Language of document : ECLI:EU:T:2019:649

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

20 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rikors għal annullament – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Rikors ippreżentat minn Stat terz – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑65/18,

Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, irrappreżentata minn F. Di Gianni u L. Giuliano, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn P. Mahnič u L. Ozola, sussegwentement minn P. Mahnič u A. Antoniadis, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 21), it-tieni nett, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1653 tas-6 ta’ Novembru 2018 li jimplimenta r-Regolament 2017/2063 (ĠU 2018, L 276, p. 1), u, it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 10), sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom jikkonċernaw ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz, C. Iliopoulos, L. Calvo‑Sotelo Ibáñez-Martín (Relatur) u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: F. Oller, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 60). Din id-deċiżjoni tinkludi, l-ewwel nett, projbizzjoni li jiġu esportati lejn il-Venezwela armi, tagħmir militari jew tagħmir ieħor li jista’ jintuża għal finijiet ta’ repressjoni interna, kif ukoll tagħmir, teknoloġija jew softwer ta’ monitoraġġ. It-tieni nett, hija tinkludi projbizzjoni li l-Venezwela tiġi pprovduta servizzi finanzjarji, tekniċi jew ta’ xort’oħra b’rabta ma’ dan it-tagħmir u dawn it-teknoloġiji. Hija tipprovdi, fit-tielet lok, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi. Skont il-premessa 1 tagħha, id-Deċiżjoni 2017/2074 tirrispondi għad-deterjorament kontinwu tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela.

2        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2017/2074 jipprovdi li din id-deċiżjoni għandha tinżamm taħt eżami kostanti u għandha tiġi mġedda jew emendata, kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma jkunux intlaħqu. L-ewwel paragrafu tal-istess artikolu kien jipprovdi, fil-verżjoni inizjali tiegħu, li d-Deċiżjoni 2017/2074 kienet applikabbli sal-14 ta’ Novembru 2018. Fis-6 ta’ Novembru 2018, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656, li temenda d-Deċiżjoni 2017/2074 (ĠU 2018, L 276, p. 10), estendiet il-validità tagħha sal-14 ta’ Novembru 2019 u emendat l-entrata 7 tal-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni, li tikkonċerna lil waħda mill-persuni kkonċernati mill-iffriżar tal-assi finanzjarji.

3        Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 21), abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2017/2074.

4        L-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/2063 jippreċiża li għandu jkun ipprojbit li jiġu pprovduti lil kull persuna fiżika jew ġuridika, lil kull entità jew lil kull organu fil-Venezwela jew għall-finijiet ta’ użu f’dan il-pajjiż assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew għajnuna finanzjarja u servizzi oħra relatati mal-beni u t-teknoloġiji elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea, adottata mill-Kunsill fis-17 ta’ Marzu 2014 (ĠU 2014, C 107, p. 1).

5        L-Artikolu 3 u l-Anness I tar-Regolament 2017/2063 jipprovdu li huwa pprojbit ukoll il-bejgħ, il-provvista jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal finijiet ta’ repressjoni interna, bħalma huma l-armi, il-munizzjon, il-vetturi kontra l-irvellijiet jew li jservu għat-trasferiment ta’ priġunieri jew ukoll sustanzi esplożivi u l-provvista ta’ assistenza teknika, ta’ servizzi ta’ senserija, ta’ finanzjament jew ta’ għajnuna finanzjarja jew ta’ servizzi oħra relatati ma’ dan it-tagħmir lil kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull organu fil-Venezwela jew għall-finijiet ta’ użu f’dan il-pajjiż.

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/2063 jipprevedi li, b’deroga mill-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ċerti operazzjonijiet taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa.

7        Ħlief b’awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-Artikoli 6 u 7 u l-Anness II tar-Regolament 2017/2063 jipprojbixxu l-bejgħ, il-provvista jew l-esportazzjoni tat-tagħmir, tat-teknoloġiji jew tas-softwer ta’ spezzjoni tal-pakketti, ta’ interċettar ta’ netwerks, ta’ monitoraġġ, ta’ disturbazzjoni u ta’ rikonoxximent vokali, kif ukoll il-provvista ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, għajnuna finanzjarja u servizzi oħra relatati mal-imsemmija tagħmir, teknoloġiji u softwer lil kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull organu fil-Venezwela jew għall-finijiet ta’ użu f’dan il-pajjiż.

8        Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2063, il-projbizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq japplikaw:

“(a)      fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)      abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)      għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d)      għal kull persuna ġuridika, entità jew korp ġuridiku, fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)      għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ li jkun sar, interament jew parzjalment, fl-Unjoni.”

