Language of document : ECLI:EU:C:2017:861

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Novembru 2017 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ftehimiet u prattiki miftiehma fuq diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Difett fil-motivazzjoni – Motiv ta’ ordni pubbliku mqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita – Talbiet tar-rikors fl-ewwel istanza intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża – Projbizzjoni, għall-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li tiddikjara annullament totali tad-deċiżjoni kontenzjuża – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv”

Fil-Kawża C‑122/16 P

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-26 ta’ Frar 2016,

British Airways plc, stabbilita f’Harmondsworth (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Turner, QC, u R. O’Donoghue, barrister, b’mandat minn A. Lyle-Smythe, solicitor,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan u A. Dawes, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J.–C. Bonichot, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. Vilaras u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, British Airways plc titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:988) li biha din annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 finali, tad-9 ta’ Novembru 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ COMP/39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn tkopri lil British Airways.

 Il-kuntest ġuridiku

 L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2        L-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa miktub kif ġej:

“Każ jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rikors bil-miktub indirizzat lir-Reġistratur. Fir-rikors għandu jkun hemm l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju, l-isem tal-parti jew tal-partijiet avversarji, is-suġġett tal-kwistjoni, it-talbiet, u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba.

Ir-rikors għandu jkun akkompanjat, meta jkun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament jew fl-ipotesi kontemplata fl-Artikolu 265 TFUE, minn dokument li jiċċertifika d-data tat-talba prevista f’dawn l-Artikoli. Jekk dawn id-dokumenti ma jkunux ġew preżentati mar-rikors, ir-Reġistratur għandu jsejjaħ lil parti nteressata sabiex iġġibhom fi żmien raġonevoli, bla ma iżda tkun tista tiġi eċċepita d-dekadenza f’każ li d-dokumenti jinġiebu wara li jkun għalaq iż-żmien li fih kellu jsir ir-rikors.”

3        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-istatut jipprevedi:

“Dan l-appell jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. […]”

 Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991

4        L-Artikolu 112(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991 (iktar ’il quddiem “ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991”), kien jipprevedi:

“Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tkun qiegħda tiġi appellata għandha tiġi annessa mar-rikors ta’ l-appell. […]”

 Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2012

5        L-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2012, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja”) intitolat “Kontenut tar-rikors” huwa fformulat kif ġej:

“Ir-rikors imsemmi fl-Artikolu 21 ta’ l-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] għandu jinkludi:

[…]

c)      is-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi;

d)      it-talbiet tar-rikorrent;

[…]”

6        L-Artikolu 122 ta’ dawn ir-regoli, intitolat “Annessi mar-rikors”, jiddisponi:

“1.      Jekk ikun il-każ, mar-rikors għandhom jiġu annessi d-dokumenti indikati fit-tieni [paragrafu] ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut.

[…]

3.      Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 jew 2 ta’ dan l-artikolu, ir-Reġistratur għandu jiffissa għar-rikorrent terminu raġonevoli sabiex jipproduċi d-dokumenti msemmija iktar ‘il fuq. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.”

7        L-Artikolu 127 tal-imsemmija regoli, intitolat “Motivi ġodda”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.”

8        Skont l-Artikolu 168 ta’ dawn l-istess regoli, intitolat “Annessi mar-rikors”:

“1.      L-appell għandu jinkludi:

[…]

b)      l-indikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Qorti Ġenerali;

[…]

2.      L-Artikoli 119, 121 u 122(1) ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli għall-appell.

[…]”

9        L-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, intitolat “Talbiet, aggravji u argumenti tal-appell”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.”

10      L-Artikolu 170 ta’ dawn ir-regoli, intitolat “Talbiet fil-każ li jintlaqa’ l-appell”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk l-appell jiġi ddikjarat fondat, it-talbiet tiegħu għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqgħu, kompletament jew parzjalment, it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida. L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.”

11      L-Artikolu 190 tal-imsemmija regoli, intitolat “Dispożizzjonijiet oħra applikabbli għall-appelli”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Artikoli 127 […] ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tkun tikkonċerna appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.”

 Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991

12      Skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991:

“Ir-rikors previst mill-Artikolu 21 ta’ l-Istatut għandu jinkludi:

[…]

ċ)      is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa;

d)      it-talbiet tar-rikorrent;

[…]”

13      L-Artikolu 48(2) ta’ dawn ir-regoli huwa fformulat kif ġej:

“Ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      L-appellanti, British Airways, hija kumpannija ta’ trasport bl-ajru li topera fis-suq tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru.

15      Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet talba għall-immunità abbażi tal-avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-klemenza tal-2002”) imressqa mid-Deutsche Lufthansa AG u mis-sussidjarji tagħha, Lufthansa Cargo AG u Swiss International Air Lines AG. Skont din it-talba, kuntatti antikompetittivi kienu jeżistu bejn diversi impriżi li joperaw fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem “it-trasportaturi”), rigward diversi elementi kostituttivi tal-prezz tas-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ dan is-suq, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sovrataxxi fuq il-“karburant” u “is-sigurtà”, kif ukoll ir-rifjut ta’ dawn it-trasportaturi li jħallsu kummissjoni fuq dawn is-sovrataxxi.

