Language of document : ECLI:EU:C:2021:153

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Marzu 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Proċedura ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Ħatra mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq riżoluzzjoni mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura – Nuqqas ta’ indipendenza ta’ dan il-kunsill – Assenza ta’ effettività tal-azzjoni ġudizzjarja miftuħa kontra tali riżoluzzjoni – Sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) li tħassar id-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata l-kompetenza tal-qorti tar-rinviju – Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tiddekreta li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ipso jure f’kawżi pendenti u li teskludi fil-futur kull azzjoni ġudizzjarja f’tali kawżi – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà u/jew obbligu għall-qrati nazzjonali li jagħmlu rinviju preliminari u li jżommuh – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Setgħa li jitħallew mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑824/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2018, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Diċembru 2018, talba kkompletata permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2019, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

A.B.,

C.D.,

E.F.,

G.H.,

I.J.

vs

Krajowa Rada Sądownictwa

fil-preżenza ta’:

Prokurator Generalny,

Rzecznik Praw Obywatelskich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Prechal (Relatriċi), M. Vilaras, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A.B., minn M. Dębska-Koniecek, adwokat,

–        għal C.D., minn M. Bogdanowicz, radca prawny,

–        għal E.F., minn M. Gajdus, adwokat,

–        għal I.J., minn P. Strumiński, radca prawny,

–        għall-Krajowa Rada Sądownictwa, minn L. Mazur, J. Dudzicz u D. Pawełczyk-Woicka,

–        għall-Prokurator Generalny, minn B. Górecka, R. Hernand, A. Reczka, S. Bańko u B. Marczak,

–        għar-Rzecznik Praw Obywatelskich, minn A. Bodnar, M. Taborowski u P. Filipek,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, A. Grajewski, A. Dalkowska u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer, P. J. O. Van Nuffel, A. Stobiecka-Kuik u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(3), tal-Artikolu 6(1) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Artikolu 15(1), tal-Artikolu 20, tal-Artikolu 21(1), tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 2(1) u (2)(a), tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, A.B., C.D., E.F., G.H. u I.J. u, min-naħa l-oħra, il-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”) dwar riżoluzzjonijiet li permezz tagħhom dan tal-aħħar iddeċieda li ma jipproponix lill-President tar-Repubblika tal-Polonja (iktar ’il quddiem il-“President tar-Repubblika”) li jaħtar il-persuni kkonċernati f’pożizzjonijiet ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) u li jipproponi l-ħatra ta’ kandidati oħrajn għal dawn il-pożizzjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattati UE u FUE

3        L-Artikolu 2 TUE huwa fformulat b’dan il-mod:

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

4        Skont l-Artikolu 4(3) TUE:

“Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu.

L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’ periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni.”

5        L-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

6        Skont l-Artikolu 267 TFUE:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

(a)      l-interpretazzjoni tat-Trattati;

(b)      il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni.

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.

Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti.

[…]”

 Il-Karta

7        It-Titolu VI tal-Karta, intitolat “Ġustizzja”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħha, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jipprovdi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]

[…]”

 Id-Direttiva 2000/78

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

9        L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.”

10      L-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija direttiva jistipula:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ […]”

11      Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi […] għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

 Id-dritt Pollakk

 Il-Kostituzzjoni

12      L-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni jipprevedi:

“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku, mingħajr dewmien eċċessiv, minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali.”

13      L-Artikolu 60 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Iċ-ċittadini Pollakki li għandhom id-drittijiet ċivili kollha tagħhom għandhom id-dritt li jaċċedu, taħt kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, għall-funzjonijiet pubbliċi.”

14      Skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, il-President tar-Repubblika għandu jaħtar lill-imħallfin, fuq proposta tal-KRS, għal żmien indeterminat.

15      L-Artikolu 184 tal-Kostituzzjoni jipprevedi li n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) u l-qrati amministrattivi għandhom kompetenza sabiex jistħarrġu l-attività tal-amministrazzjoni pubblika.

16      Skont l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni:

“Il-[KRS] huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.”

17      L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“1.      Il-[KRS] għandu jkun kompost minn:

(1)      l-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], il-Ministru għall-Ġustizzja, il-President tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] u persuna maħtura mill-President tar-Repubblika,

(2)      ħmistax-il membru eletti minn fost l-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari,

(3)      erba’ membri eletti mis-[Sejm (il-Polonja)] minn fost id-deputati u żewġ membri eletti mis-Senat minn fost is-senaturi.

[…]

3.      Il-mandat tal-membri eletti [tal-KRS] huwa ta’ erba’ snin.

4.      Ir-regoli, il-qasam ta’ attività, il-metodu ta’ ħidma [tal-KRS] kif ukoll il-mod li bih jiġu eletti l-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.”

 Il-Liġi dwar il-KRS

18      Il-KRS huwa rregolat mill-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal‑2011, Nru 126, pożizzjoni 714), kif emendata, b’mod partikolari, bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3) u mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal‑2008, pożizzjoni 1443) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”).

19      Skont il-punti (1) u (2) tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-KRS, dawn li ġejjin jaqgħu taħt il-kompetenza tal-KRS:

“1.      l-eżami u l-evalwazzjoni tal-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] u għall-pożizzjonijiet ta’ mħallef tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari kif ukoll għall-pożizzjonijiet ta’ mħallef assessur fil-qrati amministrattivi;

2.      il-preżentazzjoni lill-[President tar-Repubblika] tal-proposti ta’ ħatra ta’ mħallfin fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], fil-qrati ordinarji, il-qrati amministrattivi u l-qrati militari kif ukoll il-ħatra ta’ mħallfin assessuri fil-qrati amministrattivi”.

20      L-Artikolu 9bis ta’ din il-liġi jistipula:

“1.      Is-Sejm għandu jeleġġi, minn fost l-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari, ħmistax‑il membru [tal-KRS] għal mandat konġunt ta’ erba’ snin.

2.      Fit-twettiq tal-elezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-Sejm għandu, sa fejn ikun possibbli, jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ rappreżentazzjoni fi ħdan [il-KRS] ta’ mħallfin minn tipi u livelli differenti ta’ qrati.

3.      Il-mandat konġunt tal-membri ġodda [tal-KRS], eletti minn fost l-imħallfin, għandu jibda l-għada tal-ġurnata tal-elezzjoni tagħhom. Il-membri [tal-KRS] maħtura għall-mandat preċedenti għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom sal-ġurnata li fiha jibda l-mandat konġunt tal-membri l-ġodda [tal-KRS].”

21      Skont l-Artikolu 11bis(2) tal-imsemmija liġi, kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ membri tal-KRS, magħżula minn fost l-imħallfin, jistgħu jiġu ppreżentati minn grupp ta’ mill-inqas elfejn ċittadin Pollakk jew minn grupp ta’ mill-inqas ħamsa u għoxrin imħallef f’servizz attiv. Il-proċess għan-nomina tal-membri tal-KRS mis-Sejm huwa ddeterminat fl-Artikolu 11d tal-istess liġi.

22      L-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar il-KRS jipprovdi:

“Jekk diversi kandidati applikaw għal pożizzjoni ta’ mħallef, [il-KRS] għandu jeżamina u jevalwa flimkien il-kandidaturi kollha ppreżentati. F’din is-sitwazzjoni, [il-KRS] għandu jadotta riżoluzzjoni li tinkludi d-deċiżjonijiet tiegħu fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef, fir-rigward tal-kandidati kollha.”

23      Skont l-Artikolu 43 ta’ din il-liġi:

“1.      Riżoluzzjoni tal-[KRS] issir definittiva jekk ma tkunx suġġetta għal appell.

2.      Jekk il-parteċipanti kollha fil-proċedura ma jkunux ikkontestaw ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1), din issir definittiva għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-parteċipanti li ma jkunux ippreżentaw rikors, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1ter).”

24      Meta tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali, l-Artikolu 44 tal-imsemmija liġi kien jipprevedi:

“1.      Parteċipant fil-proċedura jista’ jappella quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fuq il-bażi li r-riżoluzzjoni [tal-KRS] hija illegali, sakemm dispożizzjonijiet separati ma jipprevedux mod ieħor. […]

1 bis.      F’każijiet individwali li jikkonċernaw ħatra għall-uffiċċju ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)]. F’dawn il-każijiet, ma huwiex possibbli li jsir appell quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Appell quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] ma jistax ikun fondat fuq allegazzjoni li kien hemm evalwazzjoni skorretta tal-issodisfar mill-kandidati tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni meta tittieħed deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ħatra għall-funzjoni ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1 ter.      Jekk mhux il-parteċipanti kollha fil-proċedura kkontestaw ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) f’każijiet individwali dwar ħatra għal uffiċċju ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], din ir-riżoluzzjoni ssir finali għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni sabiex tiġi ppreżentata l-proposta għal ħatra għas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] u għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni li l-proposta għal ħatra għall-uffiċċju ta’ mħallef ta’ din l-istess qorti ma tiġix ippreżentata, għal parteċipanti fil-proċedura li ma appellawx.

[…]

4.      F’każijiet individwali dwar ħatra għall-uffiċċju ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], l-annullament min-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] tar-riżoluzzjoni [tal-KRS] sabiex ma tiġix ippreżentata l-proposta ta’ ħatra għall-uffiċċju ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] hija ekwivalenti għal aċċettazzjoni tal-kandidatura tal-parteċipant li appella fil-proċedura għall-kariga vakanti ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], għal kariga li għaliha, fid-data ta’ għoti tas-sentenza tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)], il-proċedura quddiem [il-KRS] ma kinitx intemmet jew, fl-assenza ta’ din il-proċedura, għall-kariga vakanti li jmiss ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li hija s-suġġett tal-avviż.”

25      Il-paragrafu 1bis tal-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS ġie introdott f’dan l-artikolu permezz tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra, li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018, u l-paragrafi 1ter u 4 ġew introdotti fih permezz tal-Liġi tal‑20 ta’ Lulju 2018 li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra, li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2018. Qabel il-preżentata ta’ dawn l-emendi, ir-rikorsi msemmija fl-imsemmi paragrafu 1bis kienu jiġu ppreżentati quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] konformement mal-paragrafu 1 tal-istess Artikolu 44.

