezzjoni għal raġuni ta’ mala fide, huwa mandatorju li din tkun applikata fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi speċifikati biss. Hija ġurisprudenza stabbilita li eżami tar-raġunijiet għal rifjut jew invalidità għandu jsir fir-rigward ta’ kull prodott jew servizz li għalihom kienet mitluba jew akkwistata reġistrazzjoni ta’ trade mark (55).

119. SkyKick targumenta prinċipalment li, fejn tkun saret applikazzjoni għal trade mark mingħajr intenzjoni li tintuża għall-prodotti u servizzi kollha li għalihom l-applikant talab reġistrazzjoni, u fejn it-tfittxija ta’ drittijiet wesgħin iżżejjed kienet deċiżjoni deliberata strateġika tiegħu, il-konsegwenza għandha tkun li r-reġistrazzjoni hija totalment invalida. SkyKick jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, li jipprovdi li trade mark tal-Unjoni “għandha tiġi ddikjarata bħala invalida” fejn “l-applikant jkun aġixxa morożament [in mala fide] meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark”. Dawn jissottomettu li l-unika sentenza tal-qorti tal-Unjoni (li huma konxji minnha) li tittratta dan il-punt, tappoġġja direttament l-argument prinċipali ta’ SkyKick. Fis-sentenza “GRUPPO SALINI” (56), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-eżistenza tal-mala fide fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni iwassal fih innifsu għall-invalidità tat-trade mark ikkontestata kollha”. Dan huwa wkoll konsistenti mal-prinċipju ta’ fraus omnia corrumpit (il-frodi tinvalida kollox), li huwa komuni fil-liġijiet ta’ ħafna Stati Membri, inkluż id-dritt komuni Ingliż (57).

120. Sussidjarjament, SkyKick isostnu li r-risposta għall-kwistjoni jekk mala fide twassalx għall-invalidità ta’ trade mark tiddependi fuq analiżi każ b’każ, li min-naħa tagħha tiddependi fuq analiżi ta’ diversi fatturi. Il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jinkludu l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet kummerċjali; il-punt sa fejn l-applikant injora ċ-ċertezza legali għal partijiet terzi u għall-awtoritajiet; id-daqs ta’, u r-riżorsi disponibbli għall-proprjetarju; in-numru ta’ prodotti u servizzi elenkati u l-punt sa fejn jikkoinċidu ma’ xulxin; il-punt sa fejn it-trade mark tkopri prodotti/servizzi li l-applikant ma kellu ebda intenzjoni li juża; il-karattru distint tat-trade mark; jekk id-drittijiet inkwistjoni humiex duplikattivi/kinux magħmula “dejjiema”; kwalunkwe attività ta’ infurzar imwettqa fuq il-bażi tat-trade marks fir-rigward tal-prodotti/servizzi li l-applikant ma kellux l-intenzjoni li juża; u jekk il-proprjetarju għandux ġustifikazzjoni raġonevoli għall-applikazzjoni tat-trade mark minkejja n-nuqqas ta’ intenzjoni.

121. Il-Gvern tar-Renju Unit jipproponi risposta għal din id-domanda fil-kuntest tar-risposta tiegħu għat-tielet domanda. Il-Gvern Franċiż jipproponi li d-domanda tingħata risposta flimkien mat-tielet u mal-ħames domanda. Il-Gvern Ungeriż, Pollakk u Slovakk ma jipproponux risposta għal din id-domanda.

122. Il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni jargumentaw, essenzjalment, li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun fl-affermattiv. L-estensjoni tal-effett tar-raġuni għal invalidità anki għall-prodotti u servizzi li għalihom it-trade mark qiegħda fil-fatt tintuża tkun konsegwenza fin-natura ta’ sanzjoni, li ma hijiex sostnuta mill-kliem tad-dispożizzjonijiet.

2.      Evalwazzjoni

123. Fid-dawl tal-fatt li t-tielet domanda ngħatat risposta fl-affermattiv, jeħtieġ li jkun iċċarat x’inhuma l-konsegwenzi ta’ mala fide min-naħa tal-applikant fil-mument meta jressaq l-applikazzjoni, fejn din il-mala fide tikkonċerna biss lil parti mill-prodotti u mis-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni.

124. Fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju hija korretta meta tissuġġerixxi li trade mark tista’ tkun iddikjarata parzjalment invalida jekk l-applikazzjoni tkun saret parzjalment b’mala fide.

125. Huwa biżżejjed li ninnotaw li mill-Artikolu 51(3) tar-Regolament Nru 40/94 u mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/104 isegwi b’mod ċar li, fejn ir-raġuni għal invalidità teżisti rigward uħud biss mill-prodotti u mis-servizzi li għalihom hija rreġistrata t-trade mark, it-trade mark għandha tkun iddikjarata invalida fir-rigward ta’ dawk il-prodotti u servizzi biss.

126. Għalhekk, inqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (58) li tissuġġerixxi l-kuntrarju (jiġifieri, li l-eżistenza ta’ mala fide ġġib magħha l-invalidità tat-trade mark b’mod sħiħ) ma hijiex korretta.

127. Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/104 u tal-Artikolu 51(3) tar-Regolament Nru 40/94, fejn ir-raġuni għal invalidità teżisti fir-rigward ta’ wħud biss mill-prodotti u mis-servizzi li għalihom it-trade mark hija rreġistrata, din it-trade mark għandha tkun iddikjarata invalida fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi biss.

D.      Il-ħames domanda magħmula

1.      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

128. Sky jissottomettu li l-Artikolu 32(3) tal-Att tal-1994 huwa inkompatibbli mal-iskema tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-protezzjoni tat-trade marks permezz ta’ reġistrazzjoni fil-livell ta’ Stat Membru u fil-livell tal-Unjoni. F’kull każ, ma huwiex permissibbli li miżura leġiżlattiva nazzjonali bħall-Artikolu 32(3) tiġi interpretata u applikata: (i) b’tali mod li tiġi kkonstatata mala fide li ma tkunx sostnuta b’mod ieħor mill-kunċett awtonomu ta’ mala fide fid-dritt tal-Unjoni; jew (ii) b’tali mod li jiġi stabbilit direttament jew indirettament rekwiżit differenti jew iktar oneruż għal użu ta’ trade marks irreġistrati minn dak li huwa sostantivament impost u rregolat, b’effett minn u wara r-reġistrazzjoni biss, bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għar-revoka ta’ reġistrazzjonijiet u “provi ta’ użu” bħala prerekwiżit għall-infurzar tad-drittijiet mogħtija bir-reġistrazzjoni.

129. Il-Gvern tar-Renju Unit jargumenta li din id-domanda hija inammissibbli sa fejn id-Direttiva 2015/2436 għadha ma ġietx trasposta fil-liġi tar-Renju Unit.

130. SkyKick u l-Gvern tar-Renju Unit (bħala l-argument sussidjarju tiegħu) jissottomettu li l-Artikolu 32(3) jimponi rekwiżit proċedurali li l-applikazzjoni għandha tiddikjara li t-trade mark qiegħda fil-fatt tintuża jew li l-applikant għandu l-intenzjoni li juża t-trade mark u għalhekk huwa kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar trade marks nazzjonali u tal-Unjoni.

131. Il-Gvern Franċiż jipproponi li din id-domanda tingħata risposta flimkien mat-tielet u mar-raba’ domanda. Il-Gvern Ungeriż, Pollakk, Slovakk u Finlandiż ma jipproponu ebda risposta għal din id-domanda.

132. Il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li l-Artikolu 32(3) tal-Att tal-1994 ma huwiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

2.      Evalwazzjoni

133. Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit iqisu li l-ksur tal-Artikolu 32(3) tal-Att tal-1994, billi tiġi ppreżentata dikjarazzjoni falza, jista’ jiġi allegat fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal invalidità ta’ trade mark ibbażata fuq ir-raġuni ta’ projbizzjoni ta’ mala fide. Fi kliem ieħor, fir-Renju Unit id-dikjarazzjoni sottomessa taħt l-Artikolu 32(3) tista’ tintuża bħala evidenza sabiex turi l-mala fide min-naħa  tal-applikant, li hija raġuni assoluta għal invalidità.

134. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ dan l-artikolu mad-Direttiva 2015/2436 u mal-predeċessuri tagħha, u għalhekk l-argument ta’ inammissibbiltà tal-Gvern tar-Renju Unit għandu jiġi miċħud.

135. Id-direttivi rilevanti jħallu kwistjonijiet ta’ awtonomija proċedurali f’idejn l-Istati Membri, iżda hemm ukoll ċerti kwistjonijiet sostantivi li ma humiex suġġetti għal armonizzazzjoni. Ċertament, skont il-premessa 5 tad-Direttiva 89/104 (li tikkorrispondi għall-premessa 6 tad-Direttiva 2008/95), “l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jiffissaw id-disposizzjonijiet ta’ proċedura dwar ir-reġistrazzjoni, ir-revokazzjoni u l-invalidità tat-trade marks miksuba mir-reġistrazzjoni; [huma] jistgħu, per eżempju, jiddeterminaw il-forma tar reġistrazzjoni tat-trade marks u proċeduri ta’ invalidità, jiddeċiedu jekk drittijiet preċedenti għandhomx ikunu invokati jew għall-proċedura tar-reġistrazzjoni jew għall-proċedura ta’ invalidità jew għat-tnejn u, jekk jippermettu li drittijiet preċedenti jkunu invokati fil-proċedura tar-reġistrazzjoni, li jkollhom proċedura ta’ opposizzjoni jew eżami ex-uffiċio jew it-tnejn; billi l-Istati membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw l-effetti tar-revokazzjoni jew invalidità tat-trade marks” (enfasi miżjuda).

136. Barra minn hekk, il-premessa 7 ta’ din id-direttiva (li tikkorrispondi għall-premessa 8 tad-Direttiva 2008/95) tiddikjara inter alia li “l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu fil-leġiżlazzjoni tagħhom raġunijiet għal rifjut jew invalidità b’konnessjoni mal-kundizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark li għalihom ma hemm l-ebda dispożizzjoni ta’ approssimazzjoni, dwar, pereżempju, l-eliġibbiltà għall-għotja ta’ trade mark; it-tiġdid tat-trade mark jew ir-regoli dwar il-miżati, jew li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ proċedura” (59).

137. F’kull każ, dak li huwa importanti għall-każ preżenti huwa li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 32(3) tal-Att tal-1994 ma jistabbilixxix raġuni ta’ invalidità ġdida.

138. Pjuttost, dan jistabbilixxi biss ir-rekwiżiti proċedurali relatati ma’ applikazzjonijiet, peress li jispeċifika l-elementi li għandhom jakkumpanjaw applikazzjoni għal trade mark. Dispożizzjoni bħall-Artikolu 32(3) tista’ tilħaq ukoll għadd ta’ għanijiet relatati ma’ revoka jew ma’ invalidità, inklużi n-nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli proċedurali jew sostantivi.

139. Filwaqt li huwa minnu li l-ksur tal-obbligu proċedurali f’dak l-artikolu jista’ jwassal għall-invalidità ta’ trade mark irreġistrata, jibqa’ l-fatt li tali invalidità, jekk tkun stabbilita, tkun ibbażata fuq ir-rekwiżit ta’ mala fide taħt l-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 89/104.

140. Inqis (kif tagħmel il-Kummissjoni) li l-Artikolu 32(3) bħala tali huwa sempliċement rekwiżit proċedurali għal nuqqas ta’ osservanza li jgħin biex tinġieb evidenza ta’ mala fide fiċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. L-Artikolu 32(3) ma jispeċifikax il-konsegwenzi legali marbuta ma’ dikjarazzjoni ineżatta tal-applikant għal trade mark. Minnha nnifisha din għandha titqies daqs raġuni għal invalidità, fejn tinstab mala fide jekk l-applikant ma kellu ebda intenzjoni bona fide li juża t-trade mark  għall-prodotti u s-servizzi kollha speċifikati. Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi kkonstatat li raġuni għal invalidità abbażi ta’ mala fide tapplika biss abbażi ta’ dikjarazzjoni falza magħmula taħt l-Artikolu 32(3) tal-Att tal-1994. Tista’, madankollu, tifforma parti mill-evidenza.