16      Fl-14 u fil-15 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni pproċediet bi spezzjonijiet mingħajr avviż.

17      Wara dawn l-ispezzjonijiet, diversi trasportaturi, kif ukoll l-appellanti, ressqu talba abbażi tal-avviż dwar il-klemenza tal-2002.

18      Fid-19 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 27 trasportatur, fosthom l-appellanti. B’risposta għal din il-komunikazzjoni, id-destinatarji tagħha ppreżentaw kummenti bil-miktub. Inżammet seduta fit-30 ta’ Ġunju u fl-4 ta’ Lulju 2008.

19      Fid-9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li kienet indirizzata lil 21 trasportatur (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi inkriminati”), fosthom l-appellanti.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2011, l-appellanti ppreżentat rikors għal annullament ta’ ċerti elementi tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn dawn jikkonċernawha.

21      Kif jirriżulta mill-punt 25 tas-sentenza appellata, fit-talbiet ifformulati insostenn ta’ dan ir-rikors, l-appellanti għalhekk talbet lill-Qorti Ġenerali:

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn ġiet akkużata, f’din id-deċiżjoni, li pparteċipat fir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, sa fejn ġie kkunsidrat li l-ksur tagħha beda fit-22 ta’ Jannar 2001, u sa fejn ġie kkunsidrat li l-“elementi” rigward Ħong Kong, il-Ġappun, l-Indja, it-Tajlandja, Singapor, il-Korea u l-Brażil jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il-quddiem l-“Ftehim ŻEE”), u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq it-trasport bl-ajru, iffirmat fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni ta’ seba’ Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera”);

–        tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat seba’ motivi, ibbażati l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni qieset li hija kienet ipparteċipat fir-rifjut tal-ħlas tal-kummissjonijiet, it-tieni, fuq l-assenza ta’ provi fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur, it-tielet, fuq żbalji ta’ dritt u ta’ fatt jew ta’ użu ħażin ta’ poter fir-rigward tal-eżami tal-implikazzjoni ta’ ċerti awtoritajiet regolatorji, ir-raba’, fuq in-natura sproporzjonata u diskriminatorja tal-perċentwali tal-bażi tal-multa, il-ħames, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni żiedet il-multa matul il-kalkolu tagħha, is-sitta, fuq ksur tal-avviż dwar il-klemenza tal-2002, sa fejn l-appellanti ma bbenefikatx mill-livell ta’ tnaqqis tal-multa l-iktar għoli u, is-seba’, ta’ ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni ma naqqsitx il-multa minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti.

23      Mill-punti 27 sa 29 kif ukoll mill-punt 45 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qajmet motiv ta’ ordni pubbliku ex officio bbażat fuq difett ta’ motivazzjoni li vvizzja d-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura bbażati fuq l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, din tal-aħħar għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet fil-kawża quddiemha, sabiex isostnu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-fatt li r-raġunijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża jiddeskrivu ksur uniku u kontinwu li pparteċipaw fih id-destinatarji kollha ta’ din id-deċiżjoni, waqt li l-ewwel erba’ artikoli tad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni ma jsemmux dawn id-destinatarji kollha.

24      F’dan ir-rigward, matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostniet li, fir-raġunijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat biss ksur uniku u kontinwu wieħed tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera. Min-naħa l-oħra, id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni kkonstata l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu distint ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli. L-appellanti sostniet li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni din l-inkoerenza bejn il-motivi u d-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni, din tal-aħħar hija vvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni, li jista’ jiġi mqajjem mill-Qorti Ġenerali ex officio.

25      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata b’kontradizzjonijiet, minn naħa, bejn il-motivi u d-dispożittiv u, min-naħa l-oħra, fi ħdan il-motivi nnifishom.

26      Il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li għandha tkun hija li teżamina jekk dawn il-kontradizzjonijiet kinux ta’ natura li jiksru d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti u jipprevjenu lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha.

27      Wara din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali qieset li dan kien il-każ u, għaldaqstant, ikkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni.

28      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din il-konstatazzjoni ma setgħetx, f’dan il-każ, twassal għall-annullament totali tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tirrigwarda lill-appellanti, minħabba li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma setax imur lil hinn mit-talbiet imressqa fir-rikors promotur.

29      Għaldaqstant, u mingħajr ma eżaminat il-motivi invokati mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża minħabba difett ta’ motivazzjoni kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-motiv li kienet qajmet ex officio, sa fejn, f’din id-deċiżjoni, “il-Kummissjoni, minn naħa, qieset li r-rikorrenti, l-ewwel nett, ipparteċipat fir-rifjut ta’ ħlas tal-kummissjonijiet, it-tieni nett, wettqet ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 [tal-Ftehim ŻEE] u tal-Artikolu 8 [tal-Ftehim KE-Svizzera] bejn it-22 ta’ Jannar 2001 u l-1 ta’ Ottubru 2001 u, it-tielet nett, ipparteċipat fi ksur f’dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar għas-servizzi tat-trasport [tal-ajru] li jsiru minn Ħong Kong (iċ-Ċina), il-Ġappun, l-Indja, it-Tajlandja, Singapor, Korea u l-Brażil u, min-naħa l-oħra imponielha multa”.