26      Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) iddikjarat l-Artikolu 44(1bis) tal-Liġi dwar il-KRS inkompatibbli mal-Artikolu 184 tal-Kostituzzjoni, minħabba, essenzjalment, li l-kompetenza mogħtija lin-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) mill-imsemmi paragrafu 1bis ma kinitx iġġustifikata fid-dawl la tan-natura tal-kawżi kkonċernati, la tal-karatteristiċi organizzattivi tal-imsemmija qorti u lanqas tal-proċedura applikata minnha. F’din is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) indikat ukoll li din id-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità “twassal neċessarjament għall-għeluq tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti kollha bbażati fuq id-dispożizzjoni mħassra”.

27      Sussegwentement, l-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS ġie emendat bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz ustawy — Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv) tas‑26 ta’ April 2019 (Dz. U. tal‑2019, pożizzjoni 914) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas‑26 ta’ April 2019”), li daħlet fis-seħħ fit‑23 ta’ Mejju 2019. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 44 huwa redatt kif ġej:

“Parteċipant fil-proċedura jista’ jappella quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fuq il-bażi li r-riżoluzzjoni [tal-KRS] hija illegali, sakemm dispożizzjonijiet separati ma jipprevedux mod ieħor. Ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat appell fil-kawżi individwali li jirrigwardaw il-ħatra fil-kariga ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

28      Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 jipprevedi li l-“proċeduri f’kawżi dwar appelli minn riżoluzzjonijiet [tal-KRS] f’kawżi individwali dwar il-ħatra ta’ mħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], li nbdew iżda ma ġewx konklużi qabel ma din il-Liġi tidħol fis-seħħ, għandhom jingħalqu ex lege”.

 Il-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema

29      L-Artikolu 30 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑23 ta’ Novembru 2002 (Dz. U. tal‑2002, pożizzjoni 240), kien jiffissa l-età ta’ 70 sena bħala l-età tal-irtirar għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

30      L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema”), daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018.

31      Kif kien jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 37 u 111 tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tnaqqset għal 65 sena, bla ħsara għall-possibbiltà, għall-President tar-Repubblika, li jawtorizza lill-persuni kkonċernati jkomplu bil-funzjonijiet tagħhom lil hinn minn din l-età.

32      Wara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18 R, EU:C:2018:1021), l-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Nawyższym (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tal‑21 ta’ Novembru 2018 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 2507), ħassret l-imsemmi mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni, illimitat l-applikazzjoni tal-età l-ġdida tal-irtirar stabbilita għal 65 sena biss għall-imħallfin li daħlu fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) wara l‑1 ta’ Jannar 2019, u ppermettiet ir-reintegrazzjoni, fi ħdan din il-qorti, tal-imħallfin li kienu daħlu fis-servizz qabel din id-data u li kienu ġew irtirati skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

 Il-kawżi prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali

33      Permezz ta’ riżoluzzjonijiet tal‑24 u tat‑28 ta’ Awwissu 2018, il-KRS iddeċieda li ma jippreżentax lill-President tar-Repubblika proposti ta’ ħatra ta’ A.B. u ta’ C.D., għall-finijiet tal-għoti ta’ pożizzjoni ta’ mħallef fl-awla kriminali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u ta’ E.F., ta’ G.H. u ta’ I.J., għall-finijiet tal-għoti ta’ seba’ pożizzjonijiet ta’ mħallfin fl-awla ċivili ta’ din il-qorti. Dawn ir-riżoluzzjonijiet kienu jinkludu, barra minn hekk, proposti għall-ħatra ta’ kandidati oħra għall-pożizzjonijiet ikkonċernati.

34      A.B, C.D, E.F., G.H. u I.J. ippreżentaw rikorsi kontra l-imsemmija riżoluzzjonijiet quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) u talbu, b’mod kawtelatorju, is-sospensjoni tagħhom. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑25 u tas‑27 ta’ Settembru 2018 kif ukoll tat‑8 ta’ Ottubru 2018, l-imsemmija qorti ordnat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-istess riżoluzzjonijiet.

35      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tenfasizza, qabelxejn, li, b’differenza mid-dispożizzjonijiet preċedentement applikabbli, l-Artikolu 44(1ter) tal-Liġi dwar il-KRS jipprevedi li, fil-kawżi individwali li jikkonċernaw ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), jekk il-parteċipanti kollha fil-proċedura ta’ kompetizzjoni ma jkunux ikkontestaw ir-riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 37(1) ta’ din il-liġi, din ir-riżoluzzjoni ssir definittiva fir-rigward tal-parti ta’ din tal-aħħar li tinkludi d-deċiżjoni ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra, fir-rigward tal-parteċipanti fil-proċedura li ma jkunux ippreżentaw rikors. Issa, il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li, fost dawn il-parteċipanti hemm dawk li l-ħatra tagħhom ġiet proposta u li, għaldaqstant, ma għandhom l-ebda interess li jippreżentaw rikors kontra tali riżoluzzjoni, b’tali mod li l-parti tal-imsemmija riżoluzzjoni li tipproponi kandidati għall-ħatra de facto dejjem ser tikseb tali natura definittiva.

36      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 44(1bis) tal-Liġi dwar il-KRS jiddefinixxi l-funzjoni ġudizzjarja li hija mitluba teżerċita fir-rigward ta’ tali riżoluzzjonijiet f’termini ġenerali ħafna u mingħajr ma tistabbilixxi kriterji ta’ evalwazzjoni ċari.

37      Fl-aħħar nett, din il-qorti tindika li mill-Artikolu 44(4) tal-Liġi dwar il-KRS jirriżulta li, fil-każ ta’ annullament tal-parti ta’ riżoluzzjoni tal-KRS li tirrigwarda n-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra ta’ kandidat għal pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-ammissjoni eventwali tal-kandidatura tal-persuna kkonċernata għal tali pożizzjoni hija possibbli biss sa fejn, fid-data ta’ dan l-annullament, tkun għadha pendenti proċedura quddiem il-KRS, u fin-nuqqas tagħha tali ammissjoni tkun tapplika biss f’dak li jirrigwarda l-pożizzjonijiet sussegwenti ta’ mħallfin iddikjarati vakanti fi ħdan din il-qorti. Il-possibbiltajiet kollha ta’ eżami mill-ġdid tal-kandidatura għall-pożizzjoni vakanti li għaliha l-persuna kkonċernata applikat u ta’ għoti eventwali ta’ din il-pożizzjoni lil din tal-aħħar wara r-rikors tagħha huma esklużi fil-prattika.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikors li għandhom għalhekk il-kandidati li l-ħatra tagħhom għal pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma ġietx proposta mill-KRS huwa nieqes minn kull effettività. Skont il-qorti tar-rinviju, sabiex tali rikors ikun effettiv, jeħtieġ, fil-fatt, l-ewwel nett, li r-rikors ippreżentat minn tali kandidat ikollu l-effett li jissospendi r-riżoluzzjoni tal-KRS, b’tali mod li din ma tkunx tista’ ssir definittiva u titressaq lill-President tar-Repubblika sabiex jinħatru kandidati ppreżentati sakemm in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ma tkunx tat deċiżjoni dwar dan ir-rikors. It-tieni, jekk jintlaqa’ dan tal-aħħar, il-KRS għandu jkun obbligat iwettaq eżami mill-ġdid tal-kandidatura tar-rikorrent fid-dawl tal-eventwali għoti tal-pożizzjoni kkonċernata.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tar-regoli nazzjonali msemmija fil-punti 35 sa 37 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, hija tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li huma l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li għandhom jiżguraw l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, f’dan ir-rigward, kif jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Tali protezzjoni tikkostitwixxi karatteristika essenzjali tal-Istat tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 2 TUE u għandha tiġi żgurata fl-osservanza tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78.

40      Skont il-qorti tar-rinviju, l-għan tal-Artikolu 44(1ter) u (4) tal-Liġi dwar il-KRS għandu, fir-rigward tan-natura definittiva tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jipproponu ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema li l-Artikoli 37 u 111 tagħha naqqsu l-età tal-irtirar tal-imħallfin fis-servizz fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għal 65 sena, filwaqt li ssuġġettat il-possibbiltà li jitkompla l-eżerċizzju tal-imsemmija funzjoni lil hinn minn din l-età għal awtorizzazzjoni mill-President tar-Repubblika.

41      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-regoli nazzjonali applikabbli għar-rimedji ġudizzjarji f’dak li jirrigwarda r-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jipproponu ħatriet għal pożizzjonijiet ta’ mħallfin minbarra dik ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) baqgħu l-istess u ma jipprevedux ir-restrizzjonijiet imsemmija fil-punti 35 sa 37 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, bejn il-kandidati għall-ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef f’din il-qorti u l-kandidati għall-ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef fi ħdan qorti differenti minn din tal-aħħar, jeżisti aċċess differenti għall-istħarriġ ġudizzjarju tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS li permezz tagħhom dawn ma humiex proposti għall-ħatra minn dan il-korp. Tali differenza tista’, fin-nuqqas li tkun iġġustifikata minn xi għan ta’ interess ġenerali, tikser id-dritt ta’ aċċess għas-servizz pubbliku f’kundizzjonijiet ugwali u d-dritt għal azzjoni legali intiż li jiżgurah, stabbiliti mill-Artikoli 45 u 60 tal-Kostituzzjoni.

42      Barra minn hekk, id-differenza hekk magħmula tista’ inqas tiġi ġġustifikata peress li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tgawdi minn pożizzjoni kruċjali peress li hija mitluba teżerċita superviżjoni ġudizzjarja fuq il-qrati inferjuri kollha, b’tali mod li l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ selezzjoni ta’ mħallfin assenjati lil din il-qorti jeħtieġ b’mod partikolari stħarriġ reali u rigoruż min-naħa tal-qorti kompetenti.

43      F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju hekk osservat fir-rigward tal-proċedura ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) huwa sors ta’ tħassib addizzjonali, fid-dawl tal-kompożizzjoni l-ġdida tal-KRS. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 9bis tal-Liġi dwar il-KRS, il-15-il rappreżentant tal-ġudikatura li jippresjedu fi ħdan l-imsemmi korp intgħażlu mhux iktar mill-pari tagħhom bħal qabel, iżda mis-Sejm, fost kandidati ppreżentati minn grupp iffurmat minn tal-inqas 2000 ċittadin Pollakk jew minn grupp ta’ 25 imħallef, li joħloq riskju ta’ ssuġġettar tal-membri tal-KRS fil-konfront tal-forzi politiċi rrappreżentati fi ħdan is-Sejm. Barra minn hekk, u fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-KRS hekk implimentata reċentement, jeżistu dubji, fin-nuqqas ta’ kull trasparenza f’dan ir-rigward, dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq dwar il-preżentazzjoni tal-kandidaturi għal pożizzjoni ta’ membru tal-KRS ġewx osservati.

