Language of document : ECLI:EU:C:2020:45

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ Jannar 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikoli 7 u 51 – L-Ewwel Direttiva 89/104/KEE – Artikoli 3 u 13 – Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Mala fide tal-applikant – Assenza ta’ intenzjoni li tuża t-trade mark għall-prodotti jew servizzi koperti mir-reġistrazzjoni – Nullità totali jew parzjali tat-trade mark – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-applikant jiddikjara li huwa għandu l-intenzjoni li juża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni”

Fil-Kawża C‑371/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Sky plc,

Sky International AG,

Sky UK Ltd

vs

SkyKick UK Ltd

SkyKick Inc.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby u K. Jürimäe (Relatriċi) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Sky plc, Sky International AG u Sky UK Ltd, minn P. Roberts u G. Hobbs, QC, inkarigati minn D. Rose kif ukoll minn A. Ward u E. Preston, solicitors,

–        għal SkyKick UK Ltd u SkyKick Inc., minn A. Tsoutsanis, avukat, kif ukoll minn T. Hickman u S. Malynicz, QC, u S. Baran, barrister, inkarigati minn J. Linneker u S. Sheikh-Brown, solicitors,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery u S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn N. Saunders, QC,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme, D. Colas u D. Segoin kif ukoll minn A.-L. Desjonquères u A. Daniel, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M.Z. Fehér u D.R. Gesztelyi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sky plc, Sky International AG u Sky UK Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Sky et”) minn naħa, u SkyKick UK Ltd u SkyKick Inc. (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji SkyKick”), min-naħa l-oħra, dwar l-allegat ksur, minn SkyKick, ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade mark nazzjonali tar-Renju Unit li tappartjeni lil Sky et.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Fuq il-livell internazzjonali, id-dritt tat-trade marks huwa rregolat mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”). L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji ta’ din il-konvenzjoni.

4        Skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, l-Istati li għalihom tapplika din il-konvenzjoni jirriżervaw id-dritt li jadottaw b’mod separat, bejniethom, arranġamenti partikolari għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali.

5        Din id-dispożizzjoni kienet il-bażi għall-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade Marks, adottat fil-konferenza diplomatika ta’ Nice fil-15 ta’ Ġunju 1957, rivedut l-aħħar f’Genève fit-13 ta’ Mejju 1977 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1154, 18200, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”).

6        Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Nice:

“1)      Il-pajjiżi li għalihom japplika dan il-Ftehim jikkostitwixxu Unjoni partikolari u jadottaw klassifikazzjoni komuni tal-prodotti u tas-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks [iktar ’il quddiem il-‘Klassifikazzjoni ta’ Nice’].

2)      Il-klassifikazzjoni tinkludi:

i)      lista ta’ klassijiet, flimkien ma’, jekk ikun il-każ, noti ta’ spjega;

ii)      lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi […], bl-indikazzjoni tal-klassi li fiha jitpoġġa kull prodott jew servizz.

[…]”

7        L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Nice, intitolat “Portata legali u applikazzjoni tal-Klassifikazzjoni”, huwa mfassal b’dan il-mod:

“1)      Mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti mill-preżenti Ftehim, il-portata tal-klassifikazzjoni hija dik li ġiet attribwita lilha minn kull pajjiż tal-Unjoni partikolari. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni la torbot lill-pajjiżi tal-Unjoni partikolari f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, u lanqas f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tat-trade marks fir-rigward ta’ servizzi.

2)      Kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni partikolari jirriżerva l-fakultà li japplika l-Klassifikazzjoni bħala sistema prinċipali jew bħala sistema sussidjarja.

3)      L-amministrazzjonijiet kompetenti tal-pajjiżi tal-Unjoni partikolari għandhom jinkludu fid-dokumenti u fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks in-numri tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni li taħthom jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija reġistrata t-trade mark.

4)      Il-fatt li isem jidher fil-lista alfabetika [tal-prodotti u tas-servizzi] bl-ebda mod ma jolqot id-drittijiet li jistgħu ikunu jeżistu fuq dan l-isem.”

8        Il-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Nice (iktar ’il quddiem il-“Klassifikazzjoni ta’ Nice”) tinkludi, mit-tmien edizzjoni tagħha, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, 34 klassi ta’ prodotti u 11-il klassi ta’ servizzi. Kull klassi hija indikata b’indikazzjoni ġenerali waħda jew iktar, normalment imsejħa “intestatura tal-klassi”, li jindikaw b’mod ġenerali l-oqsma li bħala prinċipju jifformaw parti minnhom il-prodotti jew is-servizzi tal-klassi kkonċernata.

9        B’mod konformi mal-gwida tal-utent tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, sabiex tiġi żgurata l-klassifikazzjoni korretta ta’ kull prodott jew servizz, għandha tiġi kkonsultata l-lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi kif ukoll in-noti ta’ spjega li jikkonċernaw lid-diversi klassijiet.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolamenti dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea

10      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 386, p. 14) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”), ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”) ġie mħassar u ssostitwit ukoll, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

11      Fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tat-trade marks Komunitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94.

12      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li jiddefinixxi s-sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark Komunitarja, kien jipprovdi:

“Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

13      L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

a)      sinjali li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4;

b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

ċ)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

d)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

e)      sinjalili jikkonsistu esklussivament f’dawn li ġejjin:

i)      forma li tirriżulta min-natura tal-prodotti nfushom;

jew

ii)      forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sa biex jinkiseb riżultat tekniku;

jew

iii)      forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodotti;

f)      trade marks li jmorru kontra l-ordni publiku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità;

g)      trade marks li huma ta’ natura li tista’ tqarraq bill-pubbliku, per eżempju fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew is-servizzi;

h)      trade marks li ma ġewx awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u li għandhom jiġu miċħuda skond l-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi;

i)      trade marks li jinkludu badges, emblemi jew armi ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u li huma ta’ interess publiku partikolari, sa kemm ma jkunx hemm il-kunsens ta’ l-awtoritajiet konċernati.

