Kawża T‑494/10
Bank Saderat Iran
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”
Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Frar 2013
1. Proċedura — Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxu l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża — Element ġdid — Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali
2. Drittijiet fundamentali — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Invokazzjoni minn persuna ġuridika meqjusa li hija estensjoni ta’ Stat terz — Ammissibbiltà — Regoli proċedurali previsti fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Inammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn organizzazzjonijiet governattivi — Applikabbiltà quddiem il-qorti tal-Unjoni — Esklużjoni
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17, 41 u 47)
3. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Rekwiżiti minimi
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 15(3), Nru 961/2010, Artikolu 36(3), u Nru 267/2012, Artikolu 46(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, Artikolu 24(3))
4. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra — Portata
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4) u (6))
5. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti — Dritt suġġett għat-tressiq ta’ talba f’dan is-sens quddiem il-Kunsill
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Nru 961/2010 u Nru 267/2012; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413)
6. Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Rikors għal annullament ippreżentat minn entità koperta minn deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi — Tqassim tal-oneru tal-prova — Stħarriġ ġudizzjarju
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Nru 668/2010, Nru 961/2010, Nru 1245/2011 u Nru 267/2012; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413, 2010/644 u 2011/783)
7. Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u Artikolu 280 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Nru 668/2010, Nru 961/2010, Nru 1245/2011 u Nru 267/2012; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413, 2010/644 u 2011/783)
1. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 30)
2. Id-dritt tal-Unjoni ma fih ebda regola li tipprevjeni persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ Stati terzi milli jinvokaw favur tagħhom il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Għall-kuntrarju, l-Artikoli 17, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiggarantixxu d-drittijiet ta’ “[k]ull persuna”, diċitura li tinkludi dawn il-persuni ġuridiċi. Għalhekk, dawn l-istess drittijiet jistgħu jiġu invokati mill-imsemmija persuni quddiem il-qorti tal-Unjoni sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-kwalità tagħhom ta’ persuni ġuridiċi.
Tali esklużjoni mill-benefiċċju tad-drittijiet fundamentali lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ma jilqax l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn organizzazzjonijiet governattivi.
(ara l-punti 34-36, 39)
3. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 47-49)
4. Il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, minn naħa, li l-provi mressqa kontra l-entità kkonċernata sabiex fuqhom jiġi bbażat l-att li jikkawżalha preġudizzju jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, din l-entità għandha titpoġġa f’pożizzjoni fejn tkun tista’ tesprimi l-perspettiva tagħha b’mod utli fir-rigward ta’ dawn il-provi.
Għaldaqstant, fil-każ ta’ att inizjali li permezz tiegħu l-fondi ta’ entità jiġu ffriżati, sakemm ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-komunikazzjoni tal-provi mressqa kontra l-entità kkonċernata għandha ssir jew simultanjament mal-adozzjoni tal-att ikkontestat jew fl-iqsar żmien possibbli wara l-imsemmija adozzjoni. Fuq talba tal-entità kkonċernata, din tal-aħħar għandha wkoll id-dritt li tinstema’ fuq dawn il-provi ġaladarba l-att ikun ġie adottat. Taħt l-istess kundizzjonijiet, kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandha fil-prinċipju tiġi ppreċeduta b’komunikazzjoni tal-provi ġodda mressqa kontra l-entità kkonċernata u minn possibbiltà ġdida għall-entità kkonċernata li tinstema’.
Għalhekk, il-komunikazzjoni tal-proposta ta’ adozzjoni ta’ miżura restrittiva ta’ ffriżar ta’ fondi lill-persuna kkonċernata wara t-terminu stabbilit sabiex din tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha ma jippermettix aċċess għall-provi tal-fajl tagħha f’ħin utli u għalhekk twassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża.
Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija obbligata tikkomunika r-raġunijiet ta’ miżura restrittiva lill-entità kkonċernata, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta l-imsemmija miżura tkun adottata, jew, tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet adottata, u dan sabiex l-entità kkonċernata tkun tista’ teżerċita, fit-termini relatati, id-dritt tagħha għal rimedju. L-osservanza ta’ dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija raġunijiet hija fil-fatt meħtieġa kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli għalihom li jirrikorru għall-qorti tal-Unjoni, u kemm sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni li jinkombi fuqha.
Għalhekk, in-natura vaga tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi u l-komunikazzjoni tardiva tal-proposta ta’ adozzjoni tagħha jikkostitwixxu ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna destinatarja ta’ tali deċiżjoni.
(ara l-punti 51, 52, 54, 79, 90, 99)
5. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 53)
6. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 105, 115, 116)
7. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 118, 119, 125, 126)