44      Fl-aħħar nett, hija wkoll problematika ċ-ċirkustanza li l-KRS huwa kompost, fir-rigward tal-ħmistax-il membru li jirrappreżentaw is-setgħa ġudizzjarja, minn erbatax-il rappreżentant tal-imħallfin tal-qrati ordinarji u minn rappreżentant tal-imħallfin tal-qrati amministrattivi, bl-esklużjoni ta’ kull rappreżentant tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-punt (2) tal-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni. L-istess japplika għall-fatt li fost dawn l-erbatax-il imħallef tal-qrati ordinarji hemm presidenti u viċi presidenti ta’ tali qrati maħtura mill-eżekuttiv, minflok persuni rrevokati minnu, li jista’ jfisser li l-influwenza ta’ dan tal-aħħar għalhekk rebħet importanza fi ħdan il-KRS.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 2, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6 (1) u l-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva […] 2000/78 […], kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens:

li l-prinċipju tal-Istat ta’ dritt u d-dritt għal rimedju effettiv u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jinkisru meta, billi jirrikonoxxi d-dritt ta’ rimedju ġudizzjarju f’każijiet individwali dwar l-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ mħallef ta’ qorti tal-aħħar Stat Membru [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], il-leġiżlatur nazzjonali jattribwixxi natura definittiva u effettiva lid-deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-proċedura ta’ reklutaġġ, li tippreċedi l-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-kariga ta’ imħallef tal-imsemmija qorti, fl-assenza ta’ rikors kontra d-deċiżjoni meħuda dwar l-eżami konġunt u l-evalwazzjoni tal-kandidati kollha [għal pożizzjoni ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], magħmul mill-parteċipanti kollha fil-proċedura ta’ reklutaġġ, li fosthom hemm ukoll kandidat li ma għandu ebda interess li jikkontesta l-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri l-kandidat imsemmi fil-proposta ta’ ħatra ta’ din il-kariga, li, konsegwentement:

–        jeqred l-effettività tar-rimedju u l-possibbiltà għall-qorti kompetenti li twettaq stħarriġ reali fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ reklutaġġ imsemmija iktar ’il fuq,

–        u li, f’sitwazzjoni fejn din il-proċedura tikkonċerna wkoll imħallfin pożizzjonijiet ta’ imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li għalihom kienet applikata età ġdida, iktar baxxa, tal-irtirar għall-imħallfin li kienu okkupawhom sa dakinhar, mingħajr ma tħalli d-deċiżjoni li jibbenefikaw minn din l-età tal-irtirar iktar baxxa fid-diskrezzjoni esklużiva tal-imħallfin ikkonċernati, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati — meta jiġi kkonstatat li dan il-prinċipju inkiser, b’dan il-mod — lanqas ma jaffettwa l-portata u r-riżultat tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-proċedura ta’ reklutaġġ imsemmija iktar ’il fuq?

2)      L-Artikolu 2, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(1) TUE, flimkien mal-Artikolu15(1), l-Artikolu 20, l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 2(1) u (2)(a) u l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78[…] u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens:

li l-prinċipju tal-Istat ta’ dritt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ aċċess ugwali, skont regoli identiċi, għas-servizz pubbliku, jiġifieri l-kariga ta’ imħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], jinkisru meta hemm, fil-kuntest ta’ każijiet individwali li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-kariga ta’ mħallef fi ħdan l-imsemmija qorti, dritt għal azzjoni legali quddiem il-qorti kompetenti iżda li, minħabba r-regola dwar in-natura definittiva, deskritta fl-ewwel domanda, ħatra għal kariga vakanti ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] tista’ ssir mingħajr mal-qorti kompetenti teżerċita stħarriġ fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ reklutaġġ imsemmija iktar ’il fuq (jekk jiġi preżunt li tali stħarriġ kien twettaq) u, fl-istess ħin, l-assenza ta’ tali stħarriġ, li tippreġudika d-dritt għal rimedju effettiv, jikser id-dritt għal aċċess ugwali għas-servizz pubbliku u, għal dik ir-raġuni, ma jissodisfax l-għanijiet ta’ interess ġenerali

u li sitwazzjoni fejn il-kompożizzjoni tal-korp tal-Istat Membru li għandu jissorvelja l-indipendenza tal-qrati u l-imħallfin (il-KRS), korp li quddiemu jiżvolġu l-proċeduri relatati mal-kariga ta’ imħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], hija mfassla b’tali mod li r-rappreżentanti tal-ġudikatura fi ħdan dan il-korp jiġu eletti mil-leġiżlatura, jippreġudika l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talba komplementari għal domanda preliminari

 It-talba għal proċedura mħaffa u l-benefiċċju tat-trattament prijoritarju

46      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti jkun is-suġġett ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet li tali proċedura hija ġġustifikata fid-dawl tal-importanza u tan-natura tal-kawżi prinċipali u tad-deċiżjonijiet li hija mitluba tagħti fil-kuntest tagħhom.

47      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza straordinarja (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Diċembru 2017, M. A. et, C‑661/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:1024, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2018, Miasto Łowicz u Prokuratura Okręgowa w Płocku, C‑558/18 u C‑563/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:923, punt 18).

49      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi wkoll li l-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta l-applikazzjoni ta’ tali proċedura tkun diffiċli minħabba n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma minn kawża, b’mod partikolari meta ma jkunx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, fil‑31 ta’ Jannar 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba għal proċedura mħaffa, sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju ma kienx fiha elementi suffiċjenti sabiex jiġu stabbiliti ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw li tingħata deċiżjoni f’qasir żmien fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, mid-dikjarazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw rikorsi ppreżentati minn kandidati għall-ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kontra riżoluzzjonijiet tal-KRS li ma pproponewhomx għal din il-ħatra u li l-qorti tar-rinviju, barra minn hekk, ordnat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx, abbażi tal-informazzjoni u tal-ispjegazzjonijiet hekk ipprovduti mill-qorti tar-rinviju li, kif isegwi mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, irreferiet biss, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, għall-importanza u għan-natura tal-kawżi prinċipali, li din il-kawża, li tqajjem barra minn hekk kwistjonijiet li għandhom grad għoli ta’ sensittività u ta’ kumplessità, kienet ta’ natura tant urġenti li tkun iġġustifikata li ssir deroga, eċċezzjonalment, mir-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

52      Bi tweġiba għal talba għal informazzjoni addizzjonali indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar ippreċiżat, f’ittra tal‑14 ta’ Frar 2019, li, minkejja li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienet għalhekk ġiet ordnata, il-President tar-Repubblika xorta waħda kien ipproċeda, fl‑10 ta’ Ottubru 2018, għall-ħatra, għal pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ta’ tmien imħallfin ġodda li ġew proposti mill-KRS f’dawn ir-riżoluzzjonijiet. Madankollu, dawn it-tmien imħallfin ġodda ma ġewx effettivament assenjati lill-kulleġġ ġudikanti tal-awli kkonċernati tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), peress li l-presidenti ta’ dawn l-awli, fid-dawl tad-dubji dwar il-legalità tal-ħatra tal-persuni kkonċernati u minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali, issospendew l-assenjazzjoni tagħhom fl-istennija tas-sentenzi li għandhom jingħataw mill-qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali.

53      Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fis‑26 ta’ Frar 2019, li jagħti lil din il-kawża trattament prijoritarju, bis-saħħa tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

 It-talba għal deċiżjoni preliminari addizzjonali u l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi bil-miktub tal-proċedura

54      Wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-qorti tar-rinviju tat, fis‑26 ta’ Ġunju 2019, deċiżjoni li permezz tagħha ssospendiet il-proċeduri fuq talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kawżi prinċipali mressqa quddiemha mill-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali, il-Polonja), talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni bbażata, minn naħa, fuq is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Marzu 2019 imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, u, min-naħa l-oħra, fuq l-Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 irriprodotta fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

55      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità tal-Artikolu 44(1bis) tal-Liġi dwar il-KRS li tinvolvi s-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Marzu 2019, il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li din id-dikjarazzjoni għandha effetti biss għall-futur u li din ma tistax tippreġudika d-dritt għal azzjoni ġudizzjarja li l-individwi għandhom, bħalma huwa l-każ fil-kawżi prinċipali, eżerċitat qabel l-imsemmija dikjarazzjoni u fir-rigward ta’ fatti li seħħew qabilha. Min-naħa l-oħra, minn din is-sentenza jsegwi espressament li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkontesta mhux il-ħtieġa stess ta’ tali azzjoni ġudizzjarja, li għall-kuntrarju tirriżulta mill-Kostituzzjoni u mill-ġurisprudenza tagħha stess, iżda biss l-indikazzjoni tal-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors. Għalhekk mill-imsemmija sentenza jirriżulta li qorti oħra differenti mill-qorti tar-rinviju għandha, f’dan il-każ, tal-inqas tibqa’ kompetenti f’dan il-każ.

56      Il-qorti tar-rinviju tindika li d-diffikultà l-ġdida li qiegħda taffaċċja issa tirriżulta għalhekk pjuttost mil-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 li, minn naħa, iddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ipso jure f’kawżi bħal dawk fil-kawżi prinċipali u, min-naħa l-oħra, eskludiet, fil-futur, kull possibbiltà ta’ rikors fil-kawżi individwali marbuta mal-ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minflok ma fdat l-eżami ta’ dan lil qorti oħra.

