Language of document : ECLI:EU:C:2019:625

Kawża C516/17

Spiegel Online GmbH

vs

Volker Beck

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati – Artikolu 5(3) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata – Artikolu 5(3)(ċ) u (d) – Rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti – Kwotazzjonijiet – Użu ta’ hyperlinks – Tqegħid legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 11 – Libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti u kwotazzjonijiet – Portata – Assenza ta’ armonizzazzjoni sħiħa – Limiti – Osservanza tad-dritt tal-Unjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(3)(ċ) u (d))

(ara l-punti 31, 36, 39, 42, u d-dispożittiv 1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata – Libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni – Esklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 11; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 2(a), 3(1), u 5(2) u (3))

(ara l-punti 41, 49, u d-dispożittiv 2)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti u kwotazzjonijiet – Ibbilanċjar imwettaq mill-qorti nazzjonali – Konformità mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 2(a), 3(1), u 5(3)(ċ) u (d))

(ara l-punt 59, u d-dispożittiv 3)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti – Regola nazzjonali li tillimita l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni derogatorja li tikkonċerna r-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti għall-każijiet fejn ikun raġonevolment impossibbli li titressaq talba minn qabel sabiex jiġi awtorizzat l-użu ta’ xogħol protett għal dawn il-finijiet – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(3)(ċ))

(ara l-punti 71, 74, u d-dispożittiv 4)

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Kunċett ta’ kwotazzjonijiet – Riferiment, permezz ta’ hyperlink, għal fajl li jkun jista’ jiġi kkonsultat b’mod awtonomu – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(3)(d))

(ara l-punti 81, 84, u d-dispożittiv 5)

6.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Kwotazzjonijiet – Xogħol li jkun diġà tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(3)(d))

(ara l-punt 95, u d-dispożittiv 6)

Sunt

Permezz tas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17), il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, interpretat id-drittijiet esklużivi tal-awturi għar-riproduzzjoni u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom kif ukoll l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet, kif previsti fid-Direttiva 2001/29 (1), fil-kuntest tal-pubblikazzjoni, fuq sit ta’ informazzjoni fuq l-internet, ta’ manuskritt u ta’ artiklu ppubblikat f’ġabra, disponibbli għat-tniżżil mill-pubbliku permezz ta’ hyperlinks.

It-tilwima fil-kawża prinċipali, bejn il-kumpannija Spiegel Online, li topera l-portal ta’ informazzjoni fuq l-internet bl-istess isem, u Volker Beck, li kien membru tal-Bundestag (il-Parlament Federali, il-Ġermanja), kienet tikkonċerna l-pubblikazzjoni, minn Spiegel Online, fuq is-sit internet tagħha, ta’ manuskritt ta’ V. Beck u ta’ artiklu ppubblikat minn dan tal-aħħar f’ġabra. V. Beck kien ikkontesta, quddiem qorti reġjonali, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tat-testi sħaħ ta’ dan il-manuskritt u ta’ dan l-artiklu fuq is-sit internet ta’ Spiegel Online, li fil-fehma tiegħu kien jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur. L-imsemmija qorti laqgħet it-talbiet ta’ V. Beck. Wara li tilfet fl-appell, Spiegel Online ppreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

Adita bil-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 li jippermettu deroga mid-drittijiet esklużivi tal-awtur fir-rigward tar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti (2) u tal-kwotazzjonijiet (3) iħallux lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux miżuri ta’ armonizzazzjoni sħiħa. Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi eżerċitat fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, u dan sabiex jinżamm bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet għall-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tagħhom (4), iggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet u l-interessi tal-utenti ta’ xogħlijiet u ta’ oġġetti protetti, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tagħhom (5), li hija wkoll iggarantita mill-Karta, kif ukoll l-interess ġenerali.

Fir-rigward tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din il-libertà ma tistax tiġġustifika, minbarra l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fid-Direttiva 2001/29 (6), deroga mid-drittijiet esklużivi tal-awturi għar-riproduzzjoni u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, għajr dik prevista fl-imsemmija direttiva. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-lista tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti f’din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti.

Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandha twettaq il-qorti nazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, bejn, minn naħa, id-drittijiet esklużivi tal-awturi għar-riproduzzjoni (7) u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom (8), u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet tal-utenti ta’ oġġetti protetti koperti mid-dispożizzjonijiet derogatorji tad-Direttiva 2001/29 dwar ir-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti u dwar il-kwotazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li, filwaqt li tosserva l-formulazzjoni tagħhom u filwaqt li tħares l-effett utli tagħhom, tkun kompletament konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

Meta indirizzat, fl-ewwel lok, id-dispożizzjoni derogatorja tad-Direttiva 2001/29 dwar ir-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din id-dispożizzjoni tipprekludi regola nazzjonali li tillimita l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni għall-każijiet fejn ma jkunx raġonevolment possibbli li titressaq talba minn qabel sabiex jiġi awtorizzat l-użu ta’ xogħol protett għall-finijiet ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti. Fil-fatt, bħala regola ġenerali u b’mod partikolari fil-kuntest tas-soċjetà tal-informazzjoni, il-fatt li sseħħ ġrajja kurrenti jeħtieġ li l-informazzjoni dwar din il-ġrajja tkun tista’ tiġi kkomunikata malajr, b’tali mod li huwa diffiċli li dan jiġi kkonċiljat ma’ rekwiżit li jinkiseb minn qabel il-kunsens tal-awtur, li jista’ jagħmel eċċessivament diffiċli, jekk mhux ukoll jipprekludi, l-għoti lill-pubbliku ta’ informazzjoni rilevanti fi żmien adegwat.

Meta eżaminat, fit-tieni lok, id-dispożizzjoni derogatorja tad-Direttiva 2001/29 dwar il-kwotazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel nett, li l-kunċett ta’ “kwotazzjonijiet”, previst f’din id-dispożizzjoni, ikopri r-riferiment, permezz ta’ hyperlink, għal fajl li jista’ jiġi kkonsultat b’mod awtonomu. F’dan il-kuntest, hija fakkret il-ġurisprudenza tagħha li minnha joħroġ li l-hyperlinks jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-internet, li għandu importanza partikolari għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantita mill-Karta, kif ukoll għall-iskambju ta’ opinjonijiet u ta’ informazzjoni f’dan in-netwerk ikkaratterizzat mid-disponibbiltà ta’ volum ta’ informazzjoni li ma jistax jiġi kkwantifikat. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li xogħol ikun diġà tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku meta dan ix-xogħol, fil-forma konkreta tiegħu, ikun magħmul aċċessibbli għall-pubbliku minn qabel bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet jew bis-saħħa ta’ liċenzja mhux volontarja jew inkella bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni legali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk xogħol tqegħidx għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod legali, fid-dawl tal-każ konkret li jkollha quddiemha u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami.


1      Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


2      It-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29.


3      Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29.


4      Artikolu 17(2) tal-Karta.


5      Artikolu 11 tal-Karta.


6      Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29.


7      Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29.


8      Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.