[…]”

14      L-Artikolu 15 tar-Regolament imsemmi intitolat “L-użu ta’ trade marks Komunitarji” kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja taqa’ soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

[…]”

15      Skont l-Artikolu 38(1) tal-istess regolament:

“Meta, taħt l-Artikolu 7, trade mark tkun ineliġibli għal reġistrazzjoni fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jew fir-rigward ta’ kollha, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi.”

16      L-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet għal revoka”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju [tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

a)      jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu; madanakollu, l-ebda persuna ma tista’ titlob li d-drittijiet tal-proprjetarju fit-trade mark Komunitarja jiġu revokati jekk, waqt l-intervall bejn l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin u l-preżentata ta’ l-applikazzjoni jew tal-kontrotalba, użu ġenwin tat-trade mark ikun beda jew issokta; il-bidu jew l-issoktar ta’ użu waqt perjodu ta’ tliet xhur qabel l-preżentata ta’ l-applikazzjoni jew tal-kontrotalba li jkun beda l-iktar kmieni ma l-iskadenza tal-perjodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ nuqqas ta’ użu għandu, madanakollu, ma jiġix meqjus jekk il-preparamenti għall-bidu jew għall-issoktar iseħħu biss wara li l-proprjetarju jsir jaf li l-applikazzjoni jew il-kontrotalba jistgħu jiġu preżentati;”

17      L-Artikolu 51 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti ta’ invalidità”, kien ifformulat kif ġej:

“1.      Trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju [tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

a)      meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet […] ta’ l-Artikolu 7;

b)      meta l-applikant jkun aġixxa morożament meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.

[…]

3.      Jekk ir-raġuni ta’ invalidità tkun tessisti biss fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, it-trade mark għandha tiġi dikjarata bħala invalida fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi biss.”

18      L-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament, intitolat, “Il-kontrotalbiet”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi ibbażata biss fuq ir-raġunijiet ta’ revoka jew ta’ invalidità msemmija f’dan ir-Regolament.”

19      L-Artikolu 167(1) tar-Regolament Nru 207/2009 kien jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum li jsegwi dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

 Id-Direttivi biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks

20      L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), ġiet imħassra u ssostitwita, b’effett mit-28 ta’ Novembru 2008, bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25). Din l-aħħar direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1), b’effett, konformement mal-Artikolu 55 ta’ din tal-aħħar, mill-15 ta’ Jannar 2019.

21      Fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tat-trade marks nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ewwel Direttiva Nru 89/104.

22      Skont il-ħames, is-seba’ u t-tmien premessa tal-Ewwel Direttiva 89/104:

“Billi l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jiffissaw id-disposizzjonijiet ta’ proċedura dwar ir-reġistrazzjoni, ir-revokazzjoni u l-invalidità tat-trade marks miksuba mir-reġistrazzjoni; billi jistgħu, per eżempju, jiddeterminaw il-forma tar reġistrazzjoni tat-trade marks u proċeduri ta’ invalidità, jiddeċiedu jekk drittijiet preċedenti għandhomx ikunu invokati jew għall-proċedura tar-reġistrazzjoni jew għall-proċedura ta’ invalidità jew għat-tnejn u, jekk jippermettu li drittijiet preċedenti jkunu invokati fil-proċedura tar-reġistrazzjoni, li jkollhom proċedura ta’ opposizzjoni jew eżami ex-uffiċio jew it-tnejn; billi l-Istati membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw l-effetti tar-revokazzjoni jew invalidità tat-trade marks;

[…]

Billi l-ksib ta’ l-merkanzija li din l-approssimazzjoni tal-liġijiet qed taspira għalihom tirrikjedi li l-kondizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark irreġistrata huma, ġeneralment identiċi fl-Istati Membri kollha; billi, għal dan l-iskop, huwa neċessarju li jkunu elenkati eżempji ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark, dejjem jekk tali sinjali huma kapaċi li jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra; billi r-raġunijiet għal rifjut jew invalidità li jikkonċernaw it-trade mark nnifisha, per eżempju, in-nuqqas ta’ kwalunkwe karattru distint, jew li jirrigwarda konflitti bejn it-trade mark u d-drittijiet ta’ preċedenti, għandhom ikunu elenkati b’mod komplet, anke jekk ftit minn dawn ir-raġunijiet huma elenkati bħala għażla għall-Istati Membri li jkunu jistgħu għalhekk iżommu jew jintroduċu dawk ir-raġunijiet fil-leġislazzjoni tagħhom; billi l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu fil-leġislazzjoni tagħhom raġunijiet għal rifjut jew invalidità b’konnessjoni mal-kondizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark li għalihom ma hemm l-ebda disposizzjoni ta’ approssimazzjoni, dwar, per eżempju, l-eliġibilità għall-għotja ta’ trade mark; it-tiġdid tat-trade mark jew ir-regoli dwar il-miżati, jew li għandhom x’jaqsmu man-nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli ta’ proċedura;

Billi sabiex ikun imnaqqas t-total tan-numru tat-trade marks irreġistrati u protetti fil-Komunità u, konsegwentement, in-numru ta’ konflitti li jqumu bejniethom, huwa essenzjali li jiġi meħtieġ li trade marks għandhom ikunu fil-fatt użati, jew jekk mhux użati, ikunu suġġetti għal revokazzjoni, billi huwa neċessarju li jkun ipprovdut li trade mark ma tistax tkun invalidata abbażi ta’ l-eżistenza ta’ trade mark preċedenti mhux użata, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu liberi li japplikaw l-istess prinċipju għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew li jipprovdu li trade mark ma’ tistax tkun invokata b’suċċess fi proċeduri ta’ ksur tar-regoli jekk ikun stabbilit bħala riżultat ta’ talba li t-trade mark tista’ tiġi revokata; billi f’dawn il-każijiet huwa f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu r-regoli tal-proċedura applikabbli;”.