57      Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fiż-żewġ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali tagħha u n-neċessità li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, minn naħa, li tiġi żgurata, fl-osservanza tal-istat tad-dritt, l-eżistenza tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, u, min-naħa l-oħra, li ma tiġix innewtralizzata l-kooperazzjoni fuq talba għal deċiżjoni preliminari mibdija minn din it-talba, jistgħu jipprekludu tali dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jaggravaw l-assenza ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), permezz tad-deċiżjoni tagħha tas‑26 ta’ Ġunju 2019, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari addizzjonali (iktar ’il quddiem it-“tielet domanda”) ifformulata kif ġej:

“L-Artikolu 2 [TUE], moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6 (1) u l-Artikolu 19(1) TUE, [flimkien mal-]Artikolu 47 tal-Karta, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva […] 2000/78[…] u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li l-prinċipju tal-istat tad-dritt, il-prinċipju ta’ aċċess għall-qrati u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jinkisru f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur nazzjonali jneħħi mill-ordinament ġuridiku d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-ġurisdizzjoni tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] u d-dritt ta’ appell lil din il-qorti minn riżoluzzjonijiet tal-[KRS] u jintroduċi wkoll soluzzjoni fejn proċeduri fil-kawżi dwar dawn l-appelli, li nbdew iżda ma ġewx konklużi qabel id-data ta’ introduzzjoni tal-emendi (derogi), għandhom jingħalqu bl-operazzjoni tal-liġi, bir-riżultat li:

–        jeqred id-dritt għal aċċess għall-qrati sa fejn dan huwa relatat mal-istħarriġ tar-riżoluzzjonijiet tal-[KRS] u l-verifika dwar jekk il-proċedura ta’ reklutaġġ li fiha ġew adottati dawn ir-riżoluzzjonijiet twettqitx b’mod xieraq, u

–        fejn il-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni f’dawn il-kawżi tkun għamlet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari wara s-suċċess fil-ftuħ tal-proċedura għall-istħarriġ tar-riżoluzzjonijiet tal-[KRS], jeqred id-dritt ta’ aċċess għall-qrati anki, fil-kawża individwali pendenti quddiem il-qorti li (oriġinarjament) kellha l-ġurisdizzjoni li tismagħha u tiddeterminaha, fejn imbagħad iċaħħad lil din il-qorti kemm mill-possibbiltà li tiftaħ b’suċċess proċeduri għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-dritt li tistenna deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaldaqstant jeqred il-prinċipju tal-Unjoni ta’ kooperazzjoni leali?”

59      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari addizzjonali ġiet innotifikata lill-partijiet ikkonċernati u kien hemm ftuħ mill-ġdid tal-fażi bil-miktub tal-proċedura sabiex dawn ikunu jistgħu jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tat-tielet domanda.

 It-talbiet għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

60      Wara l-komunikazzjoni tad-data ta’ għoti ta’ din is-sentenza lill-qorti tar-rinviju u lill-partijiet ikkonċernati, intalab ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mill-Prosekutur Ġenerali u mill-Gvern Pollakk, permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 u fil‑15 ta’ Frar 2021, rispettivament.

61      Insostenn tat-talba tiegħu, il-Prosekutur Ġenerali jindika, essenzjalment, li ma jaqbilx ma’ ċerti dikjarazzjonijiet dwar in-neċessità ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin li jinkludu l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, dikjarazzjonijiet li l-Prosekutur Ġenerali jgħid li huma diskutibbli, impreċiżi u mimlija kontradizzjonijiet u li huma bbażati, barra minn hekk, fuq kunsiderazzjonijiet li ma ġewx iddibattuti b’mod suffiċjenti bejn il-partijiet ikkonċernati. Skont il-Prosekutur Ġenerali, l-analiżi inkluża f’dawn il-konklużjonijiet hija diverġenti, barra minn hekk, fuq ċerti punti, minn dik ippreżentata fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Repubblika (C‑896/19, EU:C:2020:1055). Fl-aħħar nett, l-Avukat Ġenerali semma s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mogħtija fl‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418). Issa, dan huwa fatt ġdid li ma setax ikun is-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet ikkonċernati.

62      Fit-talba tiegħu, il-Gvern Pollakk jenfasizza wkoll li ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li jagħtu interpretazzjoni wiesgħa wisq tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretazzjoni li hija diverġenti, barra minn hekk, minn dik mogħtija fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Repubblika (C‑896/19, EU:C:2020:1055) u fid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Il‑Kunsill vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705). Ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura jkun jippermetti wkoll lill-partijiet ikkonċernati jargumentaw dwar l-implikazzjonijiet eventwali tas-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2020 tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418)

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil minn parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu motiv li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie ddibattut bejn il-persuni kkonċernati.

66      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li hija għandha, wara l-proċedura bil-miktub u s-seduta li nżammet quddiemha, l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni. Hija tirrileva, barra minn hekk, li din il-kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex iddibattut bejn il-persuni kkonċernati. Hija tqis, fl-aħħar nett, li t-talbiet għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma juru ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jeżerċita influwenza fuq id-deċiżjoni li hija msejħa tagħti fl-imsemmija kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Skont il-Prosekutur Ġenerali, il-kwistjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji fil-qasam tal-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin tikkostitwixxi qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan il-qasam ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, ta’ regoli relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A. K. et”, EU:C:2019:982, punti 134 sa 139 u 145).

69      Min-naħa l-oħra, l-oġġezzjonijiet hekk imressqa mill-Prosekutur Ġenerali essenzjalment jirrigwardaw il-portata stess tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, tali interpretazzjoni taqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza A. K. et, punt 74).

70      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq it-tielet domanda

71      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li hemm lok li tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, minn naħa, id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 2, tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 267 TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu emendi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li, l-ewwel nett, iċaħħdu lil qorti nazzjonali mill-kompetenza tagħha sabiex tagħti deċiżjoni fl-ewwel u fl-aħħar istanza fuq rikorsi ppreżentati minn kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallfin f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kontra deċiżjonijiet ta’ korp bħall-KRS li ma jippreżentax il-kandidatura tagħhom, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika għal ħatra għal dawn il-pożizzjonijiet, li, it-tieni, jistipulaw ipso jure li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq tali rikorsi meta jkunu għadhom pendenti, billi jeskludu li l-eżami tagħhom ikun jista’ jitkompla jew ikun jista’ jerġa’ jiġi introdott, u li, it-tielet, jipprekludu, b’dan il-mod, lil tali qorti nazzjonali mill-possibbiltà li tikseb risposta għad-domandi preliminari li hija tkun indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbligaha tħalli mhux applikati dawn l-emendi u li, konsegwentement, tkompli tassumi l-kompetenza li kellha sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi li hija kienet adita bihom qabel l-intervent tal-imsemmija emendi.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet domanda

72      Fl-ewwel lok, il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk jsostnu li t-tielet domanda hija inammissibbli minħabba li risposta għaliha ma hijiex “meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu […] sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, fin-nuqqas ta’ sussistenza ta’ tilwimiet fil-kawżi prinċipali li fihom il-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti tali sentenza.

73      Fil-fatt, l-Artikolu 44(1bis) tal-Liġi dwar il-KRS li fuqu kienet ibbażata sa dak iż-żmien il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi prinċipali tħassret b’mod definittiv u b’effett erga omnes permezz tas-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Marzu 2019, liema sentenza ppreċiżat li, konsegwentement, kellhom jintemmu l-proċeduri mibdija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, sussegwentement, stabbilixxa l-għeluq ipso jure ta’ dawn il-proċeduri. Fuq dan kollu, kull tkomplija tal-eżami ta’ tali rikorsi quddiem qorti oħra jew il-preżentata mill-ġdid tagħhom hija wkoll eskluża skont l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS, kif emendata bil-Liġi tas‑26 ta’ April 2019.

74      F’dan ir-rigward, minn naħa, u fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-regola li tinsab fl-Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali analogi, li dawn ma jistgħux, bħala prinċipju u fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-qorti li ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tordna l-għeluq tal-kawżi prinċipali jew li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwarha, iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li ma hemmx iktar lok għaliha li tagħti deċiżjoni dwar id-domandi preliminari li bihom hija adita l-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza A. K. et, punt 102).

75      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija tqis lilha nnifisha adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, sakemm din it-talba ma tkunx ġiet irtirata mill-qorti li tkun għamlet it-talba tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 10).

76      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju, li, barra minn hekk, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha dwar it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kawżi prinċipali, tixtieq tkun taf, preċiżament, jekk il-bidliet leġiżlattivi li jirriżultaw mil-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u, jekk jitqies li dan ma huwiex il-każ, jekk dan id-dritt tal-aħħar jippermettilhiex għalhekk tinjora dawn il-bidliet u, konsegwentement, tiċħad din it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u li tkompli bl-eżami ta’ dawn il-kawżi.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li risposta għat-tielet domanda hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tadotta, skont it-tagħlim li jirriżulta minn din ir-risposta, deċiżjonijiet li fuqhom ser jiddependi l-eżitu tal-kawżi prinċipali, b’tali mod li l-oġġezzjonijiet hekk ifformulati mill-Prosekutur Ġenerali u mill-Gvern Pollakk ikollhom jiġu miċħuda.

78      Fit-tieni lok, il-Gvern Pollakk isostni li t-tielet domanda hija inammissibbli minħabba li l-assenza ta’ kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin fl-Istati Membri tipprekludi li d-dritt tal-Unjoni jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil dawn tal-aħħar jagħtu lill-kandidati għal pożizzjoni ta’ mħallef dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni li ma jinħatrux, peress li l-eżistenza jew le ta’ tali dritt għal azzjoni legali ma taffettwax barra minn hekk l-indipendenza tal-imħallfin effettivament maħtura wara l-proċedura ta’ ħatra kkonċernata. Sentenza bħal dik li hija, f’dan il-każ, mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha effett leġiżlattiv u mhux interpretattiv peress li l-qorti tar-rinviju tista’ tagħti deċiżjoni dwar il-kawżi prinċipali minkejja l-assenza ta’ dispożizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ġenerali li jagħtuha kompetenza f’dan il-qasam. Issa, tali konsegwenza tmur kontra l-Artikolu 4(2) TUE, li jeżiġi li l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri inerenti għall-istrutturi kostituzzjonali tagħhom, u tippreġudika l-indipendenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li ddikjarat antikostituzzjonali d-dispożizzjoni li fuqha kienet ibbażata l-kompetenza tal-qorti tar-rinviju.

79      F’dan ir-rigward, minn naħa, diġà tfakkar, fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, b’mod partikolari dik dwar l-istabbiliment ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni.

80      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti hekk imressqa mill-Gvern Pollakk jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tat-tielet domanda, kif ukoll l-effetti li jistgħu jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-supremazija marbuta ma’ dan id-dritt. Tali argumenti, li jikkonċernaw il-mertu tad-domanda magħmula, ma jistgħux għalhekk, essenzjalment, iwasslu għal inammissibbiltà tagħha.

81      Barra minn hekk, sentenza li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tafferma l-eżistenza, skont id-dritt tal-Unjoni, ta’ obbligu, għall-qorti tar-rinviju, li ma tapplikax ir-regoli nazzjonali inkwistjoni, billi tkompli tassumi l-kompetenza ġudizzjarja li kienet preċedentement tagħha, timponi ruħha fuq din il-qorti mingħajr dispożizzjonijiet interni, inklużi dawk ta’ natura kostituzzjonali, ma jkunu jistgħu jostakolaw tali kompetenza (ara, b’analoġija, is-sentenza A. K. et, punt 112).

