Language of document : ECLI:EU:C:2021:857

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl‑14 ta’ Ottubru 2021 (1)

Kawża C556/20

Schneider Electric SA,

Axa SA,

BNP Paribas,

Engie,

Orange SA,

L’Air liquide, société anonyme pour l’étude et l’exploitation des procédés Georges Claude

vs

Premier ministre,

Ministre de l’Economie, des Finances et de la Relance

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal domanda preliminari – Sistema magħmula minn ħlas bil-quddiem ta’ taxxa u kreditu ta’ taxxa fit-tqassim mill-ġdid ta’ dividendi – Relazzjoni bejn id-Direttiva 90/435 u l-libertajiet fundamentali – Taxxa f’ras il-għajn – Tassazzjoni ta’ ħlasijiet ta’ dividendi lil kumpannija omm skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435 – Dispożizzjonijiet dwar il-ħlas ta’ krediti tat-taxxa lill-benefiċjarju tad-dividendi (Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435)”






I.      Introduzzjoni

1.        Fis-snin sal‑2004, il-kumpanniji Franċiżi kellhom iħallsu ħlas bil-quddiem ta’ taxxa (“précompte mobilier”) meta jqassmu mill-ġdid dividendi lill-azzjonisti tagħhom jekk il-profitti tal-kumpannija li għandhom jitqassmu (f’dan il-każ id-dividendi rċevuti) ma kinux suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji. Din is-sistema kienet tinkludi wkoll kreditu ta’ taxxa li l-benefiċjaru tad-dividendi kien jirċievi mat-tqassim mill-ġdid, iżda ma kinitx tapplika fil-każ ta’ tqassim minn sussidjarji barranin.

2.        Fil-kawżi Accor (2) u Il‑Kummissjoni vs Franza (3), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat is-sitwazzjoni legali Franċiża fir-rigward tat-tassazzjoni ta’ dividendi f’katina ta’ azzjonijiet u sabet ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital fiż-żewġ kawżi. Il-kwistjoni issa hija jekk id-dispożizzjonijiet Franċiżi rilevanti humiex kompatibbli mad-Direttiva 90/435 (4). Fil-fatt, bit-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) issa qiegħed jitlob l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u jistaqsi b’mod partikolari jekk l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jippermettix lir-Repubblika Franċiża tapplika tali ħlas bil-quddiem ta’ taxxa.

3.        Minbarra l-kompatibbiltà tas-sistema Franċiża mad-Direttiva 90/435, titqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk sistema ta’ tassazzjoni li tikser il-libertajiet fundamentali tistax madankollu tkun permessa lill-Istat Membru permezz tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Skont il-premessi tagħha, id-Direttiva 90/435 għandha l-għan li teżenta mit-taxxa f’ras il-għajn il-ħlasijiet ta’ dividendi u tqassim ieħor ta’ profitti oħra minn sussidjarji lill-kumpanniji omm tagħhom, u li telimina t-tassazzjoni doppja fuq dan id-dħul fil-livell tal-kumpannija omm benefiċjarja.

5.        L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva jipprevedi:

“(1) Meta kumpannija parent jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu l-profitti mqassna bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tal-kumpannija parent mas-sussidjarja tagħha, l-Istat tal-kumpannija parent u l-Istat ta’ l-istabbiliment permanenti tagħha għandhom, għajr meta s-sussidjarja tiġi llikwidata, jew:

–        iżommu lura milli jintaxxaw dawn il-profitti, jew

–        jintaxxaw dawn il-profitti filwaqt li jawtorizzaw lill-kumpannija parent u lill-istabbiliment permanenti li jnaqqsu mill-ammont mistħoqq tat-taxxa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti u mħallas mis-sussidjarja u minn kull sussidjara fi skala iktar baxxa, bla ħsara għall-kondizzjoni illi f’kull skaluna kumpannija u s-sussidjara ta’ l-iskaluna iktar baxxa tagħha jissodisfaw il-ħtiġiet ipprovvduti fl-Artikolu 2 u 3, sal-limitu ta’ l-ammont tat-taxxa mitħoqqa korripsondenti.

[…]

(2)      Madankollu, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżomm il-għażla li jipprovdi illi kull impost li jkollu x’jaqsam ma’ l-ishma u kull telf li jirriżulta mit-tqassim tal-qligħ tal-kumpannija sussidjarja jistgħu ma jitnaqqsux mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija ġenitur. Meta l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma f’dan il-każ jiġu ffissati bħala rata waħda uniformi, l-ammont iffissat ma jistax jaqbeż il 5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja.”

6.        L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jipprevedi:

“Il-profitti li sussidjarja tqassam lill-kumpannija parent għandhom ikunu eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn.”

7.        Madankollu, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet domestiċi jew imsejsa fuq ftehim bil-ħsieb li telimina jew tnaqqas it-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-ħlas ta’ krediti tat-taxxa lir-riċevituri ta’ dawn id-dividendi.”

B.      Id-dritt Franċiż

8.        L-Artikolu 146(2) tal-Code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, iktar ’il quddiem iċ-“CGI”), moqri fil-verżjoni li tapplika għas-snin tat-taxxa rilevanti fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Meta t-tqassim li tagħmel kumpannija omm jagħti lok għall-applikazzjoni tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa stabbilit fl-Artikolu 223 sexies, dan il-ħlas bil-quddiem għandu jitnaqqas, meta jkun il-każ, bl-ammont ta’ krediti ta’ taxxa li huma marbuta mad-dħul mill-azzjonijiet […], miġbura matul snin finanzjarji li ilhom magħluqa sa massimu ta’ ħames snin.”

9.        L-Artikolu 158 bis (1) taċ-CGI, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ tul is-snin tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Il-persuni li jirċievu dividendi mqassma minn kumpanniji Franċiżi għandhom, abbażi ta’ dan, dħul ikkostitwit:

(a)       minn somom li huma jirċievu mill-kumpannija;

(b)      minn kreditu ta’ taxxa rrappreżentat minn kreditu miftuħ fil-konfront tat-Teżor.

Dan il-kreditu ta’ taxxa huwa ugwali għal nofs is-somom effettivament imħallsa mill-kumpannija. Dan il-kreditu jista’ jintuża biss fil-każ fejn id-dħul huwa inkluż fil-bażi tat-taxxa fuq id-dħul dovuta mill-benefiċjarju. Dan il-kreditu huwa aċċettat bħala ħlas għal din it-taxxa. Dan il-kreditu jitħallas lura lill-persuni fiżiċi sa fejn l-ammont tiegħu jeċċedi dak tat-taxxa li huma għandhom iħallsu.”

