Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Marzu 2011 - Hesse vs UASI - Porsche (Carrera)

(Kawża T-173/11)

Lingwa tar-rikors: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Kurt Hesse (Nürnberg, il-Ġermanja) (rappreżentant: M. Krogmann, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG (Stuttgart, il-Ġermanja)

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tal-11 ta' Jannar 2011, fil-Każ R 306/2010-4 u tiċħad l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 5 723 432 tas-16 ta' Frar 2007;

sussidjarjament,

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tikkonstata xebh bejn il-prodotti jew vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-prodotti koperti mit-trade marks invokati insostenn tal-oppożizzjoni, mill-prodotti jew mis-servizzi marbuta magħhom koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li huma aċċessorji tal-vetturi li joriġinaw minn swieq differenti maħsuba sabiex jiġu implementati indipendentement kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra ta' vetturi mekkaniċi;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tikkonstata xebh bejn il-prodotti jew vantaġġ indebitu miskub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-prodotti tat-trade marks invokati fl-oppożizzjoni, mill-prodotti jew mis-servizzi marbuta magħhom koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li, min-natura tagħhom (strumenti elettroniċi għal vetturi mekkaniċi), mill-għan tagħhom (divertiment, mużika, informazzjoni dwar it-traffiku) jew mill-użu tagħhom, ma għandhom ebda punt komuni rilevanti mal-prodotti u ma għandhomx jitqiesu bħala kumplimentari (prodotti li hemm rabta bejniethom fis-sens li l-prodotti identifikati fl-applikazzjoni għal trade mark huma indispensabbli jew importanti għall-użu tat-trade marks invokati insostenn tal-oppożizzjoni) u li jintużaw indipendentement minn xulxin;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tikkonstata xebh bejn il-prodotti jew vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni fir-rigward ta' strumenti jew apparati elettriċi jew elettroniċi u l-installazzjoni kkombinata tagħhom (pereżempju strumenti ta' navigazzjoni) tal-klassi 9 jew ta' servizzi relatati li jistgħu jintużaw sabiex jipperfezzjonaw bl-istess mod it-tagħmir ta' vetturi ta' kwalunkwe mudell jew oriġini li joriġinaw minn swieq differenti;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrent

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "Carrera" għal prodotti fil-klassi 9

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Dr. Ing.h.c.F. Porsche AG

Trade mark jew sinjal invokat: it-trade mark nazzjonali u Komunitarja "CARRERA" għal prodotti fil-klassi 12

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell milqugħ u applikazzjoni għal reġistrazzjoni miċħuda

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 1, peress li ma kien hemm ebda probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti u ma kienx hemm vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv tat-trade marks invokati insostenn tal-oppożizzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta' Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).