9        L-Artikoli 8 sa 11 u l-Annessi IV u V tar-Regolament 2017/2063 jipprevedu, barra minn hekk, bla ħsara għal eċċezzjonijiet, l-iffriżar tal-assi finanzjarji ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi, kif ukoll il-projbizzjoni li dawn l-assi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom.

10      L-Artikolu 17(4) tar-Regolament 2017/2063, fl-aħħar nett jippreċiża li “[i]l-lista li tinsab fl-Annessi IV u V għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar”. Fis-6 ta’ Novembru 2018, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1653, li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 (ĠU 2018, L 276, p. 1), emenda l-entrata 7 tal-Anness IV tal-imsemmi regolament, dwar waħda mill-persuni kkonċernati mill-iffriżar tal-assi finanzjarji.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2018, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ressqet dan ir-rikors kontra r-Regolament 2017/2063, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkonċernawha.

12      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni fis-27 ta’ Ġunju 2018.

13      Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-17 ta’ Ottubru 2018, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

14      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet, konformement mal-Artikolu 130(6) tar-Regoli tal-Proċedura, li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, limitata għall-ammissibbiltà tar-rikors. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla Estiża) talbet ukoll lill-partijiet sabiex, bil-miktub, iwieġbu domanda. Il-partijiet wieġbu għal din l-istedina permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Diċembru 2018.

15      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Jannar 2019, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adattat ir-rikors, b’mod li dan ġie jirrigwarda wkoll id-Deċiżjoni 2018/1656 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom jikkonċernawha. Il-Kunsill irrisponda għan-nota ta’ adattament fil-5 ta’ Frar 2019.

16      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, l-ewwel nett, ir-Regolament 2017/2063, it-tieni nett, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 u, it-tielet nett, id-Deċiżjoni 2018/1656, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

17      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għall-ispejjeż.

18      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

19      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2019.

 Id-dritt

 Fuq ir-rikors sa fejn jirrigwarda r-Regolament 2017/2063

 Osservazzjoni preliminari

20      Fir-rikors, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela talbet l-annullament tar-Regolament 2017/2063, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jikkonċernawha.

21      Fit-talba tiegħu intiża sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors mingħajr ma jiġi ttrattat il-mertu, il-Kunsill ikkunsidra li, billi fformulat it-talba tagħha b’dan il-mod, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela kienet qiegħda tirreferi għall-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063. Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma kkonfutatx din l-interpretazzjoni tar-rikors, la fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u lanqas matul is-seduta.

22      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn huwa indirizzat kontra r-Regolament 2017/2063, ir-rikors jirrigwarda biss l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”).

 Fuq l-ammissibbiltà

23      Il-Kunsill iqajjem tliet motivi ta’ inammissibbiltà, jiġifieri, l-ewwel nett, li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma għandhiex interess ġuridiku, it-tieni nett, li ma hijiex direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati u, it-tielet nett, li hija ma hijiex “persuna fiżika jew ġuridika” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

24      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors billi l-ewwel jiġi eżaminat it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà invokat mill-Kunsill u bbażat fuq il-fatt li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma hijiex direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

25      Il-Kunsill isostni li, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma hijiex direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

26      F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma tistax issostni li hija direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati billi targumenta li dawn għandhom l-għan li jġiegħluha ttemm il-politika tagħha. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk att jaffettwax direttament is-sitwazzjoni legali ta’ rikorrent tiddependi mill-kontenut ta’ dan l-att, u mhux mill-għan tiegħu.

27      Barra minn hekk, att li jipprojbixxi attività jipproduċi effetti diretti biss fuq is-sitwazzjoni ta’ dawk li jeżerċitaw tali attività. Ir-riperkussjonijiet ta’ din il-projbizzjoni fuq persuni oħra ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jirriżultaw direttament mill-att inkwistjoni. Issa, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jimponu ebda projbizzjoni fuq ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela. Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2017/2063, kulma jagħmlu dawn huwa li jipprojbixxu lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea milli jbigħu jew milli jesportaw, direttament jew indirettament, tagħmir u teknoloġija lill-Venezwela u jipprovdulha ċerti servizzi konnessi.