141. Għalhekk, ma narax kif l-Artikolu 32(3) jista’ jkun ta’ ostakolu għall-qorti tar-rinviju sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li tinterpreta l-liġi nazzjonali f’konformità mad-direttiva, sa fejn l-Artikolu 32(3) ma jispeċifikax il-konsegwenzi legali ta’ dikjarazzjoni ineżatta tal-applikant għat-trade mark.

142. Minn dan isegwi li l-Artikolu 32(2) tal-Att tal-1994 huwa kompatibbli mad-Direttiva 89/104, kemm‑il darba ma jkunx l-unika bażi għal konstatazzjoni ta’ mala fide.

III. Konklużjoni

143. Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales) Sezzjoni tal-Ekwità, ir-Renju Unit) kif ġej:

(1)      Trade mark tal-Unjoni Ewropea jew trade mark nazzjonali rreġistrata ma tistax tiġi ddikjarata kompletament jew parzjalment invalida għas-sempliċi raġuni li wħud mit-termini jew it-termini kollha tal-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi ma humiex ċari u preċiżi biżżejjed. Nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fl-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi jista’ madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata lil tali reġistrazzjoni.

(2)      Madankollu, ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni jista’ jkun kopert mir-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità ta’ trade marks li jmorru kontra l-ordni pubbliku, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1)(f) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, u fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, sa fejn ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għal “softwer tal-kompjuter” ma hijiex iġġustifikata u tmur kontra l-interess pubbliku. Terminu bħal “softwer tal-kompjuter” huwa ġenerali wisq u jkopri prodotti u servizzi li huma varjabbli wisq sabiex ikunu kompatibbli mal-funzjoni tat-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini sabiex dan it-terminu jkun ċar u preċiż biżżejjed b’tali mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lil terzi jiddeterminaw, fuq il-bażi ta’ dan it-terminu waħdu, il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark.

(3)      F’ċerti ċirkustanzi, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ebda intenzjoni li tintuża b’konnessjoni mal-prodotti jew tas-servizzi speċifikati tista’ tikkostitwixxi element ta’ mala fide, b’mod partikolari meta l-uniku għan tal-applikant ikun li jipprekludi lil terz milli jidħol fis-suq, inkluż meta jkun hemm prova ta’ strateġija ta’ applikazzjoni abbużiva, li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali.

(4)      Fid-dawl tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/104 u tal-Artikolu 51(3) tar-Regolament Nru 40/94, meta r-raġuni għal invalidità teżisti fir-rigward ta’ wħud biss mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom hija rreġistrata t-trade mark, it-trade mark għandha tiġi ddikjarata invalida biss fir-rigward ta’ dawn il-prodotti jew servizzi.

(5)      L-Artikolu 32(3) tal-United Kingdom Trade Mark Act 1994 huwa kompatibbli mad-Direttiva 89/104 kemm‑il darba ma jkunx l-uniku bażi għal konstatazzjoni ta’ mala fide.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Dan it-tip ta’ servizz “migratorju” huwa magħruf ukoll bħala “kick”. Il-prodotti partikolari tal-konvenuti huma l-migrazzjoni fuq servers remoti (“cloud migration”), il-ħażna bħala backup fuq servers remoti (“cloud backup”) u servizzi ta’ ġestjoni ta’ servers remoti (“cloud management services”). Dawn huma pprovduti bħala addizzjoni mas-softwer Microsoft Office 365. L-isem SkyKick intgħażel għaliex jinstema’ bħala “sidekick” u għaliex jevoka s-servizz tal-kumpannija, sa fejn l-utenti “jagħtu daqqa ta’ sieq” (“kick”) (iwettqu migrazzjoni) tad-data tagħhom fis-sema (“sky”) (is-servers remoti).


3      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte (C-418/02, EU:C:2005:12, punt 47).