30      Barra minn hekk, permezz tas-sentenzi tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2015, Air Canada vs Il‑Kummissjoni (T‑9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994), Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il‑Kummissjoni (T‑28/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:995), Japan Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑36/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:992), Cathay Pacific Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑38/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:985), Cargolux Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑39/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:991), Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il‑Kummissjoni (T‑40/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:986), Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo Pte vs Il‑Kummissjoni (T‑43/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:989), Deutsche Lufthansa et vs Il‑Kummissjoni (T‑46/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:987), SAS Cargo Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990), Air France-KLM vs Il‑Kummissjoni (T‑62/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:996), Air France vs Il‑Kummissjoni (T‑63/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:993), kif ukoll Martinair Holland vs Il‑Kummissjoni (T‑67/11, EU:T:2015:984), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq ir-rikorsi mressqa mit-trasportaturi inkriminati l-oħrajn, li kienu wkoll ikkontestaw id-deċiżjoni kontenzjuża.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija tillimita l-portata tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża għat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur tagħha;

–        tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

33      Il-Kummissjoni ssostni li l-appell huwa manifestament inammissibbli għal żewġ raġunijiet.

34      Fl-ewwel lok, l-appellanti ma osservatx l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 168(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li s-sentenza appellata ma ġietx annessa mal-appell.

35      Fit-tieni lok, l-appell ma osserva la l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas l-Artikoli 169 u 170 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li, konformement mal-Artikolu 63 ta’ dan l-Istatut, jimplementaw l-Artikolu 56 ta’ dan tal-aħħar.

36      Fir-rigward tal-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-appell ma huwiex intiż għall-annullament tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, iżda pjuttost sabiex dak id-dispożittiv jiġi kkompletat, billi l-annullament parzjali mogħti mill-Qorti Ġenerali, jiġi estiż għal annullament totali. Għaldaqstant, l-appell ma huwiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

37      Fir-rigward tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett mill-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, f’dan il-każ, peress li t-talba tal-appellanti hija iktar wiesgħa minn dik ippreżentata fl-ewwel istanza, hija tikser din id-dispożizzjoni.

38      Barra minn hekk, peress li r-raġunament tal-appellanti huwa ċirkolari, fis-sens li jikkonsisti li jiġi sostnut li huwa minħabba l-fatt li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet, il-Qorti Ġenerali ma kinitx limitata mit-talbiet ippreżentati mill-appellanti fl-ewwel istanza sabiex din tal-aħħar tkun intitolata tappella minn din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

39      Barra minn hekk, il-ġustifikazzjoni li biha l-ammissibbiltà ta’ dan l-appell jirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, imsemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), twassal, mill-ġdid, li l-Qorti Ġenerali ma kinitx limitata mit-talbiet tar-rikors fl-ewwel istanza. L-argument li bih din id-dispożizzjoni tikkonferixxi lil parti fil-kawża dritt assolut li tinvoka argument ġdid għal kollox jew li tibdel il-kawża tat-talba tagħha fi kwalunkwe stadju tal-proċedura huwa manifestament infondat.

40      L-appellanti ssostni li l-appell huwa ammissibbli.

41      Fir-rigward tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mat-tieni, b’tali mod li tapplika biss meta l-appellanti ma tipprovax tagħti talbiet identiċi għal dawk ippreżentati fl-ewwel istanza u s-suġġett tal-kawża għandu għalhekk jiġi emendat.

42      Fir-rigward tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appellanti sostniet b’mod partikolari quddiem il-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet mimlija b’kontradizzjonijiet interni u difetti ta’ motivazzjoni. Konstatazzjoni bħal din kellha twassal għall-annullament totali ta’ din id-deċiżjoni fejn tikkonċernaha. Għalhekk, l-appellanti kienet qed tfittex li tikkontesta element tas-sentenza appellata li kien bla dubju parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-fatt tilfet fit-talbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

–       Fuq l-ammissibbiltà tar-replika

43      Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li, konformement mal-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell permezz tal-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-Regoli, ir-replika ppreżentata mill-appellanti hija manifestament inammissibbli minħabba l-introduzzjoni, f’din ir-replika, ta’ motivi ġodda.

44      Fil-fatt, l-appellanti affermat, fl-appell, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat il-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita, li jimplika li hija ammettiet li l-miżura li hija talbet hija esposta fit-talbiet fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, fir-replika tagħha, minflok ma wieġbet għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-appell, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma ppermettitilhiex temenda l-imsemmija talbiet. L-appellanti lanqas ma spjegat ir-raġunijiet għaliex ippreżentat dan il-motiv tardivament, fil-kuntest tar-replika tagħha, peress li l-argumenti mressqa f’din ir-replika ma kinux ibbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu ser jiġu żvelati matul il-proċedura bil-miktub.

45      L-appellanti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-inammissibbiltà tar-replika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-appell u, fl-ewwel lok, tal-eċċezzjoni mqajma f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, ibbażata fuq li l-appellanti ma annettietx is-sentenza appellata mal-appell tagħha, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 168(2) ta’ dawn ir-Regoli, ir-rikors għandu jkun akkumpanjat, meta jkun il-każ, mid-dokumenti indikati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li “[r]-rikors għandu jkun akkompanjat, meta jkun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament […].”

