Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Lulju 2011 - Eurofer vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-381/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Europäischer Wirtschaftsverband der Eisen- und Stahlindustrie (Eurofer) ASBL (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: S. Altenschmidt u C. Dittrich, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [C (2011) 2772, ĠU L 130, p. 1] u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill . Hija qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kollha.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 minħabba l-punt ta' riferiment ta' prodott għall-metall sħun

Ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tal-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-punti ta' riferiment ta' prodott.

Ir-rikorrenti ssostni li d-definizzjoni tal-punt ta' riferiment ta' prodott għall-metall sħun hija kuntrarja għall-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kontenut sħiħ tal-karbonju tal-gassijiet tal-iskart li jinħolqu matul il-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar billi tinkludi l-użu tagħhom fil-produzzjoni tal-elettriku u, għall-kuntrarju, applikat tnaqqis ta' madwar 25 %. Issa, ir-rikorrenti tikkunsidra li mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, mill-istruttura ġenerali, mill-għan u mill-interpretazzjoni storika tagħha jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt li tagħmel tali tnaqqis.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha b'mod suffiċjenti. Skont ir-rikorrenti, il-motivazzjoni tad-definizzjoni tal-punti ta' riferiment ma hijiex kompleta. Hija ssostni li r-riżervi espressi mill-Kummissjoni fir-rigward ta' distorsjonijiet eventwali tal-kompetizzjoni ma ġewx immotivati debitament. B'hekk, il-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija kuntrarja wkoll għall-prinċipju ta' proporzjonalità fir-rigward tad-definizzjoni tal-punti ta' riferiment għall-minerali sinterizzati u għall-metall sħun.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq in-neċessità li tiġi annullata d-deċiżjoni kollha

Ir-rikorrenti tiddefendi t-teżi tagħha li d-deċiżjoni għandha tiġi annullata kollha kemm hi, u dan minħabba li annullament parzjali tad-deċiżjoni, li jkun limitat esklużivament għall-punti ta' riferiment għall-minerali sinterizzati u għall-metall sħun, iwassal awtomatikament għall-applikazzjoni tal-mudell ta' riżerva skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 10(2)(b) u tal-Artikolu 3(c) tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, l-applikazzjoni ta' dan il-mudell ta' riżerva tqiegħed lir-rikorrenti f'sitwazzjoni iktar żvantaġġuża milli kieku jiġu applikati l-valuri ineżatti tal-punti ta' riferiment tal-Kummissjoni għall-minerali sinterizzati u għall-metall sħun.

____________

1 - ĠU L 130, p. 1.