Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fis-27 ta’ Frar 2014 – Flight Refund Ltd vs Deutsche Lufthansa AG

(Kawża C-94/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Flight Refund Ltd.

Konvenuta: Deutsche Lufthansa AG

Domandi preliminari

Huwa possibbli li talba għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal titressaq fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea?

Fir-rigward ta’ talba għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, il-ġurisdizzjoni ta’ nutar – assimilat għal qorti nazzjonali – awtorizzat li joħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea u, wara li jkun hemm proċedura kontenzjuża mibdija fuq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni mressqa mill-konvenut, il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja, huma ddeterminati mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1896/2006”), fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali 2 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 44/2001”), u/jew mill-Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport internazzjoni bl-ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”)? Dawn id-dispożizzjonijiet legali kif jirrelataw ma xulxin?

Fil-każ fejn ir-reġoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fil-Konvenzjoni ta’ Montréal jieħdu l-preċedenza, l-applikant jista’, anki fl-assenza ta’ kull element ta’ rabta supplimentari, iressaq it-talba tiegħu, skont l-għażla tiegħu, quddiem qorti stabbilita fit-territorju ta’ Stat Parti, jew inkella l-qorti li quddiemha huwa jressaq it-talba għandha jkollha l-ġurisdizzjoni territorjali abbażi tar-regoli proċedurali tal-Istat Membru li taħtu taqa’?

Barra minn hekk, kif għandha tiġi interpretata r-regola li tipprovdi għal għażla tal-ġurisdizzjoni prevista fil-Konvenzjoni ta’ Montréal, li ssemmi l-qorti tal-post fejn it-trasportatur għandu post tan-negozju li permezz tiegħu sar il-kuntratt?

Ordni ta’ ħlas Ewropea li nħarġet bi ksur tal-għan tar-Regolament jew minn awtorità li ma għandiex ġurisdizzjoni ratione materiae tista’ tiġi eżaminata mill-ġdid ex officio? Jew inkella, il-proċedura kontenzjuża mibdija wara t-tressiq ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha, fl-assenza ta’ ġurisdizzjoni, tiġi mitmuma ex officio jew fuq talba?

Sa fejn il-qrati Ungeriżi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu l-proċedura kontenzjuża, id-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali għandhom jiġu interpretati, skont id-dritt tal-Unjoni u l-Konvenzjoni ta’ Montréal, fis-sens li dawn neċessarjament jindikaw minn tal-inqas qorti waħda li, anki fl-assenza ta’ kull element ieħor ta’ rabta, għandha l-obbligu li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-proċedura kontenzjuża mibdija wara dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni.

____________

1     ĠU L 399, p. 1.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42