10.      L-Artikolu 216(1) taċ-CGI kien jipprevedi:

“Id-dħul nett minn parteċipazzjonijiet, li jagħtu dritt għall-applikazzjoni tas-sistema tat-tassazzjoni tal-kumpanniji omm […], li tirċievi matul sena finanzjarja kumpannija omm, jista’ jitnaqqas mit-total nett tal-profitti ta’ din il-kumpannija […]”.

11.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 223 sexies (1) taċ-CGI, fil-verżjoni li kienet tapplika b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2000, jipprevedi:

“[M]eta l-profitti mqassma minn kumpannija jiġu kkalkolati fuq somom li fir-rigward tagħhom hija ma kinitx suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata normali […], din il-kumpannija hija obbligata tħallas taxxa bil-quddiem ugwali għal kreditu ta’ taxxa kkalkolat taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu I tal-Artikolu 158 bis. […]. It-taxxa mħallsa bil-quddiem hija dovuta fir-rigward ta’ tqassim li jagħti dritt għall-kreditu ta’ taxxa previst fl-Artikolu 158 bis, indipendentement mill-benefiċjarji.”

III. Il-kawża prinċipali

A.      Sfond tal-Kawża C556/20

12.      Is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari huwa s-sistema Franċiża ta’ tassazzjoni tad-dividendi f’katina ta’ azzjonijiet, li kienet teżisti sa u inkluż l-2004.

13.      Din is-sistema kienet tikkonsisti f’diversi komponenti. Jekk il-profitti kienu mqassma minn sussidjarja, Franċiża jew barranija, lill-kumpannija omm Franċiża tagħha, dawn kienu eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikolu 216(1) taċ-CGI, bl-eċċezzjoni ta’ proporzjon fiss ta’ 5 % tal-ispejjeż u n-nefqiet.

14.      Barra minn hekk, sa mill‑1965 ir-Repubblika Franċiża kienet diġà stabbilixxiet sistema ta’ tassazzjoni li tikkonsisti fi kreditu ta’ taxxa u ħlas bil-quddiem ta’ taxxa (“précompte mobilier”), sakemm id-dividendi jgħaddu f’katina ta’ azzjonijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet tneħħew fl‑1 ta’ Jannar 2005, iżda xorta kienu japplikaw għas-snin tat-tilwima mill‑2000 sal‑2004.

15.      Skont l-Artikolu 158 bis taċ-CGI, il-benefiċjarji ta’ dividendi minn kumpannija Franċiża kienu awtomatikament jirċievu kreditu ta’ taxxa ugwali għal 50 % tad-dividend imqassam. Dan il-kreditu ta’ taxxa kellu jinnewtralizza t-tassazzjoni preċedenti permezz tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-livell tal-kumpannija u kellu jiżgura li l-investituri (persuni fiżiċi) jiġu ntaxxati kif xieraq skont il-kapaċità ta’ ħlas finanzjarja tagħhom fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul tagħhom. Dan peress li l-profitt imqassam kien diġà suġġett għal tassazzjoni b’taxxa fuq il-kumpanniji fl-ammont ta’ 33.33 % fil-livell tal-kumpannija li tqassam li kienet iġġenerat il-profitt u mbagħad kien intaxxat mill-ġdid fil-livell tal-azzjonisti. Bħala riżultat, dan il-kreditu ta’ taxxa kien jinnewtralizza, fil-livell tal-benefiċjarju, eżattament il-piż tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-livell tal-kumpannija li tqassam. Bħala riżultat, il-benefiċjarju kien jirċievi 100 % tal-profitt (66.66 bħala dividendi mqassma u 50 % tas-66.66 = 33.33 bħala kreditu ta’ taxxa) u kien jissuġġetta dan il-100 % tal-profitt għat-taxxa skont ir-rata ta’ tassazzjoni individwali tiegħu bħala parti mit-taxxa fuq id-dħul.

16.      Fid-dawl ta’ dan, madankollu, il-kreditu ta’ taxxa kien meħtieġ biss jekk il-profitti mqassma kienu fil-fatt suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-livell tal-kumpannija li tqassam rispettiva. Għal raġunijiet ta’ prattiċità, madankollu, il-kreditu ta’ taxxa kien jingħata b’rata fissa lill-azzjonisti kollha li rċevew tqassim ta’ dividendi minn kumpanniji Franċiżi. Ma kinitx tagħmel differenza jekk qabel dan id-dħul kienx fil-fatt suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-livell tal-kumpannija li tqassam.

17.      Bħala mekkaniżmu ta’ korrezzjoni, madankollu, ġie introdott, skont l-Artikolu 223 sexies taċ-CGI, ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fil-livell tal-kumpannija li tqassam. Dan kien inġabar, inter alia, meta l-profitti li fuqhom kien ibbażat it-tqassim ma kinux ġew intaxxati jew kienu ġew intaxxati parzjalment biss fil-livell tal-kumpannija li tqassam. F’dan ir-rigward, il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fil-livell tal-kumpannija li tqassam serva biex jiġġustifika l-kreditu ta’ taxxa b’rata fissa fil-livell tal-azzjonisti. Profitt eżenti mit-taxxa ta’, pereżempju, 100 kien jitnaqqas permezz ta’ ħlas bil-quddiem ta’ taxxa għal 66.66, li mbagħad jitqassam u jerġa’ jiżdied lura għal 100 permezz tal-kreditu ta’ taxxa (50 % ta’ 66.66 = 33.33) fil-livell tall-benefiċjarju tad-dividend.

18.      Pereżempju, jekk kumpannija omm Franċiża rċeviet dividend mis-sussidjarja Franċiża tagħha, il-kumpannija omm kienet tirċievi kreditu ta’ taxxa b’rata fissa ta’ 50 % tad-dividend. Peress li d-dividend fil-livell tal-kumpannija omm kien eżenti mit-taxxa minħabba r-regola dwar il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha fl-Artikolu 216 taċ-CGI, iżda peress li l-azzjonisti kienu jirċievu wkoll kreditu ta’ taxxa, ġie impost ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq it-tqassim mill-ġdid tad-dividend mill-kumpannija omm lill-azzjonisti tagħha. Madankollu, il-kumpannija omm setgħet tpaċi l-kreditu ta’ taxxa tagħha mal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa skont l-Artikolu 146(2) taċ-CGI. Dan fl-aħħar mill-aħħar ma kien jirriżulta f’ebda piż tat-taxxa addizzjonali fil-livell tal-kumpannija omm. Il-kreditu ta’ taxxa u l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa dejjem jikkumpensaw lil xulxin għal tali kumpanniji omm, sakemm it-tqassim ma kienx tqassim transkonfinali.