23      Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“Trade mark tista’ tikkonsisti minn xi sinjal li jista’ jiġi magħmul grafikament, b’mod partikolari bi kliem li jinkludu ismijiet personali, disinn, ittri, numri, l-għamla tal-merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, basta li tali sinjali jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

24      L-Artikolu 3 tad-direttiva msemmija kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:

a)      sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;

b)      trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

ċ)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ biex jiddisinjaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni ta’ l-merkanzija jew li jagħtu s-servizz, jew karatteristiċi oħra ta’ l-merkanzija jew tas-servizz

d)      tat-trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa korrenti jew fil-bona fide prattiċi stabbiliti tal-kummerċ;

e)      sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

–        l-għamla li tirriżulta min-natura tal-merkanzija nnifishom, jew

–        l-għamla ta’ l-merkanzija li hi neċessarja biex jiġi ottenut riżultat tekniku, jew

–        l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

f)      trade marks li huma kuntrarji għall-politika pubblika jew prinċipji aċċettati ta’ moralità;

g)      trade marks li huma ta’ tali natura li jqarrqu l-pubbliku, per eżempju dwar in-natura, kwalità jew oriġini ġeografika ta’ l-merkanzija jew servizz;

h)      trade marks li ma ġewx awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u għandhom ikunu rifjutati jew invalidati skond l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni ta’ Propjetà Industrijali, […].

2.      Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistabbilixxi li trade mark ma’ tiġix irreġistrata jew, jekk irreġistrata, għandha tkun suġġetta li tiġi ddikjarata invalida u sakemm:

[…]

d)      l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet magħmula in mala fede mill-applikant.”

25      L-Artikolu 12 tal-istess direttiva kien jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Trade mark għandha tkun suġġetta għar-revokazzjoni jekk, f’perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma tkunx ġiet użata ġenwinament fl-Istat Membru in konnessjoni mal-merkanzija jew servizzi li għalihom hi reġistrata, u ma hemmx raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu […]”

26      L-Artikolu 13 tal-Ewwel Direttiva 89/104 kien jipprovdi:

“Fejn xi raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ reġistrazzjoni għal revokazzjoni jew invalidità ta’ trade mark jeżistu fir-rigward biss ta’ ftit mill-merkanzija jew is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għat-trade mark jew din ġiet reġistrata, ċaħda tar-reġistrazzjoni jew revokazzjoni jew invalidità għandha tkopri dik l-merkanzija jew dawn is-servizzi biss.”

27      L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/95 kien jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

28      It-Trade Marks Act 1994 (il-Liġi dwar it-Trade Marks tal-1994) ittrasponiet l-Ewwel Direttiva 89/104 fid-dritt tar-Renju Unit. L-Artikolu 32(3) tal-Liġi dwar it-trade marks tal-1994 ma jikkorrispondi għal ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

“L-applikazzjoni [għal reġistrazzjoni ta’ trade mark] għandha tiddikjara li t-trade mark hija użata, mill-applikant jew bil-kunsens tiegħu, għall-[prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark], jew li dan għandu, in bona fide, l-intenzjoni li juża din it-trade mark b’dan il-mod.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29      Sky et għandhom erba’ trade marks figurattivi u verbali Komunitarji u trade mark verbali nazzjonali tar-Renju Unit li jinkludu l-kelma “Sky” (iktar ’il quddiem, flimkien, it-“trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Dawn it-trade marks ġew irreġistrati għal numru kbir ta’ prodotti u ta’ servizzi f’ċertu numru ta’ klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, b’mod partikolari l-klassijiet 9 u 38.

30      Sky et ressqu rikors għal vjolazzjoni tat-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali kontra l-kumpanniji SkyKick quddiem il-qorti tar-rinviju, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità, ir-Renju Unit). Għall-finijiet tar-rikors għal vjolazzjoni tagħhom, Sky et jibbażaw ruħhom fuq ir-reġistrazzjoni tat-trademarks inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 9, fis-sens tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, jiġifieri s-softwer, is-softwer ipprovdut mill-internet, is-softwer u l-apparat ta’ telekomunikazzjonijiet li jippermettu li jitqabbdu ma’ databases u mal-internet, il-ħażna ta’ data, kif ukoll servizzi li jaqgħu fil-klassi 38, fis-sens ta’ din il-klassifikazzjoni, jiġifieri s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, is-servizzi ta’ posta elettronika, is-servizzi ta’ portal tal-internet, is-servizzi informatiċi li jippermettu l-konsultazzjoni u l-irkupru tal-informazzjoni, tal-messaġġi, tat-testi, tal-ħsejjes, tal-immaġni u tad-data permezz ta’ kompjuter jew ta’ netwerk informatika. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li t-trade marks kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex irreġistrati għal dawn l-oġġetti u dawn is-servizzi.

