Language of document : ECLI:EU:T:2015:206

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

16 ta’ April 2015 (*)

“Unjoni doganali – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Importazzjoni ta’ glifosat li joriġina mit-Tajwan – Applikazzjoni għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni mressqa minn aġent tad-dwana – Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Klawżola ta’ ekwità – Eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari – Dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera – Ċertifikati ta’ oriġini żbaljati – Kunċett ta’ negliġenza manifesta – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-maħfra tad-dazji mhux iġġustifikata”

Fil-Kawża T‑576/11,

Schenker Customs Agency BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn J. Biermasz u A. Jansen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn L. Keppenne u F. Wilman, sussegwentement minn A. Caeiros u B.‑R. Killmann, bħala aġenti, assistiti minn Y. Van Gerven, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 5208 finali, tas-27 ta’ Lulju 2011, li tikkonstata f’każ partikolari li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni ma’ hijiex ġustifikata f’każ partikolari (Każ REM 01/2010),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Skema antidumping applikata għall-importazzjonijiet tal-glifosat

1        Il-glifosat huwa sustanza li jikkostitwixxi l-bażi ta’ erbiċida użata fit-tinqija agrikola kif ukoll għall-manutenzjoni tal-ispazji urbani u industrijali.

2        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1731/97, tal-4 ta’ Settembru 1997, stabbilixxa dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ glifosat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 243, p. 7) fl-Unjoni Ewropea.

3        Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 36898, tas-16 ta’ Frar 1998, li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glifosat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jipprovdi għall-ġbir definittiv tad-dazju provviżorju (ĠU L 47, p. 1), dazju antidumping definittiv ta’ 24 % ġie impost fuq dawn l-importazzjonijiet.

4        Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 1999, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej informat lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-“assistenza reċiproka”, dwar is-suspetti tagħha fir-rigward ta’ irregolaritajiet possibbli li jirrigwardaw importazzjonijiet ta’ glifosat fl-Unjoni. L-ittra kienet tinkludi informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet doganali Belġjani relatata ma’ importazzjonijiet fl-1998 u fl-1999 ta’ glifosat iddikjarat li joriġina mit-Tajwan meta, fil-verità, irriżulta li l-oriġini kienet miċ-Ċina. Hija kienet tinkludi wkoll informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet doganali Franċiżi dwar importazzjonijiet ta’ glifosat li fir-rigward tagħhom kienu ġew iddikjarati kodiċi tariffarji żbaljati.

5        F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat ukoll li, abbażi ta’ informazzjoni relatata mal-produzzjoni dinjija ta’ glifosat kif ukoll tal-analiżi tal-fluss tal-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott, hija kellha s-suspett li glifosat prodott fiċ-Ċina kien ġie ttrasferit lil pajjiżi terzi li, filwaqt li ma kinux magħrufa bħala pajjiżi produtturi tal-glifosat, madankollu kienu jirriżultaw bħala pajjiżi esportaturi ta’ glifosat lejn l-Unjoni bi prezzijiet ekwivalenti għal dawk tal-glifosat prodott fiċ-Ċina. Fuq din l-informazzjoni huma bbażati s-suspetti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) dwar il-possibbiltà ta’ operazzjonijiet ta’ trasbord jew ta’ trasformazzjoni insuffiċjenti li setgħu seħħew fit-Tajwan, fit-Taljandja, f’Singapor jew fil-Malasja.

6        L-ittra kienet tinkludi lista tal-kumpanniji involuti fl-irregolaritajiet ikkomunikati mir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Franċiża kif ukoll lista li telenka numru ta’ kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni fir-rigward tas-suspetti espressi mill-Kummissjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ glifosat fl-Unjoni, fosthom il-kumpannija importatriċi tal-glifosat inkwistjoni f’dan il-każ.

7        Fl-aħħar nett, fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri sabiex ikunu viġilanti fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ glifosat u sabiex iwettqu kontrolli għat-tiftix ta’ ċertifikati ta’ oriġni li setgħu kienu ffalsifikati. Hija talbithom ukoll jipprovdulha kopji tad-dokumenti kummerċjali u ta’ trasport kif ukoll ċertifikati ta’ oriġini relatati mal-operazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ glifosat iddikjarat bħala li joriġina mill-Malasja, minn Singapor, mit-Tajlandja u mit-Tajwan għas-snin 1998 u 1999.

8        Il-Kummissjoni, fuq talba mressqa fis-26 ta’ Marzu 2001 mill-European Glyphosate Association, adottat, fit-8 ta’ Mejju 2001, ir-Regolament (KE) Nru 909/2001, li jagħti bidu għal investigazzjoni dwar l-allegat tidwir tal-miżuri kontra d-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 368/98 dwar l-importazzjoni tal-glifosat li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-importazzjoni tal-glifosat ikkunsinnat mill-Malasja jew mit-Tajwan, liema importazzjoni tkun suġġett għar-reġistrazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 37, p. 249).

9        Meta ntemmet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 163/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jestendi d-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament Nru 368/98 fuq l-importazzjonijiet tal-glifosat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ glifosat ikkunsinnat mill-Malasja jew mit-Tajwan, indipendentment minn jekk dan ġiex dikjarat li joriġina mill-Malasja jew mit-Tajwan, u li jagħlaq l-investigazzjoni li tikkonċerna produttur-esportatur Malasjan u produttur-esportatur Tajwaniż (ĠU L 30, p. 1).

 Dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ glifosat minn Schenker Customs Agency

10      Bejn id-19 ta’ Frar 1999 u d-19 ta’ Lulju 2001, ir-rikorrenti, Schenker Customs Agency BV, ippreżentat quddiem l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, fil-kapaċità tagħhom bħala aġent tad-dwana, 52 dikjarazzjoni ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ glifosat importat fl-Unjoni.

11      Bis-saħħa ta’ rappreżentanza indiretta, ir-rikorrenti stabbilixxiet dawn id-dikjarazzjonijiet f’isimha u li jmorru lura għall-kumpannija Biermann‑Schenker Lda, aġent tal-kumpannija li kienet l-importatur tal-glifosat inkwistjoni, stabbilita fil-Portugall (iktar ’il quddiem l-“Importatur”).

12      Dawn id-dikjarazzjonijiet kollha jindikaw li l-glifosat kien joriġina mit-Tajwan. Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew stabbiliti, b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ ċertifikati ta’ oriġini maħruġa minn kmamar tal-kummerċ tat-Tajwan li jiċċertifikaw l-oriġini Tajwaniża tal-merkanzija, li ngħataw lir-rikorrenti mill-Importatur.

 Kontrolli mill-awtoritajiet doganali tal-Portugall

13      Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 1999 fil-kuntest tal-assistenza reċiproka u wara li rċeviet informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-awtoritajiet doganali Portugiżi wettqu spezzjonijiet u talbu informazzjoni u dokumenti mingħand l-Importatur u l-kumpannija Biermann‑Schenker, li kienet qed taġixxi bħala aġent tal-Importatur fil-Portugall.

14      Wara li saru dawn il-kontrolli, l-awtoritajiet doganali Portugiżi kkonkludew, minn naħa, li ċ-ċertifikati ta’ oriġini Tajwaniża li jissostanzjaw id-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux kredibbli u, min-naħa l-oħra, li kienu jeżistu dokumenti li jindikaw li l-Importatur kien jaf l-oriġini Ċiniża tal-glifosat importat. Dawn il-konklużjonijiet ġew iċċitati f’rapport stabbilit mill-awtoritajiet doganali Portugiżi tat-18 ta’ Ottubru 2002. Dan ir-rapport intbagħat lill-OLAF, li bagħtu lill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi fit-8 ta’ Novembru 2002.