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


5      Il-Komunikazzjoni ddeterminat ħames termini inklużi fl-Intestatura tal-Klassijiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ ċarezza u preċiżjoni: Klassi 7, magni; Klassi 37, tiswija; Klassi 37, servizzi ta’ installazzjoni; Klassi 40, trattament ta’ materjali; u Klassi 45, servizzi personali u soċjali mogħtija minn oħrajn sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ individwi. Din tiddikjara li “it-terminu ‘magni’ ma jipprovdix indikazzjoni ċara ta’ liema magni huma koperti. Il-magni jista’ jkollhom karatteristiċi differenti jew għanijiet differenti, jistgħu jitolbu livelli differenti ħafna ta’ kapaċitajiet tekniċi u għarfien sabiex ikunu manifatturati u/jew użati, jistgħu jkunu mmirati lejn konsumaturi differenti, jistgħu jinbiegħu b’mezzi differenti, u għalhekk huma konnessi ma’ setturi differenti tas-suq”.


6      Dan l-artikolu jipprovdi li “l-applikazzjoni [għal reġistrazzjoni ta’ trade mark] għandha tiddikjara li t-trade mark qiegħda tintuża, mill-applikant jew bil-kunsens tiegħu, fir-rigward [tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark], jew li għandu intenzjoni bona fide li ser tintuża b’dan il-mod” (enfasi miżjuda).


7      Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5).


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).


9      Regolament tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).


10      Sentenzi tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (C‑363/99, EU:C:2004:86, punt 34), u tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé (C‑353/03, EU:C:2005:432, punt 25).


11      Regolament tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 386, p. 14).


12      L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).


13      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Oberbank et (C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 31).


14      Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Matratzen Concord (C‑421/04, EU:C:2006:164, punt 19).


15      Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries (C‑320/12, EU:C:2013:435, punt 42).


16      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2011:784, punt 68).


17      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punt 48).


18      Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 32).


19      Johnson, P., “So Precisely What Will You Use Your Trade Mark For?”, International Review of Intellectual Property and Competition Law 49(8), 2018, pp. 940 sa 970, Taqsima 2.3. Barra minn dan, studju indipendenti kkummissjonat u ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tar-Renju Unit sab li anki trade marks li kien fihom iktar minn 1 000 kelma kienu użati biss f’0.08 % tat-total mitlub meta saret ir-reġistrazzjoni. Ara Graevenitz, G., Ashmead, R., Greenhaigh, C., Cluttering and non-use of trade marks in Europe, UK IPO, Awwissu 2015.


20      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punt 50).


21      Kif osservat fi Graevenitz, G., Ashmead R., Greenhaigh C., op. cit., p. 96.


22      Rigward il-kwistjoni ta’ trade mark li qatt ma ntużat u jekk wieħed jistax joqgħod in abstracto fuq tali trade mark, ara l-Kawża C‑622/18, Cooper International Spirits et. Il-Qorti tal-Ġustizzja jeħtiġilha tkun konsistenti meta tittratta dak il-każ u l-każ preżenti.


23      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361, ara l-punti 43 u 44).


24      Mercury Communications Ltd vs Mercury Interactive (UK) Ltd [1995] FSR 850, punti 864 u 865.


25      It-TMEP jiddikjara, fil-punt 1402.03(d): “Kwalunkwe identifikazzjoni ta’ tagħmir għal programmi tal-kompjuter għandha tkun speċifika biżżejjed li tippermetti li jsiru kalkoli rigward il-probabbiltà li jkun hemm konfużjoni. L-għan tar-rekwiżit ta’ speċifiċità fl-identifikazzjoni ta’ programmi tal-kompjuter huwa sabiex ikun evitat il-ħruġ mingħajr bżonn ta’ rifjut għal reġistrazzjoni […] fejn il-prodotti reali tal-partijiet ma humiex relatati u ma hemmx kunflitt fis-suq. […] Minħabba ż-żieda qawwija u l-livell ta’ speċjalizzazzjoni tal-programmi tal-kompjuter, [anki] speċifikazzjonijiet wesgħin bħal ‘programmi tal-kompjuter fil-qasam tal-mediċina’ jew ‘programmi tal-kompjuter fil-qasam tal-edukazzjoni’ ma humiex ser ikunu aċċettati, ħlief meta l-funzjoni jew l-għan partikolari tal-programm f’dan il-qasam ikunu indikati. […] ‘programmi tal-kompjuter għal użu fid-dijanjosi tal-kanċer’ jew ‘programmi tal-kompjuter għal użu fit-tagħlim tat-tfal fil-qari’ ikunu aċċettabbli”.