19.      B’kuntrast ma’ dan, skont l-Artikolu 158 bis taċ-CGI, kumpannija omm Franċiża ma kinitx intitolata għal kreditu ta’ taxxa jekk tirċievi dividendi minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor. Fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 90/435, hija ma kellhiex, għall-inqas, tħallas taxxa fuq dan id-dħul minn dividendi. Mat-tqassim mill-ġdid, madankollu, l-azzjonisti tagħha stess irċevew kreditu ta’ taxxa skont l-Artikolu 158 bis taċ-CGI, peress li t-tqassim oriġina minn kumpannija Franċiża (hawnhekk il-kumpannija omm). Madankollu, minħabba li l-kumpannija omm ma kinitx ġiet intaxxata fuq id-dħul minn dividendi, dan il-kreditu kien jiġi kkoreġut fil-livell tal-azzjonist permezz tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fil-livell tal-kumpannija omm. Għalhekk, jekk tqassam mill-ġdid dawn id-dividendi tas-sussidjarja tagħha lill-azzjonisti tagħha stess, il-kumpannija omm kienet obbligata tħallas il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa. Madankollu, issa ma setgħetx tpaċi dan il-ħlas bil-kreditu ta’ taxxa tagħha stess. Dan naqqas l-ammont li l-kumpannija omm setgħet tqassam lill-azzjonisti tagħha stess.

20.      In-nuqqas ta’ kreditu ta’ taxxa għall-kumpannija omm abbażi tal-Artikolu 158 bis taċ-CGI meta rċeviet dividendi minn sussidjarji li jinsabu barra l-pajjiż kien jipprekludi tqassim mill-ġdid newtrali tad-dividendi lill-azzjonisti rispettivi u wassal għal trattament differenti ta’ dividendi f’sitwazzjonijiet transkonfinali.

B.      Il-proċedura fil-kawża prinċipali

21.      Għaldaqstant, il-kumpanniji Schneider Electric SE, AXA SA, BNP Paribas, Engie SA, Orange SA u L’Air Liquide SA (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji rikorrenti”) applikaw għar-rimbors tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa mħallas fis-snin 2000 sa 2004, li ma ġie paċut bl-ebda kreditu ta’ taxxa korrispondenti.

22.      Is-sottomissjoni tal-kumpanniji rikorrenti turi li, fis-snin 2000 sa 2004, huma kienu rċevew ħlasijiet ta’ dividend mis-sussidjarji tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra u ħallsu ħlas bil-quddiem ta’ taxxa meta sar it-tqassim mill-ġdid ta’ dawn id-dividendi skont l-Artikolu 146(2) taċ-CGI moqri flimkien mal-Artikolu 158 bis u mal-Artikolu 233 sexies taċ-CGI.

23.      F’dan ir-rigward, huma jsostnu li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex konformi mad-Direttiva 90/435. Fl-ewwel istanza, il-kawżi quddiem il-Cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza) kienu parzjalment ta’ suċċess, iżda l-Istat Franċiż ippreżenta appell quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

24.      Fl-istess ħin, u sabiex titħaffef l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, fis‑27 u fit‑28 ta’ Lulju 2020 il-kumpanniji rikorrenti ppreżentaw rikorsi diretti quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). F’dawn ir-rikorsi, huma talbu l-annullament tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ppubblikati fl‑1 ta’ Novembru 1995 taħt in-numri tal-fajl 4 J 1321 u 4 J 1322 u li jinsabu fir-regola 4 J-1-01 tal‑21 ta’ Marzu 2001.

25.      F’dan ir-rigward, il-kumpanniji rikorrenti jsostnu li d-dispożizzjonijiet amministrattivi kkontestati rriproduċew id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 223 sexies taċ-CGI applikabbli dak iż-żmien. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni nnifisha hija inkompatibbli mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435, u għalhekk id-dispożizzjonijiet amministrattivi korrispondenti huma wkoll nulli.

26.      Minbarra l-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sistema fiskali Franċiża, li tikkonsisti fi kreditu ta’ taxxa u fi ħlas bil-quddiem ta’ taxxa, tistax possibbilment tkun ammissibbli bħala sistema uniformi biex tevita tassazzjoni doppja skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      F’dan l-isfond, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) issospenda l-proċeduri kontra d-dispożizzjonijiet amministrattivi u għamel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-[Direttiva 90/435], fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 7(2) tagħha, jipprekludu dispożizzjoni, bħal dik tal-Artikolu 223 sexies [taċ-CGI], li, għall-implementazzjoni korretta ta’ dispożittiv intiż sabiex jelimina t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi, tistabbilixxi ħlas meta kumpannija omm tqassam mill-ġdid profitti li tqassmulha minn sussidjarji stabbiliti minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea?”

28.      Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Schneider Electric, AXA, Engie, Orange, L’Air liquide, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta orali fit‑8 ta’ Settembru 2021.

V.      Kunsiderazzjonijiet legali

A.      Fuq id-domanda preliminari

29.      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju espressament tistaqsi biss jekk il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa taħt l-Artikolu 223 sexies taċ-CGI huwiex kompatibbli mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 7(2) tagħha. Is-sitwazzjoni li fuqha l-qorti tar-rinviju tfittex risposta hija dik fejn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor tqassam dividendi lill-kumpannija omm tagħha fi Franza, li mbagħad tqassamhom mill-ġdid lill-azzjonisti tagħha.

30.      Kif jirriżulta mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-kumpanniji rikorrenti joġġezzjonaw għall-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa abbażi tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ppubblikati fl‑1 ta’ Novembru 1995 taħt in-numri tal-fajl 4 J 1321 u 4 J 1322 u tar-regola 4 J-1-01 tal‑21 ta’ Marzu 2001. Madankollu, jeżisti biss ġbir ta’ taxxa jekk u għaliex fil-każ tagħhom ma hemm l-ebda kreditu ta’ taxxa korrispondenti li jpaċi dan il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa (b’differenza mill-każ purament domestiku).

31.      Kien preċiżament dan it-trattament żvantaġġuż tal-każ transkonfinali meta mqabbel mal-każ purament domestiku li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li dan kien imur kontra d-dritt tal-Unjoni fil-kawża Accor (5). F’dik il-kawża hija kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Franċiża rilevanti kienet tikser il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) u l-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 63 TFUE). L-illegalità taħt id-dritt tal-Unjoni ta’ din it-tassazzjoni ġiet ikkonfermata fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (6). Il-qorti tar-rinviju bir-raġun tikkonkludi, minn din il-ġurisprudenza, li kumpannija li tirċievi dividendi minn sussidjarja stabbilita barra mill-pajjiż u li tkun suġġetta għal ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fil-każ ta’ tqassim mill-ġdid hija intitolata għal kreditu ta’ taxxa.

