Language of document : ECLI:EU:T:2010:520

Kawża T-331/09

Novartis AG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali TOLPOSAN — Trade mark internazzjonali verbali preċedenti TONOPAN — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni — Livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Natura komplementari tal-prodotti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

1.      Fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni.

Fir-rigward tal-prodotti farmaċewtiċi, il-professjonisti tal-mediċina japplikaw livell għoli ta’ attenzjoni meta jippreskrivu prodotti mediċinali. Fir-rigward tal-konsumaturi finali, fil-każ li prodotti farmaċewtiċi jinbiegħu mingħajr preskrizzjoni medika, għandu jitqies li dawn il-prodotti jinteressaw lill-konsumaturi li huma meqjusa raġonevolment informati tajjeb, attenti u avżati, u dan sa fejn dawn il-prodotti jaffettwaw is-saħħa tagħhom, u li dawn il-konsumaturi huma inqas suxxettibbli li jħawdu verżjonijiet diversi tal-prodotti msemmija. Barra minn hekk, anki fil-każ li preskrizzjoni medika tkun obbligatorja, il-konsumaturi jistgħu japplikaw livell għoli ta’ attenzjoni meta jiġu preskritti l-prodotti inkwistjoni, u dan fid-dawl tal-fatt li dawn huma prodotti farmaċewtiċi. Għalhekk, il-prodotti mediċinali, irrispettivament minn jekk jingħatawx fuq preskrizzjoni medika jew le, jistgħu jitqiesu bħala li jibbenefikaw minn livell ta’ attenzjoni ogħla min-naħa ta’ konsumaturi normalment informati u raġonevolment attenti u avżati.

(ara l-punti 23, 26)

2.      Sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir‑relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, il-mod tal-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom. Jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fatturi oħra, bħalma huma l-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni.

Il-prodotti bħall-prodotti mediċinali huma tal-istess natura (prodotti farmaċewtiċi), għandhom l-istess skop jew użu intenzjonat (trattament ta’ problemi tas-saħħa tal-bniedem), huma indirizzati lill-istess konsumaturi (professjonisti fis-settur mediku u pazjenti) u jużaw l-istess kanali ta’ distribuzzjoni (bħala regola ġenerali l-ispiżeriji). Din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-fatt li l-prodotti inkwistjoni jaqgħu fl-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti, il-prodotti mediċinali. Issa, din hija kategorija vasta ħafna li tkopri prodotti li jistgħu jkunu differenti. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li prodotti mediċinali jaqgħu fl-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti jippermetti li jiġi kkonstatat biss livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti mediċinali kollha.

Peress li l-fatturi kkunsidrati iktar ’il fuq ma jippermettux li ssir distinzjoni bejn id-diversi subkategoriji ta’ prodotti mediċinali, sabiex ix-xebh bejn prodotti mediċinali jiġi evalwat b’mod korrett, huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra. Dawn il-fatturi huma b’mod partikolari n-natura kompetittiva u komplementari tal-prodotti mediċinali kif ukoll l-iskop u l-użu intenzjonat partikolari tagħhom (trattament ta’ problemi speċifiċi tas-saħħa). Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi, l-indikazzjoni terapewtika ta’ prodott mediċinali għandha importanza deċiżiva.

Din il-karatteristika speċifika tal-prodotti mediċinali diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-ġurisprudenza fejn ġie deċiż li, sa fejn il-konsumatur ifittex qabel kollox prodott jew servizz li jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu, l-iskop tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni huwa essenzjali fl-orjentament tal-għażla tiegħu. Għaldaqstant, sa fejn jiġi applikat mill-konsumaturi qabel kull akkwist, il-kriterju tal-iskop jew tal-użu intenzjonat huwa kriterju ta’ importanza prinċipali fid-definizzjoni ta’ subkategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi. L-iskop jew l-użu intenzjonat ta’ prodott terapewtiku huma espressi permezz tal-indikazzjoni terapewtika tiegħu.

Il-fatt li l-prodotti inkwistjoni jistgħu jintużaw fl-istess ħin mill-istess konsumatur ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu kkunsidrati bħala komplementari. Fil-fatt, il-prodotti jew is-servizzi komplementari huma dawk li bejniethom teżisti konnessjoni mill-qrib, fis-sens li wieħed ikun indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’tali mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li l-istess impriża hija responsabbli għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi.

(ara l-punti 30, 35-37, 41)

3.      Għall-pubbliku rilevanti, kompost minn professjonisti fis-settur mediku u minn konsumaturi finali, Awstrijaki u Spanjoli, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja bejn is-sinjal verbali TOLPOSAN, li qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja fir-rigward tal-“Prodotti mediċinali li fihom it-tolperisone u li għandhom l-effett li jirrilassaw il-muskoli; preparazzjonijiet veterinarji li fihom it-tolperisone u li għandhom l-effett li jirrilassaw il-muskoli”, li jaqgħu fil-klassi 5 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u s-sinjal verbali TONOPAN irreġistrat preċedentement bħala trade mark internazzjonali b’effett fl-Awstrija u fi Spanja fir-rigward tal-“analġeżiċi li jikkalmaw l-uġigħ, b’mod partikolari għat-trattament tal-uġigħ ta’ ras u tal-emigranja”, li jaqgħu fl-istess klassi, u dan fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-prodotti inkwistjoni jixxiebhu ftit biss u t-trade marks kunfliġġenti għandhom livell medju ta’ xebh u li, min-naħa l-oħra, il-pubbliku rilevanti jagħti livell ta’ attenzjoni ogħla min-normal.

(ara l-punti 29, 32, 58)