Language of document : ECLI:EU:C:2021:153

Kawża C824/18

A. B. et

vs

Krajowa Rada Sądownictwa

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat2 ta’ Marzu 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Proċedura għal ħatra għal pożizzjoni ta’ Mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Ħatra mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq riżoluzzjoni mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura – Nuqqas ta’ indipendenza ta’ dan il-Kunsill – Assenza ta’ effettività tal-azzjoni ġudizzjarja miftuħa kontra tali riżoluzzjoni – Sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) li tħassar id-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata l-kompetenza tal-qorti tar-rinviju – Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tiddekreta li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ipso jure f’kawżi pendenti u li teskludi fil-futur kull azzjoni ġudizzjarja f’tali kawżi – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà u/jew obbligu għall-qrati nazzjonali li jagħmlu rinviju preliminari u li jżommuh – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Setgħa li jħallu mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni”

1.        Domandi preliminari – Talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Kompetenzi tal-qrati nazzjonali – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil qorti nazzjonali milli żżomm talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull possibbiltà ta’ ripetizzjoni futura ta’ talbiet analogi – Inammissibbiltà – Evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju

(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 74, 91 sa 93, 95 sa 97, 106, 107, 150, u d-dispożittiv 1)

2.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata

(Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 51(1))

(ara l-punti 108, 109, 111, 112)

3.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Portata

(Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

(ara l-punti 115 sa 119)

4.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Imħallfin tal-Qorti Suprema maħtura mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura – Ksur fil-każ ta’ dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża – Kriterji – Indipendenza tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura – Portata tar-rikors li jista’ jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ dan il-korp – Verifika mill-qorti tar-rinviju

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 122 sa 125, 127 sa 129, u 131)

5.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura dwar il-proposta għal ħatra ta’ ċerti kandidati għal pożizzjonijiet ta’ Mħallef fil-Qorti Suprema – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddekreta li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Tneħħija ta’ kull possibbiltà li jiġu ppreżentati tali rikorsi fil-futur – Ksur fil-każ ta’ dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża – Verifika mill-qorti tar-rinviju

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 136, 138, 139, 150 u d-dispożittiv 1)

6.        Stati Membri – Obbligi – Kompetenza tal-qrati nazzjonali sabiex jagħmlu domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Supremazija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil qorti nazzjonali milli żżomm talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull possibbiltà ta’ ripetizzjoni futura ta’ talbiet analogi – Inammissibbiltà – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Obbligu li tħalli mhux applikata d-dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni – Obbligu, għall-qorti tar-rinviju, li tkompli tieħu konjizzjoni tat-tilwim li qabel kien jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha

(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 140, 141, 150 u d-dispożittiv 1)

7.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Supremazija – Rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura dwar il-proposta għal ħatra ta’ ċerti kandidati għal pożizzjonijiet ta’ Mħallef fil-Qorti Suprema – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddekreta li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Tneħħija ta’ kull possibbiltà li jiġu ppreżentati tali rikorsi fil-futur – Inammissibbiltà – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Obbligu li tħalli mhux applikata d-dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni – Obbligu, għall-qorti tar-rinviju, li tkompli tieħu konjizzjoni tat-tilwim li qabel kien jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 142 sa 146, 148 sa 150 u d-dispożittiv 1)

8.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura dwar il-ħatra ta’ ċerti kandidati għal pożizzjonijiet ta’ Mħallef fil-Qorti Suprema – Deċiżjonijiet dwar il-kandidati proposti li jsiru definittivi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lir-rikorrenti milli jinvokaw motiv ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni meta jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet – Ksur fil-każ ta’ dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża – Verifika mill-qorti tar-rinviju

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 156, 157, 165, 167 u d-dispożittiv 2)