26      Ara sentenza oħra tal-qorti tar-rinviju fil-kawża FIL Ltd vs Fidelis Underwriting Ltd [2018] EWHC 1097 (Pat), punt 95, l-Imħallef Arnold.


27      Johnson, P., op. cit., punt 5.2. Din il-parti tal-konklużjonijiet hija bbażata fuq l-analiżi diġà proposta mill-Professur Johnson.


28      Din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ser tiġi indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-714/18 P, ACTC vs EUIPO u fil-Kawżi magħquda C-720/18 u C‑721/18, Ferrari (dawn il-kawżi jinsabu pendenti).


29      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR) (T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 24).


30      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, Intesa Sanpaolo vs UASI – equinet Bank (EQUITER) (T‑47/12, EU:T:2014:159, punt 20).


31      Kif diġà propost minn Johnson P., op. cit., Taqsima 5.3.


32      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:148, punt 48).


33      Johnson, P., op. cit., Taqsima 4.3, li jispjega kif dan huwa konsistenti mat-travaux préparatoires.


34      Is-sistema ta’ Madrid rigward ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ trade marks hija rregolata mill-Ftehim ta’ Madrid, konkluż għall-ewwel darba fl-1891, u l-Protokoll Relatat mal-Ftehim ta’ Madrid, inizjalment konkluż fl-1989.


35      Il-Kummissjoni tibbaża ruħa, essenzjalment, fuq is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361); tat-13 ta’ Diċembru 2012, pelicantravel.com vs UASI – Pelikan (Pelikan) (T‑136/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:689; mhux appellata); u tas-7 ta’ Lulju 2016, Copernicus-Trademarks vs EUIPO – Maquet (LUCEO) (T‑82/14, EU:T:2016:396; l-appell ġie miċħud permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Diċembru 2017, Verus vs EUIPO (C-101/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:979)).


36      Filwaqt li d-dispożizzjoni preċedenti tar-regolament tqis il-mala fide preżenti waqt li tkun qed titressaq l-applikazzjoni raġuni assoluta għal invalidità, dan ma huwiex direttament il-każ tal-Artikolu (3)(2)(d) tad-Direttiva 89/104. Ċertament, dan l-artikolu jagħti diskrezzjoni lill-Istati Membri dwar jekk jittrasponux jew le din ir-raġuni għal invalidità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. F’kull każ, is-sustanza ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandha tiġi interpretata bl-istess mod.


37      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361).


38      Ara, pereżempju, is-sentenza fil-kawża LUCEO.


39      Ara l-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO (C 104/18 P, EU:C:2019:287, punt 32).


40      Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 37 u 42).


41      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2011, Psytech International vs UASI – Institute for Personality & Ability Testing (16PF) (T-507/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:253, punti 88 u 89; mhux appellata); tal-14 ta’ Frar 2012, Peeters Landbouwmachines vs UASI – Fors MW (BIGAB) (T‑33/11, EU:T:2012:77, punti 24 sa 26; mhux appellata); Pelikan (punti 54 sa 55 u 58 sa 60); tat-8 ta’ Mejju 2014, Simca Europe vs UASI – PSA Peugeot Citroën (Simca) (T‑327/12, EU:T:2014:240, punti 38 u 39; mhux appellata); u LUCEO (punti 28 sa 33 u 48 sa 52).


42      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Cipriani vs EUIPO – Hotel Cipriani (CIPRIANI) (T‑343/14, EU:T:2017:458, punt 46 u 47; mhux appellata).


43      Sentenza LUCEO (punti 28 sa 33 u 48 sa 52).


44      Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2017, PayPal vs EUIPO – Hub Culture (VENMO) (T‑132/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:316, punti 63 sa 65; mhux appellata).


45      Ara s-sentenza fil-kawża prinċipali, punt 210. Inqis li f’dak ir-rigward, il-fatt li r-regoli tar-Renju Unit espressament jirrikjedu l-intenzjoni ta’ użu abbażi tal-Artikolu 32(3) tal-Att tal-1994 ma huwiex neċessarjament deċiżiv.