82      Fit-tielet lok, il-Prosekutur Ġenerali jqis li, kuntrarjament għal dak li jirrikjedi l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tar-rinviju ma indikatx ir-rabtiet li hija tqis li jeżistu bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-kawżi prinċipali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, din il-qorti ma teżaminax jekk, u lanqas kif, għandu jiġi introdott l-obbligu għal Stat Membru li jiżgura stħarriġ ġudizzjarju tal-proposti ta’ ħatra inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. L-unika possibbiltà li jiġi injorat l-Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 tkun ineffettiva f’dan ir-rigward, peress li, anki f’dan il-każ, kull possibbiltà għall-imsemmija qorti li tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawżi li hija adita bihom tibqa’ eskluża mill-effett tas-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Marzu 2019.

83      F’dan ir-rigward, hemm lok, madankollu, li jiġi kkonstatat, filwaqt li jitfakkar dak li diġà ġie enfasizzat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, li mill-elementi msemmija fil-punti 26 sa 28 u 54 sa 57 tagħha jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari addizzjonali tinkludi l-elementi kollha neċessarji, b’mod partikolari dawk relatati mas-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Marzu 2019, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq it-tielet domanda.

84      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, it-tielet domanda hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

–       Fuq id-Direttiva 2000/78 u fuq l-Artikolu 47 tal-Karta

85      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, kif sostnew il-KRS, il-Prosekutur Ġenerali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea, id-Direttiva 2000/78, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tagħha, ma tapplikax għall-kawżi prinċipali.

86      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, din tikkonċerna biss id-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol ibbażati fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Issa, mill-kliem tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw differenza fit-trattament ibbażata fuq waħda minn dawn ir-raġunijiet. F’dan ir-rigward, l-unika differenza fit-trattament li tista’ tikkonċerna lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali li tissemma mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda ċ-ċirkustanza li r-regoli applikabbli fil-qasam tal-azzjonijiet ġudizzjarji kontra riżoluzzjonijiet tal-KRS li jippreżentaw lill-President tar-Repubblika kandidat għall-ħatra bħala mħallef huma differenti, skont jekk dawn ir-riżoluzzjonijiet jikkonċernawx ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew ħatra f’pożizzjoni ta’ mħallef fi ħdan qorti oħra.

87      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tistabbilixxi, favur kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni nkisru, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Madankollu, ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt, f’każ partikolari, jippreżumi, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-persuna li tinvokah tibbaża ruħha fuq drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 55).

89      Issa, mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-kawżi prinċipali għandhom bħala suġġett ir-rikonoxximent ta’ dritt li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għandhom bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, u kif ġie espost fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 ma humiex applikabbli għall-kawżi prinċipali, b’tali mod li dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma huma ta’ natura li jistgħu jiġġustifikaw l-applikabbiltà tal-Karta, b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tagħha, fil-kuntest ta’ dawn it-tilwimiet.

–       Fuq l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE.

90      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 267 TFUE, għandu jitfakkar li l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati huwa kkostitwit mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista f’din id-dispożizzjoni li, billi tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, għandha l-għan li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati (Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 41).

91      Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lilha jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeħtieġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26, kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ qorti bħall-qorti tar-rinviju li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati skont id-dritt nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, din il-possibbiltà saħansitra tittrasforma ruħha, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza A. K. et, punt 103).

93      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, regola tad-dritt nazzjonali ma tistax tipprekludi qorti nazzjonali milli tagħmel użu mill-imsemmija possibbiltà jew milli tikkonforma ruħha mal-imsemmi obbligu, li huma, fil-fatt, inerenti għas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, u għall-funzjonijiet ta’ qorti responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fdati minn din id-dispożizzjoni lill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. K. et, punt 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn il- possibbiltà u obbligu, qorti nazzjonali għandha tkun tista’ żżomm talba għal deċiżjoni preliminari wara t-tressiq tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 58).

94      Barra minn hekk, regola nazzjonali li tirriskja, b’mod partikolari, li jkollha l-konsegwenza li qorti nazzjonali tippreferi tastjeni milli tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevita li jkollha tastjeni mill-kompetenza, tippreġudika l-prerogattivi hekk irrikonoxxuti lill-qrati nazzjonali mill-Artikolu 267 TFUE u, konsegwentement, l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 25).

95      Konsegwentement, għalkemm bħala prinċipju huwa possibbli li Stat Membru, pereżempju, jemenda r-regoli interni tiegħu ta’ tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji, bil-konsegwenza possibbli li titneħħa l-bażi normattiva li fuqha kienet ibbażata l-kompetenza ta’ qorti nazzjonali li tkun għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jew li jiġu adottati regoli sostanzjali li jwasslu inċidentalment sabiex il-kawża li fiha jkun sar tali rinviju titlef l-iskop tagħha, Stat Membru ma jistax, min-naħa l-oħra, mingħajr ma jikser l-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, iwettaq modifiki tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li jkollhom bħala effetti speċifiċi li tiġi prekluża ż-żamma, wara t-tressiq tagħhom, ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja u li, b’dan il-mod, din tal-aħħar tiġi prekluża milli tagħti deċiżjoni fuq tali talbiet, kif ukoll li tiġi eskluża kull possibbiltà ta’ repetizzjoni futura ta’ talbiet analogi minn qorti nazzjonali.

96      Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża. Għandu fil-fatt jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-artikolu u fuq il-bażi tal-elementi fil-proċess, tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunulha utli fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza A. K. et, punt 132).

97      F’dan ir-rigward, u fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, li jistipula li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq rikorsi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, li jeskludi li tali rikorsi jkunu jistgħu jerġgħu jiġu ppreżentati fil-futur, jidhru li huma ta’ natura li jipprekludu lill-qorti tar-rinviju milli żżomm, wara li tkun tressqet, talba għal deċiżjoni preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja u li jipprekludu, b’dan il-mod, lil din tal-aħħar milli tagħti deċiżjoni fuq din it-talba, kif ukoll li jeskludu kull repetizzjoni futura, minn qorti nazzjonali, ta’ domandi analogi għal dawk magħmula fl-imsemmija talba.

98      Fit-tieni lok, u fir-rigward tal-kuntest li fih ġew adottati l-imsemmija dispożizzjonijiet, jistgħu jiġu rrilevati diversi elementi li jirriżultaw mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

99      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur Pollakk, reċentement, diġà adotta miżura normattiva li tistipula li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’tilwimiet oħra pendenti quddiem qorti nazzjonali u li kienu jirrigwardaw, huma wkoll, il-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-indipendenza tal-qrati ta’ riformi leġiżlattivi li affettwaw is-sistema ġudizzjarja Pollakka, filwaqt li, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi wkoll, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet adita b’domandi preliminari dwar tali konformità (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza A. K. et, punti 90 u 102 sa 104).

100    It-tieni, mill-indikazzjonijiet li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtoritajiet Pollakki reċentement immultiplikaw l-inizjattivi intiżi li jwaqqfu r-rinviji għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tal-indipendenza tal-qrati fil-Polonja jew sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-qrati Pollakki li għamlu tali rinviji.

101    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qrati Pollakki li adixxew lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviji għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234), ikkonstataw, quddiemha, li ż-żewġ imħallfin li kienu taw lok għal dawn ir-rinviji kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni qabel it-tnedija ta’ eventwali proċedura dixxiplinari li tirrigwarda b’mod partikolari eċċess ġudizzjarju possibbli minħabba l-fatt li għamlu l-imsemmija rinviji (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 20 u 21).

102    Barra minn hekk, ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja) għamel riferiment, fil-kuntest ta’ din il-kawża, għall-fatt li l-Prosekutur Ġenerali, li jeżerċita wkoll il-funzjoni ta’ Ministru tal-Ġustizzja, fil‑5 ta’ Ottubru 2018, adixxa lit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) b’rikors intiż li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni tal-Artikolu 267 TFUE sa fejn din id-dispożizzjoni tippermetti lill-qrati Pollakki jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi preliminari dwar l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-ġudikatura u l-iżvolġiment tal-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali.

103    It-tielet, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Pollakk li l-adozzjoni tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 kienet is-sempliċi konsegwenza tas-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Marzu 2019 li permezz tagħha din tal-aħħar iddikjarat bħala antikostituzzjonali l-Artikolu 44(1bis) tal-Liġi dwar il-KRS li fuqu hija bbażata l-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, madankollu, jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li huwa l-kompitu tagħha li tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fl-imsemmija sentenza, indikat li n-neċessità, li toħroġ mill-Artikoli 45 u 60 tal-Kostituzzjoni u mill-ġurisprudenza tagħha fil-qasam, li tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ ħatra għal postijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), tibqa’ sħiħa.

104    Bl-istess mod, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li, billi eskluda, kuntrarjament għat-tagħlim li jirriżulta b’dan il-mod mis-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Marzu 2019, li l-partijiet fil-kawża li ppreżentaw rikorsi bħal dawk pendenti fil-kawżi prinċipali jistgħu jarawhom deċiżi minn qorti li lilha setgħu jiġu ttrasferiti dawn ir-rikorsi jew li quddiemha l-persuni kkonċernati setgħu jerġgħu jippreżentawhom, il-leġiżlatur Pollakk b’mod partikolari eskluda definittivament kull possibbiltà attwali jew futura għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina kwistjonijiet bħal dawk li ġew ippreżentati lilha f’din il-kawża.

105    Ir-raba’, u kif tenfasizza wkoll il-qorti tar-rinviju, it-tneħħija ta’ kull possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra riżoluzzjonijiet tal-KRS li jippreżentaw lill-President tar-Repubblika kandidati għall-ħatra għal pożizzjonijiet ta’ mħallef imwettqa b’dan il-mod mil-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 tikkonċerna biss ir-riżoluzzjonijiet ta’ dan il-korp dwar il-pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), jiġifieri, preċiżament, riżoluzzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u li wasslu lin-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jipproponu ħatriet għall-pożizzjonijiet l-oħra kollha ta’ mħallef fil-Polonja jibqgħu, min-naħa tagħhom, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

106    L-elementi u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 99 sa 105 ta’ din is-sentenza jistgħu jiżvelaw daqstant indizji li, minħabba l-konverġenza tagħhom u, għaldaqstant, in-natura sistematika tagħhom, jidhru xierqa sabiex ikunu jistgħu jiċċaraw il-kuntest li fih il-leġiżlatur Pollakk adotta l-Liġi tas‑26 ta’ April 2019. Hekk kif tfakkar fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, peress li l-evalwazzjoni finali tal-fatti tmur lura, fil-kuntest tad-djalogu preliminari, biss lill-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tevalwa, b’mod definittiv, jekk dawn l-elementi kif ukoll l-elementi rilevanti l-oħra kollha li hija tkun qiegħda tagħmel, jekk ikun il-każ, li ssir taf dwarhom f’dan ir-rigward, jippermettux li jitqies li l-adozzjoni ta’ din il-liġi kellha bħala effetti speċifiċi li tipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli żżomm, wara t-tressiq tagħhom, talbiet għal deċiżjoni preliminari, bħal dik li inizjalment saret f’dan il-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja u li tipprekludi, b’dan il-mod, lil din tal-aħħar milli tagħti deċiżjoni fuq tali talbiet, kif ukoll li teskludi kull possibbiltà ta’ repetizzjoni futura, minn qorti nazzjonali, ta’ domandi preliminari analogi għal dawk li tinkludi t-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali f’din il-kawża.