 Missjoni tal-OLAF

15      Ġiet ikkostitwita missjoni, b’mod partikolari fuq talba tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi. Hija kienet komposta minn rappreżentanti tal-OLAF u minn ċerti Stati Membri oħra.

16      Il-missjoni tal-OLAF marret it-Tajwan mit-18 ta’ Marzu sal-1 ta’ April 2003 sabiex tinvestiga fuq l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ glifosat iddikjarat bħala li joriġina mit-Tajwan iżda ssuspettat li joriġina miċ-Ċina. Ir-rapport ta’ din il-missjoni, tat-2 ta’ Ġunju 2003, jikkonstata li l-glifosat importat fl-Unjoni mill-Importatur, li d-dikjarazzjonijiet tiegħu ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ippreżentati mir-rikorrenti kienu jindikaw lit-Tajwan bħala post ta’ oriġini, fil-fatt kien joriġina miċ-Ċina.

17      Fir-rapport, huwa spjegat li l-glifosat kien ittrasportat miċ-Ċina lejn Ħong Kong lejn il-port Tajwaniż ta’ Kaohsjung, fejn il-merkanzija kienet ulterjorment diretta lejn l-Unjoni permezz ta’ polza ta’ kargu ġdida (“bill of lading”) u ċertifikati ta’ oriġini miksuba mingħand il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Tajwan u mill-Kamra tal-Kummerċ f’Tajwan – Kamra tal-Kummerċ ta’ Tajpej fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz dwar l-oriġini tal-merkanzija.

 Il-proċedura mmexxija mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi

18      Fit‑30 ta’ Lulju, it-3 ta’ Awwissu, it-30 ta’ Novembru u l-14 ta’ Diċembru 2001, l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi wettqu kontrolli għand ir-rikorrenti. Matul dawn il-kontrolli, huma kkonstataw li, għall-parti l-kbira tal-importazzjonijiet ta’ glifosat analizzati, il-merkanzija kienet tgħabbiet miċ-Ċina u mibgħuta bil-baħar lejn Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) billi għaddiet mit-Tajwan.

19      Wara li saru dawn il-kontrolli, l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonkludew li l-glifosat inkwistjoni fil-fatt kien ta’ oriġini Ċiniża u mhux Tajwaniża u, konsegwentement, kien suġġett għad-dazji antidumping previsti mir-Regolament Nru 368/98. Ir-rapport li jispjega fil-qosor il-konklużjonijiet inħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-21 ta’ Frar 2002. Dan ir-rapport jindika b’mod partikolari li saret intervista għall-iffinalizzar tal-kontrolli mar-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-11 ta’ Frar 2002 u li, meta l-ispettur tad-dwana talab l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-riżultati tal-kontrolli u l-eżiti possibbli tagħhom kif ukoll modifiki eventwali li kellhom x’jipproponu f’dan ir-rigward, huma ma fformulawx risposta, fejn indikaw li kienu qed jistennew ir-riżultati ta’ investigazzjoni interna.

20      Fit-13 ta’ Frar, it-2 ta’ Mejju u t-2 ta’ Lulju 2002, l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw seba’ avviżi ta’ rkupru lir-rikorrenti b’ammont totali ta’ EUR 1 696 303.17, li kienu jirrigwardaw dazji antidumping relatati mal-importazzjonijiet ta’ glifosat li d-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera kienu ġew ippreżentati minnha bejn id-19 ta’ Frar 1999 u d-19 ta’ Lulju 2001.

21      Fid-9 ta’ Diċembru 2002, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 230 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi doganali”), ressqet applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi intiża għall-maħfra tad-dazji antidumping li fir-rigward tagħhom kien ġie indirizzat l-irkupru. Dawn tal-aħħar irrifjutaw li jagħtu din il-maħfra fid-9 ta’ Settembru 2004 u kkonfermaw ir-rifjut tagħhom fis-6 ta’ Settembru 2005.

22      Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem ir-Rechtbank te Haarlem (tribunal tad-distrett ta’ Harlem, il-Pajjiżi l-Baxxi), li kkonfermahom permezz ta’ sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2006.

23      Ir-rikorrenti appellat kontra s-sentenzi tat-tribunal tad-distrett ta’ Harlem quddiem il-Gerechthof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Fis-sentenzi tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2008, il-qorti ta’ appell ta’ Amsterdam (sedenti bħala qorti għall-affarijiet doganali), li kkunsidrat li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti kienet paragunabbli għal dik li kienet tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni (C‑204/07 P, Ġabra, EU:C:2008:446), u li, minkejja li ttraskurat ċerti elementi, ma tistax tiġi akkużata b’qerq jew b’negliġenza manifesta, qieset li kien hemm lok li tintbagħat applikazzjoni għal maħfra lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 905 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”). Konsegwentement, il-qorti ta’ appell ta’ Amsterdam iddikjarat l-appell fondat, annullat is-sentenzi tat-tribunal tad-distrett ta’ Harlem kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali kkontestati li jiċħdu l-maħfra tad-dazji doganali u talbet lil dawn l-awtoritajiet jibagħtu l-każ lill-Kummissjoni.

24      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2010, l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħtu l-każ lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fejn talbuha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk ikunx ġustifikat li tipproċedi, skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali, għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni li kienu ntalbu mingħand ir-rikorrenti.

25      Skont l-Artikolu 906a tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti dwar l-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni mhux favorevoli fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha ta’ maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni u kkomunikatilha l-oġġezzjonijiet tagħha. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn l-oġġezzjonijiet fl‑1 ta’ Ġunju 2011.

26      Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-aġir tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u Tajwaniżi kif ukoll tal-Kummissjoni nnifisha qiegħdha f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-eżistenza ta’ negliġenza manifesta b’mod partikolari minħabba fatturi li jsemmu spejjeż addizzjonali ta’ trasport u dokumenti li jinkludu riferimenti għat-tagħbija tal-glifosat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

 Id-deċiżjoni kkontestata

27      Wara numru ta’ skambji ta’ korrispondenza u l-provvista ta’ informazzjoni addizzjonali mir-rikorrenti u l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, u wara l-eżami tal-grupp ta’ esperti previst mill-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-Kummissjoni adottat, fis-27 ta’ Lulju 2011, id-Deċiżjoni C (2011) 5208 finali, li tikkonstata f’każ partikolari li ma kienx ġustifikat li tipproċedi għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni (Każ REM 01/2010) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

28      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat iż-żewġ kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju għandha tinsab f’sitwazzjoni partikolari meta mqabbla ma’ operaturi oħra li jeżerċitaw l-istess negozju u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ qerq jew ta’ negliġenza manifesta min-naħa tal-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju, sabiex tkun tista’ tingħata maħfra tad-dazji.

