Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Awwissu 2009 - RapidEye vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-330/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: RapidEye AG (Brandenburg an der Havel, il-Ġermanja) (rappreżentant: T. Jestaedt, Rechtsanwalt)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-ittra tad-9 ta' Ġunju 2009 fil-Każ "Għajnuna mill-Istat CP 183/2009 - Il-Ġermanja, RapidEye AG (Kontroll ex-post MSR 1998 - N 416/2002)" sa fejn permezz tagħha l-Kummissjoni ssostni li intensità ta' għajnuna mill-Istat ta' 35 % tal-ekwivalenti għas-sussidju gross u għajnuna mill-Istat ta' EUR 44 199 321.36 huma inammissibbli, u li għajnuna mill-Istat li teċċedi intensità ta' għajnuna ta' 30.22 % jew ammont massimu ta' għajnuna ta' EUR 37 316 000 teħtieġ notifika ġdida;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-Deċiżjoni C (2002) 3570 finali tat-2 ta' Ottubru 2002 tagħha, il-Kummissjoni awtorizzat għajnuna mill-Istat favur RapidEye AG (Għajnuna mill-Istat Nru 416/2002 - Il-Ġermanja (Brandenburg), għajnuna lil RapidEye AG) skont il-kuntest multisettorali dwar għajnuna reġjonali għall-istabbiliment ta' proġetti ta' investiment kbar 2, li fiha hemm stabbiliti l-intensità massima ta' għajnuna mill-Istat u l-ammont massimu ta' għajnuna mill-Istat (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2002").

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tikkontesta l-ittra tal-Kummissjoni D (2009) 569 tad-9 ta' Ġunju 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat CP 183/2009 - Il-Ġermanja, RapidEye AG (Kontroll ex-post MSR 1998 - N 416/2002). F'din l-ittra, l-awtoritajiet Ġermaniżi ntalbu, b'mod partikolari, sabiex jikkonformaw ruħhom mal-intensita' tal-għajnuna u mal-ammont tal-għajnuna awtorizzati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2002 u sabiex jikkonfermaw li l-ammonti mħallsa lill-benefiċjarja li jeċċedu dawn l-ammonti massimi ser jiġu rkuprati.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999  peress li, fil-fehma tagħha, għajnuna mill-Istat b'intensità ta' għajnuna ta' 35 % hija koperta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2002.

Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta abbużat mill-poteri tagħha sa fejn, kuntrarjament għad-deċiżjoni tat-2 ta' Ottubru 2002, hija rrifjutat li tawtorizza għajnuna b'intensità ta' 35 % mingħajr notifika ġdida.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li, minħabba l-għajnuna li ngħatatilha, ir-rikorrenti għamlet investimenti bl-aspettattiva li għajnuna bl-intensità ta' 35 % kienet ser tiġi awtorizzata.

Barra minn hekk, sussidjarjament, qiegħed jiġi invokat ksur tal-Artikolu 88(3) KE. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li anke jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2002 tkun interpretata fis-sens li tawtorizza biss intensità massima ta' għajnuna ta' 30.22 %, iż-żieda għal intensità ta' 35 % tammonta għal bidla insinjifikanti, li ma teħtieġx notifika ġdida.

Fl-aħħar nett, sussidjarjament, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 . Hija ssostni li, fir-rigward ta' żieda tal-ammont ta' għajnuna għal 35 % ta' intensità massima ta' għajnuna, il-Kummissjoni teħtieġ notifika ġdida mingħajr ma tivverifika jekk l-għajnuna hijiex eżenti skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 800/2008.

____________

1 - ĠU 1998 C 107, p.7

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-[Artikolu 88] tat-Trattat tal-KE (ĠU 1999 L 83, p. 1)

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, tas-6 ta' Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU 2008 L 214, p. 3)