47      Ċertament, meta rikors huwa dirett kontra att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, dan l-att irid ikun anness mar-rikors. Madankollu, fir-rigward tal-appell, l-Artikolu 168(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li l-appell għandu jinkludi l-indikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma huwa meħtieġ li din id-deċiżjoni tkun annessa mar-rikors tal-appell.

48      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Novembru 2012, tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, ma huwiex meħtieġ li tiġi annessa mar-rikors id-deċiżjoni kkontestata tal-Qorti Ġenerali, iżda hija biss l-indikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni li hija meħtieġa.

49      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li s-sentenza appellata ma kinitx annessa mal-appell ma jistax jiġi meqjus bħala li jwassal għall-inammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandha tiġi miċħuda.

50      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument li bih l-appell ma huwiex konformi mal-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “[i]t-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.”

51      Għandu jiġi osservat, skont l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-prinċipju fundamentali tal-qasam tal-appell li bih l-appell għandu jkun dirett kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ma jistax ikun intiż esklużivament għat-tibdil ta’ ċerti motivi ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 43 sa 45).

52      F’dan il-każ, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata, u b’mod partikolari l-punt 1 tad-dispożittiv tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha fir-rigward tagħha. Għaldaqstant, l-appellanti tikkontesta l-portata tal-annullament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet jew, fi kliem ieħor, il-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet mill-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li kkonstatat.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-appell tagħha, l-appellanti tfittex effettivament li tikseb annullament parzjali tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u li t-talbiet ta’ dan l-appell, huma, konsegwentement, konformi mal-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

54      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li l-appell ma huwiex konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat li l-eżami ta’ din l-eċċezzjoni teħtieġ evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-portata tal-kunċetti ta’ “talbiet” ippreżentati fl-ewwel istanza u tas-“suġġett tal-kawża” quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

55      Issa, fid-dawl tar-rabtiet stretti bejn dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà u l-motivi invokati mill-appellanti rigward il-mertu, qabel kollox hemm lok li jiġu evalwati dawn tal-aħħar.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li r-replika tirrigwarda esklużivament l-ammissibbiltà tal-appell, huwa xieraq ukoll, skont il-każ, li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni marbuta mal-inammissibbiltà ta’ din ir-replika fi tmiem l-imsemmi eżami tal-mertu.

 Fuq il-mertu

57      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġt aggravji bbażati fuq żball ta’ liġi, li jirriżultaw, l-ewwel wieħed, minn ksur tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita u, it-tieni wieħed, minn ksur tad-dritt ta’ rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

58      Dawn iż-żewġt aggravji għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

59      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq il-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita sabiex tillimita l-portata tal-annullament li hija ddeċidiet, anki jekk hija kkonstatat ex officio l-eżistenza ta’ difetti essenzjali li huma ta’ ordni pubbliku u li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha.

60      L-appellanti tammetti li l-qorti tal-Unjoni adita b’rikors għall-annullament tista’ tiddeċiedi ultra petita, dan jfisser li hija tista’ tiddeċiedi biss fuq dak li qed tiġi mitluba speċifikament mill-partijiet.

61      Madankollu, jeżistu diversi każi fejn il-qorti tal-Unjoni, sabiex twettaq il-kompitu tagħha ta’ gwardjan tal-legalità assenjata lilha mit-Trattat FUE, tista’ tkun obbligata li tqajjem ex officio motiv ta’ liġi u, bħala riżultat, tiddeċiedi dwar dak li ma kienx speċifikament mitlub mill-partijiet. F’dawn il-każijiet differenti, id-difett li jivvizzja l-att ikkontestat huwa ta’ natura serja biżżejjed biex jiġġustifika li l-qorti tal-Unjoni tippenalizzah, anki jekk dan id-difett ma jkunx ġie mqajjem mill-appellanti.

62      Il-qorti tal-Unjoni, adita b’rikors għal annullament, għalhekk ma tistax tiġi kkritikata li ħarġet mill-kuntest tal-kawża, li eċċediet il-ġurisdizzjoni tagħha, li ddeċidiet ultra petita jew li kisret ir-Regoli tal-Proċedura tagħha meta tqajjem ex officio motiv bħal dan, li jirrigwarda preċiżament il-legalità tal-att li hija ntalbet tannulla.

63      Billi qajmet motiv ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali ma pprovatx issib rimedju għall-insuffiċjenza tar-rikors jew l-argumenti tal-partijiet, iżda sabiex tiżgura l-osservanza ta’ regola li, minħabba l-importanza tagħha, il-partijiet ma jistgħux jiddisponu minnha.

64      Meta l-qorti tal-Unjoni Ewropea tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku abbażi ta’ difett ta’ motivazzjoni, din tkun eċċezzjoni għall-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita. B’mod partikolari, dan jista’ jiġi dedott, għall-kuntrarju, mill-punt 12 tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1972, Jamet vs Il‑Kummissjoni (37/71, EU:C:1972:57) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bl-annullament totali tal-att inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, hija tiddeċiedi ultra petita peress li l-motiv dirett kontra dan l-att ma jirrigwardax l-ordni pubbliku.