29      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni partikolari minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Tajwaniżi kienu ħarġu ċertifikati ta’ oriġini żbaljati, fejn il-fatti inkwistjoni jaqgħu taħt il-qasam tad-dazji antidumping tal-Unjoni, li fih l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż terz ma għandhom ebda ġurisdizzjoni. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġir tagħha stess lanqas ma kien qiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni partikolari, ġaladarba hija ma kellha ebda obbligu li tavża lill-persuni responsabbli għall-ħlas tad-dazju dwar is-sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni. Barra minn hekk, hija indikat li, f’Diċembru 1999, hija kienet informat lill-Istati Membri dwar il-fatt li hija kienet tissuspetta l-eżistenza ta’ frodi fir-rigward tal-importazzjoni tal-glifosat u li, fl-2003, l-OLAF kienet mexxiet missjoni fit-Tajwan. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġir tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, li ma kellhomx għarfien effettiv dwar l-irregolaritajiet relatati mal-importazzjonijiet ta’ glifosat qabel ma seħħew l-importazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera inkwistjoni, ma qegħdux lir-rikorrenti f’sitwazzjoni partikolari.

30      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Kummissjoni osservat li l-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ ma kienx partikolarment kumpless. Barra minn hekk, hija indikat li r-rikorrenti kellha xi ftit esperjenza bħala aġent tad-dwana stabbilit sew u li diġà ppreżenta dikjarazzjonijiet oħra ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għal importazzjonijiet ta’ glifosat fil-passat, inkluż għal dak provenjenti miċ-Ċina. Barra minn hekk, hija qieset li r-rikorrenti ma kinitx ħadet il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura ruħha mill-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet li hija kienet ippreżentat, fejn ma esprimietx dubji dwar il-vera oriġini tal-glifosat, fid-dawl tal-fatturi li jindikaw li l-prodott kien telaq minn Shanghai (iċ-Ċina) u dwar l-inkoerenzi li jinvalidaw iċ-ċertifikati ta’ oriġini maħruġa mill-kmamar tal-kummerċ Tajwaniżi. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti ma kinitx uriet id-diliġenza kollha meħtieġa li normalment tintalab minn professjonist tal-iżdoganament u li, għaldaqstant, it-tieni kundizzjoni għall-għoti ta’ maħfra ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni ma kinitx ġustifikata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

32      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

33      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

34      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

35      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2014.

36      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddeċiedi li l-maħfra ta’ dazji mitluba hija ġustifikata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Waqt is-seduta, bħala tweġiba għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rrinunzjat għat-tieni kap tat-talbiet, u ttieħed att ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

39      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi. L-ewwel ħames motivi jistrieħu fuq il-ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali mill-Kummissjoni, peress li, sa fejn peress li hija kkunsidrat b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni partikolari u kienet uriet negliġenza manifesta, iddeċidiet b’mod żbaljat li l-applikazzjoni għal maħfra mressqa minn din tal-aħħar ma kinitx ġustifikata. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatti kollha u ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti.

 Rimarki preliminari dwar il-proċedura ta’ maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni

40      Għandha tiġi enfasizzata n-natura eċċezzjonali tal-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali, hekk kif speċifikat u żviluppat mill-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

41      Skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali, “[d]azji fuq l-importazzjoni [...] jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu [b’rimbors jew b’maħfra] f’sitwazzjonijiet [...] li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja [qerq jew negliġenza manifesta] ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata”.

42      Din id-dispożizzjoni hija żviluppata permezz tal-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li jipprovdi li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jirċievu l-applikazzjoni għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni għandhom jittrażmettuha lill-Kummissjoni sabiex l-applikazzjoni tiġi pproċessata konformement mal-proċedura prevista, meta hija tkun “sostnuta b’evidenza li tista tikkostitwixxi sitwazzjoni speċjali li tirriżulta minn ċirkostanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza ovvja ma tista tkun attribwita lill-persuna kkonċernata”.

43      Ġie deċiż li l-proċedura ta’ maħfra jew ta’ rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni kellha, b’mod partikolari, l-għan li tillimita l-ħlas ta’ dazji a posteriori għall-każ fejn tali ħlas kien ġustifikat u kompatibbli mal-prinċipji fundamentali, bħall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C‑48/98, Ġabra, EU:C:1999:548, punt 54, u d-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2009, Agrar-Invest‑Tatschl vs Il-Kummissjoni, C‑552/08 P, Ġabra, EU:C:2009:605, punt 52).

44      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ rimbors jew ta’ maħfra tad-dazji jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità, intiża, b’mod partikolari, sabiex tkopri sitwazzjonijiet eċċezzjonali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2006, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods vs Il-Kummissjoni, T‑382/04, EU:T:2006:369, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi u f’każijiet speċifikament previsti, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet u li, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu tali rimbors jew tali maħfra għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Berel et, C‑78/10, Ġabra, EU:C:2011:93, punt 46; ara s-sentenza Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2006:369 punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali, din tiġi stabbilita meta miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju tinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbla mal-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività u li, fl-assenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma kinitx iġġarrab id-dannu marbut mat-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazju fuq l-importazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, Trans‑Ex‑Import, C‑86/97, Ġabra, EU:C:1999:95, punt 22, u tad‑19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T‑42/96, Ġabra, EU:T:1998:40, punt 132).

46      Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jikkostitwixxux sitwazzjoni partikolari li ma tinvolvi la negliġenza manifesta u lanqas qerq min-naħa tal-parti kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tevalwa d-data fattwali kollha rilevanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/79, tat-2 ta’ Lulju 1979, dwar ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni (ĠU L 175, p. 1), (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Hyper vs Il-Kummissjoni, T‑205/99, Ġabra, EU:T:2002:189, punt 93).

47      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu analizzati l-motivi u l-argumenti tal-partijiet f’din il-kawża.

 Fuq l-ewwel ħames motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali

 Fuq l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari

48      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi qieset li hija ma kinitx f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali, minn naħa, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi kienu ħarġu avviżi ta’ rkupru mingħajr smigħ tagħha minn qabel u pproċedew tardivament għall-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni mingħand l-Importatur u, min-naħa l-oħra, minħabba l-istatus tagħha ta’ aġent tad-dwana stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi liema fatt, f’dak iż-żmien, de facto kien ifisser l-obbligu li tirrappreżenta b’mod indirett lill-klijent inkwistjoni.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tal-klawżola ta’ ekwità, hekk kif prevista fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali u fl-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, għandhom l-għan waħdieni li jippermettu, meta jiġu ssodisfatti ċerti ċirkustanzi partikolari u fl-assenza ta’ negliġenza manifesta jew ta’ qerq, li l-operaturi ekonomiċi jiġu eżentati mill-ħlas ta’ dazji li għandhom responsabbiltà li jħallsu, u mhux li jippermettu li jiġi kkontestat il-prinċipju nnifsu tal-eżiġibbiltà tad-dejn doganali jew il-proċedura marbuta magħha. Fil-fatt, l-applikazzjoni tad-dritt sostantiv doganali tal-Unjoni jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet doganali nazzjonali [sentenza taas‑6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra, EU:C:1993:285, punt 45]. Id-deċiżjonijiet adottati minn dawn l-awtoritajiet, b’applikazzjoni ta’ dan id-dritt, jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 243 tal-Kodiċi doganali, fejn dawn tal-aħħar jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Kia Motors u Broekman Motorships vs Il‑Kummissjoni, T‑195/97, Ġabra, EU:T:1998:181, punt 36, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Ricosmos vs Il-Kummissjoni, T‑53/02, Ġabra, EU:T:2005:311, punt 165).