46      Ara s-sentenza Gromax Plasticulture Ltd vs Don & Low Nonwovens Ltd [1999] RPC 367, punt 379. Ara wkoll is-sentenzi DEMON ALE Trade Mark [2000] RPC 345, Decon Laboratories Ltd vs Fred Baker Scientific Ltd [2001] RPC 17, LABORATOIRE DE LA MER Trade Marks [2002] FSR 51, Knoll AG’s Trade Mark [2003] RPC 10, Ferrero SpA’s Trade Marks [2004] RPC 29, 32Red plc vs WHG (International) Ltd [2012] EWCA Civ 19, Red Bull GmbH vs Sun Mark Ltd [2012] EWHC 1929 (Ch), Total Ltd vs YouView TV Ltd [2014] EWHC 1963 (Ch), Jaguar Land Rover Ltd vs Bombardier Recreational Products Inc [2016] EWHC 3266 (Ch), HTC Corp vs One Max Ltd (O/486/17), Paper Stacked Ltd vs CKL Holdings NV (O/036/18).


47      Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361).


48      Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C‑569/08, EU:C:2010:311).


49      Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361).


50      Ara wkoll id-deċiżjoni reċenti tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO fil-Każ R 1849/2017-2, Monopoly, tat-22 ta’ Lulju 2019 (it-trade mark tal-Unjoni kkontestata kienet tkopri numru kbir ta’ prodotti u ta’ servizzi li kienu sempliċement repetizzjoni tat-trade marks tal-Unjoni “MONOPOLY”, iktar bikrija u li kienu diġà jeżistu. Iċ-ċirkustanzi kollha kienu juru li l-intenzjoni tal-proprjetarju kienet li jikseb vantaġġ mir-regoli tat-trade mark tal-Unjoni billi artifiċjalment joħloq sitwazzjoni fejn ma kienx ikun hemm bżonn li jipprova l-użu ġenwin tat-trade marks iktar bikrija tiegħu għall-prodotti u s-servizzi msemmija u b’hekk il-mala fide kienet parzjalment ipprovata).


51      Sentenza fil-kawża LUCEO.


52      Tsoutsanis, A., Trade mark registrations in bad faith, Oxford University Press, 2010, p. 65.


53      Johnson, P., op. cit., Taqsima 4.3, li jfisser f’iktar dettall kif hemm mill-inqas ħames raġunijiet għalfejn din hija l-fehma korretta.


54      Il-kunċett ta’ mala fide huwa mingħajr dubju kunċett iktar wiesa’ li jinkludi forom oħra ta’ abbuż mis-sistema tat-trade marks, bħall-ġlieda kontra t-traffikar tat-trade marks, iżda wkoll sabiex tkun żgurata amministrazzjoni b’saħħitha tas-sistema tat-trade marks, u sabiex tevita li partijiet terzi jkunu preklużi milli jirreġistraw is-sinjali (prospettivi) tagħhom bħala trade marks (ara Schreiben der deutschen Delegation, iċċitat fil-punt 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


55      Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Isdin vs Bial-Portela (C‑597/12 P, EU:C:2013:672, punti 24 sa 30).


56      Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, SA.PAR. vs UASI – Salini Costruttori (GRUPPO SALINI) (T‑321/10, EU:T:2013:372; mhux appellata).


57      Ara, pereżempju, Tsoutsanis, A., op. cit., punt 2.38 u l-kwotazzjonijiet mogħtija hemmhekk.


58      Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2012, Peeters Landbouwmachines vs UASI – Fors MW (BIGAB) (T‑33/11, EU:T:2012:77, punt 32; mhux appellata), u tal-11 ta’ Lulju 2013, SA.PAR. vs UASI – Salini Costruttori (GRUPPO SALINI) (T‑321/10, EU:T:2013:372, punti 47 u 48; mhux appellata).


59      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte (C‑418/02, EU:C:2005:425, punt 30). Kif innotat il-Kummissjoni, fis-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries (C‑320/12, EU:C:2013:435) din il-premessa kienet interpretata b’mod pjuttost restrittiv, li bih hija limitata għar-raġunijiet imniżżla fid-direttiva stess u ma kienx hemm interpretazzjoni ta’ xi tfisser il-frażi “jżommu jew jintroduċu […] li għalihom ma hemm l-ebda dispożizzjoni ta’ approssimazzjoni”.