65      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ukoll wettqet żball peress li ħaltet l-għanijiet segwiti mill-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita u l-osservanza tar-regoli u tal-prinċipji ta’ ordni pubbliku li wassluha tqajjem ex officio d-difett ta’ motivazzjoni li taffettwa d-deċiżjoni kontenzjuża.

66      Fil-kuntest tal-proċedura inter partes, huwa fundamentali li l-parti li tressaq ir-rikors promotur għandha tindika s-suġġett tal-kawża u għandha tinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi u li din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Mill-punti 122 u 123 tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑281/11, EU:C:2013:855), jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi sabiex jipprevjenu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew li ma tiddeċidix fuq ir-rikors b’xi mod ieħor. Għall-istess raġunijiet, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 44(1) u l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 imponew fuqha limiti, peress li dawn tal-aħħar kienu jikkonċernaw lill-appellanti u mhux il-Qorti Ġenerali stess.

67      Għall-kuntrarju, meta tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku, il-qorti tal-Unjoni għandha tbiddel il-motivi invokati mill-partijiet insostenn tat-talbiet tagħhom u ma tkunx, minħabba dan il-fatt, iktar marbuta bil-limiti imposti mill-osservanza tal-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita.

68      L-appellanti tqis li huwa illoġiku li l-Qorti Ġenerali tirreferi għat-talbiet li hija ppreżentat fl-ewwel istanza insostenn tad-deċiżjoni tagħha li tiddeċiedi biss, skont l-osservanza tal-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita, fuq annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

69      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq ir-rikors unikament fuq il-bażi tal-motiv ta’ ordni pubbliku li hija qajmet ex officio. L-appellanti tqis li jidher li huwa diffiċli li wieħed jifhem li, sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tieħu inkunsiderazzjoni t-talbiet ifformulati fir-rikors fl-ewwel istanza, peress li hija ma ddeċidietx fuq il-motivi mressqa insostenn ta’ dawn it-talbiet.

70      It-tieni nett, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar id-difetti ta’ motivazzjoni li affettwaw id-deċiżjoni kontenzjuża kienu parzjalment fondati, kif jirriżulta mill-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata, fuq in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proċeduri nazzjonali ulterjuri għal kumpens. Madankollu, ir-riżultat kumplessiv tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali b’risposta għar-rikorsi għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, imressqa mill-appellanti u mit-trasportaturi l-oħra inkriminati, kellu bħala riżultat globali li joħloq distinzjoni illoġika bejn is-sitwazzjoni tal-appellanti, li bbenefikat biss minn annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża u s-sitwazzjoni ta’ dawn it-trasportaturi l-oħra, li bbenefikaw mill-annullament totali ta’ din id-deċiżjoni, minkejja l-fatt li l-appellanti u l-imsemmija trasportaturi l-oħra kienu eżattament fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tar-raġunament essenzjali tal-Qorti Ġenerali. Din id-distinzjoni hija arbitrarja, peress li dawn l-istess trasportaturi l-oħra mhux kollha qajmu, fir-rikorsi tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, motiv ibbażat fuq difetti fil-motivazzjoni.

71      L-appellanti żżid li d-difett ta’ motivazzjoni li jaffettwa d-deċiżjoni kontenzjuża u ddenunzjata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata joħloq diffikultajiet sinjifikattivi fil-proċeduri nazzjonali għal kumpens. Fil-fatt, fid-dawl tal-limitazzjoni tal-portata tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fid-dispożittiv tas-sentenza appellata, din id-deċiżjoni xorta waħda teżisti parzjalment kontra l-appellanti. Issa, minħabba diversi difetti li jaffettwaw l-imsemmija deċiżjoni, u li, skont il-Qorti Ġenerali, kienu suffiċjentement gravi sabiex jikkostitwixxu ksur tar-regoli jew tal-prinċipji ta’ ordni pubbliku, il-qrati nazzjonali jista’ jkollhom diffikultajiet kbar sabiex jiddistingwu b’mod ċar it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-appellanti u l-partijiet l-oħra għad-danni kollha li, skont huma, ġew ikkawżati permezz tal-aġir deskritt f’din l-istess deċiżjoni. Dan jista’ jagħmel ħsara lill-appellanti u potenzjalment ukoll lill-partijiet l-oħra, inklużi lill-partijiet li qed jitolbu d-danni u l-interessi.

72      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa tali li jagħti lok għal tħassib dwar l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, l-ekonomija tal-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Jekk dan l-approċċ ikun ikkonfermat, huwa jinkoraġġixxi lill-appellanti jifformulaw sistematikament, mingħajr ġustifikazzjoni oħra, it-talbiet tagħhom b’mod wiesa’ sabiex ikunu jistgħu jiksbu annullament ta’ portata ikbar f’każ li l-qorti tal-Unjoni tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku. Dan ikun jeħtieġ li l-qorti tal-Unjoni tassumi waħedha r-responsabbiltà sabiex tiddetermina l-portata eżatta tal-annullament. Billi qajmet ex officio motiv ta’ ordni pubbliku, il-qorti tal-Unjoni ma eżaminatx ġeneralment il-motivi mqajma mill-appellanti. Għalhekk, ikun possibbli li anki rikors vessatorju u manifestament mhux rigoruż jista’ jibbenefika ‑ skont l-approċċ segwit f’dan il-każ mill-Qorti Ġenerali ‑ minn annullament totali sempliċiment għaliex l-appellanti talbitu inizjalment.