31      Din il-qorti tindika wkoll li Sky et għamlu użu wiesa’ mit-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal firxa ta’ prodotti u ta’ servizzi li jaqgħu taħt l-oqsma prinċipali ta’ attività tagħhom, jiġifieri x-xandir televiżiv, it-telefonija u s-servizz tal-internet b’veloċità għolja. Ma huwiex ikkontestat li dawn it-trade marks huma magħrufa f’dawn l-oqsma kollha fir-Renju Unit u fl-Irlanda. Madankollu, Sky et ma jipproponu ebda prodott jew servizz ta’ migrazzjoni bejn il-pjattaformi ta’ posta elettronika jew ta’ ħażna online (cloud storage) u xejn ma jindika li qegħdin jippjanaw li jagħmlu dan fil-futur. It-tliet prodotti prinċipali proposti mill-kumpanniji SkyKick huma bbażati fuq softwer bħala servizz (software as a servizz jew SaaS) u li jikkonċerna l-migrazzjoni lejn l-internet (cloud), il-ħażna online u l-ġestjoni tal-applikazzjonijiet online.

32      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-kumpanniji Skykick ressqu kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Insostenn ta’ din it-talba, huma jsostnu li dawn it-trade marks ġew irreġistrati għal oġġetti u servizzi li ma humiex speċifikati b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti. Il-kumpanniji SkyKick jibbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361).

33      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk tali raġuni ta’ nullità tistax tiġi invokata kontra trade mark irreġistrata. F’dan ir-rigward, din tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’din is-sentenza, li l-applikant għal trade mark għandu jindika l-prodotti u s-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni tat-trade mark b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lil terzi jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark. Fin-nuqqas, l-uffiċċju nazzjonali jew l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jiċħad it-talba jekk l-ispeċifikazzjoni ma tiġix emendata b’mod li tkun ċara u preċiża biżżejjed.

34      Din il-qorti tqis li l-ġurisprudenza li tirriżulta mill-imsemmija sentenza ma timplikax madankollu li t-trade mark ikkonċernata tista’ tiġi ddikjarata invalida wara r-reġistrazzjoni tagħha minħabba l-fatt li l-ispeċifikazzjoni ma hijiex ċara jew preċiża.

35      Din tenfasizza li, fir-rigward ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 128(1) tar-Regolament Nru 2017/1001 jipprevedi li kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità “tista’ tiġi ibbażata biss fuq ir-raġunijiet […] ta’ invalidità msemmija f’dan ir-Regolament”. F’dan il-każ, il-kumpanniji SkyKick jibbażaw ruħhom fuq ir-raġuni prevista fl-Artikolu 59(1)(a) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmi regolament, li ma jeħtiġux li l-ispeċifikazzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi ta’ applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun ċara u preċiża. Dan japplika wkoll għal trade mark nazzjonali.

36      Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li tali motiv jista’ jiġi invokat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti u tas-servizzi humiex kontestabbli għat-trade marks kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din tindika li l-kumpanniji SkyKick isostnu li, fil-kawża prinċipali, l-identifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks ma hijiex ċara u preċiża, ħlief għas-“servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet” u s-“servizzi ta’ posta elettronika” tal-klassi 38. Il-kumpanniji SkyKick u Sky et ma jaqblux fuq in-natura ċara u preċiża tal-ispeċifikazzjonijiet “softwer”, “softwer ipprovdut mill-internet” u “softwer u apparat ta’ telekomunikazzjonijiet li jippermettu l-konnessjoni ma’ databases u mal-internet”.

37      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għal “softwer” hija wiesgħa wisq u, għaldaqstant, tmur kontra l-interess pubbliku, peress li tagħti lill-proprjetarju monopolju wiesa’ ħafna li ma jistax jiġi ġġustifikat b’interess kummerċjali. Madankollu, din tqis li dan ma jfissirx neċessarjament li t-terminu “softwer” ma huwiex ċar u preċiż. Barra minn hekk, hija tistaqsi sa fejn l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-komunikazzjoni komuni tan-netwerk Ewropew tat-trade marks u tad-disinni (ETMDN) tat-28 ta’ Ottubru 2015 dwar il-prassi komuni fil-qasam ta’ indikazzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice dwar il-“magni” fil-klassi 7, fis-sens ta’ din il-klassifikazzjoni, ma jistgħux japplikaw ukoll għal “softwer”.

38      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-validità tat-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi affettwata mill-mala fide tal-applikant fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal protezzjoni.

39      Fil-fatt, quddiem din il-qorti, il-kumpanniji SkyKick isostnu li t-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew irreġistrati b’mala fide, sa fejn Sky et ma kellhomx l-intenzjoni li jużawhom għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti mir-reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks. B’hekk, l-imsemmija trade marks għandhom kollha jiġu annullati jew, għall-inqas, parzjalment, għall-oġġetti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom Sky et ma kellha ebda intenzjoni li tużahom.

40      Skont l-imsemmija qorti, ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks mingħajr ma jinħtieġ użu effettiv tagħhom tiffaċilita l-proċedura ta’ reġistrazzjoni u tippermetti li d-detenturi jiksbu iktar faċilment il-protezzjoni ta’ dawn it-trade marks qabel it-tnedija kummerċjali. Madankollu, il-fatt li tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni jew li jiġi kopert qasam wiesa’ wisq jikkostitwixxi ostakolu għad-dħul ta’ terzi fis-suq u jwassal għal erożjoni tad-dominju pubbliku. Għalhekk, il-possibbiltà li trade mark tiġi rreġistrata mingħajr l-intenzjoni li tintuża għat-totalità jew għal parti tal-prodotti u tas-servizzi indikati tawtorizza l-abbużi, liema ħaġa tkun ta’ ħsara jekk ma jkun hemm, barra minn hekk, ebda possibbiltà li tiġi kkontestata reġistrazzjoni abbużiva billi tiġi invokata l-mala fide tal-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata. Din tenfasizza li, fil-ġurisprudenza tagħhom, il-qrati tar-Renju Unit iffokaw fuq ir-rekwiżit tal-intenzjoni li tintuża t-trade mark ikkonċernata għall-prodotti u s-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, minħabba l-eżistenza tal-Artikolu 32(3) tal-Liġi dwar it-trade marks tal-1994 fid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

41      Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni. Anki jekk jitqies li teżisti tali kompatibbiltà, hija għandha wkoll dubji dwar il-portata tal-kundizzjoni dwar l-intenzjoni li tintuża t-trade mark għall-prodotti u s-servizzi li din tkun ġiet irreġistrata għalihom.