32.      Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat (7) jekk u kif dan l-intitolament għal kreditu ta’ taxxa issa jista’ (jiġifieri wara l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti legali tad-dritt tal-Unjoni li joħorġu miż-żewġ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja) jiġi paċut mal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa. Għalhekk, jista’ jkun il-każ li l-kumpanniji rikorrenti xorta waħda ma setgħux jirċievu kreditu ta’ taxxa bħal fil-każ domestiku. Iżda jista’ jkun ukoll li huma jridu kemm il-kreditu ta’ taxxa (bħala benefiċjarji tad-dividendi) kif ukoll it-tneħħija tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa (bħala dawk li jqassmu mill-ġdid id-dividendi).

33.      Jekk il-kumpanniji rikorrenti xorta ma jirċevux kreditu ta’ taxxa komparabbli, allura tqum il-kwistjoni dwar il-konsegwenzi ta’ kompatibbiltà potenzjali tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa skont l-Artikolu 223 sexies taċ-CGI mad-Direttiva 90/435 fir-rigward tal-libertajiet fundamentali (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-parti B). Jekk, min-naħa l-oħra, il-kumpanniji rikorrenti rċevew kreditu ta’ taxxa komparabbli ma’ dak fil-każ domestiku, ikollu jiġi ċċarat jekk din is-sistema Franċiża ta’ tassazzjoni tad-dividendi li tikkonsisti fi ħlas bil-quddiem ta’ taxxa u fi kreditu ta’ taxxa taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-parti C) u, jekk iva, jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 jistax jippermetti sistema bħal din (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-parti D).

B.      Fuq ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 90/435 u l-libertajiet fundamentali (libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital)

34.      Konformità tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa taħt l-Artikolu 223 sexies taċ-CGI mad-Direttiva 90/435 ma tkunx tfisser neċessarjament li, minkejja n-nuqqas ta’ kreditu ta’ taxxa, is-sistema Franċiża kollha hija konformi mad-dritt tal-Unjoni,.

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li d-dispożizzjonijiet Franċiżi jew l-interpretazzjoni mill-qorti tar-rinviju jiksru l-libertajiet fundamentali u jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tar-Repubblika Franċiża (8). Dan il-ksur tad-dritt primarju huwa bbażat fuq kreditu ta’ taxxa insuffiċjenti fil-każ ta’ tqassim minn kumpannija mhux stabbilita fi Franza. Kif argumentaw ukoll il-kumpanniji rikorrenti waqt is-seduta, il-ksur la huwa rrimedjat u lanqas ma huwa ġġustifikat mill-fatt li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 ma jaffettwax is-sistema fiskali Franċiża inkwistjoni, jiġifieri ma jipprekludihiex.

36.      Il-ġerarkija tan-normi hija ċara. Id-Direttiva 90/435 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-libertajiet fundamentali u mhux bil-maqlub. Anki jekk jistgħu jinstabu dikjarazzjonijiet fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li leġiżlazzjoni li tappartjeni għal qasam li ġie armonizzat b’mod eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni ma għandhiex tiġi evalwata abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iżda biss abbażi tal-miżura ta’ armonizzazzjoni (9), xejn fis-sens kuntrarju ma jirriżulta minn dan.

37.      Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kompatibbiltà tad-dritt sekondarju mad-dritt primarju (10). Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ hawn fuq tapplika għal każijiet li fihom ma hemm l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tad-dritt sekondarju mad-dritt primarju. Ir-raġuni għal dan hija li, f’dak il-każ, id-dritt sekondarju għandu jiġi applikat bi prijorità bħala lex specialis. Jekk minn dan diġà jirriżulta li l-att ikkontestat jikser id-dritt tal-Unjoni, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat ukoll jekk huwiex inkompatibbli mad-dritt primarju.

38.      Jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 jippermetti sistema bħal din mingħajr kreditu ta’ taxxa, ikun hemm, minn naħa, dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-libertajiet fundamentali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 ma jaffettwax “l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet domestiċi jew imsejsa fuq ftehim”. Dan ifisser li ma hemm l-ebda armonizzazzjoni eżawrjenti permezz tad-Direttiva 90/435.

39.      Għaldaqstant, sakemm il-kreditu ta’ taxxa li jiġi paċut mal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa jibqa’ jiddependi fuq jekk is-sussidjarja li tqassam hijiex stabbilita fil-pajjiż jew fi Stat Membru ieħor, is-sistema Franċiża ta’ ħlas bil-quddiem ta’ taxxa u kreditu ta’ taxxa tibqa’, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (11), inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 ma jista’ jbiddel xejn minn dan.

C.      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 90/435 fil-każ li jingħata kreditu ta’ taxxa mar-riċeviment ta’ “dividend barrani”

40.      Jekk, min-naħa l-oħra, il-kumpanniji rikorrenti jingħataw kreditu ta’ taxxa korrispondenti anki fil-każ li jirċievu dividend minn sussidjarji li jinsabu barra mill-pajjiż, huwa dubjuż jekk id-Direttiva 90/435 hijiex rilevanti.

1.      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435

41.      Mit-tielet premessa tad-Direttiva 90/435 jirriżulta li din id-direttiva għandha l-għan li telimina t-tassazzjoni doppja, fil-livell tal-kumpannija omm, tal-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha (12). Madankollu, dan diġà huwa żgurat bid-dispożizzjoni tal-Artikolu 216 taċ-CGI. Il-kumpannija omm ma għandhiex għalfejn tintaxxa mill-ġdid id-dividendi rċevuti, li joriġinaw mill-profitti ntaxxati tas-sussidjarja. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn din id-dispożizzjoni u s-sistema Franċiża ta’ ħlas bil-quddiem ta’ taxxa u ta’ kreditu ta’ taxxa.

42.      Il-kreditu ta’ taxxa huwa maħsub sabiex jinnewtralizza, fil-livell tal-benefiċjarju tat-tqassim, it-taxxa imposta preċedentement fil-livell tal-kumpannija li tqassam, sabiex fl-aħħar mill-aħħar jiġi ntaxxat biss l-azzjonist, permezz ta’ rata progressiva skont il-kapaċità ta’ ħlas tiegħu. B’hekk tiġi evitata t-tassazzjoni ekonomika doppja. Il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa, min-naħa l-oħra, huwa maħsub sabiex jelimina jew jiġġustifika kreditu ta’ taxxa li attwalment ma jkunx iġġustifikat billi joħloq tassazzjoni korrispondenti preċedenti fil-livell tal-kumpannija li tqassam fil-każ li tali kreditu f’xi mument ma jkunx effettiv. Il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa għalhekk jevita l-immunità minn tassazzjoni doppja jew finali tat-tqassim.