73      L-appellanti ssostni li jekk, f’kawża li tikkonċerna regoli jew prinċipji ta’ ordni pubbliku, il-qorti tal-Unjoni għandha l-libertà li tinjora l-motivi invokati mill-partijiet, hija għandha, ukoll, tkun libera, bl-istess mod, li tinjora t-talbiet tagħhom. Dan għandu neċessarjament isir sabiex id-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha jikkoreġi tali ksur ta’ dawn ir-regoli jew prinċipji ta’ ordni pubbliku. L-interpretazzjoni opposta tkun fiha nnifisha kuntrarja għall-ordni pubbliku.

74      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet fil-punt 90 tas-sentenza appellata li huma l-partijiet li għandhom jitolbu t-tibdil tal-motivi tagħhom jew il-konklużjonijiet tagħhom matul il-proċedura, wara li l-Qorti Ġenerali tkun qajmet motiv ta’ ordni pubbliku ex officio. Tali soluzzjoni tkun twassal ukoll biex tpoġġi l-kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku fl-idejn ta’ parti waħda biss fil-kawża. Issa, l-osservanza tal-motivi ta’ ordni pubbliku mqajma mill-Qorti Ġenerali ma jistgħux ikunu suġġetti għall-interessi individwali tal-partijiet fil-kawża. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali indikat ukoll, f’dan il-punt 90 li f’kull każ irrifjutat id-dritt tal-appellanti li tipproċedi b’tali emenda, anki jekk kienet għamlet talba formali sabiex tagħmel dan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien impossibbli li l-kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku identifikati mill-Qorti Ġenerali jkunu riflessi fil-portata tal-annullament espress fid-dispożittiv tas-sentenza appellata.

75      Permezz tat-tieni motiv tagħha, l-appellanti ssostni li, anki jekk il-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita għandha tapplika, il-prinċipju superjuri ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta, jeħtieġ l-annullament totali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

76      F’dan ir-rigward, l-appellanti irrilevat li, fil-punt 59 tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta’ Settembru 2011, A. Menarini Diagnostics S.r.l. c. Italja (CE:ECHR:2011:0927JUD004350908), is-setgħa li tirriforma fil-punti kollha, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, id-deċiżjoni mogħtija minn korp inferjuri hija waħda mill-karatteristiċi ta’ korp ġudizzjarju b’ġurisdizzjoni sħiħa. Korp bħal dan għandu b’mod partikolari jkollu l-ġurisdizzjoni li jiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ dritt li huma rilevanti għall-kawża li għandu quddiemu.

77      Barra minn hekk, fil-punt 136 tas-sentenza tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑389/10 P, EU:C:2011:816), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ de facto stħarriġ sħiħ, fil-liġi u fil-fatt. Mill-punt 67 tas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815), jirriżulta li tali stħarriġ jimplika s-setgħa li jiġi annullat l-att ikkontestat.

78      Skont l-appellanti, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa iktar sorprendenti peress li hija stess ikkonstatat, b’mod partikolari fil-punti 76 u 79 sa 81 tas-sentenza appellata, diversi ksur konkreti tad-drittijiet tagħha ta’ difiża. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kontenzjuża ttieħdet għall-ispejjeż ta’ ksur ieħor ta’ dawn id-drittijiet, mhux imsemmija speċifikament fis-sentenza appellata.

79      Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk l-appell jitqies li huwa ammissibbli, iż-żewġ aggravji tal-appell huma, fi kwalunkwe każ, infondati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80      Permezz taż-żewġt aggravji tal-appell, l-appellanti tikkritika, essenzjalment lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li, minħabba l-projbizzjoni li tipproċedi ultra petita, hija ma setgħetx tagħti deċiżjoni ta’ annullament li jmur lil hinn minn dak li kienet talbet l-appellanti fit-talbiet tar-rikors promotur tagħha, anki jekk tali annullament kien neċessarju sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha ta’ motiv ta’ ordni pubbliku li kienet qajmet ex officio.

81      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, peress li l-qorti ma tistax tiddeċiedi ultra petita fir-rigward tal-legalità, l-annullament li hija tiddikjara ma jistax imur lil hinn minn dak mitlub mill-appellanti (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il‑Kummissjoni, C‑240/03 P, EU:C:2006:44, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 52).

82      Barra minn hekk, jekk l-awtorità assoluta ta’ res judicata li tgawdi minnha sentenza għal annullament ta’ qorti tal-Unjoni hija marbuta kemm mad-dispożittiv tas-sentenza kif ukoll mal-motivi li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju, hija ma tistax tasal għal annullament ta’ att li ma huwiex riferut għall-kunsiderazzjoni tal-qorti tal-Unjoni iżda li huwa allegat li huwa vvizzjat bl-istess illegalità (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 54).