50      B’hekk, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju li titlob l-annullament ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni wara l-proċedura prevista fl-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tista’ tinvoka utilment biss motivi jew argumenti intiżi li juru l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari jew l-assenza ta’ negliġenza manifesta jew ta’ qerq min-naħa tagħha. Il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju ma tistax tqajjem, fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, motivi jew argumenti intiżi li juru l-illegalità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jissuġġettawha għall-ħlas tad-dazji kontenzjużi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ Frar 2012, Schneider España de Informática vs Il-Kummissjoni, T‑153/10, Ġabra, EU:T:2012:94, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-każ, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħtulha avviżi ta’ rkupru mingħajr ma tawha l-opportunità minn qabel li tesponi utilment l-osservazzjonijiet tagħha huwa intiż, essenzjalment, sabiex jikkontesta l-legalità tal-proċedura mmexxija minn dawn l-awtoritajiet u, għaldaqstant, l-avviżi li rriżultaw. Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti sostniet dan l-argument quddiem il-Kummissjoni sabiex turi li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali huwa mingħajr konsegwenza f’dan ir-rigward, ġaladarba l-Kummissjoni ma hijiex kompetenti fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali nazzjonali. Għaldaqstant l-imsemmi argument ma jistax jintlaqa’ kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

52      Barra minn hekk, l-avviżi ta’ rkupru indirizzati mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi lir-rikorrenti jikkostitwixxu biss il-komunikazzjoni lilha tat-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori minn dawn l-awtoritajiet ta’ dejn doganali eżistenti li, skont l-Artikolu 201(2) tal-Kodiċi doganali, kienu inkorsi fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi doganali, ir-rikorrenti kienet debitur tad-dejn kollu, inklużi d-dazji fuq l-importazzjoni li ma kinux inġabru minħabba li ġew stabbilixxiet dikjarazzjonijiet li jindikaw lit-Tajwan bħala pajjiż ta’ oriġini tal-glifosat importat, filwaqt li l-veru pajjiż ta’ oriġini kien iċ-Ċina u li, għaldaqstant, dan il-prodott kien suġġett għal dazji antidumping.

53      Għalhekk, peress li l-kontrolli a posteriori ppermettew li jiġi konkluż li d-dazji antidumping ma kinux ġew applikati b’mod żbaljat, l-awtoritajiet doganali nazzjonali kellhom, bħala prinċipju, jipproċedu għall-irkupru a posteriori tad-dazji li ma kinux inġabru fil-mument tal-importazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, Ġabra, EU:C:1996:198, punt 16).

54      Barra minn hekk, mir-rapport tal-21 ta’ Frar 2002 tal-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi wara li saru l-kontrolli għand ir-rikorrenti fit-30 ta’ Lulju, fit‑3 ta’ Awwissu, fit-30 ta’ Novembru u fl-14 ta’ Diċembru 2001, huwa stabbilit li saret intervista għall-iffinalizzar tal-investigazzjoni mar-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-11 ta’ Frar 2002. Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li l-ispettur stieden lir-rappreżentanti tar-rikorrenti sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet u li dawn tal-aħħar indikaw li qabel ma jagħmlu dan kienu qed imexxu investigazzjoni interna. Mill-proċess jirriżulta li ebda tweġiba għall-mistoqsijiet tal-ispettur ma ġiet madankollu trażmessa sussegwentement lill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

55      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura tardiva tal-avviżi maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal-Importatur, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma essenzjalment intiżi sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dritt doganali sostantiv u mhux mill-proċedura prevista fl-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li għaliha hija kompetenti l-Kummissjoni. Għalhekk, dawn l-argumenti sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ma jistgħux jintlaqgħu.

56      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi doganali, id-debitur tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa d-dikjarant u, fil-każ ta’ rappreżentanza, anki l-persuna li f’isimha ssir id-dikjarazzjoni doganali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 113 tal-Kodiċi doganali, meta jkun hemm numru ta’ debituri għall-istess dejn doganali, huma jkunu marbuta in solidum għall-ħlas ta’ dan id-dejn. B’hekk, l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistgħux jiġu kkritikati talli ħarġu l-avviżi ta’ rkupru kontra r-rikorrenti fil-kapaċità tagħha bħala aġent tad-dwana u, għaldaqstant, id-debitur tad-dejn doganali. Il-fatt li l-awtoritajiet doganali pproċedew ulterjorment għall-ħruġ tal-avviżi kontra l-Importatur huwa mingħajr konsegwenza. Fir-rigward tal-fatt li l-Importatur falla mingħajr sar il-ħlas suġġett għall-avviżi ta’ rkupru tal-awtoritajiet doganali u mingħajr ma r-rikorrenti tista’ tieħu azzjoni legali kontrih, dan jagħmel parti mir-riskji inerenti għall-eżerċizzju tal-attività ta’ aġent tad-dwana. Minn dan jirriżulta li l-ħruġ, fl-2003, tal-avviżi ta’ rkupru fil-konfront tal-Importatur u ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jistgħux iqegħduha f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali.

57      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-fatt li, skont ir-regolamentazzjoni applikabbli għall-aġenti tad-dwana fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija kellha l-obbligu li taġixxi bħala rappreżentant indirett tal-Importatur qiegħdha f’sitwazzjoni partikolari, għandu jiġi kkonstatat li din ir-regolamentazzjoni taqa’ taħt id-dritt proċedurali doganali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

58      Issa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi doganali, ir-rappreżentanza quddiem awtoritajiet doganali għat-twettiq tal-atti u tal-formalitajiet previsti mill-Kodiċi tista’ tkun diretta, meta r-rappreżentant jaġixxi f’isem u f’rappreżentanza ta’ ħaddieħor, jew indiretta, meta r-rappreżentant jaġixxi f’ismu stess, iżda f’rappreżentanza ta’ ħaddieħor. Skont l-istess dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirriżervaw għalihom infushom id-dritt li jipprovdu li d-dikjarazzjonijiet doganali fit-territorju tagħhom għandhom jiġu stabbiliti minn aġent tad-dwana li jkun qed jeżerċita l-professjoni tiegħu f’dan it-territorju. B’hekk, ir-regolamentazzjoni applikabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi li tipprovdi għar-rappreżentanza kemm diretta kif ukoll indiretta hija bbażata fuq possibbiltajiet offerti lill-Istati Membri mill-Kodiċi doganali nnifsu. Peress li din ir-regolamentazzjoni, li tipprovdi kundizzjonijiet speċifiċi meta d-dikjarazzjonijiet jiġu ppreżentati minn aġent tad-dwana stabbilit f’dan il-pajjiż, tapplika għal kull aġent tad-dwana stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li dan iqiegħdha f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

60      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-aġir tal-kmamar tal-kummerċ Tajwaniżi, li ħarġu ċertifikati ta’ oriġini żbaljati, qiegħduha f’sitwazzjoni partikolari.

61      Skont l-Artikolu 62 tal-Kodiċi doganali, huwa d-dikjarant li għandu l-obbligu li jipprovdi d-dokumenti u l-informazzjoni neċessarji għall-finijiet tal-applikazzjoni, mill-awtoritajiet doganali, tar-regolamentazzjoni doganali rilevanti, inkluż jekk ikun hemm dazji antidumping li għandhom jiġu applikati skont l-oriġini tal-merkanzija.