43.      Jekk il-kumpanniji rikorrenti huma intitolati għall-kreditu ta’ taxxa, jekk dan il-kreditu jikkorrispondi għat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa preċedentement fil-livell tas-sussidjarja fuq id-dividendi rċevuti u jekk dan il-kreditu jiġi paċut mal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa skont l-Artikolu 146(2) taċ-CGI fir-rigward tad-dividendi mqassma mill-ġdid, allura ma teżisti l-ebda tassazzjoni ekonomika doppja tad-dividendi. Dan jidher mill-eżempji mogħtija mill-Kummissjoni fl-osservazzjoni bil-miktub tagħha. Effett fiskalment ta’ żvantaġġ iseħħ biss f’każijiet fejn il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa ma jkunx jista’ jiġi paċut, fil-livell tal-kumpannija omm, ma’ kreditu ta’ taxxa li jikkorrispondi għall-piż tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-livell tas-sussidjarja.

44.      Kreditu ta’ taxxa u l-eliminazzjoni simultanja tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fil-livell tal-kumpannija omm, min-naħa l-oħra, iwasslu għal arrikkiment indebitu tal-azzjonist tal-kumpannija omm. Dan minħabba li dan tal-aħħar ser jirċievi kreditu ta’ taxxa minkejja li d-dividend, li tqassam mill-ġdid lilu mill-kumpannija omm, qatt ma ġie ntaxxat.

45.      Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni u tal-kumpanniji rikorrenti, it-trattament newtrali tad-dividend ta’ sussidjarja barranija fil-każ ta’ tqassim mill-ġdid mill-kumpannija omm lil azzjonist ma jiddependix fuq l-ammont identiku tal-kreditu ta’ taxxa meta wieħed jirċievi dividendi u tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fil-każ ta’ tqassim mill-ġdid fil-livell tal-kumpannija omm (jiġifieri mill-piż ta’ ħlas tagħha). Pjuttost, huwa kruċjali li l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fil-livell tal-kumpannija omm minħabba t-tqassim mill-ġdid jikkorrispondi mal-kreditu ta’ taxxa tal-azzjonist.

46.      Dan jidher fl-eżempju li ġej, fejn kumpannija omm tirċievi dividend eżenti mit-taxxa ta’ 66.66 minn sussidjarja. Din suppost ħallset eżattament 33.33 taxxa fuq il-kumpanniji barra mill-pajjiż fuq il-profitt tagħha ta’ 100 (jiġifieri l-istess rata ta’ taxxa fuq il-kumpanniji ġiet applikata barra mill-pajjiż bħal fi Franza). Grazzi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kumpannija omm attwalment tirċievi retrospettivament, għalkemm b’dewmien, kreditu ta’ taxxa ta’ 33.33 u issa tista’ tqassam il-profitt tas-sussidjarja b’mod sħiħ (jiġifieri 100) lill-azzjonist. It-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa preċedentement hija kompletament innewtralizzata. Madankollu, jekk tqassam dak il-100 mingħajr l-ebda ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fil-livell tal-kumpannija omm, l-azzjonist jirċievi 100 u kreditu ta’ taxxa ta’ 50 %, jiġifieri eżattament 150. Il-profitt tas-sussidjarja, li ma għandux ikun intaxxat darbtejn bħala parti mit-tqassim mill-ġdid, kien, madankollu, 100 biss u issa żdied għal 150 mingħajr il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa. Dan ir-riżultat stramb (tqassim mill-ġdid li jżid id-dividend) huwa evitat biss permezz tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa.

47.      Kieku din il-kumpannija omm għamlet il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa (33.33) fuq il-100, allura setgħet tqassam mill-ġdid biss 66.66 u l-azzjonist jirċievi eżattament 100 (66.66 bħala dividend u 33.33 bħala kreditu ta’ taxxa). Peress li, fil-livell tal-kumpannija omm, il-kreditu ta’ taxxa tagħha u l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa huma eżattament l-istess, ma jirriżulta ebda piż ta’ ħlas.

48.      Li kieku qassmet mill-ġdid biss 50, l-azzjonist kien jirċievi 75 (50 bħala dividend u 25 bħala kreditu ta’ taxxa) u l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa kien ikun biss 50 % ta’ 50, jiġifieri 25. Madankollu, il-kumpannija omm kienet irċeviet ukoll kreditu ta’ taxxa ta’ 33.33, u b’hekk jibqa’ bilanċ ta’ 8.33. Min-naħa l-oħra, jekk il-kumpannija omm iżżid it-tqassim tad-dħul eżenti mit-taxxa minn 66.66 għal 100, l-azzjonist jirċievi 150 (100 bħala dividend u 50 bħala kreditu). Il-kumpannija omm ikollha tagħmel ħlas bil-quddiem ta’ taxxa ta’ 50 (50 % ta’ 100), li jiġi paċut mal-kreditu ta’ taxxa tagħha ta’ 33.33. Jifdal piż ta’ ħlas ta’ 16.66.

49.      L-istess riżultat jintlaħaq jekk il-piż tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa barra mill-pajjiż kien inqas (eż. 15 %) u r-Repubblika Franċiża tinnewtralizza dan il-piż biss permezz ta’ kreditu ta’ taxxa. Is-sussidjarja tqassam 85 lill-kumpannija omm Franċiża. Ir-Repubblika Franċiża tinnewtralizza l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa permezz ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 15. B’hekk, (bħal fil-każ domestiku) il-kumpannija omm tirċievi tqassim eżenti mit-taxxa ta’ 100. 66.66 jitqassmu lill-azzjonist u 33.33 jitħallsu bħala ħlas bil-quddiem ta’ taxxa. Ir-Repubblika Franċiża tikkredita dan il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa lill-azzjonist, b’tali mod li dan jirċievi 100. Tassazzjoni doppja tad-dividend hija evitata. Fil-livell tal-kumpannija omm, jibqa’ wkoll piż ta’ ħlas (issa fl-ammont ta’ 33.33 - 15 = 18.33).

50.      Madankollu, dan il-piż ta’ ħlas (u wkoll il-bilanċ) fl-ebda każ ma jikkostitwixxi tassazzjoni doppja tad-dividend. Pjuttost, huwa jiżgura li l-azzjonist jirċievi d-dividend oriġinali tas-sussidjarja mingħajr ma jitnaqqas jew jiżdied. Jekk jibqax piż ta’ ħlas jew bilanċ għal kumpannija omm wara t-tpaċija tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa u l-kreditu ta’ taxxa jiddependi fuq il-politika ta’ tqassim tal-kumpannija omm u mit-tassazzjoni preċedenti, bħala taxxa fuq il-kumpanniji, fuq id-dividend kif ukoll mill-ammont tal-kreditu ta’ taxxa tal-azzjonist. It-talba għal kreditu ta’ taxxa filwaqt li fl-istess ħin jitneħħa l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa tkun tammonta għal “cherry picking”, li la huwa ġġustifikat mid-drittijiet fundamentali u lanqas mid-Direttiva 90/435. Minflok ma tiġi żgurata n-newtralità f’każ ta’ tqassim mill-ġdid, il-volum tat-tqassim jiżdied għad-detriment tal-Istat Franċiż.