83      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni li ma tkunx ġiet ikkontestata mid-destinatarju fit-termini previsti fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE issir finali fir-rigward tiegħu (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Din il-ġurisprudenza hija bbażata b’mod partikolari fuq il-kunsiderazzjoni li t-termini sabiex titressaq azzjoni huma intiżi sabiex jiggarantixxu ċ-ċertezza legali, billi jevitaw li atti tal-Unjoni li għandhom effetti legali jitqiegħdu indefinittivament f’dubju, kif ukoll fuq ir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija tal-proċedura (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 61).

85      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u kif essenzjalment irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 94 u 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li att, jew il-partijiet ta’ att, fir-rigward ta’ persuna li ma hijiex suġġetta għaċ-ċensura ta’ qorti tal-Unjoni ma jistgħux jiġu annullati minn din il-qorti u għalhekk isiru finali fir-rigward ta’ din il-persuna.

86      Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mal-Artikolu 120(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-Artikolu 44(1)(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, fil-kuntest ta’ rikors indirizzat quddiem il-qrati tal-Unjoni, l-att li bih ir-rikors huwa mressaq għandu jkun fih, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża, l-espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati u t-talbiet tal-appellanti.

87      Minn dan isegwi, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, li fis-sistema tal-kontenzjuż tal-legalità quddiem il-qorti tal-Unjoni, huma l-partijiet li għandhom l-inizjattiva tal-proċess u li jiddeterminaw is-suġġett tal-kawża, b’mod partikolari, li jidentifikaw fit-talbiet tagħhom l-att, jew il-parti tal-att li għandhom l-intenzjoni li jissuġġettaw għall-istħarriġ ġudizzjarju.

88      Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni għandha tqajjem motivi ta’ ordni pubbliku ex officio (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Madankollu, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-appellanti, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-legalità li tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku bl-ebda mod ma timplika kompetenza li temenda ex officio t-talbiet ifformulati mill-appellanti. Fil-fatt, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, jekk il-motivi jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tal-konklużjonijiet li jinsabu f’dan ir-rikors, madankollu huma neċessarjament differenti minn dawk li jiddefinixxu l-limiti tal-kawża rriferuta lill-qorti tal-Unjoni.

90      Konsegwentement, jekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, meta tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku, li, bħala regola ġenerali, ma kienx ġie invokat mill-partijiet, il-qorti tal-Unjoni ma toħroġx mill-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha u bl-ebda mod ma tikser ir-regoli ta’ proċedura dwar il-preżentazzjoni tas-suġġett tal-kawża u tal-motivi fir-rikors (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 35), ikun mod ieħor jekk, wara l-eżami tal-mertu tal-att ippreżentat għaċ-ċensura, il-qorti tiddikjara, abbażi tal-motiv imqajjem ex officio, annullament li jmur lil hinn minn dak li kien mitlub fit-talbiet magħmula quddiemha, għar-raġuni li tali annullament huwa neċessarju sabiex jikkoreġi l-illegalità kkonstatata ex officio fil-kuntest tal-imsemmija analiżi.

91      Issa, f’dan il-każ, kif tfakkar fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, l-appellanti, fit-talbiet fir-rikors promotur quddiem il-Qorti Ġenerali, talbet biss l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 81 sa 90 ta’ din is-sentenza, li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li hija ma setgħetx tiddikjara l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ħlief fil-limiti preskritti mit-talbiet tar-rikors promotur u għalhekk, fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, hija pproċediet bl-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni, konformement mal-imsemmija limiti.

93      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra mqajma mill-appellanti insostenn taż-żewġt aggravji tal-appell tagħha.

94      B’mod partikolari, fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument, imfakkar essenzjalment fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, li bih il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq l-Artikolu 44(1) u fuq l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991. F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, li tinsab fil-punti 90 u 91 tas-sentenza appellata, tal-kwistjoni dwar jekk, anki jekk l-appellanti esprimiet impliċitament il-volontà li temenda t-talbiet inizjali tagħha, tali emenda setgħet tiġi aċċettata. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma njoratx il-fatt li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx il-kwistjoni dwar jekk f’dawk iċ-ċirkustanzi l-Qorti Ġenerali tista’ eventwalment tqajjem motivi ex officio, jew temenda l-kapijiet tat-talba bl-istess mod, iżda pjuttost ir-rekwiżiti proċedurali imposti fuq l-appellanti, fil-kuntest ta’ rikors imressaq quddiemha, fir-rigward tal-kontenut tar-rikors.

95      Peress li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, għandu jiġi injorat.

96      Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument, imfakkar essenzjalment fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, li bih l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata kellu bħala riżultat li joħloq distinzjoni illoġika bejn is-sitwazzjoni tal-appellanti u dik tat-trasportaturi inkriminati li kisbu l-annullament totali tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn tikkonċernahom, mingħajr ma invokaw, fir-rikors promotur tagħhom, motiv ibbażat fuq difett ta’ motivazzjoni, bħal dak li ġie rrilevat ex officio mill-Qorti Ġenerali u li wassal lil din li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża f’dan is-sens.