9.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Supremazija – Rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura dwar il-proposta għal ħatra ta’ ċerti kandidati għal pożizzjonijiet ta’ Mħallef fil-Qorti Suprema – Deċiżjonijiet dwar il-kandidati proposti li jsiru definittivi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lir-rikorrenti milli jinvokaw motiv ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni meta jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet – Inammissibbiltà – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Obbligu li titħalla mhux applikata d-dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni – Obbligu, għall-qorti tar-rinviju, li tkompli tassumi l-kompetenza tagħha filwaqt li tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ preċedentement

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 166, 167 u d-dispożittiv 2)

Sunt

L-emendi suċċessivi tal-Liġi Pollakka dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura li għandhom bħala effett li jħassru l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjonijiet ta’ dan il-Kunsill li jippreżenta lill-President tar-Repubblika kandidati għall-funzjonijiet ta’ Mħallef fil-Qorti Suprema jistgħu jiksru d-dritt tal-Unjoni.

Fil-każ ta’ ksur ippruvat, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali li tħalli mhux applikati tali emendi.

Permezz ta’ riżoluzzjonijiet adottati f’Awwissu 2018, il-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”) iddeċieda li ma jippreżentax lill-President tar-Repubblika tal-Polonja proposti għal ħatra ta’ ħames persuni (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) għal pożizzjonijiet ta’ Mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) u li jippreżenta kandidati oħrajn għal dawn il-pożizzjonijiet. Ir-rikorrenti adixxew lin-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, b’rikorsi kontra dawn ir-riżoluzzjonijiet. Tali rikorsi kienu għalhekk irregolati bil-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”), kif emendata b’liġi ta’ Lulju 2018. B’applikazzjoni ta’ din is-sistema, kien previst, minn naħa, li, jekk l-ebda wieħed mill-parteċipanti għal proċedura ta’ ħatra għal pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema ma jikkontesta r-riżoluzzjoni inkwistjoni tal-KRS, din ir-riżoluzzjoni ssir definittiva f’dak li jirrigwarda l-kandidat ippreżentat għal din il-pożizzjoni, b’tali mod li dan tal-aħħar seta’ jinħatar mill-President tar-Repubblika. Barra minn hekk, l-annullament eventwali ta’ tali riżoluzzjoni fuq rikors ta’ parteċipant mhux ippreżentat għall-ħatra ma setax iwassal għal evalwazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-għoti eventwali tal-pożizzjoni kkonċernata. Min-naħa l-oħra, skont din l-istess sistema, tali rikors ma setax ikun ibbażat fuq motiv ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra. Fit-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali tagħha, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tqis li tali sistema teskludi fil-prattika kull effettività tar-rikors ippreżentat minn parteċipant mhux ippreżentat għall-ħatra, iddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità ta’ din is-sistema mad-dritt tal-Unjoni.

