Language of document : ECLI:EU:C:2022:217

Kawża C433/20

Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH

vs

Strato AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal24 ta’ Marzu 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2 – Riproduzzjoni – Artikolu 5(2)(b) – Eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat – Kunċett ta’ ‘kull mezz’ – Servers li jappartjenu lil terzi li jiġu magħmula disponibbli għal individwi għal użu privat – Kumpens ġust – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissuġġettax lill-fornituri ta’ servizzi ta’ cloud computing għall-ħlas għall-ikkopjar għal użu privat”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat – Kunċett ta’ riproduzzjoni – Kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur permezz ta’ sistema ta’ cloud computing – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(2)(b))

(ara l-punti 16 sa 18)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat – Kunċett ta’ kull mezz – Server li jappartjeni lil terz impoġġi għad-dispożizzjoni ta’ utenti mill-fornitur ta’ servizz ta’ cloud computing – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessi 2, 5 u 31 u Artikolu 5(2)(b)

(ara l-punti 21 sa 30, 33, u d-dispożittiv 1)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat – Kumpens ekwu – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri – Għan – Protezzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessi 31, 35 u 38 u Artikolu 5(2)(b))

(ara l-punti 37 sa 42, 49, 50)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat – Kumpens ekwu – Debitur – Utent finali – Possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu ħlas impost fuq persuni li jpoġġu tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali għad-dispożizzjoni tal-utenti privati – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessa 31 u Artikolu 5(2)(b))

(ara l-punti 43 sa 48)

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat – Kumpens ekwu – Finanzjament tal-kumpens għal ħlas applikat għat-tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissuġġettax lill-fornituri ta’ servizzi ta’ cloud computing għall-ħlas – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessa 35 u Artikolu 5(2)(b))

(ara l-punti 51 sa 54 u d-dispożittiv 2)

Sunt

L-eċċezzjoni msejħa “kkopjar għal użu privat” skont id-direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tapplika għall-ħażna fil-cloud ta’ kopja għal finijiet privati ta’ xogħol protett.

Id-detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ekwu li, madankollu, ma għandux neċessarjament jiġi impost fuq il-fornituri ta’ cloud.

Austro-Mechana (1) hija soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li teżerċita d-drittijiet legali għar-remunerazzjoni dovuta skont l-eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat (2). Hija adixxiet lill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) b’talba għall-ħlas ta’ din ir-remunerazzjoni kontra Strato AG, fornitur ta’ servizz ta’ ħażna fil-cloud. Din il-qorti ċaħdet it-talba, għar-raġuni li Strato ma tittrasferixxix mezzi ta’ ħażna lill-klijenti tagħha, iżda tipprovdilhom servizz ta’ ħażna online..

Adita bit-tilwima fl-appell, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) għamlet domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-ħażna ta’ kontenut fil-qafas tal-cloud computing taqax taħt l-eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 (3).

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat tapplika għall-kopji ta’ xogħlijiet fuq server fi spazju għall-ħażna mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent mill-fornitur ta’ servizz ta’ cloud computing. Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jissuġġettaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna fil-cloud għall-ħlas ta’ kumpens ekwu taħt din l-eċċezzjoni, sakemm il-ħlas ta’ kumpens ekwu favur id-detenturi ta’ drittijiet ikun previst b’mod ieħor.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, id-Direttiva 2001/29 tipprevedi li l-eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat tapplika għar-riproduzzjonijiet magħmula fuq kull mezz (4). Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-applikabbiltà ta’ din l-eċċezzjoni għall-kopji ta’ xogħlijiet fil-cloud.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “riproduzzjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li t-twettiq ta’ kopja ta’ salvagwardja ta’ xogħol fi spazju ta’ ħażna fil-cloud jikkostitwixxi riproduzzjoni ta’ dan ix-xogħol. Fil-fatt, il-fatt li xogħol jittella’ fil-cloud jikkonsisti f’li tinħażen kopja tiegħu.

F’dak li jirrigwarda l-kliem “kull mezz”, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li dan jirrigwarda l-mezzi kollha li fuqhom jista’ jiġi rriprodott xogħol protett, inklużi s-servers użati fil-kuntest tal-cloud computing. F’dan ir-rigward, ma huwiex determinanti li s-server jappartjeni lil terzi. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat tista’ tapplika għal riproduzzjonijiet magħmula minn persuna fiżika bl-għajnuna ta’ mezz li jappartjeni lil terz. Barra minn hekk, wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 huwa li jiġi evitat li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni tinqabeż jew issir obsoleta minħabba l-evoluzzjoni teknoloġika. Dan l-għan jiġi kompromess jekk l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jiġu interpretati b’tali mod li jeskludu l-mezzi diġitali u s-servizzi tal-cloud computing.

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “kull mezz” ikopri server li fih spazju għall-ħażna jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent mill-fornitur ta’ servizz ta’ cloud computing.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-issuġġettar tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna fil-cloud għall-ħlas ta’ kumpens ekwu u tqis, essenzjalment, li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, tali ssuġġettar jaqa’ taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni rrikonoxxut lil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jistabbilixxi d-diversi elementi tas-sistema ta’ kumpens ekwu.

F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-Istati Membri li jimplimentaw l-eċċezzjoni ta’ kkopjar għal użu privat huma obbligati jipprevedu sistema ta’ kumpens ekwu intiża li tħallas lid-detenturi ta’ drittijiet.

Fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-ħlas tal-kumpens ekwu, hija bħala prinċipju l-persuna li tagħmel l-ikkopjar għal użu privat, jiġifieri l-utent tas-servizzi ta’ ħażna fil-qafas tal-cloud computing, li għandha tiffinanzja l-kumpens.

Madankollu, fil-każ ta’ diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l‑utenti finali, l‑Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ħlas għall-ikkopjar għal użu privat impost fuq il-produttur jew l-importatur tas-servers, li permezz tagħhom jipproponu s-servizzi ta’ cloud computing lil persuni privati. Dan il-ħlas jingħadda ekonomikament fuq ix-xerrej ta’ tali servers u r-responsabbiltà għall-ħlas tiġi finalment sostnuta mill-utent privat li juża dan it-tagħmir jew lil min jingħata servizz ta’ riproduzzjoni.

Fl-iffissar tal-ħlas għall-ikkopjar għal użu privat, l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li ċertu apparat u mezzi jistgħu jintużaw sabiex isir ikkopjar għal użu privat fil-qafas tal-cloud computing. Madankollu, huma għandhom jiżguraw ruħhom li l-ħlas hekk magħmul, sa fejn jolqot diversi apparati u mezzi fil-kuntest tal-proċess uniku ta’ kkoppjar għal użu privat, ma jeċċedix id-dannu potenzjali mġarrab mid-detenturi ta’ drittijiet.

Għaldaqstant, id-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissuġġettax lill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna fil-cloud għall-ħlas ta’ kumpens ekwu, sakemm din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-ħlas ta’ kumpens ekwu b’mod ieħor.


1      Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH.


2      L-eċċezzjoni ta’ kkoppjar għal użu privat hija eċċezzjoni għad-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom. Din tikkonċerna r-riproduzzjonijiet magħmula fuq kwalunkwe mezz minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.


3      L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu tali eċċezzjoni, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230). F’dan il-każ, dawn l-Istati għandhom jiżguraw li d-detenturi ta’ drittijiet jirċievu kumpens ekwu.


4      Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.