28      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela twieġeb li l-fatt li l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2063 jeħlisha a priori mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jipprekludihx milli jipproduċi effetti legali fir-rigward tagħha. L-Artikoli 75 u 215 TFUE jawtorizzaw preċiżament lill-Unjoni sabiex tadotta sanzjonijiet ekonomiċi intiżi li jipproduċu l-effetti tagħhom f’pajjiżi terzi. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jipprojbixxu f’dan il-każ li jiġu pprovduti tagħmir militari, teknoloġija, softwer, kif ukoll servizzi konnessi, sabiex jiġi evitat li din tużahom għal hekk-imsejħa finijiet ta’ repressjoni interna u sabiex iwassluha biex tbiddel l-allegata politika tagħha ta’ repressjoni. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jillimitaw l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela setgħet tibbenefika minnhom skont id-dritt internazzjonali, bħad-dritt li tinnegozja jew li tikkonkludi kuntratti mal-fornituri Ewropej ta’ servizzi u ta’ tagħmir.

29      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tirrikjedi li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (digriet tat-8 ta’ Ottubru 2015, Agrotikos Synetairismos Profitis Ilias vs Il-Kunsill, T‑731/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:821, punt 26, u s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il-Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 62).

30      Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali, għandu jsir riferiment b’mod partikolari għall-għan tiegħu, għall-kontenut tiegħu, għall-portata tiegħu, għas-sustanza tiegħu, kif ukoll għall-kuntest ġuridiku u fattwali li fih dan jiġi adottat (ara d-digriet tat-8 ta’ Marzu 2012, Octapharma Pharmazeutika vs EMA, T‑573/10, EU:T:2012:114, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jinkludu, l-ewwel nett, projbizzjoni ta’ bejgħ jew ta’ provvista lil kull persuna fiżika jew ġuridika, lil kull entità jew lil kull organu fil-Venezwela ta’ armi, ta’ tagħmir militari jew ta’ kull tagħmir ieħor li jista’ jintuża għal finijiet ta’ repressjoni interna, kif ukoll ta’ tagħmir, ta’ teknoloġija jew ta’ softwer ta’ monitoraġġ. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jinkludu, it-tieni nett, projbizzjoni li jiġu pprovduti lil dawn l-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi fil-Venezwela servizzi finanzjarji, tekniċi jew ta’ natura differenti b’rabta ma’ dan it-tagħmir u t-teknoloġiji.

32      L-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2063 jillimita l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għat-territorju tal-Unjoni, għall-persuni fiżiċi ċittadini ta’ Stat Membru u għall-persuni ġuridiċi kkostitwiti skont id-dritt ta’ wieħed minnhom kif ukoll għall-persuni ġuridiċi, entitajiet u organi fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni kummerċjali mwettqa kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

33      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jimponux projbizzjonijiet fuq ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela. L-iktar l-iktar, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu jkollhom effetti indiretti fuq din tal-aħħar, sa fejn il-projbizzjonijiet imposti fuq il-persuni fiżiċi li huma ċittadini ta’ Stat Membru u fuq il-persuni ġuridiċi kkostitwiti skont id-dritt ta’ wieħed minnhom jistgħu jkollhom bħala konsegwenza li jillimitaw is-sorsi li mingħandhom ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tista’ tikseb il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

34      Ċertament, fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il-Kunsill (T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li s-sitwazzjoni legali ta’ entità stabbilita barra mill-Unjoni ma kinitx direttament affettwata minn miżuri li kienu intiżi li jipprojbixxu lill-operaturi tal-Unjoni milli jwettqu ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet magħha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-projbizzjoni lill-operaturi tal-Unjoni milli jwettqu tali tranżazzjonijiet kienet tammonta għal li r-rikorrenti tkun ipprojbita milli twettaq it-tranżazzjonijiet inkwistjoni magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il-Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 65).

35      Madankollu għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il-Kunsill (T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545), ir-rikorrenti kienet espressament imsemmija fl-att ikkontestat. Fil-fatt isimha kien jinsab fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata bħala impriża li lilha kien ipprojbit il-bejgħ jew il-provvista tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

36      Għall-kuntrarju, fil-kawża preżenti, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma hijiex, bħala Stat, espliċitament u speċifikament imsemmija fid-dispożizzjonijiet ikkontestati b’mod komparabbli mar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza ċċitata hawn fuq.

