Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Lulju 2011 - Makhlouf vs Il-Kunsill

(Kawża T-383/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Eyad Makhlouf (Damas, is-Sirja) (rappreżentanti: P. Grollet u G. Karouni, avukati)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/302/PESK, tat-23 ta' Mejju 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent minħabba l-ksur tad-drittijiet fundamentali;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż skont l-Artikoli 87 u 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka seba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal proċess ġust. Ir-rikorrent isostni li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ġew miksura meta ġew imposti fuqu s-sanzjonijiet inkwistjoni, mingħajr ma nstema' qabel, mingħajr ma kellu l-opportunità jiddefendi ruħu, u mingħajr ma kellu konjizzjoni tal-elementi li abbażi tagħhom ittieħdu dawn il-miżuri.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni previst fl-Artikolu 296(2) tat-TFUE. Ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill adotta fir-rigward tiegħu miżuri restrittivi, mingħajr ma pprovdilu r-raġunijiet li jippermettulu jippreżenta l-motivi tad-difiża tiegħu. Ir-rikorrent jilmenta li l-konvenut sempliċement uża formulazzjoni ġenerika u stereotipata, mingħajr ma semma bi preċiżjoni l-punti ta' fatt u ta' liġi li minnhom jiddependu l-ġustifikazzjoni legali għad-deċiżjoni tiegħu u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh biex jeħodha.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-validità tal-motivazzjoni. Ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq motivazzjoni manifestament żbaljata, u li għamel hekk b'amalgama, b'tali mod ma tistax titqies li hija adegwata fid-dritt.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-garanzija tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-rikorrent isostni li mhux biss ma setax effettivament iressaq il-fehmiet tiegħu quddiem il-Kunsill, iżda li, fin-nuqqas ta' kull indikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ta' raġunijiet speċifiċi u konkreti li jiġġustifikawh, huwa ma huwiex f'pożizzjoni li jieħu benefiċċju mir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta' proporzjonalità.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetà, sa fejn il-miżuri restrittivi, iktar preċiżament il-miżura ta' ffriżar ta' fondi, jikkostitwixxu restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt fundamentali tar-rikorrent li liberament jiddisponi mill-beni tiegħu.

Is-seba' motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-privatezza, sa fejn il-miżuri ta' ffriżar tal-fondi u ta' restrizzjoni tal-libertà li jiġi u jmur huma wkoll restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt fundamentali tar-rikorrent.

____________