51.      Bħala riżultat, l-interazzjoni bejn il-kreditu ta’ taxxa u l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa f’dan il-każ, għaldaqstant, ma taffettwax il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435. Għalhekk, la jista’ jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 4 (ara, f’dan ir-rigward, il-parti 3) u lanqas tal-Artikolu 5 (ara, f’dan ir-rigward, il-parti 2) ta’ din id-direttiva.

2.      Ebda taxxa f’ras il-għajn fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/435

52.      Peress li l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa huwa dovut mill-kumpannija li tqassam u mhux mid-detentur tat-titoli (jiġifieri l-benefiċjarju tat-tqassim), ma hemm l-ebda taxxa f’ras il-għajn fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/435 (13). Bl-istess mod, din il-kawża ma tikkonċernax il-piż tat-taxxa f’ras il-għajn ta’ benefiċjarju barrani ta’ dividendi, iżda tikkonċerna “biss” il-piż tat-taxxa ta’ kumpannija omm Franċiża li tqassam mill-ġdid id-dividendi.

3.      Ebda ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435

53.      Huwa eskluż ukoll ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Dan l-artikolu jipprevedi li l-Istat tal-kumpannija omm għandu jew ma jintaxxax il-profitti li tirċievi l-kumpannija omm (hawn fil-forma ta’ dividendi) jew għandu jikkredita t-taxxa barranija mħallsa preċedentement.

54.      Ir-Repubblika Franċiża għażlet il-metodu ta’ eżenzjoni fiskali. Skont l-Artikolu 216 taċ-CGI, dan id-dħul mid-dividendi jista’ jitnaqqas mill-profitt tal-kumpannija omm. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/435 fl-istess ħin jippermetti tassazzjoni sa 5 % tad-dħul mid-dividendi. Sakemm is-sistema Franċiża tiżgura li d-dividendi rċevuti mill-kumpannija omm ma jiġux intaxxati b’iktar minn 5 %, ma jeżisti ebda kunflitt mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435. L-Artikolu 216 taċ-CGI jidher li jiggarantixxi dan. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan.

55.      Madankollu, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq (punti 42 et seq.) is-sistema magħmula minn ħlas bil-quddiem ta’ taxxa u minn kreditu ta’ taxxa ma hijiex maħsuba biex tintaxxa profitti jew dividendi, iżda biex tiżgura li l-profitti diġà suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji jkunu eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji fil-livell tal-azzjonist, biex imbagħad ikunu jistgħu jiġu ntaxxati kollha bir-rata ta’ taxxa individwali tiegħu (ġeneralment b’rata progressiva).

56.      B’kunsiderazzjoni purament iżolata biss tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa jista’ wieħed jasal għall-konklużjoni, kif isostnu l-kumpanniji rikorrenti u l-Kummissjoni, li hemm kunflitt mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435. Dan ikun possibbli kieku l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa kellu jitqies bħala tassazzjoni (addizzjonali) tad-dividendi rċevuti fil-każ ta’ tqassim mill-ġdid.

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tassazzjoni addizzjonali fil-kuntest ta’ tqassim mill-ġdid tad-dividendi rċevuti hija koperta wkoll mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 (14). Madankollu, dak il-każ kien jikkonċerna tassazzjoni fuq il-kumpanniji addizzjonali fil-kuntest ta’ tqassim mill-ġdid ta’ dividendi rċevuti f’każ li l-Istat Belġjan ħass li kien inġust. Għalkemm il-kumpannija kienet naqqset parzjalment jew kompletament ir-riżultat fiskali tagħha fis-sena tat-tqassim billi applikat id-diversi possibbiltajiet ta’ tnaqqis previsti fil-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, l-azzjonisti rċevew tqassim (l-hekk imsejħa “fairness tax”). Din il-fairness tax ma kienet xejn għajr tassazzjoni sussegwenti tad-dividendi rċevuti (bħala prinċipju, eżenti mit-taxxa) fil-kuntest tat-tqassim mill-ġdid. Dan ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435.

58.      Madankollu, huwa ċar li l-karatteristiċi tal-fairness tax huma differenti minn dawk tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fid-dritt Franċiż, kif ir-Repubblika Franċiża reġgħet enfasizzat fis-seduta. Dan il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa, b’differenza, pereżempju, mill-fairness tax, ma jiġġenera l-ebda rikavati mit-taxxa, iżda jikkoreġi “biss” kreditu ta’ taxxa sussegwenti fil-livell tal-azzjonist. Kunsiderazzjoni purament iżolata tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fis-sistema Franċiża tinjora l-konnessjoni obbligatorja bejn il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fil-livell tal-kumpannija li tqassam u l-kreditu ta’ taxxa fil-livell tal-benefiċjarju tat-tqassim.

59.      Jekk fuq il-profitti kumpannija ma tħallas l-ebda taxxa fuq il-kumpanniji (pereżempju, fir-rigward ta’ dħul eżenti mit-taxxa) u tqassam dawn il-profitti fl-ammont ta’ 100, allura kreditu ta’ taxxa (f’dan il-każ ta’ 50) fil-livell tal-benefiċjarju tad-dividend ma jkunx ġustifikabbli. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika Franċiża titkellem b’mod korrett dwar arrikkiment indebitu jew eżenzjoni fiskali doppja. Sabiex jiġi evitat dan, ir-Repubblika Franċiża setgħet ukoll tneġġi l-kreditu ta’ taxxa fil-livell tal-azzjonist, li ma kienx ikun oġġezzjonabbli skont id-dritt tal-Unjoni.

60.      Madankollu, ir-Repubblika Franċiża għażlet teknika differenti. Għalkemm tagħti l-kreditu ta’ taxxa, hija madankollu toħloq piż ta’ taxxa fuq il-kumpanniji possibbilment nieqes fil-livell tal-kumpannija li tqassam (f’dan il-każ, il-kumpannija omm) permezz tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa (ara iktar ’il fuq, il-punti 45 et seq.).

61.      Għaldaqstant, il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa ma huwiex tassazzjoni f’din is-sistema, iżda biss teknika biex tiġi żgurata l-allokazzjoni sħiħa tal-profitti lill-azzjonist, li fil-livell tiegħu l-profitti tal-kumpannija mqassma jistgħu jiġu ntaxxati b’mod xieraq. Huwa marbut formalment biss mal-ħlas ta’ dividendi. Sostantivament, madankollu, huwa marbut mal-kreditu ta’ taxxa fil-livell tal-benefiċjarju tad-dividend. Dan il-kreditu ta’ taxxa ma jingħatax jekk id-dħul ma ġiex intaxxat fil-livell tal-kumpannija li tqassam.