97      Fil-fatt, huwa stabbilit li, kuntrarjament għall-imsemmija trasportaturi l-oħra, l-appellanti talbet biss, fir-rikors promotur tagħha, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn kienet tikkonċernaha.

98      Konsegwentement, u peress li, kif jirriżulta mill-punt 85 ta’ din is-sentenza, il-partijiet ta’ att li jikkonċerna persuna li ma humiex suġġetti għaċ-ċensura tal-qorti tal-Unjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ annullament minn din il-qorti u jsiru, għalhekk, finali sa fejn jikkonċernaw l-imsemmija persuna, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali ma ttrattatx bl-istess mod lill-appellanti u t-trasportaturi inkriminati li ressqu r-rikorsi ċċitati fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tad-differenzi eżistenti bejniethom fir-rigward tal-portata tat-talbiet li kienu ppreżentaw fl-ewwel istanza.

99      Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li, bħat-trasportaturi inkriminati, l-appellanti bbenefikat mill-motiv mqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali sa fejn hija kienet irreferiet din id-deċiżjoni għall-istħarriġ tagħha, hija b’mod żbaljat issostni li l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jċaħħad mill-effett utli tagħha l-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni li tqajjem ex officio motivi ta’ ordni pubbliku f’dawn iċ-ċirkustanzi bħal f’dan il-każ. Fil-fatt, minn qari flimkien tal-punti 27 sa 94 tas-sentenza appellata jirriżulta, u barra minn hekk ma huwiex ikkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-annullament iddikjarat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata huwa bbażat esklużivament fuq l-aċċettazzjoni tal-motiv imqajjem ex officio, u l-motivi mressqa mill-appellanti fir-rikors promotur ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

100    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument, espost fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, li bih l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-ekonomija tal-proċedura, fi kwalunkwe każ, ma jiġġustifikawx in-nuqqas ta’ applikazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni, tal-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita għall-unika raġuni li d-deċiżjoni tagħha hija bbażata fuq motiv li hija qajmet ex officio.

101    Fir-raba’ lok, l-argument imfakkar essenzjalment fil-punti 75 sa 78 ta’ din is-sentenza, li bih id-dritt tal-appellanti għal rimedju effettiv, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, ikun miksur jekk ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali jiġi kkonfermat, ma jistax jirnexxi.

102    Ċertament, mill-punti 76 sa 86 tas-sentenza appellata jirriżulta, u ma huwiex ikkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, li d-difett ta’ motivazzjoni kkonstatat mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza kiser id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, sa fejn huwa ma kienx jippermettilha, anki jekk hija kienet għażlet li tressaq rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, li tifhem in-natura u l-portata tal-ksur ikkonstatat f’din id-deċiżjoni, u li dan id-difett ipprevjena lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq dik id-deċiżjoni.

103    Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 66).

104    Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istħarriġ ta’ legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jimplika li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt u li għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li temenda l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 67).

105    Minn dan isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 142 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ma huwiex kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni jkun limitat mit-talbiet tal-partijiet kif ifformulati fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-proċedura, peress li dan il-prinċipju lanqas ma jeħtieġ li l-qorti għandha testendi l-istħarriġ tagħha għal elementi ta’ deċiżjoni li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kawża li għandha quddiemha.

106    B’mod partikolari, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, jekk kif jirriżulta mill-punt 102 ta’ din is-sentenza, id-difett ta’ motivazzjoni kkonstatat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata pprevjena lill-appellanti milli tidentifika difetti oħra possibbli fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmi difett ta’ motivazzjoni seta’ ġie identifikat mill-appellanti u din tal-aħħar għalhekk setgħet tinvokah fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex titlob l-annullament totali ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn tikkonċernaha, kif għamlu ċerti trasportaturi oħra inkriminati, bħal Air Canada fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, Air Canada vs Il‑Kummissjoni (T‑9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994).

107    Fl-aħħar nett, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument, evokat fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li bih jeżistu, f’livell nazzjonali, azzjonijiet għad-danni u interessi kontra l-appellanti li huma bbażati fuq id-deċiżjoni kontenzjuża, li, peress li hija vvizzjata fl-intier tagħha, hija s-sors ta’ diffikultajiet għall-qrati nazzjonali fir-rigward tat-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-appellanti u l-partijiet l-oħra għad-danni li, skont huma, ġew ikkawżati permezz tal-aġir li huwa s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni.

108    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 129 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eventwali impożizzjoni tar-responsabbiltà tal-appellanti fid-dritt nazzjonali għal danni kkawżati mill-aġir antikompetittiv, waħedha, ma jistax ikollha bħal effett li temenda l-kompetenzi tal-qorti tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE.

109    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, iż-żewġt aggravji tal-appell huma infondati u għalhekk għandhom jiġu miċħuda.

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, esposti fil-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza, ibbażati fuq l-inammissibbiltà tal-appell minħabba n-nonkonformità tiegħu mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess japplika għall-oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tar-replika.

111    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

113    Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż relatati mal-appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      British Airways plc hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.