62      Għandha titfakkar, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza li l-kunfidenza dwar il-validità ta’ ċertifikati ta’ oriġini li jirriżultaw li huma foloz, iffalsifikati jew mhux validi ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, sitwazzjoni partikolari li tiġġustifika l-maħfra tad-dazji (digriet tal-1 ta’ Lulju 2010, DSV Road vs Il-Kummissjoni, C‑358/09 P, EU:C:2010:398, punt 81; ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1984, Van Gend & Loos u Expeditiebedrijf Bosman vs Il-Kummissjoni, 98/83 u 230/83, Ġabra, EU:C:1984:342, punt 13, u tal-10 ta’ Mejju 2001, Kaufring et vs Il-Kummissjoni, T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, Ġabra, EU:T:2001:133, punt 234). Fil-fatt, il-kontrolli a posteriori jkunu fil-parti l-kbira neqsin mill-utilità tagħhom li kieku l-awtorizzazzjoni ta’ tali ċertifikati setgħet, waħedha, tiġġustifika l-għoti tal-maħfra. Is-soluzzjoni kuntrarja tista’ tiskoraġġixxi l-entużjażmu tal-operaturi ekonomiċi b’mod li l-finanzi pubbliċi jkollhom isostnu riskju li prinċipalment għandu jaqa’ fuq l-aġenti ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 1996, SEIM, C‑446/93, Ġabra, EU:C:1996:10, punt 45).

63      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jipproċedu għall-irkupru a posteriori tad-dejn doganali meta jirriżulta li ċertifikati ta’ oriġini jkunu invalidi wara kontroll ulterjuri mwettaq mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż jikkostitwixxi riskju kummerċjali ordinarju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni minn kull operatur ekonomiku avżat u informat (ara, b’analoġija, is-sentenza Hyper vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, EU:T:2002:189, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għandu jitfakkar ukoll li, fir-rigward tad-dazji antidumping imposti minn regolament tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz, l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż terz bl-ebda mod ma huma assoċjati mal-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament u ma jiġu attribwiti lilhom ebda funzjonijiet ta’ kontroll u ta’ sorveljanza li b’xi mod li l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju tista’ tikkunsidra lil dawn l-awtoritajiet bħala “kompetenti” fir-rigward tal-aspetti li jaqgħu taħt tali leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

65      F’dan il-każ, id-dikjarazzjonijiet stabbiliti mir-rikorrenti kienu jindikaw it-Tajwan bħala pajjiż ta’ oriġini tal-glifosat li għandu jiġi importat. Sabiex jiġu ssostanzjati dawn id-dikjarazzjonijiet fir-rigward tal-oriġini tal-glifosat, ir-rikorrenti tinvoka ċertifikati ta’ oriġini maħruġa minn kmamar tal-kummerċ Tajwaniżi li ġew trażmessi lilha mill-Importatur. Wara li saru kontrolli a posteriori mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, irriżulta li dawn iċ-ċertifikati ma jurux l-oriġini vera tal-glifosat importat. Issa, il-fatt li dawn iċ-ċertifikati rriżultaw li huma invalidi ma jistax jitqies bħala ċirkustanza li tqiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni partikolari. Il-fatt dwar jekk għandhomx jintużaw dawn iċ-ċertifikati biex tiġi stabbilita l-oriġini tal-merkanzija ddikjarata mal-awtoritajiet doganali huwa għażla tad-dikjarant biex iwettaq l-obbligu tiegħu li jiddikjara l-oriġini tal-importazzjonijiet mal-awtoritajiet doganali. Din l-għażla tikkomporta riskji inerenti mal-attività tal-aġent tad-dwana, li, għalhekk, għandhom jiġu sostnuti minn dan tal-aħħar u mhux mill-finanzi pubbliċi. Filwaqt li, kif tallega r-rikorrenti, dawn iċ-ċirkustanzi kellhom jitqiesu li jqiegħdu lill-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju f’sitwazzjoni partikolari li tiġġustifika l-maħfra tad-dazji antidumping, l-operaturi ekonomiċi ma għandhom ebda interess li jiżguraw ruħhom mill-verità tad-dikjarazzjonijiet u tad-dokumenti prodotti lill-awtoritajiet doganali.

66      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistgħux jitqiegħdu inkwistjoni permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni invokati mir-rikorrenti, li kkunsidraw, fil-kuntest ta’ skema preferenzjali, li l-maħfra kienet iġġustifikata minħabba l-fatt li l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, speċifikament awtorizzati skont din l-iskema, kienu ħarġu ċertifikati ta’ oriġini foloz għal numru ta’ snin mingħajr ma kien seħħ ebda kontroll a posteriori u mingħajr ma l-importaturi, li ma kinux aġixxew b’mod frawdolenti jew b’negliġenza, kienu avżati dwar dan.

67      Fil-fatt, bħal ma tindika ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu f’kuntest ta’ skemi ta’ trattament preferenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw fihom fir-rigward tal-atti tal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi ma jistgħux jiġu trasposti għaċ-ċirkustanzi tal-każ, li ma jirriżultawx mill-applikazzjoni ta’ skema ta’ dan it-tip, iżda mill-applikazzjoni ta’ dazji antidumping.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ma ġiex stabbilit f’dan il-każ kemm u fuq liema bażi l-kmamar tal-kummerċ li allegatament ħarġu ċ-ċertifikati ta’ oriġini inkwistjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala awtoritajiet kompetenti f’dan ir-rigward.

69      Barra minn hekk, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li, fil-kuntest ta’ skema mhux preferenzjali, inkluż meta għandhom jiġu applikati dazji antidumping, ebda konsegwenza ma tista’ tinsilet mill-ħruġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz ta’ ċertifikat fir-rigward tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, HIT Trading u Berkman Forwarding vs Il‑Kummissjoni, T‑191/09, EU:T:2010:535, punt 43).

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

71      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-aġir tagħha nnifisha, li jirriżulta minn nuqqas tal-obbligi tagħha ta’ koordinazzjoni u ta’ sorveljanza fir-rigward tal-investigazzjonijiet immexxija f’dan il-każ, ma qiegħdhiex f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali.

72      Għandu jiġi osservat li, fl-applikazzjoni tad-dazji antidumping imposti mir-Regolament Nru 368/98 li l-evitar tagħhom ta lok għall-avviżi ta’ rkupru maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-kompetenzi tal-Kummissjoni huma iktar limitati minn dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza C.A.S. vs Il‑Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq (EU:C:2008:446), invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kellha obbligi speċifiċi imposti minn ftehim ta’ assoċjazzjoni ma’ pajjiż terz, li kien jipprevedi wkoll prerogattivi favuriha biex timplementahom. Issa, l-obbligu li jiġu applikati dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ikkonċernati jaqa’ prinċipalment fuq l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Madankollu, fil-kapaċità tagħha bħala gwardjana tat-Trattati u tad-dritt derivat tal-Unjoni, b’mod ġenerali, u fir-rwol ċentrali tagħha ta’ kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt doganali tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha obbligi ta’ koordinazzjoni u ta’ sorveljanza, b’mod partikolari fil-kuntest tal-investigazzjonijiet dwar ksur potenzjali.