62.      Għaldaqstant, il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa ma huwiex taxxa addizzjonali fuq it-tqassim tad-dividend (bħal, pereżempju, il-fairness tax (15)). Pjuttost, huwa biss għodda ta’ korrezzjoni ftit jew wisq kumplessa, intiża biex tiżgura tassazzjoni korretta fil-livell tal-benefiċjarju tad-dividend. Il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa jikkoreġi “biss” kreditu ta’ taxxa indebitu fil-livell tal-benefiċjarju tat-tqassim, fejn il-korrezzjoni ssir fil-livell tal-kumpannija li tqassam. Bħala riżultat, parti mid-dividend (33.33 %) ma titħallasx direttament lill-azzjonisti, iżda indirettament mill-awtoritajiet tat-taxxa lill-azzjonisti, iżda mingħajr ma tkun intaxxata (jiġifieri mnaqqsa) minnhom.

4.      Konklużjonijiet intermedja

63.      Il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa tal-kumpannija li tqassam, li huwa paċut minn kreditu ta’ taxxa fil-livell tal-benefiċjarju tat-tqassim tagħha, sostantivament u meta tiġi evalwata s-sistema Franċiża globalment, ma jikkostitwixxix piż ta’ taxxa addizzjonali fuq id-dividendi li għandhom jitqassmu u, għaldaqstant, la jista’ jikser l-Artikolu 5 u lanqas l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435

D.      B’mod sussidjarju: Interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435

64.      Huwa biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tara dan b’mod differenti u tikkunsidra l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa b’mod iżolat bħala tassazzjoni addizzjonali tad-dividendi rċevuti mill-kumpannija omm fil-kuntest tat-tqassim mill-ġdid lill-azzjonisti li tqum il-kwistjoni sussidjarja dwar il-portata tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435.

65.      Skont dan l-artikolu, id-Direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mmirati biex jeliminaw jew inaqqsu t-tassazzjoni doppja tad-dividendi (l-ewwel alternattiva) u, b’mod partikolari, ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-ħlas ta’ krediti ta’ taxxa lill-benefiċjarji tad-dividend (it-tieni alternattiva). L-ewwel alternattiva hija irrilevanti hawnhekk, peress li l-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa, jekk wieħed jikkunsidrah b’mod iżolat, kuntrarjament għas-suġġeriment tiegħi, ma jservix biex inaqqas jew jelimina t-tassazzjoni doppja. Kif ikkonferma rappreżentant ta’ waħda mill-kumpanniji rikorrenti, huwa jevita, l-iktar l-iktar, immunità doppja minn tassazzjoni.

66.      Madankollu, il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa jista’ jitqies bħala dispożizzjoni li taffettwa l-ħlas ta’ krediti ta’ taxxa lill-benefiċjarju ta’ dividend (it-tieni alternattiva). Prerekwiżit, madankollu, huwa li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 jirreferi wkoll għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435. Il-kumpanniji rikorrenti huma tal-fehma li l-Artikolu 7(2) ikopri biss derogi mill-projbizzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn taħt l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 90/435. Peress li, fil-fehma tagħhom il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa ma huwiex taxxa f’ras il-għajn, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 lanqas ma jista’ japplika. Ir-raġuni għal dan hija prinċipalment ir-rekwiżit tal-interpretazzjoni stretta ta’ derogi (16) u l-fatt li l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva (17) jiċċara dak li ma jaqax taħt l-espressjoni “taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn]”.

67.      Madankollu, ma iniex konvint b’din l-interpretazzjoni restrittiva tal-portata tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435. Minn naħa, ma tirriżultax mill-formulazzjoni u, min-naħa l-oħra, tikkontradixxi l-oriġini tagħha u, wara eżami iktar mill-qrib, tikkontradixxi wkoll il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

68.      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 ma tirriżulta ebda restrizzjoni għall-projbizzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn prevista fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva. Pjuttost, l-Artikolu 7(2) jippermetti derogi mid-Direttiva kollha kemm hi, inkluż mill-Artikolu 4. It-tieni alternattiva tirreferi wkoll għal krediti ta’ taxxa, li, bħal fil-każ preżenti, ma għandhomx ikunu neċessarjament marbuta ma’ żamma ta’ taxxa f’ras il-għajn. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li speċifikament l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435 ma għandux ikun kopert mill-Artikolu 7(2).

69.      Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 sempliċement jagħmilha ċara li s-sistemi nazzjonali ta’ tassazzjoni li jsegwu l-għanijiet tad-Direttiva bl-użu ta’ ċerti tekniki li jistgħu possibbilment ikunu problematiċi meta jitqiesu b’mod iżolat, xorta jistgħu jkunu ammissibbli fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali. Tali derogi jistgħu “sempliċement” ma jikkontradixxux it-tifsira u l-għan tad-Direttiva 90/435 (18).

70.      Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 ma għandux jinqara biss fir-rigward tal-projbizzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn prevista fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva. Fil-kawża Océ van der Grinten (19) kien ikkontestat jekk l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jestendix ukoll (!) għall-projbizzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti tassazzjoni anki jekk din l-imposta tikkostitwixxi taxxa f’ras il-għajn fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, sa fejn hija applikata għad-dividendi mqassma mis-sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tassumi li l-projbizzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn prevista fl-Artikolu 5 hija koperta “wkoll” mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435. Il-limitazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva għall-projbizzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn “biss” tikkontradixxi dan.

71.      Dan huwa kkonfermat mill-oriġini tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435, li r-Repubblika Franċiża tenfasizza fl-osservazzjoni tagħha. Id-deroga tmur lura għal inizjattiva tar-Renju Unit minħabba partikolaritajiet fis-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji tiegħu. Kif jirriżulta mill-proposta ta’ kompromess finali tat‑12 ta’ Ġunju 1989, il-formulazzjoni kellha tiżgura li “précompte” u “crédit d’impot (avoir fiscale)” ma jiġux affettwati mid-Direttiva (21). It-tnejn huma elementi li kienu inklużi wkoll fis-sistema ta’ tassazzjoni Franċiża li kienet diġà teżisti dak iż-żmien. Il-formulazzjoni proposta fil-kompromess għadha tinstab sa issa fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/435.

72.      Applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) fit-tieni alternattiva hija għalhekk possibbli, għalkemm fil-kawża preżenti ma hemmx taxxa f’ras il-għajn. Madankollu, għandha tkun dispożizzjoni relatata mal-ħlas ta’ krediti ta’ taxxa lill-benefiċjarji tad-dividendi.

