Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof – il-Ġermanja) – Spiegel Online GmbH vs Volker Beck

(Kawża C-516/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati – Artikolu 5(3) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata – Artikolu 5(3)(ċ) u (d) – Rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti – Kwotazzjonijiet – Użu ta’ hyperlinks – Tqegħid legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 11 – Libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Spiegel Online GmbH

Konvenut: Volker Beck

Dispożittiv

It-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jikkostitwixxux miżuri ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-portata tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet previsti minnhom.

Il-libertà ta’ informazzjoni u l-libertà tal-istampa, irrikonoxxuti fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jiġġustifikaw, minbarra l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, deroga mid-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-awtur, previsti rispettivament fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

Il-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandha twettaq, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ikkonċernat, bejn id-drittijiet esklużivi tal-awtur previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, minn naħa, u d-drittijiet tal-utenti ta’ oġġetti protetti msemmija fid-dispożizzjonijiet derogatorji tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u tal-Artikolu 5(3)(d) ta’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra, għandha tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li, filwaqt li tosserva l-formulazzjoni tagħhom u filwaqt li tħares l-effett utli tagħhom, tkun kompletament konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

It-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tillimita l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għall-każijiet li fihom ma jkunx raġonevolment possibbli li titressaq talba minn qabel sabiex jiġi awtorizzat l-użu ta’ xogħol protett għal finijiet ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti.

L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwotazzjonijiet”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri r-riferiment, permezz ta’ hyperlink, għal fajl li jista’ jiġi kkonsultat b’mod awtonomu.

L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li xogħol ikun diġà tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku meta dan ix-xogħol, fil-forma konkreta tiegħu, ikun magħmul aċċessibbli għall-pubbliku minn qabel bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet jew bis-saħħa ta’ liċenzja mhux volontarja jew inkella bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni legali.

____________

1     ĠU C 392, 20.11.2017.