73      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, qabel kollox, ikkomunikat lill-Istati Membri, fl‑14 ta’ Diċembru 1999, fil-kuntest tal-assistenza reċiproka, l-informazzjoni li hija kellha dwar il-possibbiltà ta’ użu ħażin tad-dazji antidumping fuq l-importazzjoni ta’ glifosat ta’ oriġini Ċiniża.

74      Sussegwentement, hekk kif ġie espost fil-punti 13 sa 15 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, b’mod partikolari permezz tal-OLAF, assistiet lill-awtoritajiet doganali Portugiżi u tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-investigazzjonijiet tagħhom, billi kkoordinat ix-xogħol tagħhom, inkluż billi ttrażmettitilhom informazzjoni rilevanti li kienet tirriżulta mill-investigazzjonijiet. Dan ix-xogħol ta’ koordinazzjoni wassal għall-missjoni ta’ investigazzjoni tal-OLAF li marret Tajwan.

75      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 909/2001, fejn fetħet l-investigazzjoni tagħha stess dwar l-evitar tad-dazji antidumping imposti fuq il-glifosat li joriġina miċ-Ċina. Fi tmiem din l-investigazzjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 163/2002, li estenda d-dazji antidumping applikabbli għall-glifosat ta’ oriġini Ċiniża għall-importazzjonijiet ta’ glifosat mir-Tajwan u mill-Malażja.

76      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, mill-fatti tal-każ jirriżulta li proċeduri ġew implementati mill-Kummissjoni jew permezz tal-għajnuna tagħha hekk kif kienet qed tiġi żvelata informazzjoni relatata mal-evitar possibbli ta’ dazji wara li tlestew diversi stadji tal-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-OLAF.

77      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fost l-obbligi imposti fuq il-Kummissjoni, ma jirriżultax dak li jiġu informati l-importaturi jew l-aġenti tad-dwana bl-informazzjoni fil-pussess tagħha u lanqas li tavżahom meta jkollha dubji fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jeżegwixxu, hekk kif inhu rikonoxxut mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, EU:T:2002:189, punt 126). Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet l-obbligi tagħha ta’ sorveljanza u ta’ koordinazzjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-regolament li jimponi dazji antidumping applikabbli f’dan il-każ.

78      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-Kummissjoni tat lok għall-investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-assistenza reċiproka, billi ttrażmettiet, permezz tal-komunikazzjoni tagħha lill-Istati Membri tal-14 ta’ Diċembru 1999, l-informazzjoni li hija kienet irċeviet fir-rigward tal-irregolaritajiet iżolati li kienu ġew ikkomunikati minn żewġ Stati Membri kif ukoll suspetti li hija kellha f’dak il-mument, abbażi tal-informazzjoni ġenerali li hija kellha.

79      Il-fatt li t-52 dikjarazzjoni tar-rikorrenti ġew ippreżentati qabel ma ġew konklużi l-investigazzjonijiet nazzjonali differenti tal-OLAF ma jistax jitqies li jivvizzja l-aġir tal-Kummissjoni f’dan il-każ.

80      Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir tagħha ma kienx qiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni partikolari, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali.

81      Għaldaqstant, it-tielet motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

82      Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li hija ma kinitx tqiegħdet f’sitwazzjoni partikolari minħabba l-fatt li l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi kienu rreaġixxew tardivament u ma kinux ikkollaboraw b’mod xieraq għall-investigazzjonijiet relatati mal-importazzjonijiet ta’ glifosat.

83      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-awtoritajiet doganali ma jkollhomx effettivament għarfien ta’ irregolaritajiet relatati ma’ importazzjonijiet u li huma ma jħallux minn rajhom li dawn l-irregolaritajiet ikomplu sabiex ineħħuhom b’mod aħjar, il-fatt li huma jaċċettaw id-dikjarazzjonijiet relatati ma’ dawn l-importazzjonijiet ma jistax iqiegħed lill-persuna responsabbli mill-ħlas tad-dazju f’sitwazzjoni partikolari, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HIT Trading u Berkman Forwarding vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, EU:T:2010:535, punti 101 u 102).

84      F’dan il-każ, l-ewwel nett, mill-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 1999 jirriżulta li din tal-aħħar kellha xi informazzjoni ġenerali u eżempji pprovduti mill-awtoritajiet Belġjani u Franċiżi, li hija bagħtet lill-Istati Membri, preċiżament sabiex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jmexxu investigazzjonijiet u jiskopru operazzjonijiet eventwali ta’ evitar ta’ dazji.

85      Għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex ikunu viġilanti u sabiex jiksbu informazzjoni addizzjonali. Madankollu, minkejja li ġiet inkluża lista ta’ kumpanniji importaturi ta’ glifosat, il-kontenut ta’ din l-ittra ma kinitx tiżvela indikazzjonijiet suffiċjentement konkreti dwar kumpanniji speċifiċi li kienu jiġġustifikaw li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu azzjonijiet speċifiċi u immedjati fir-rigward tagħhom jew kontra operazzjonijiet immexxija minn dawn il-kumpanniji.

86      It-tieni nett, f’dan il-każ, dawn ma humiex skemi preferenzjali jew tranżazzjonijiet fil-kuntest ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni jew ta’ trattati li jipprovdu sistemi ta’ sorveljanza speċifiċi li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti inkarigati minn tali funzjoni. Ċertament, fil-kuntest ta’ importazzjonijiet suġġetti għal skema ġenerali, li fir-rigward tagħhom japplikaw dazji antidumping, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom obbligu ta’ diliġenza u ta’ sorveljanza bil-għan li jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, obbligu bħal dan ma jfissirx li, fil-preżenza ta’ informazzjoni bħal dik li tinsab fl-ittra tal-14 ta’ Diċembru 1999, l-awtoritajiet doganali għandhom jipproċedu għal kontrolli fiżiċi u sistematiċi tal-kunsinni kollha ta’ glifosat li jaslu fid-dwani tal-Unjoni fir-rigward tal-kumpanniji ċċitati f’din l-ittra. L-awtoritajiet doganali lanqas ma kellhom obbligu javżaw lill-imsemmija kumpanniji, fid-dawl tan-natura ġenerali tal-informazzjoni li kienet indikata fiha.

87      Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, b’riferiment għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan (C‑61/98, Ġabra, EU:C:1999:393), il-fatti tal-każ ma jippermettux li jiġi konkluż li l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, wara l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 1999, kellhom informazzjoni preċiża fir-rigward tal-irregolaritajiet ikkonstatati fid-dikjarazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti u li, madankollu, huma deliberatament ħallew lil din tal-aħħar tkompli tippreżenta dawn id-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-awtoritajiet doganali li huma informati bl-eventwalità ta’ frodi ma għandhomx l-obbligu li javżaw lil operatur dwar il-fatt li jista’ jkollu jħallas dazji doganali minħabba din il-frodi, anki meta dan l-operatur ikun aġixxa in bona fide (ara, f’dan is-sens, is-sentenza De Haan, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1999:393, punt 36).

88      It-tielet nett, mill-proċess jirriżulta li l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi wettqu l-ewwel ispezzjoni għand ir-rikorrenti fit-30 ta’ Lulju 2001, xi ftit ġranet wara l-preżentazzjoni, fil-19 ta’ Lulju, tal-aħħar mid-dikjarazzjonijiet kontenzjużi. Issa, hekk kif jirriżulta mir-rapport ta’ dawn l-awtoritajiet tal-21 ta’ Frar 2002, huwa biss wara li wettqu kontrolli għand ir-rikorrenti li setgħu jikkonstataw l-irregolaritajiet li taw lok għall-avviżi ta’ rkupru inkwistjoni.