73.      Anki jekk, kif jargumentaw b’mod korrett il-kumpannija rikorrenti, il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa japplika f’din il-kawża fil-livell tal-kumpannija li tqassam, il-funzjoni tiegħu (ara f’dan ir-rigward iktar ’il fuq, il-punti 58 et seq.) hija li tikkoreġi kreditu ta’ taxxa sostantivament indebitu fil-livell tal-benefiċjarju tad-dividendi. Kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa huwa neċessarjament relatat mat-tassazzjoni fil-livell tal-kumpannija li tqassam (taxxa fuq il-kumpanniji jew ħlas bil-quddiem ta’ taxxa) u mas-sistema ta’ kreditu ta’ taxxa fil-livell tal-benefiċjarju tad-dividend. Skont is-sistema Franċiża, dawn iż-żewġ elementi ma jistgħux jiġu immaġinati mingħajr xulxin.

74.      B’hekk, il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa huwa marbut ukoll mal-ħlas ta’ krediti ta’ taxxa (jiġifieri krediti fil-konfront tal-awtoritajiet tat-taxxa) lill-benefiċjarju tad-dividendi. Skont il-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tad-dritt Franċiż hija għaldaqstant koperta mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435. Dan jagħmilha ċara li d-Direttiva 90/435 ma taffettwax tali mekkaniżmu ta’ korrezzjoni

75.      Il-prerekwiżit, madankollu, huwa li din id-deroga ma ddgħajjifx it-tifsira u l-għan tad-Direttiva 90/435. Fi kwalunkwe każ, dan ma huwiex il-każ jekk il-kumpannija omm tingħata, malli tirċievi dividendi mis-sussidjarja barranija tagħha, kreditu ta’ taxxa korrispondenti li jinnewtralizza t-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa preċedentement fuq dawn id-dividendi. Ma hemm l-ebda tħassib jekk, fil-kuntest ta’ tqassim mill-ġdid, dan il-kreditu ta’ taxxa jkun jista’ jiġi paċut mal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa li, min-naħa tiegħu, jikkoreġi biss kreditu ta’ taxxa sostantivament indebitu fil-livell tal-azzjonist. F’dan il-każ ukoll, is-sistema Franċiża tippermetti tqassim fiskalment newtrali ta’ dividendi bejn kumpanniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435.

VI.    Konklużjoni

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) bil-mod segwenti:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435 ma jipprekludux dispożizzjoni li, għall-applikazzjoni ta’ sistema għat-tassazzjoni korretta tal-azzjonist, tipprevedi taxxa fuq it-tqassim mill-ġdid ta’ profitti sabiex tinnewtralizza kreditu ta’ taxxa korrispondenti tal-benefiċjarju ulterjuri tat-tqassim (azzjonist tal-kumpannija omm). Dan japplika wkoll jekk dawn il-profitti kienu qabel imqassma lill-kumpannija omm minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. B’kuntrast ma’ dan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, rifjut ta’ għoti ta’ kreditu ta’ taxxa lill-kumpannija omm f’din is-sitwazzjoni jikser il-libertajiet fundamentali.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor (C‑310/09, EU:C:2011:581).


3      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811).


4      Direttiva tal-Kunsill (KEE) tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), hawnhekk fil-verżjoni emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat‑22 ta’ Diċembru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3) u fil-verżjoni applikabbli fl‑2004 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/435”).


5      Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor (C‑310/09, EU:C:2011:581).


6      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811).


7      Ara wkoll in-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (punt 41).


8      Sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811), u tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor (C‑310/09, EU:C:2011:581).


9      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Deister Holding u Julher Holding (C‑504/16 u C‑613/16, EU:C:2017:1009, punti 45 et seq.); tas‑7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka (C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 15); tat‑30 ta’ April 2014, UPC DTH (C‑475/12, EU:C:2014:285, punt 63); tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 64); tat‑23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C‑5/94, EU:C:1996:205, punt 18); u tat‑12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker und Lesage (C‑37/92, EU:C:1993:836, punt 9).


10      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 104); tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 87); tas‑26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz (C‑97/09, EU:C:2010:632, punt 50); u tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 64 fit-tmiem).


11      Sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811), u tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor (C‑310/09, EU:C:2011:581).


12      Ara f’dan ir-rigward, inter alia, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2017, X (C‑68/15, EU:C:2017:379, punt 70), u tal‑25 ta’ Settembru 2003, Océ Van der Grinten (C‑58/01, EU:C:2003:495, punt 45).


13      Ara, espressament fir-rigward tal-fairness tax Belġjana, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, X (C‑68/15, EU:C:2017:379, punt 65); tal‑24 ta’ Ġunju 2010, P. Ferrero e C. u General Beverage Europe (C‑338/08 u C‑339/08, EU:C:2010:364, punt 26); tas‑26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C‑284/06, EU:C:2008:365, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 109); u tal‑25 ta’ Settembru 2003, Océ Van der Grinten (C‑58/01, EU:C:2003:495, punt 47). Ara wkoll, dwar il-kunċett ta’ taxxa f’ras il-għajn, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża X (C‑68/15, EU:C:2016:886, punti 37 et seq.).


14      Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, X (C‑68/15, EU:C:2017:379, punti 77 et seq.). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża X (C‑68/15, EU:C:2016:886, punti 53 et seq.).


15      Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, X (C‑68/15, EU:C:2017:379).


16      Ara, fir-rigward, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/435, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2010, P. Ferrero e C. u General Beverage Europe (C‑338/08 u C‑339/08, EU:C:2010:364, punt 45), u tal‑25 ta’ Settembru 2003, Océ Van der Grinten (C‑58/01, EU:C:2003:495, punt 86).


17      Dan jipprevedi: “L-espressjoni ‘taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn]’ kif użata f’din id-Direttiva ma għandhiex tkopri ħlas minn qabel jew ħlas bil-quddiem (‘précompte’) tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet lill-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja li din tagħmel rigward it-tqassm tal-profitti lill-kumpannija ġenitur tagħha.”


18      F’dan is-sens ara wkoll is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2010, P. Ferrero e C. u General Beverage Europe (C‑338/08 u C‑339/08, EU:C:2010:364, punt 46), u tal‑25 ta’ Settembru 2003, Océ Van der Grinten (C‑58/01, EU:C:2003:495, punt 102).


19      Sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2003, Océ Van der Grinten (C‑58/01, EU:C:2003:495).


20      Sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2003, Océ Van der Grinten (C‑58/01, EU:C:2003:495), punt 89).


21      Compromis soumis au Conseil ECOFIN du 17 avril 1989 concernant trois problèmes essentiels relatifs aux propositions de directives “fusion” et “sociétés mères et filiales” - n 7322/89, page 7/11 – verżjoni Franċiża.