Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2014 mill-Bank Ċentrali Ewropew mis-sentenza mogħtija fit-18 ta’ Settembru 2014 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-26/12, Cerafogli vs BĊE

(Kawża T-787/14 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Bank Ċentrali Ewropew (rappreżentanti: E. Carlini u M. López Torres, aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat)

Parti oħra fil-proċeduri: Maria Concetta Cerafogli (Ruma, l-Italja)

Talbiet

tannulla s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, fil-Kawża F-26/12, Cerafogli vs BĊE;

tiddeċiedi skont il-motivi tal-appellant fl-ewwel istanza; u

tikkundanna lil kull parti tħallas l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza Grolsch għall-kawżi tal-membri tal-persunal u b’hekk interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-inadegwatezza tal-motivi. It-tieni aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet ta’ difiża tal-istituzzjoni, ksur tal-għan tal-proċedura prekontenzjuża, u nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatti u interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. It-tielet aggravju, ibbażat fuq konklużjonijiet żbaljati misluta min-natura ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 277 TFUE u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti ta’ din il-kawża, u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.