89      Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-informazzjoni li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi kisbu waqt l-investigazzjonijiet tagħhom ġew trażmessi lill-Kummissjoni li ttrażmettiethom, min-naħa tagħha, lill-awtoritajiet doganali Portugiżi. Barra minn hekk, huwa fuq talba tal-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi li ngħata bidu għall-investigazzjoni tal-OLAF, inkluża l-missjoni li marret Tajwan. Dawn il-punti jixhdu r-rwol attiv tal-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-investigazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-evitar issuspettat kif ukoll b’koordinazzjoni ma’ awtoritajiet doganali oħra u mal-OLAF.

90      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-aġir tal-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kienx qiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali.

91      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

92      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta hija kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li ebda wieħed mill-elementi prodotti mir-rikorrenti ma kien tali li jqiegħdha f’sitwazzjoni partikolari u li, għaldaqstant, l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi previsti mill-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali ma ġietx sodisfatta f’dan il-każ.

 Fuq l-eżistenza ta’ qerq jew ta’ negliġenza manifesta

93      Il-ħames motiv invokat mir-rikorrent huwa intiż, essenzjalment, sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-allegat nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tagħha, li abbażi tagħha hija kkonkludiet li t-tieni waħda mill-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali ma ġietx issodisfatta f’dan il-każ.

94      Mill-Artikolu 905(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li, għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-elementi kollha rilevanti, inklużi dawk marbuta mal-aġir tal-operatur ikkonċernat, b’mod partikolari l-esperjenza professjonali tiegħu, il-bona fide tiegħu u d-diliġenza li jkun wera.

95      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ negliġenza manifesta, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom jagħti lok għad-dejn doganali, kif ukoll l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tal-operatur inkwistjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il‑Kummissjoni, T‑134/03 u T‑135/03, Ġabra, EU:T:2005:339, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandhom jiġu eżaminati l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni waqt l-analiżi tagħha relatata mat-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali.

97      Peress li l-assenza ta’ kumplessità tar-regoli applikabbli f’dan il-każ ikkunsidrata mill-Kummissjoni ma ġietx ikkontestata, jeħtieġ li jiġu analizzati ż-żewġ kriterji l-oħra kkunsidrati minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni kkontestata.

98      Fir-rigward tal-kriterju relatat mal-esperjenza tal-operatur, għandu jiġi analizzat jekk dan huwiex operatur ekonomiku li l-attività professjonali tiegħu essenzjalment tikkonsisti f’operazzjonijiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni u jekk kienx diġà kiseb ċerta esperjenza fl-eżerċizzju ta’ dawn l-operazzjonijiet (sentenza Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, EU:T:2005:339, punt 140).

99      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, din hija kumpannija attiva fl-iżdoganament sa mill-1971, fejn għalhekk hija operatur b’esperjenza f’operazzjonijiet ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni lejn l-Unjoni. Minn dan jirriżulta li l-ispeċifiċitajiet tal-iskema tad-dazji antidumping ma jistgħux ma jkunux magħrufa minnha, tant li l-iskema speċifika applikabbli f’dan il-każ ma tippreżenta ebda kumplessità partikolari, hekk kif ġie kkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

100    Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni fil-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, fil-mument meta din tal-aħħar ippreżentat id-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera kontenzjużi, hija kienet diġà stabbilixxiet dikjarazzjonijiet relatati mal-importazzjoni ta’ glifosat, inkluż glifosat li joriġina miċ-Ċina għall-istess klijent bħal f’dan il-każ, jiġifieri l-Importatur. Il-Kummissjoni osservat ukoll li, f’Ottubru u Novembru 1997, ftit wara d-dħul fis-seħħ, fis-6 ta’ Settembru 1997, tar-Regolament Nru 1731/97 li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ glifosat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-rikorrenti, tliet darbiet, stabbilixxiet għall-Importatur dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw l-importazzjoni ta’ glifosat li joriġina minn Singapor.

101    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat lir-rikorrenti bħala operatur b’esperjenza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali.

102    Fir-rigward tal-analiżi tad-diliġenza li uriet ir-rikorrenti, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi osservat li mill-Artikolu 62 tal-Kodiċi doganali jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet magħmula għand l-awtoritajiet doganali għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha u d-dokumenti kollha neċessarji sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iskema doganali li taħtha hija ddikjarata l-merkanzija. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 199 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, kif ukoll mill-Anness 37 tiegħu, il-preżentazzjoni f’uffiċċju doganali ta’ dikjarazzjoni ffirmata mid-dikjarant tivvinkolah fir-rigward tal-eżattezza tal-indikazzjonijiet mogħtija fid-dikjarazzjoni u l-awtentiċità tad-dokumenti mehmuża.

103    Barra minn hekk, mis-sistema ta’ rappreżentazzjoni indiretta, kif previst mill-Artikolu 5 tal-Kodiċi doganali, jirriżulta li r-rappreżentant indirett, sa fejn jaġixxi f’ismu stess anki jekk jagħmel dan f’rappreżentanza ta’ ħaddieħor, huwa responsabbli għad-dikjarazzjonijiet li jressaq quddiem l-awtoritajiet doganali.

104    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li aġent tad-dwana, minħabba n-natura stess tal-funzjonijiet tiegħu, huwa responsabbli kemm għall-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni kif ukoll għal-leġittimità tad-dokumenti li jippreżenta lill-awtoritajiet doganali [sentenzi CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:1993:285, punt 37, u tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra, EU:T:2000:8, punt 83].

105    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni osservat, fil-punti 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi kienu kkonstataw waqt il-kontrolli tagħhom fl-uffiċċji tar-rikorrenti li fatturi li jirrigwardaw spejjeż ta’ trasport li jindikaw Shanghai, fiċ-Ċina, bħala port ta’ tluq, kienu annessi mad-dikjarazzjonijiet tat-8 ta’ Mejju, is-26 ta’ Ġunju u l-24 ta’ Awwissu 2000. Issa, huwa paċifiku li dawn il-fatturi jikkonċernaw spejjeż inkorsi fil-mument tal-importazzjoni tal-glifosat li huwa s-suġġett tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni u li jinkludu riferimenti għall-port ta’ tluq ta’ Shanghai. F’dan ir-rigward, ma hemmx differenza jekk dawn jirrigwardawx spejjeż ta’ tluq jew l’hekk imsejħa spejjeż ta’ trasport, sa fejn jirriżulta mingħajr ekwivoċi li l-glifosat kien telaq mill-port ta’ Shanghai.