42      L-ewwel nett, minkejja li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix b’mod espliċitu tali intenzjoni u li ma huwiex possibbli, fl-istat attwali ta’ dan id-dritt, li trade mark irreġistrata tista’ tiġi kkanċellata minħabba nuqqas ta’ użu qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tindika li, f’ċerti ċirkustanzi, il-fatt li ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ebda intenzjoni li tintuża għall-prodotti u għas-servizzi indikati jista’ jikkostitwixxi att ta’ mala fide tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal protezzjoni.

43      It-tieni nett, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li ma huwiex biżżejjed, sabiex tiġi pprovata l-mala fide ta’ applikant, li dan ikun talab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni għal firxa wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi, jekk dan jista’ jiġġustifika raġuni kummerċjali raġonevoli sabiex jitlob tali protezzjoni fid-dawl tal-użu ta’ din it-trade mark. Barra minn hekk, l-użu potenzjali ta’ din tal-aħħar ma huwiex biżżejjed sabiex jipprova l-assenza ta’ bona fide.

44      It-tielet nett, l-imsemmija ġurisprudenza tippermetti li jitqies li, f’ċerti każijiet, l-applikant jista’ jkun ippreżenta l-applikazzjoni parzjalment in bona fide u parzjalment b’mala fide, jekk huwa kellu l-intenzjoni li juża t-trade mark biss fir-rigward ta’ wħud mill-prodotti jew mis-servizzi li din ġiet irreġistrata għalihom.

45      Fil-każ fejn l-applikant għal trade mark ikun ippreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu b’mala fide fir-rigward ta’ parti mill-oġġetti u mis-servizzi u in bona fide fir-rigward ta’ parti oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-nullità għandhiex tkun totali jew parzjali.

46      Din tqis li, fil-kawża prinċipali, jeżistu elementi li juru li, fil-mument tar-reġistrazzjoni tat-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Sky et ma kellhomx l-intenzjoni li jużawhom għall-prodotti u għas-servizzi kollha koperti mir-reġistrazzjonijiet. Dawn ir-reġistrazzjonijiet huma intiżi għal prodotti u servizzi li fir-rigward tagħhom Sky et ma kellha ebda raġuni kummerċjali sabiex titlob protezzjoni, b’tali mod li l-inklużjoni ta’ tali prodotti u servizzi taqa’ taħt strateġija ta’ Sky et sabiex tikseb protezzjoni wiesgħa ħafna tat-trade marks.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Trade mark tal-Unjoni Ewropea jew trade mark nazzjonali rreġistrata fi Stat Membru tista’ tiġi totalment jew parzjalment iddikjarata invalida minħabba li xi wħud mill-kliem fl-ispeċifikazzjoni tal-prodoti u tas-servizzi jew il-kliem kollha ma humiex suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex l-awtoritajiet kompetenti u t-terzi jkunu jistgħu jiddeterminaw unikament fuq il-bażi ta’ dawn il-kliem il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, kliem bħal ‘softwer tal-kompjuter’ huwa ġenerali wisq u jkopri prodotti li huma varji wisq sabiex ikun kompatibbli mal-funzjoni tat-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini sabiex dawn il-kliem ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippemettu lill-awtoritajiet kompetenti u lil terzi jiddeterminaw unikament fuq il-bażi ta’ dawn il-kliem il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark?

3)      Is-sempliċi applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ebda intenzjoni li din tintuża fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi speċifikati tikkostitwixxi mala fide?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, jista’ jiġi konkluż li l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni parzjalment f’bona fide u parzjalment f’mala fide jekk u sa fejn l-applikant kellu l-intenzjoni li juża t-trade mark fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti u mis-servizzi speċifikati, iżda ma kellu l-ebda intenzjoni li juża t-trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi speċifikati oħra?

5)      It-Taqsima 32(3) tal-UK Trade Marks Act 1994 hija kompatibbli mad-Direttiva 2015/2436/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mal- predeċessuri tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

48      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jew ta’ trade mark nazzjonali mingħajr ma jikkonċernaw regolament jew direttiva partikolari. Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat liema huwa d-dritt tal-Unjoni applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fir-rigward tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks nazzjonali, id-data ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni għat-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ippreżentati kollha bejn l-14 ta’ April 2003 u l-20 ta’ Ottubru 2008.

51      Issa, minn naħa, l-Artikolu 167 tar-Regolament Nru 207/2009 kien jipprovdi li dan kien jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li seħħet fl-24 ta’ Marzu 2009. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/95 kien jipprovdi wkoll li din kienet tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li seħħet fit-8 ta’ Novembru 2008.

52      Minn dan jirriżulta li peress li t-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ippreżentati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 207/2009 u tad-Direttiva 2008/95, dawn jaqaw, ratione temporis, fir-rigward tat-trade marks Komunitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 u, fir-rigward tat-trade mark nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taħt dak tal-Ewwel Direttiva 89/104.