107    Jekk l-imsemmija qorti kellha tasal għal tali konklużjoni, ikollu għalhekk jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni tippreġudika mhux biss il-prerogattivi rrikonoxxuti lill-qrati nazzjonali fl-Artikolu 267 TFUE u l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita bil-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 25), iżda wkoll, u b’mod iktar ġenerali, il-kompitu li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-trattati, kif ukoll fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE.

–       Dwar l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

108    L-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet f’kawża jisiltu minn dan id-dritt (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    B’dan il-mod, u bħalma jipprovdi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Bħalma jsegwi minn ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li jagħmel riferiment għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 u li huwa issa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu b’mod partikolari jiżgura li l-istanzi, bħala “qrati” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, li huma parti mis-sistema ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u li jistgħu, għaldaqstant, jagħtu deċiżjoni, f’din il-kapaċità, dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Fir-rigward tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju hija adita b’rikorsi li permezz tagħhom kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallef fi ħdan l-awli ċivili u kriminali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jikkontestaw riżoluzzjonijiet li permezz tagħhom il-KRS ma aċċettax il-kandidatura tagħhom u ppreżenta lill-President tar-Repubblika kandidati oħra sabiex jinħatru għal dawn il-pożizzjonijiet.

114    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huwa stabbilit li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u, b’mod partikolari, l-awli ċivili u kriminali tagħha, jistgħu jiġu msejħa sabiex jagħtu deċiżjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, jaqgħu taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li dawn għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi żgurat li tali istanzi jkunu jistgħu jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva hekk meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-preżervazzjoni tal-indipendenza tagħhom hija primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Bħalma enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikant, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanzija tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u mill-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tar-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi quddiemha (sentenza A.K. et, punt 123 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

118    Konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li huwa karatteristika tal-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi żgurata fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv (sentenza A.K. et, punt 124 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jkunu jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli msemmija fil-punt 117 ta’ din is-sentenza għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati (sentenza A. K., punt 125 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

120    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li d-domandi magħmula f’din il-kawża dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirrigwardaw, essenzjalment, il-punt dwar jekk din id-dispożizzjoni tistax twassal għall-ħtieġa, fil-kuntest partikolari tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li jinżamm stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom għandu, f’dan il-każ, jiġi eżerċitat tali stħarriġ.

121    Issa, kif tfakkar fil-punt 117 ta’ din is-sentenza, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jeżiġu b’mod partikolari l-eżistenza ta’ regoli li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin.

122    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jaqgħu fihom id-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li s-sempliċi fatt li l-imħallfin ikkonċernati jinħatru mill-President tar-Repubblika ma kienx ta’ natura li joħloq dipendenza ta’ dawn tal-aħħar fil-konfront tiegħu u lanqas li joħloq dubji dwar l-imparzjalità tagħhom, jekk, ladarba jinħatru, il-persuni kkonċernati ma jkunu suġġetti għal ebda pressjoni u ma jirċevux istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (sentenza A.K. et, punt 133 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

123    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li kien għad hemm bżonn li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet ta’ ħatra jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi li jkollhom quddiemhom, ladarba l-persuni kkonċernati jinħatru, u li kien importanti, b’mod partikolari, għal dan l-għan, li l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet ikunu maħsuba b’mod li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza (sentenza A.K. et, punti 134 u 135 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

124    Wara li rrilevat li, skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS, jiġifieri l-korp investit mill-Artikolu 186 tal-Kostituzzjoni bil-missjoni ta’ gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 137 tas-sentenza A.K. et, li l-intervent ta’ tali korp, fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, seta’, bħala prinċipju, ikun ta’ natura li jikkontribwixxi sabiex dan il-proċess ikun oġġettiv, billi jillimita l-marġni ta’ manuvra li għandu l-President tar-Repubblika fl-eżerċizzju tal-kompetenza li hija mogħtija lilu b’dan il-mod.

125    Fil-punt 138 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, indikat li dan kien il-każ biss bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-imsemmi korp ikun huwa stess suffiċjentement indipendenti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva u mill-awtorità li lilha huwa jkun imsejjaħ jippreżenta tali proposta ta’ ħatra.

126    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, l-att li permezz tiegħu l-KRS jipproponi kandidat għall-ħatra f’pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non sabiex tali kandidat ikun jista’ jinħatar għal tali pożizzjoni mill-President tar-Repubblika. Ir-rwol tal-KRS f’dan il-proċess ta’ ħatra huwa għalhekk determinanti.

127    F’tali kuntest, il-grad ta’ indipendenza li jgawdi minnu l-KRS fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva Pollakka fl-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lilu jista’ jkun rilevanti meta jiġi evalwat jekk l-imħallfin li huwa jagħżel ikunux f’pożizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A.K. et, punt 139).

128    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 145 tas-sentenza A.K. et, li, għall-finijiet tal-imsemmija evalwazzjoni u fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika li jaħtru pożizzjonijiet ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, seta’ wkoll ikun ta’ importanza għall-mod kif kienet iddefinita l-portata tar-rikors li jista’ jiġi ppreżentat kontra riżoluzzjoni tal-KRS li tinkludi d-deċiżjonijiet tiegħu fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef ta’ din il-qorti u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk tali rikors kienx jippermetti li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv fir-rigward ta’ tali riżoluzzjonijiet li jirrigwarda, għall-inqas, il-verifika tal-assenza ta’ eċċess jew ta’ użu ħażin ta’ poter, ta’ żball ta’ liġi jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

129    Għalhekk, filwaqt li l-assenza eventwali tal-possibbiltà li tiġi eżerċitata azzjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ mħallef ta’ qorti suprema nazzjonali tista’, f’ċerti każijiet, ma tirriżultax problematika fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dan huwa differenti f’ċirkustanzi li fihom l-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw tali proċess f’kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali partikolari, u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom isseħħ f’daqqa t-tneħħija tal-possibbiltajiet ta’ azzjoni ġudizzjarja eżistenti sa dak il-punt, ikunu ta’ natura li jistgħu jqajmu, f’moħħ partijiet fil-kawża, dubji ta’ natura sistematika fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin maħtura wara dan il-proċess.

130    Kif isegwi mis-sentenza A.K. et, jista’, b’mod partikolari, ikun hekk meta jidher, fuq il-bażi ta’ elementi ta’ evalwazzjoni bħal dawk li tagħmel riferiment għalihom il-qorti tar-rinviju u li għalihom isir riferiment fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li l-indipendenza ta’ korp bħall-KRS fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva hija dubjuża.

131    Fil-punti 143 u 144 tas-sentenza A.K. et, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk diġà identifikat, fost l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex issir evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ indipendenza li għandu jissodisfa korp bħall-KRS, l-ewwel nett, iċ-ċirkustanza li l-KRS kompost mill-ġdid ġie stabbilit permezz ta’ tqassir tal-mandat ta’ erba’ snin pendenti tal-membri li sa dak iż-żmien kienu jifformaw parti minn dan il-korp, it-tieni, il-fatt li, filwaqt li l-ħmistax-il membru tal-KRS eletti fost l-imħallfin kienu eletti, qabel, mill-kollegi tagħhom, issa huma eletti minn taqsima tas-setgħa leġiżlattiva Pollakka, it-tielet, l-eżistenza eventwali ta’ irregolaritajiet li setgħu jivvizzjaw il-proċess ta’ ħatra ta’ ċerti membri tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, kif ukoll, ir-raba’, il-mod kif dan il-korp jissodisfa l-kompitu kostituzzjonali tiegħu ta’ gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin u kif huwa jeżerċita d-diversi kompiti tiegħu. F’tali kuntest, tista’, bl-istess mod, tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-imsemmija evalwazzjoni, l-eżistenza eventwali ta’ rabtiet privileġġati bejn il-membri tal-KRS hekk stabbiliti u s-setgħa eżekuttiva Pollakka, bħal dawk invokati mill-qorti tar-rinviju u msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

132    Barra minn hekk, f’dan il-każ, huwa importanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll elementi kuntestwali oħra rilevanti li jistgħu, huma wkoll, iwasslu sabiex iqajmu dubju dwar l-indipendenza tal-KRS u dwar ir-rwol tiegħu fi proċessi ta’ ħatra bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kif ukoll, konsegwentement, dwar l-indipendenza tal-imħallfin maħtura fi tmiem tali proċess.

133    Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li r-riforma leġiżlattiva li wasslet għall-istabbiliment tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu saret b’mod parallel mal-adozzjoni, ikkontestata ħafna, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 37 u 111 tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema li għamlet riferiment għalihom il-qorti tar-rinviju u li pprevediet tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-applikazzjoni ta’ din il-miżura għall-imħallfin attivi fil-kariga ta’ din il-qorti, filwaqt li tat lill-President is-setgħa diskrezzjonali sabiex jestendi l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji attivi tagħhom lil hinn mill-età ta’ rtirar il-ġdida.

134    Għalhekk, huwa stabbilit li l-istabbiliment tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu seħħet f’kuntest li fih kien mistenni li diversi pożizzjonijiet ma kinux ser jimtlew fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) wara, b’mod partikolari, l-irtirar tal-imħallfin ta’ din il-qorti li jkunu laħqu l-limitu tal-età stabbilit b’mod ġdid għal 65 sena.

135    Issa, fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, minħabba l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt 133 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja kienet ippreġudikat l-irremovibbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

136    Li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li l-KRS ma joffrix garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti, l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju miftuħ għall-kandidati mhux magħżula, jekk ikun ristrett għal dak li tfakkar fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, tirriżulta neċessarja sabiex tikkontribwixxi għaż-żamma tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ikkonċernati minn influwenzi diretti jew indiretti u tevita, fl-aħħar mill-aħħar, li jkunu jistgħu jinħolqu dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-indipendenza tal-imħallfin maħtura fi tmiem dan il-proċess.