106    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni osservat, fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li listi tal-ippakkjar stabbiliti minn kumpanniji stabbiliti fiċ-Ċina kienu annessi mat-tliet dikjarazzjonijiet tat-22 ta’ Awwissu 2000. Issa, huwa paċifiku li dawn il-listi tal-ippakkjar jikkorrispondu għall-istess kunsinni ta’ glifosat bħal dawk li huma s-suġġett ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, u li fir-rigward tagħhom inkisbu poloz ta’ kargu li jindikaw Kaosiung (it-Tajwan) bħala post ta’ riċeviment u port ta’ imbark u ċertifikati ta’ oriġini maħruġa mill-kamra tal-kummerċ ta’ Tajwan. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-tliet dikjarazzjonijiet stess jindikaw liċ-Ċina bħala pajjiż ta’ tluq tal-merkanzija, liema fatt ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

107    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ inkoerenza fiċ-ċertifikati ta’ oriġini nnifishom, li nkisbu meta żvolġew il-proċeduri nazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, mill-fajl stabbilit mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi jirriżulta li kopji taċ-ċertifikati ta’ oriġini kontenzjużi ppreżentati mir-rikorrenti jirriżulta li ċ-ċertifikati għandhom inkoerenzi, bħall-assenza ta’ dati jew ta’ numri ta’ reġistru, numri ta’ reġistru identiċi għal ċertifikati b’dati differenti, numri ta’ reġistru mqiegħda fuq xulxin fl-istess ċertifikat jew l-indikazzjoni “oriġinali” mmarkata b’timbru li jirriżulta biss fuq uħud miċ-ċertifikati.

108    Fl-aħħar nett, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienet ippreżentat dikjarazzjonijiet għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ glifosat provenjenti miċ-Ċina b’rappreżentanza tal-Importatur qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1731/97, li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ glifosat li joriġina minn dan il-pajjiż, meta preċiżament ftit wara din id-data, l-Importatur biddel il-pajjiż li minnu huwa importa l-glifosat.

109    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli kkunsidrat, fir-rigward tal-punti preċedenti, li aġent tad-dwana stabbilit sew, bħar-rikorrenti, mill-inqas imissu kellu dubji fir-rigward tal-oriġini reali tal-glifosat importat.

110    Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti, bħal ma sostniet hija stess, lanqas ma eżaminat jew kellha aċċess għall-fatturi u għal-listi tal-ippakkjar relatati mad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni qabel ma ppreżentathom lill-awtoritajiet doganali, meta, skont l-Artikolu 199 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, hija, fil-kapaċità tagħha bħala dikjarant, responsabbli mill-eżattezza tal-indikazzjonijiet li jinsabu f’dawn id-dikjarazzjonijiet, in-nuqqas ta’ diliġenza tagħha huwa wisq iżjed sinjifikattiv. F’dan ir-rigward, bħal ma ssostni ġustament il-Kummissjoni, il-proċeduri interni tar-rikorrenti sabiex jingħata eżitu għad-dikjarazzjonijiet u sabiex tiġi stabbilita d-dokumentazzjoni rilevanti kif ukoll l-ispeċifiċitajiet tal-istruttura soċjetarja tal-grupp tagħha ma jistgħux jikkostitwixxu ġustifikazzjonijiet li jippermettulha tevita l-obbligi inerenti għall-funzjonijiet ta’ aġent tad-dwana b’mod li l-baġit tal-Unjoni jkollu jsostni l-konsegwenzi ta’ dan.

111    Mill-inqas, għalkemm ir-rikorrenti rċeviet dokumentazzjoni relatata ma’ dikjarazzjonijiet li hija diġà kienet ippreżentat u li minnhom kien jirriżulta li kienet ġiet iddikjarata data ineżatta, b’mod partikolari fir-rigward tal-oriġini tal-merkanzija importata, hija setgħet tikkoreġi dawn id-dikjarazzjonijiet jew tieħu miżuri sabiex tevita li jirrepetu ruħhom l-ineżattezzi.

112    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-fatt li hija ppreżentat id-dikjarazzjonijiet biss fuq struzzjonijiet tal-klijent tagħha u abbażi tad-dokumentazzjoni li dan kien ipprovdielha, fejn l-eżattezza u l-verità tad-dikjarazzjonijiet jaqgħu taħt is-sempliċi responsabbiltà tagħha bħala aġent tad-dwana. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, aġent tad-dwana ma jistax jinħeba wara l-azzjonijiet tal-klijent tiegħu sabiex jiġġustifika l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni.

113    L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex il-kundizzjoni relatata mal-assenza ta’ negliġenza manifesta jew ta’ qerq prevista mill-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali tiġi mqabbla mal-kunċett ta’ forza maġġuri għandhom jiġu miċħuda fid-dawl ta’ dak li huwa previst fl-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni u fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 95 iktar ’il fuq, li jiġbru l-elementi rilevanti għall-analiżi ta’ din il-kundizzjoni.

114    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka dawn il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-qorti tal-appell ta’ Amsterdam tannulla s-sentenzi tat-tribunal tad-distrett ta’ Harlem. Fil-fatt; dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonkludu li hija l-Kummissjoni li għandha tieħu pożizzjoni, skont l-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, dwar il-ġustifikazzjoni tal-maħfra li għaliha saret l-applikazzjoni. Għaldaqstant il-qorti tal-appell iddikjarat li l-fajl għandu jiġi trażmess lill-Kummissjoni. Issa, l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni adottata minn din tal-aħħar għandha ssir mill-Qorti Ġenerali.

115    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, meta eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha u fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti tal-każ, b’mod partikolari fir-rigward tal-assenza ta’ kumplessità tar-regoli inkwistjoni, tal-esperjenza tar-rikorrenti u tal-indikazzjonijiet li jindikaw nuqqas ta’ diliġenza tagħha, ma wettqitx żball ta’ liġi billi kkunsidrat li t-tieni kundizzjoni prevista mill-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali, relatata mal-assenza ta’ negliġenza manifesta jew ta’ qerq, ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ.

116    Għaldaqstant, il-ħames motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

117    Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement immotivata fir-rigward ta’ ċerti elementi li hija kienet ipproduċiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-aġir tal-Kummissjoni, tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-awtoritajiet Tajwaniżi.

118    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUR għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, C‑494/06 P, Ġabra, EU:C:2009:272, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat l-argumenti li r-rikorrenti kienet għamlet fl-osservazzjonijiet li hija kienet ressqet quddiemha fl-1 ta’ Ġunju 2011, spjegati fil-qosor fil-punt 26 iktar ’il fuq.

120    Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat għalfejn hija kienet tqis li l-aġir tagħha ma kienx qiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni partikolari. B’hekk, hija tagħmel riferiment għan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ obbligu li kien jimponilha tissorvelja l-ħruġ ta’ ċertifikati mill-kmamar tal-kummerċ ta’ Tajwan jew li tinforma lill-importaturi ta’ glifosat dwar is-suspetti tagħha. Hija esponiet ukoll l-interazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet doganali nazzjonali fil-kuntest tal-investigazzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-glifosat. Il-Kummissjoni esprimiet ruħha wkoll dwar l-osservazzjonijiet tal-qorti tal-appell ta’ Amsterdam fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

121    Il-Kummissjoni esponiet ukoll, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tqis li la l-aġir tal-kmamar tal-kummerċ ta’ Tajwan u lanqas dak tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kien qiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali.

122    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, hija analizzat l-elementi li kienet tqis rilevanti sabiex tikkonkludi li t-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali ma kinitx issodisfatta, fejn invokat b’mod partikolari l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx uriet id-diliġenza kollha mistennija minn professjonist tal-iżdoganament stabbilit sew.

123    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod ċar ir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi doganali u li l-kundizzjoni prevista f’dan l-artikolu dwar l-assenza ta’ negliġenza manifesta jew ta’ qerq min-naħa tal-persuna kkonċernata ma kinitx issodisfatta.

124    Għalhekk is-sitt motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

125    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Schenker Customs Agency BV hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ April 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.