53      Minn dan isegwi li t-talbiet għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandhom jinftiehmu fis-sens li jirrigwardaw, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u, min-naħa l-oħra, dawk tal-Ewwel Direttiva 89/104.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

54      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 7 u 51 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva 89/104 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li trade mark Komunitarja jew trade mark nazzjonali tista’ tiġi ddikjarata totalment jew parzjalment invalida minħabba li termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom din it-trade mark ġiet irreġistrata ma humiex ċari u preċiżi. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi jekk it-terminu “softwer” jissodisfax dan ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

55      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti u s-servizzi koperti minn trade mark jikkostitwixxix, bħala tali, raġuni jew kawża ta’ invalidità assoluta ta’ trade mark nazzjonali jew ta’ trade mark Komunitarja.

56      Fir-rigward, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet tal-Ewwel Direttiva 89/104, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi lista ta’ raġunijiet ta’ invalidità li fosthom ma jidhirx in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti u s-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali. Issa, is-seba’ premessa tad-direttiva msemmija tiddikjara li dawn ir-raġunijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huma elenkati b’mod eżawrjenti, anki jekk xi wħud minnhom huma fakultattivi għall-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 74; tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punt 78, u tad-9 ta’ Marzu 2006, Matratzen Concord, C‑421/04, EU:C:2006:164, punt 19). Għalhekk, l-istess direttiva tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu raġunijiet ta’ nullità differenti minn dawk li hija tipprevedi espressament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries, C‑320/12, EU:C:2013:435, punt 42).

57      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1) tiegħu huwa fformulat f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva 89/104. Fir-rigward tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-punt (a) tiegħu jillimita ruħu biex jirreferi għall-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, filwaqt li l-punt (b) tiegħu jipprevedi, bħala raġuni ta’ invalidità, l-istess raġuni bħal dik prevista fl-Artikolu 3(2)(d) tal-Ewwel Direttiva 89/104. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti jew is-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ma jinsabx f’dawn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Bl-istess mod, l-Artikolu 96 tal-istess regolament, dwar il-kontrotalbiet, jispeċifika li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tkun ibbażata biss fuq il-motivi jew ir-raġunijiet ta’ invalidità previsti mir-Regolament Nru 40/94.

58      Minn dan jirriżulta li, bħall-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva 89/104, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprovdu lista eżawrjenti tar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja.

59      Issa, la l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva 89/104 u lanqas id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 40/94 ma jipprevedu, fost il-motivi li jelenkaw, in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti jew is-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li n-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti jew is-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali jew ta’ trade mark Komunitarja ma jistax jitqies bħala raġuni jew kawża ta’ invalidità tat-trade mark nazzjonali jew Komunitarja kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva 89/104 jew tal-Artikoli 7 u 51 tar-Regolament Nru 40/94.

61      Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad ukoll li s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361) ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tirrikonoxxi raġuni jew kawża ta’ invalidità addizzjonali, mhux inkluża fil-lista li tinsab fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll fl-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva 89/104. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punti 29 u 30 tas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Brandconcern vs EUIPO u Scooters India (C‑577/14 P, EU:C:2017:122), li s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361) għamlet preċiżazzjonijiet biss fir-rigward tar-rekwiżiti dwar l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ġodda bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant ma tirrigwardax it-trade marks li kienu diġà rreġistrati fid-data tal-għoti tagħha (sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus, C‑501/15 P, EU:C:2017:750, punt 38).

62      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, minkejja li ma huwiex raġuni jew kawża ta’ invalidità ta’ trade mark nazzjonali jew ta’ trade mark Komunitarja, nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti jew is-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni tagħha taqax madankollu taħt waħda mill-kawżi jew waħda mir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità espliċitament previsti fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, jew mal-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva 89/104.

63      Il-kumpanniji Skykick jissuġġerixxu, l-ewwel nett, li r-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata trade mark jista’ jintrabat mar-rekwiżit ta’ rappreżentazzjoni grafika li tirriżulta, għat-trade marks Komunitarji, minn qari flimkien tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, u għat-trade marks nazzjonali, minn qari flimkien tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(1)(a) tal-Ewwel Direttiva 89/104.

64      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 51 tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748), fir-rigward tar-rekwiżit ta’ rappreżentazzjoni grafika, li l-operaturi għandhom ikunu jistgħu jiżguraw ruħhom b’ċarezza u bi preċiżjoni mir-reġistrazzjonijiet magħmula jew mill-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ppreżentati mill-kompetituri attwali jew potenzjali tagħhom u b’hekk jibbenefikaw minn informazzjoni rilevanti dwar id-drittijiet ta’ terzi. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw biss sabiex jiġu identifikati s-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark u minn dan ma jistax jiġi dedott li tali rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni għandu japplika wkoll għat-termini użati sabiex jiġu indirizzati l-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark inkwistjoni.

65      It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom trade mark ġiet irreġistrata jistax, bħala tali, jwassal għan-nullità tat-trade mark ikkonċernata abbażi tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 3(1)(f) tal-Ewwel Direttiva 89/104, għar-raġuni li tali nuqqas huwa kuntrarju għall-ordni pubbliku.

66      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 3(1)(f) tal-Ewwel Direttiva 89/104, ma jistax jinftiehem bħala li jirreferi għal karatteristiċi relatati mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni nnifisha, bħalma huma ċ-ċarezza u l-preċiżjoni tat-termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti jew is-servizzi koperti minn din ir-reġistrazzjoni, indipendentement mill-karatteristiċi tas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark.

67      Minn dan isegwi li tali nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tat-termini li jindikaw il-prodotti jew is-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma jistax jitqies li huwa kuntrarju għall-ordni pubbliku, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

68      Fi kwalunkwe każ, għandu jiżdied, għal kull fini, li, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 12 tal-Ewwel Direttiva 89/104, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark jistgħu jiġu revokati jekk, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fit-territorju rilevanti għall-prodotti jew għas-servizzi li din tkun ġiet irreġistrata għalihom.