137    Issa, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, minn naħa, stabbilixxew li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’tilwimiet pendenti bħal dawk fil-kawżi prinċipali li fihom kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kienu, abbażi tad-dritt fis-seħħ dak iż-żmien, ippreżentaw rikorsi intiżi li jikkontestaw riżoluzzjonijiet li permezz tagħhom il-KRS kien iddeċieda li ma jippreżentahomx għall-ħatra f’dawn il-pożizzjonijiet, iżda li jippreżenta kandidati oħra, u, min-naħa l-oħra, neħħew kull possibbiltà li jiġu ppreżentati rikorsi ġudizzjarji ta’ dan it-tip fil-futur.

138    Għandu jiġi rrilevat li tali emendi leġiżlattivi, b’mod partikolari meta jiġu kkunsidrati flimkien mal-elementi kuntestwali kollha msemmija fil-punti 99 sa 105 u 130 sa 135 ta’ din is-sentenza, huma ta’ natura li jissuġġerixxu li s-setgħa leġiżlattiva Pollakka, f’dan il-każ, aġixxiet bil-ħsieb speċifiku li tipprekludi kull possibbiltà li jiġi eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-ħatriet li seħħew abbażi tal-imsemmija riżoluzzjonijiet tal-KRS bħal, barra minn hekk, il-ħatriet l-oħra kollha li seħħew fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) sa mill-istabbiliment tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

139    Fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, b’mod definittiv, abbażi tat-tagħlim li jirriżulta minn din is-sentenza u ta’ kull ċirkustanza rilevanti oħra li hija ssir taf biha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-motivi jew l-għanijiet speċifiċi li jkunu allegati quddiemha sabiex tiġġustifika l-miżuri kkonċernati, jekk il-fatt li ġie ddekretat, permezz tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq rikorsi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u t-tneħħija flimkien ma’ dan ta’ kull possibbiltà li jiġu ppreżentati tali rikorsi fil-futur, huwiex ta’ natura li jqajjem dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin maħtura abbażi tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fid-dawl ta’ elementi esterni, u, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva Pollakka, u li jwassal għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

–       Fuq il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni

140    Jekk il-qorti tar-rinviju tasal, wara l-eżami li hija mitluba twettaq fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 90 sa 107 ta’ din is-sentenza, għall-konklużjoni li l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 inkwistjoni fil-kawżi prinċipali seħħet bi ksur tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE, hija din il-qorti li għandha twarrab dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

141    Bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tipprekludi l-implimentazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE għandha titwarrab mingħajr il-qorti kkonċernata ma jkollha titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess għandu japplika fir-rigward ta’ emenda tad-dritt nazzjonali li jkollha bħala effett speċifiku li tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti deċiżjoni fuq talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiemha u li teskludi kull possibbiltà ta’ repetizzjoni futura ta’ talbiet analogi minn qorti nazzjonali. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, tali regola tikser, b’mod analogu, l-Artikolu 267 TFUE.

142    Bl-istess mod, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata, skont l-eżami li hija mitluba twettaq fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 108 sa 139 ta’ din is-sentenza, li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jiksru t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, hija jkollha wkoll twarrab dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali minn dan il-kap.

143    Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri kollha li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza A.K. et, punt 168 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li din id-dispożizzjoni tal-aħħar ikollha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Prokuratura Rejonowa w Słucawa, C‑623/18, mhux ippubblikat, EU:C:2020:800, punt 28).

144    Issa, bħalma diġà tfakkar fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jsemmi espressament l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv.

145    Billi ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78, u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 56), b’mod partikolari sa fejn din id-dispożizzjoni teżiġi li l-istanza mitluba tieħu konjizzjoni ta’ rikors ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni tkun tissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza impost mill-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A.K. et, punt 166), il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari rrikonoxxiet li dan ir-rekwiżit kien jippreżenta ċ-ċarezza, il-preċiżjoni u l-inkundizzjonalità meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi deċiż li għandu effett dirett.

146    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma jkollu miegħu ebda kundizzjoni għal dak li jikkonċerna l-indipendenza li għandha tikkaratterizza l-qrati msejħa biex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni.

147    Fl-aħħar nett, u fir-rigward, fil-kuntest tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, tal-konsegwenzi marbuta mad-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità tal-Artikolu 44(1bis) tal-Liġi dwar il-KRS mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2019, jeħtieġ, minn naħa, li jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punti 103 u 104 ta’ din is-sentenza, din is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma kkonfutatx in-neċessità, affermata minn din il-qorti fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha, ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-proċess ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u, b’mod partikolari, tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS adottati fil-kuntest ta’ tali proċess.

148    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat, fi kwalunkwe każ, li l-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru, mingħajr, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet interni relatati mat-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji, inkluż ta’ natura kostituzzjonali, ma jistgħu jostakolaw dan. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, ma jistax jiġi aċċettat li r-regoli tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, jippreġudikaw l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ indikazzjoni, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ qorti, li ma hijiex il-qorti tar-rinviju, li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li tkun mitluba taqta’ t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali wara li tkun irċeviet risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li l-qorti tar-rinviju tkun għamlitilha fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari inizjali, l-uniku mod effettiv għal din il-qorti li tirrimedja l-ksur tal-Artikolu 267 TFUE u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jirriżulta mill-adozzjoni tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 jikkonsisti, f’dan il-każ, f’li tkompli tassumi l-kompetenza ġudizzjarja li biha hija adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’din id-domanda skont regoli nazzjonali sa dakinhar applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza A.K. et, punt 166 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

150    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li:

Fil-preżenza ta’ emendi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li, l-ewwel nett, iċaħħdu lil qorti nazzjonali mill-kompetenza tagħha sabiex tagħti deċiżjoni fl-ewwel u l-aħħar istanza fuq rikorsi ppreżentati minn kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallfin f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kontra deċiżjonijiet ta’ korp bħalma huwa l-KRS li ma jippreżentax il-kandidatura tagħhom, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika bil-għan li jinħatru għal dawn il-pożizzjonijiet, li, it-tieni, jiddekretaw li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ipso jure fuq tali rikorsi meta jkunu għadhom pendenti, billi jeskludu li l-eżami tagħhom ikun jista’ jitkompla jew li jkunu jistgħu jerġgħu jiġu introdotti, u li, it-tielet, iċaħħdu, b’dan il-mod, lil tali qorti nazzjonali mill-possibbiltà li tikseb risposta għad-domandi preliminari li hija tkun indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali emendi meta jidher, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn l-emendi kellhom bħala effetti speċifiċi li jipprekludu lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti deċiżjoni fuq domandi preliminari bħal dawk li sarulha minn din il-qorti u li jeskludu kull possibbiltà ta’ repetizzjoni futura, minn qorti nazzjonali, ta’ domandi analogi għalihom;

–        it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali emendi meta jidher, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn l-emendi huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin maħtura, mill-President tar-Repubblika, abbażi tal-imsemmija deċiżjonijiet tal-KRS, fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u dwar in-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi quddiemhom u, għaldaqstant, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

Fil-każ ta’ ksur ipprovat tal-imsemmija artikoli, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li tħalli mhux applikati l-emendi inkwistjoni, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ta’ oriġini leġiżlattiva jew kostituzzjonali, u li tkompli, konsegwentement, tassumi l-kompetenza li kienet tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim li kellha quddiemha qabel ma twettqu dawn l-emendi.

 Fuq l-ewwel domanda

151    Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-preċiżazzjonijiet li jinsabu fil-punti 85 sa 89 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jgħidu li:

–        minn naħa, minkejja l-preżentata, minn kandidat għal pożizzjoni ta’ mħallef f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ korp bħall-KRS li ma jaċċettax il-kandidatura tiegħu, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika, din id-deċiżjoni tkun ta’ natura definittiva sa fejn din tippreżenta lil dawn il-kandidati l-oħra, b’tali mod li dan ir-rikors ma jipprekludix il-ħatra ta’ dawn tal-aħħar mill-President tar-Repubblika u li l-eventwali annullament tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn din ma tkunx ippreżentat lir-rikorrent għall-ħatra ma tistax twassal għal evalwazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-attribuzzjoni eventwali tal-pożizzjoni kkonċernata, u

–        min-naħa l-oħra, tali rikors ma jistax ikun fondat fuq motiv ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza mill-kandidati tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni meta tittieħed deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra.

 Fuq l-eventwali nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni

152    Matul il-fażi bil-miktub inizjali tal-proċedura, il-KRS, il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk sostnew, għal raġunijiet essenzjalment identiċi għal dawk esposti fil-punti 72 u 73 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl tal-adozzjoni tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 u tat-tneħħija tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li fuqhom kienet ibbażata sa dak iż-żmien il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali kif ukoll tan-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni ddekretat minn din il-liġi f’dak li jirrigwarda dawn tal-aħħar, l-ewwel domanda kienet saret mingħajr skop u li risposta għaliha ma kinitx għadha neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ dawn it-tilwimiet, b’tali mod li ma kienx hemm iktar lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar din id-domanda.

153    Madankollu, minħabba l-fatt li, fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tista’ tasal twarrab id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-imsemmija liġi minħabba li dawn ikunu jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, l-oġġezzjonijiet tal-imsemmija partijiet ikkonċernati għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà

154    Skont il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk, l-ewwel domanda hija inammissibbli minħabba li l-Unjoni ma għandha ebda kompetenza fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, b’tali mod li r-regoli nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

155    Tali oġġezzjonijiet għandhom madankollu jiġu miċħuda għal raġunijiet analogi għal dawk diġà esposti fil-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza.

 Fuq il-mertu

156    Sabiex jiġi ddeterminat jekk dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 44(1bis) sa (4) tal-Liġi dwar il-KRS jistgħux jiksru t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu qabel kollox jitfakkar, filwaqt li hawnhekk jiġu rrepetuti l-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 108 sa 136 ta’ din is-sentenza, li, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, l-assenza eventwali tal-possibbiltà li jiġi eżerċitat rimedju ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ mħallef ta’ qorti suprema nazzjonali tista’, f’ċerti każijiet, ma tirriżultax problematika fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Min-naħa l-oħra, il-każ jista’ jkun differenti meta jkun hemm dispożizzjonijiet li jwasslu għall-eliminazzjoni tal-effettività tal-azzjonijiet ġudizzjarji ta’ dan it-tip li kienu jeżistu sa dak iż-żmien, b’mod partikolari meta l-adozzjoni tagħhom, ikkunsidrata flimkien ma’ elementi rilevanti oħra li jikkaratterizzaw tali proċess ta’ ħatra f’kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali partikolari, tidher ta’ natura li tista’ toħloq, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji ta’ natura sistematika f’dak li jirrigwarda l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura fi tmiem dan il-proċess.

