Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-10 ta’ Marzu 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Kúria – l-Ungerija – Flight Refund Ltd vs Deutsche Lufthansa AG

(Kawża C-94/14) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Regolament (KE) Nru 1896/2006 – Artikoli 17 u 20 – Obbligi ta’ qorti adita għall-finijiet li tistabbilixxi liema qorti hija territorjalment kompetenti biex tisma’ l-proċedura prekontenzjuża wara l-oppożizzjoni tal-konvenut fl-ordni ta’ ħlas Ewropea – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Kreditu bbażat fuq id-dritt għal kumpens abbażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 minħabba dewmien f’titjira)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Flight Refund Ltd

Konvenuti: Deutsche Lufthansa AG

Dispożittiv

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi li fihom qorti tkun adita bi proċedura, bħal fil-kawża prinċipali, relattiva għall-identifikazzjoni ta’ qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, u teżamina, fiċ-ċirkustanzi msemmija, l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru biex jisimgħu l-proċedura kontenzjuża relattiva għall-kreditu li wassal għal tali ordni ta’ ħlas li kontriha l-konvenut ressaq oppożizzjoni fit-terminu stabbilit għal dan il-għan:

peress li r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ma jipprovdix indikazzjonijiet relattivi għas-setgħat u għall-obbligi ta’ din il-qorti, dawn il-kwistjonijiet proċedurali jibqgħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, irregolati mil-liġi nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru;

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali jeżiġi li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi deċiża b’applikazzjoni tar-regoli proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u d-drittijiet tad-difiża, kemm jekk tkun il-qorti tar-rinviju jew qorti li din tal-aħħar tidentifika bħala qorti li territorjalment u materjalment għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar kreditu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi tal-proċedura ċivili ordinarja, li tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni;

fil-każ li qorti bħall-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea u tikkonkludi li teżisti tali ġurisdizzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001, dan l-aħħar regolament u r-Regolament Nru 1896/2006 jobbligaw lil din il-qorti tinterpreta d-dritt nazzjonali fis-sens li dan tal-aħħar jippermettilha tidentifika jew tinnomina qorti li territorjalment u materjalment għandha ġurisdizzjoni biex tisma din il-proċedura, u,

fil-każ li qorti bħall-qorti tar-rinviju tikkonkludi li ma teżistix tali ġurisdizzjoni internazzjonali, din il-qorti ma hijiex marbuta li terġa teżamina din l-ordni ta’ ħlas ex officio, b’analoġija mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006.

____________

1 ĠU C 142, 12.05.2014.