69      L-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 13 tal-Ewwel Direttiva 89/104 jispeċifikaw ukoll li jekk ir-raġuni għal revoka ta’ trade mark teżisti biss fir-rigward ta’ parti mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark, ir-revoka tapplika biss għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati.

70      Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li trade mark nazzjonali jew Komunitarja rreġistrata għal grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi li l-indikazzjoni tagħha ma hijiex ċara u preċiża, tista’, fi kwalunkwe każ, tiġi protetta biss għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom hija kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin.

71      Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 7 u 51 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva 89/104 għandhom jiġu interpretati fis-sens li trade mark Komunitarja jew trade mark nazzjonali ma tistax tiġi ddikjarata totalment jew parzjalment invalida minħabba li termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom din it-trade mark ġiet irreġistrata ma humiex ċari u preċiżi.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

72      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 3(2)(d) tal-Ewwel Direttiva 89/104 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li applikazzjoni għal trade mark mingħajr ebda intenzjoni li tintuża għall-prodotti u għas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni tikkostitwixxi att ta’ mala fide, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u fl-affermattiv, jekk l-Artikolu 51(3) ta’ dan ir-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 13 tal-Ewwel Direttiva 89/104 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta n-nuqqas ta’ intenzjoni li trade mark tintuża konformement mal-funzjonijiet essenzjali tagħha jkun jikkonċerna biss lil xi wħud mill-prodotti jew mis-servizzi kkonċernati mir-reġistrazzjoni, l-invalidità ta’ din it-trade mark testendix biss għal dawn il-prodotti jew servizzi.

73      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kwistjoni jekk l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 3(2)(d) tal-Ewwel Direttiva 89/104 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li applikazzjoni għal trade mark mingħajr ebda intenzjoni li t-trade mark tintuża għall-prodotti u għas-servizzi kkonċernati mir-reġistrazzjoni tikkostitwixxi att in mala fide, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, essenzjalment, li trade mark tista’ tiġi ddikjarata invalida meta l-applikant ikun aġixxa b’mala fide meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark. La dan ir-regolament u lanqas din id-direttiva ma jipprovdu definizzjoni tal-kunċett ta’ “mala fide”. Madankollu, għandu jiġi osservat li dan il-kunċett huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u li, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ applikazzjoni koerenti tas-sistemi tat-trade marks nazzjonali u tal-Unjoni, l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat bl-istess mod kemm fil-kuntest tal-Ewwel Direttiva 89/104 kif ukoll fil-kuntest tar-Regolament Nru 40/94 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries, C‑320/12, EU:C:2013:435, punti 34 u 35).

74      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li, minbarra l-fatt li, konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “mala fide” jippreżupponi l-preżenza ta’ stat tal-moħħ jew ta’ intenzjoni diżonesta, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tiegħu, dan il-kunċett għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest partikolari tad-dritt tat-trade marks, li huwa dak tan-negozju. F’dan ir-rigward, ir-regoli dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jikkontribwixxu għas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta fl-Unjoni, li fiha kull impriża għandha, sabiex tintrabat mal-klijentela permezz tal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi tagħha, tkun fil-pożizzjoni li tirreġistra bħala trade marks sinjali li jippermettu lill-konsumatur li jagħmel distinzjoni mingħajr konfużjoni possibbli lil dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi minn dawk li għandhom provenjenza oħra (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      B’hekk, il-kawża jew ir-raġuni assoluta ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fl-Artikolu 3(2)(d) tal-Ewwel Direttiva 89/104 japplikaw meta minn indizji rilevanti u konkordanti jkun jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark mhux bil-għan li jipparteċipa b’mod leali għall-kompetizzjoni, iżda bl-intenzjoni li jippreġudika, b’mod li ma jkunx konformi mal-użanzi onesti, l-interessi ta’ terzi, jew bl-intenzjoni li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terzi b’mod partikolari, dritt esklużiv għal skopijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 46).

76      Huwa minnu li l-applikant għal trade mark ma huwiex obbligat li jindika, u lanqas li jkun jaf, bi preċiżjoni, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew tal-eżami tagħha, l-użu li huwa ser jagħmel mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u huwa għandu terminu ta’ ħames snin sabiex jibda użu effettiv skont il-funzjoni essenzjali ta’ din it-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Deutsches Patent- und Markenamt (#darferdas?), C‑541/18, EU:C:2019:725, punt 22).

77      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 109 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ma l-applikant ma jkollu ebda intenzjoni li jużaha għall-prodotti u għas-servizzi koperti minn din ir-reġistrazzjoni tista’ tikkostitwixxi mala fide peress li l-applikazzjoni għal trade mark hija mingħajr ġustifikazzjoni fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 40/94 u mill-Ewwel Direttiva 89/104. Madankollu, tali mala fide ma tistax tkun ikkaratterizzata ħlief jekk ikunu jeżistu indizji oġġettivi rilevanti u konkordanti li juru li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, l-applikant tagħha kellu l-intenzjoni jew li jippreġudika l-interessi ta’ terzi b’mod mhux konformi ma’ drawwiet onesti, jew li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terzi partikolari, dritt esklużiv għal finijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark.

78      Għalhekk, il-mala fide tal-applikant għal trade mark ma tistax tiġi preżunta abbażi tas-sempliċi konstatazzjoni li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha, dan l-applikant ma kellux attività ekonomika li tikkorrispondi għall-prodotti u għas-servizzi koperti mill-imsemmija talba.