Wara din it-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali, il-Liġi dwar il-KRS ġiet emendata mill-ġdid fl‑2019. Bis-saħħa ta’ din ir-riforma, minn naħa, sar impossibbli li jiġu ppreżentati rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-KRS dwar il-preżentazzjoni jew in-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ kandidati għall-ħatra għal pożizzjonijiet ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema. Min-naħa l-oħra, din ir-riforma ddekretat nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni ipso jure fuq tali rikorsi li għadhom pendenti u b’dan il-mod ċaħħdet, fil-fatt, lill-qorti tar-rinviju mill-kompetenza tagħha sabiex tagħti deċiżjoni dwar dan it-tip ta’ rikors kif ukoll mill-possibbiltà li tikseb risposta għad-domandi preliminari li hija kienet għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit-talba għal deċiżjoni preliminari addizzjonali tagħha, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ din is-sistema l-ġdida.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala Awla Manja, tiddeċiedi, qabelxejn, li kemm is-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE, jipprekludu emendi leġiżlattivi, bħal dawk, ippreċitati, imwettqa fl‑2019 fil-Polonja, meta jidher li dawn kellhom bħala effetti speċifiċi li jipprekludu lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti deċiżjoni fuq domandi preliminari bħal dawk magħmula mill-qorti tar-rinviju u li tiġi eskluża kull possibbiltà ta’ ripetizzjoni futura, minn qorti nazzjonali, ta’ domandi analogi għalihom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, f’dan ir-rigward, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, il-kuntest li fih il-leġiżlatur Pollakk adotta dawn l-emendi, jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jista’ wkoll jipprekludi dan it-tip ta’ emendi leġiżlattivi. Dan huwa l-każ meta jkun jidher, li huwa, f’dan il-każ ukoll, il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn l-emendi jkunu ta’ natura li jqajmu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin maħtura abbażi tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS, fid-dawl ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi li jkunu affrontati bihom. Tali emendi jkunu jistgħu għalhekk iwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jissuponu l-eżistenza ta’ regoli li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza r-rwol determinanti tal-KRS fil-proċess ta’ ħatra għal pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema, peress li l-att ta’ proposta li huwa jadotta jikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non sabiex kandidat jinħatar sussegwentement. Għaldaqstant, il-livell ta’ indipendenza li jgawdi minnu l-KRS fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva Pollakka jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-Imħallfin li huwa jagħżel humiex ser ikunu f’pożizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-assenza eventwali ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ Mħallef ta’ qorti suprema nazzjonali tista’ tirriżulta problematika meta l-elementi kuntestwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw tali proċess fl-Istat Membru kkonċernat ikunu jistgħu jqajmu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji ta’ natura sistematika fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-Imħallfin maħtura wara dan il-proċess. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi, abbażi tal-elementi rilevanti kollha li hija semmiet fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha u, b’mod partikolari, tal-emendi leġiżlattivi li reċentement affettwaw il-proċess ta’ nomina tal-membri tal-KRS, li dan tal-aħħar ma joffrix garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti, l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju miftuħ għall-kandidati mhux magħżula tkun tirriżulta neċessarja sabiex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ikkonċernati minn influwenzi diretti jew indiretti sabiex jiġi evitat, fl-aħħar, li jkunu jistgħu jqumu d-dubji preċitati.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-adozzjoni tal-emendi leġiżlattivi tal‑2019 saret bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan id-dritt jimponi fuq din il-qorti tal-aħħar li tħalli mhux applikati dawn l-emendi, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ta’ oriġini leġiżlattiva jew kostituzzjonali, u li tkompli tassumi l-kompetenza li kienet tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim li kellha quddiemha qabel ma twettqu dawn l-emendi.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi emendi leġiżlattivi, bħal dawk, ippreċitati, li saru fl‑2018 fil-Polonja, meta jkun jidher li dawn huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-Imħallfin hekk maħtura fir-rigward ta’ elementi esterni, u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi li huma involuti, u li jwasslu għalhekk għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-azzjoni ġudizzjarja miftuħa fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ Mħallef ta’ qorti suprema nazzjonali jistgħu jkunu problematiċi fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni meta jipproċedu għal eliminazzjoni tal-effettività tar-rikors eżistenti sa dak iż-żmien. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, l-ewwel nett, li, wara l-emendi leġiżlattivi tal‑2018, ir-rikors inkwistjoni issa huwa nieqes minn kull effettività reali u joffri biss apparenza ta’ rimedju ġudizzjarju. It-tieni, hija tenfasizza li, f’dan il-każ, l-elementi kuntestwali marbuta mar-riformi l-oħra kollha li reċentement affettwaw il-Qorti Suprema u l-KRS għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirrileva, lil hinn mid-dubji msemmija preċedentement dwar l-indipendenza tal-KRS, iċ-ċirkustanza li l-emendi leġiżlattivi tal‑2018 ġew introdotti ftit żmien qabel ma l-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu ntalab jiddeċiedi dwar il-kandidaturi, bħal dawk tar-rikorrenti, ippreżentati sabiex jimtlew diversi pożizzjonijiet ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema ddikjarati vakanti jew maħluqa b’mod ġdid minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ diversi emendi tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-emendi leġiżlattivi tal‑2018 jiksru d-dritt tal-Unjoni, hija jkollha, skont il-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan id-dritt, tħalli mhux applikati dawn l-emendi favur l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ preċedentement filwaqt li teżerċita hija stess l-istħarriġ previst minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.