157    Issa, fid-dawl, f’dan ir-rigward, tal-prinċipji mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, rikors bħal dak ippreżentat quddiemha abbażi tal-imsemmi Artikolu 44(1bis) sa (4) huwa nieqes minn kull effettività reali u joffri biss, għalhekk, dehra ta’ azzjoni ġudizzjarja.

158    Għar-raġunijiet esposti mill-imsemmija qorti kif stipulati fil-punti 35 u 37 ta’ din is-sentenza, dan jgħodd, b’mod partikolari, għaldaqstant, minħabba d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1ter) u (4) tal-Liġi dwar il-KRS li minnhom jirriżulta, essenzjalment, li, minkejja l-eżerċizzju ta’ tali rikors minn kandidat li ma huwiex ippreżentat għall-ħatra mill-KRS, ir-riżoluzzjonijiet ta’ dan tal-aħħar għandhom dejjem natura definittiva fir-rigward tad-deċiżjoni li dawn jinvolvu li jippreżentaw kandidati għall-ħatra, peress li dawn tal-aħħar setgħu, bħalma kien il-każ f’dawn il-kawżi, jinħatru mill-President tar-Repubblika għall-pożizzjonijiet ikkonċernati mingħajr ma wieħed jistenna l-eżitu ta’ dan ir-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa, fil-fatt, ovvju li annullament eventwali tad-deċiżjoni li tinkludi tali riżoluzzjoni li ma tiġix ippreżentata għall-ħatra l-kandidatura ta’ rikorrent li sseħħ fi tmiem il-proċedura mibdija minn dan tal-aħħar ser tibqa’ mingħajr konsegwenzi reali fuq is-sitwazzjoni tiegħu f’dak li jikkonċerna l-pożizzjoni li huwa sejjaħ u li għalhekk ikun diġà ngħata abbażi ta’ din ir-riżoluzzjoni.

159    Fit-tieni lok, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanza li, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali emendaw b’mod kunsiderevoli l-istat tad-dritt nazzjonali fis-seħħ preċedentement.

160    Fil-fatt, l-ewwel nett, u kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, jidher li, qabel l-inklużjoni tal-paragrafi 1ter u 4 fl-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS, ir-rikorsi intiżi kontra riżoluzzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li jippreżentaw kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kienu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Artikolu 43 ta’ din il-liġi li ma kinux jipprevedu r-restrizzjonijiet li issa jinsabu fl-imsemmija paragrafi 1ter u 4, b’tali mod li dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar kellhom l-effett, fir-rigward ta’ tali riżoluzzjonijiet, li jeqirdu l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju li sa dak iż-żmien kien jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

161    It-tieni, kif tirrileva wkoll il-qorti tar-rinviju, l-emenda introdotta fil-paragrafu 1bis tal-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS u li tirrigwarda n-natura tal-istħarriġ li tista’ twettaq in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) meta tkun adita abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, min-naħa tagħha, naqqset l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li kien jeżisti qabel.

162    It-tielet, għandu jiġi enfasizzat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li r-restrizzjonijiet hekk introdotti fl-Artikolu 44(1bis) sa (4) tal-Liġi dwar il-KRS jikkonċernaw biss ir-rikorsi ppreżentati kontra riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar preżentazzjonijiet ta’ kandidaturi għal pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), filwaqt li r-riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar preżentazzjonijiet ta’ kandidaturi għal pożizzjonijiet ta’ mħallef fil-qrati nazzjonali l-oħra jibqgħu, min-naħa tagħhom, suġġetti għas-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju ġenerali msemmija fil-punt 160 ta’ din is-sentenza.

163    Fit-tielet lok, l-elementi kuntestwali marbuta mar-riformi l-oħra kollha li reċentement affettwaw is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-KRS u li diġà ssemmew fil-punti 130 sa 135 ta’ din is-sentenza għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-każ.

164    F’dan ir-rigward, għandu, barra minn hekk, jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1ter) u (4) tal-Liġi dwar il-KRS, li, kif diġà ġie rrilevat, ċaħħdu minn kull effettività rimedji ġudizzjarji bħal dawk fil-kawżi prinċipali, ġew introdotti mil-Liġi tal‑20 ta’ Lulju 2018 li Temenda l-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji u ċerti liġijiet oħra u daħlu fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2018, jiġifieri ftit żmien qabel ma l-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu ntalab jagħti deċiżjoni dwar il-kandidaturi ppreżentati sabiex jimtlew diversi pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddikjarati vakanti jew maħluqa b’mod ġdid b’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida dwar il-qorti suprema u, b’mod partikolari, dwar il-kandidaturi tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali.

165    Fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, abbażi tat-tagħlim li jirriżulta minn din is-sentenza u ta’ kull ċirkustanza rilevanti oħra li biha hija tkun taf, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-motivi jew l-għanijiet speċifiċi li jkunu allegati quddiemha sabiex jiġu ġġustifikati l-miżuri kkonċernati, jekk dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 44(1bis) sa (4) tal-Liġi dwar il-KRS, b’mod partikolari meta jiġu kkombinati mal-elementi msemmija fil-punti 130 sa 135 u 157 sa 164 tal-imsemmija sentenza, humiex ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin maħtura abbażi tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS fid-dawl ta’ elementi esterni, u, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva Pollakka, u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi li jista’ jkollhom quddiemhom u, għalhekk, ikunu jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt

166    Barra minn hekk, jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li t-tnaqqis hekk imwettaq mill-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-effettività tal-azzjoni ġudizzjarja miftuħa kontra r-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jipproponu l-ħatra ta’ mħallfin fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, hija għandha, għall-istess raġunijiet bħal dawk stipulati fil-punti 142 sa 149 ta’ din is-sentenza, twarrab dawn l-istess dispożizzjonijiet favur l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ preċedentement filwaqt li teżerċita hija stess l-istħarriġ previst minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.

167    Fid-dawl ta’ dan kollu li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet li jemendaw l-istat tad-dritt nazzjonali fis-seħħ u li permezz tagħhom:

–        minn naħa, minkejja l-preżentata, minn kandidat għal pożizzjoni ta’ mħallef f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ korp bħall-KRS li ma jaċċettax il-kandidatura tiegħu, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika, din id-deċiżjoni tkun ta’ natura definittiva sa fejn din tippreżenta lil dawn il-kandidati l-oħra, b’tali mod li dan ir-rikors ma jostakolax il-ħatra ta’ dawn tal-aħħar mill-President tar-Repubblika u li l-eventwali annullament tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn din ma tkunx ippreżentat lir-rikorrent għall-ħatra ma jistax iwassal għal evalwazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-għoti eventwali tal-pożizzjoni kkonċernata, u

–        min-naħa l-oħra, tali rikors ma jistax ikun fondat fuq motiv ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni meta tittieħed deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra,

meta jkun jidher, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin hekk maħtura mill-President tar-Repubblika fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet tal-KRS, fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi quddiemhom u, għaldaqstant, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

Fil-każ ta’ ksur ikkonfermat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li twarrab l-imsemmija dispożizzjonijiet favur l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali preċedentement fis-seħħ filwaqt li teżerċita hija stess l-istħarriġ ġudizzjarju previst minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.

 Fuq it-tieni domanda

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

169    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Fil-preżenza ta’ emendi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li, l-ewwel nett, iċaħħdu lil qorti nazzjonali mill-kompetenza tagħha sabiex tagħti deċiżjoni fl-ewwel u l-aħħar istanza fuq rikorsi ppreżentati minn kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallfin f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kontra deċiżjonijiet ta’ korp bħalma huwa l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) li ma jippreżentax il-kandidatura tagħhom, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika tal-Polonja bl-għan li jinħatru għal dawn il-pożizzjonijiet, li, it-tieni, jiddekretaw li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ipsojure fuq tali rikorsi meta jkunu għadhom pendenti, billi jeskludu li l-eżami tagħhom ikun jista’ jitkompla jew li jkunu jistgħu jerġgħu jiġu introdotti, u li, it-tielet, iċaħħdu, b’dan il-mod, lil tali qorti nazzjonali mill-possibbiltà li tikseb risposta għad-domandi preliminari li hija tkun indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali emendi meta jidher, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn l-emendi kellhom bħala effetti speċifiċi li jipprekludu lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti deċiżjoni fuq domandi preliminari bħal dawk li sarulha minn din il-qorti u li jeskludu kull possibbiltà ta’ repetizzjoni futura, minn qorti nazzjonali, ta’ domandi analogi għalihom;

–        it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali emendi meta jidher, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn l-emendi huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin maħtura, mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, abbażi tal-imsemmija deċiżjonijiet tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura), fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u dwar in-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi quddiemhom u, għaldaqstant, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

Fil-każ ta’ ksur ipprovat tal-imsemmija artikoli, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li tħalli mhux applikati l-emendi inkwistjoni, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ta’ oriġini leġiżlattiva jew kostituzzjonali, u li tkompli, konsegwentement, tassumi l-kompetenza li kienet tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim li kellha quddiemha qabel ma twettqu dawn l-emendi.

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet li jemendaw l-istat tad-dritt nazzjonali fis-seħħ u li permezz tagħhom:

–        minn naħa, minkejja l-preżentata, minn kandidat għal pożizzjoni ta’ mħallef f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ korp bħall-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) li ma jaċċettax il-kandidatura tiegħu, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika tal-Polonja, din id-deċiżjoni tkun ta’ natura definittiva sa fejn din tippreżenta lil dawn il-kandidati l-oħra, b’tali mod li dan ir-rikors ma jostakolax il-ħatra ta’ dawn tal-aħħar mill-President tar-Repubblika tal-Polonja u li l-eventwali annullament tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn din ma tkunx ippreżentat lir-rikorrent għall-ħatra ma jistax iwassal għal evalwazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-għoti eventwali tal-pożizzjoni kkonċernata, u,

–        min-naħa l-oħra, tali rikors ma jistax ikun fondat fuq motiv ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni meta tittieħed deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra,

meta jkun jidher, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin hekk maħtura mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ korp bħall-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura), fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi quddiemhom u, għaldaqstant, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

Fil-każ ta’ ksur ikkonfermat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li twarrab l-imsemmija dispożizzjonijiet favur l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali preċedentement fis-seħħ filwaqt li teżerċita hija stess l-istħarriġ ġudizzjarju previst minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.