79      Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 51(3) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 13 tal-Ewwel Direttiva 89/104 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-assenza ta’ intenzjoni li trade mark tintuża skont il-funzjonijiet essenzjali tagħha tikkonċerna biss lil ċerti prodotti jew servizzi koperti mir-reġistrazzjoni, l-invalidità ta’ din it-trade mark testendix biss għal dawn il-prodotti jew servizzi.

80      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li, meta r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun tikkonċerna biss lil xi wħud mill-prodotti jew mis-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark għandha tiġi ddikjarata invalida biss fir-rigward ta’ dawn il-prodotti jew servizzi.

81      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 3(2)(d) tal-Ewwel Direttiva 89/104 għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikazzjoni għal trade mark mingħajr ebda intenzjoni li din tintuża għall-prodotti u għas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni tikkostitwixxi att ta’ mala fide, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk l-applikant għal din it-trade mark kellu l-intenzjoni jew li jippreġudika l-interessi ta’ terzi b’mod mhux konformi mad-drawwiet onesti, jew li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terzi b’mod partikolari, dritt esklużiv għal finijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark. Meta l-assenza ta’ intenzjoni li t-trade mark tintuża konformement mal-funzjonijiet essenzjali ta’ trade mark tikkonċerna biss lil ċerti prodotti jew servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, din it-talba tikkostitwixxi att b’mala fide biss sa fejn din tirrigwarda lil dawn il-prodotti jew servizzi.

 Fuq il-ħames domanda

82      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Ewwel Direttiva 89/104 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha applikant għal trade mark għandu jiddikjara li din tal-aħħar tintuża għall-prodotti u għas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew li huwa għandu, in bona fide, l-intenzjoni li jużaha għal dan l-iskop.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, hekk kif tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li s-seba’ premessa ta’ din id-direttiva tippreċiża li r-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti minnha huma elenkati b’mod eżawrjenti, anki jekk xi wħud mill-imsemmija raġunijiet kienu previsti b’mod fakultattiv għall-Istati Membri. B’hekk, l-imsemmija direttiva tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponiha, raġunijiet ta’ rifjut jew ta’ invalidità differenti minn dawk li jinsabu fl-istess direttiva.

84      Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-ħames premessa tal-Ewwel Direttiva 89/104, l-Istati Membri jżommu l-libertà kollha biex jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet proċedurali dwar ir-reġistrazzjoni, ir-revoka jew l-invalidità tat-trade marks miksuba mir-reġistrazzjoni.

85      Minn dan isegwi li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet proċedurali li jidhrilhom li huma xierqa, tali dispożizzjonijiet ma jistgħux, fil-prattika, ikollhom bħala effett li jintroduċu raġunijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni jew ta’ invalidità mhux previsti mill-Ewwel Direttiva 89/104.

86      Għalhekk, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tipprovdi li applikant għal trade mark nazzjonali għandu, abbażi ta’ sempliċi rekwiżit proċedurali relatat mar-reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar, jiddikjara li l-imsemmija trade mark ser tintuża għall-prodotti u għas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew li dan għandu, in bona fide, l-intenzjoni li jużaha għal dawn l-iskopijiet, ma tistax titqies li hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ewwel Direttiva 89/104. Għalkemm il-ksur ta’ tali obbligu ta’ dikjarazzjoni jista’ jikkostitwixxi prova għall-finijiet li tiġi pprovata l-mala fide tal-applikant fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, madankollu tali ksur ma jistax jikkostitwixxi raġuni ta’ invalidità tat-trade mark ikkonċernata.

87      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Ewwel Direttiva 89/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li biha applikant għal trade mark għandu jiddikjara li din tal-aħħar ser tintuża għall-prodotti u għas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew li huwa għandu, in bona fide, l-intenzjoni li jużaha għal dawn l-iskopijiet, sakemm il-ksur ta’ tali obbligu ma jikkostitwixxix, bħala tali, raġuni ta’ invalidità ta’ trade mark diġà rreġistrata.

 Fuq l-ispejjeż

88      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 7 u 51 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006, kif ukoll l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandhom jiġu interpretati fis-sens li trade mark Komunitarja jew trade mark nazzjonali ma tistax tiġi ddikjarata totalment jew parzjalment invalida minħabba li termini użati sabiex jiġu indikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom din it-trade mark ġiet irreġistrata ma humiex ċari u preċiżi.

2)      L-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006, u l-Artikolu 3(2)(d) tal-Ewwel Direttiva 89/104/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikazzjoni għal trade mark mingħajr ebda intenzjoni li din tintuża għall-prodotti u għas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni tikkostitwixxi att ta’ mala fide, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk l-applikant għal din it-trade mark kellu l-intenzjoni jew li jippreġudika l-interessi ta’ terzi b’mod mhux konformi mad-drawwiet onesti, jew li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terzi partikolari, dritt esklużiv għal finijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark. Meta l-assenza ta’ intenzjoni li t-trade mark tintuża konformement mal-funzjonijiet essenzjali ta’ trade mark tikkonċerna biss lil ċerti prodotti jew servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, din it-talba tikkostitwixxi att b’mala fide biss sa fejn din tirrigwarda lil dawn il-prodotti jew servizzi.

3)      L-Ewwel Direttiva 89/104/KEE għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li biha applikant għal trade mark għandu jiddikjara li din tal-aħħar ser tintuża għall-prodotti u għas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew li huwa għandu, in bona fide, l-intenzjoni li jużaha għal dawn l-iskopijiet, sakemm il-ksur ta’ tali obbligu ma jikkostitwixxix, bħala tali, raġuni ta’ invalidità ta’ trade mark diġà rreġistrata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.