Language of document : ECLI:EU:F:2007:193

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Novembru 2007

Kawża F-76/06

Ioannis Tsirimokos

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kundizzjonijiet tax-xogħol – Xogħol part-time bħala preparazzjoni għall-irtirar mis-servizz – Esklużjoni tad-drittijiet għall-pensjoni ttrasferiti fil-kalkolu tas-salarju bażiku għall-xogħol part-time – Konklużjoni Nru 241/05 tal-Grupp tal-Kapijiet ta’ l-Amministrazzjoni  ”

Suġġett: Rikors ippreżentat abbażi ta’ l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tiegħu I. Tsirimokos jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2005, ikkonfermata mid-deċiżjoni tad-19 ta’ April 2006, li tiċħad it-talba tar-rikorrent, li ma jiġux ikkunsidrati d-drittijiet għall-pensjoni ttrasferiti lejn l-iskema ta’ pensjoni Komunitarja fil-kalkolu tal-perċentwali tas-salarju bażiku li ġie rrikonoxxut lir-rikorrent meta ġiet aċċettata t-talba tiegħu li jaħdem part-time sabiex jipprepara ruħu għall-irtirar tiegħu mis-servizz.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Xogħol part-time qabel l-irtirar mis-servizz (Regolamenti tal-Persunal, Anness IV a, Artikolu 4(b), u VIII, Artikoli 2 sa 5, 9, 9a u 11)

2.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv preliminari – Suġġett u bażi legali identiċi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2)

1.      L-Artikolu 4(b), ta’ l-Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregola l-metodi tal-kalkolu tas-salarju mnaqqas għal xogħol part-time imwettaq minn uffiċjal li jkun qiegħed jipprepara ruħu għall-irtirar mis-servizz, jinkludi elenku eżawrjenti tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perċentwali tas-salarju bażiku li tista’ tkun intitolata għalih il-persuna kkonċernata. Dan l-Artikolu jipprovdi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz miksuba skond l-Artikoli 2 sa 5, 9 u 9a ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda mkien ma jsemmi l-Artikolu 11 ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, is-snin ta’ servizz miksuba wara trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni lejn l-iskema ta’ pensjoni Komunitarja, awtorizzat mill-imsemmi Artikolu 11, mhumiex ikkontemplati mill-Artikolu 4(b) ta’ l-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal.

Din l-interpretazzjoni letterali ta’ l-Artikolu 4(b) ta’ l-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal hija sostnuta minn żewġ premessi marbuta mas-sistema li tifforma parti minnha din id-dispożizzjoni. Minn naħa, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu sistema awtonoma li tirregola l-metodi tal-kalkolu tas-salarju għal xogħol part-time imwettaq bħala preparazzjoni għall-irtirar mis-servizz ta’ uffiċjal, fejn din l-iskema tifforma parti mis-sistema ġenerali tal-modalitajiet tax-xogħol part-time li tinsab fl-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, ir-regola prevista fl-Artikolu 11 ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija speċifika għal-iskema tal-pensjonijiet u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jimponi li x-xogħol imwettaq qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet għandu jiġi kkunsidrat bħala servizz effettiv. Barra minn dan, mill-kuntest ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-għanijiet persegwiti mil-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnha, jiġifieri s-sistema tal-modalitajiet tax-xogħol part-time, ma jirriżultax li, fil-kuntest ta’ l-aċċettazzjoni ta’ talba sabiex il-persuna kkonċernata taħdem part-time bħala preparazzjoni għall-irtirar tagħha mis-servizz, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni s-snin preċedenti għad-dħul fis-servizz mal-Komunitajiet għall-kalkolu tal-perċentwali tas-salarju bażiku li għalih hija intitolata din il-persuna kkonċernata.

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tat-trattament tas-snin ta’ servizz miksuba fi ħdan istituzzjoni meta mqabbla mas-snin ta’ servizz miksuba wara trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, m’għandux jiġi kkunsidrat li somma flus li permezz tagħha l-aġent jikkontribwixxi għall-baġit tal-Komunità tikkostitwixxi valur paragunabbli ma’ perijodu ta’ żmien iddedikat għas-servizz ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji. Għaldaqstant, l-uffiċjal li jkun ittrasferixxa lejn l-iskema ta’ pensjonijiet Komunitarja, meta daħal fis-servizz tal-Komunitajiet, kapital ekwivalenti għad-drittijiet li huwa kiseb f’sistema nazzjonali, ma jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma dik ta’ uffiċjal li daħal fis-servizz tal-Komunitajiet iktar kmieni u li, b’effett minn dak iż-żmien, ikun ikkontribwixxa għall-iskema tal-pensjonijiet Komunitarja permezz ta’ tnaqqis mis-salarju tiegħu.

(ara l-punti 34 sa 39 u 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C‑227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punti 67 u 68

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Diċembru 2004, Pappas vs Il-Kummissjoni, T‑11/02, ĠabraSP p. I‑A‑381 u II‑1773, punt 44

2.      Ir-regola li għandu jkun hemm qbil bejn l-ilment amministrattiv skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u r-rikors sussegwenti teħtieġ li, taħt piena ta’ inammissibbiltà, motiv issollevat quddiem qorti Komunitarja għandu jkun ġie ssollevat fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra setgħet kienet f’pożizzjoni li tkun taf, b’mod suffiċjentement preċiż, il-kritika li l-persuna kkonċernata tkun qegħda tagħmel fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata. Din ir-regola hija ġġustifikata mill-għan stess tal-proċedura prekontenzjuża li għandha l-għan li tippermetti soluzzjoni amikevoli tal-kontroversji li jinqalgħu bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni. Għalhekk, l-imsemmija awtorità għandha tkun infurmata b’mod ċar dwar l-ilmenti mqajma minn min jikkontesta sabiex tkun f’pożizzjoni li tipproponilu l-eventwali soluzzjoni bonarja.

(ara l-punt 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Lulju 1976, Sergy vs Il-Kummissjoni, 58/75, Ġabra p. 1139, punt 32 ; 14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il-Parlament, 133/88, Ġabra p. 689, punt 9, Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, Ġabra SP p. I-A-2-297 u II-A-2-1527, punt 32, u l‑ġurisprudenza ċċitata