37      Barra minn hekk, il-Kunsill ġustament sostna li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma tistax tiġi assimilata ma’ operatur bħar-rikorrenti fil-Kawża T‑515/15. Fil-fatt, il-metodi ta’ azzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma jistgħux jiġu ridotti għal attività purament kummerċjali, kif hija stess tammetti. B’hekk, Stat jitwassal sabiex jeżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika b’mod partikolari fil-kuntest ta’ attivitajiet sovrani, bħalma huma l-missjonijiet ta’ difiża, ta’ pulizija u ta’ monitoraġġ. Barra minn hekk, kuntrarjament għal operatur li l-kapaċità tiegħu hija limitata mill-għan tiegħu, fil-kwalità tagħha ta’ Stat ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandha kamp ta’ azzjoni li huwa kkaratterizzat minn diversità estrema u li ma jistax jiġi ridott għal attività speċifika. Din il-firxa wiesgħa ħafna ta’ kompetenzi b’hekk tiddistingwiha minn operatur li abitwalment iwettaq attività ekonomika speċifika li tkun is-suġġett ta’ miżura restrittiva.

38      Minbarra dan, mill-ġurisprudenza jirriżulta li projbizzjonijiet bħal dawk li jimponu d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni ta’ operaturi li ma humiex attivi fis-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 79). B’hekk, fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il-Kunsill (T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 66), il-Qorti Ġenerali speċifikament ikkonstatat li r-rikorrenti kienet kumpannija attiva fis-settur tad-difiża msemmi fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-att ikkontestat.

39      Issa, fil-kawża preżenti, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tipproduċi data stabbilita mill-Eurostat li minnha jirriżulta li l-valur totali tat-tranżazzjonijiet kummerċjali mal-Venezwela li jikkonċernaw il-beni koperti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati kien jitla’ għal EUR 76 miljun fl-2016, għal EUR 59 miljun fl-2017 u kien xejn fl-2018.

40      Madankollu, għalkemm din id-data tista’ tagħti prova tal-effikaċja tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, ma hijiex ta’ natura li turi li, meta xtrat il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela aġixxiet bħala entità li tista’ tixxebbah ma’ operatur ekonomiku attiv fis-swieq inkwistjoni u mhux fil-kuntest tal-attivitajiet sovrani tagħha.

41      Fl-aħħar nett, fl-assenza ta’ titolu, bħal kuntratt, li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela allegatament uriet l-eżistenza tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-possibbiltà, għaliha, li tistabbilixxi relazzjoni ta’ portata legali ma’ operaturi tal-Unjoni tirriżulta li hija purament spekulattiva u li tista’ tirriżulta biss minn negozjati futuri u ipotetiċi. Il-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux għaldaqstant jitqiesu bħala li jaffettwaw, bħala tali, is-sitwazzjoni legali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

42      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tfakkar, ċertament, li, skont ġurisprudenza stabbilita, iċ-ċirkustanza li att tal-Unjoni jipprekludi lil persuna ġuridika pubblika milli teżerċita, kif hija għandha l-intenzjoni tagħmel, il-kompetenzi tagħha taffettwa direttament il-pożizzjoni legali tagħha, b’mod li dan l-att jikkonċernaha direttament.

43      Madankollu, il-ġurisprudenza li qiegħda tirreferi għaliha r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ġiet applikata f’kawżi li jikkonċernaw l-għoti ta’ għajnuniet pubbliċi lil entitajiet infrastatali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1988, Exécutif régional wallon u Glaverbel vs Il-Kummissjoni, 62/87 u 72/87, EU:C:1988:132, punti 6 u 8; tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il‑Kummissjoni, T‑214/95, EU:T:1998:77, punt 29, u tas-26 ta’ Novembru 2015, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il-Kummissjoni, T‑462/13, EU:T:2015:902, punt 34), fil-qasam agrikolu u d-dazji applikabbli għall-prodotti agrikoli imposti fuq Stat Membru futur qabel l-adeżjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2009, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑257/04, EU:T:2009:182, punti 56 sa 58), kif ukoll fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-karozzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni, T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, taħt appell, EU:T:2018:927, punt 50). Issa, f’dawn il-kawżi kollha, l-atti inkwistjoni kienu jirrestrinġu direttament l-eżerċizzju, mill-persuni ġuridiċi pubbliċi inkwistjoni, tal-kompetenzi materjali tagħhom. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jipprojbixxux direttament lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela milli tixtri u li timporta t-tagħmir inkwistjoni u li tikseb is-servizzi inkwistjoni. Huma ma jaffettwawx il-kapaċità tagħha li teżerċita d-drittijiet sovrani tagħha fuq l-ispazji u l-beni suġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħha u ma hemm xejn fir-Regolament 2017/2063 li jippermetti li jitqies li l-intenzjoni tal-Kunsill kienet li titnaqqas il-kapaċità legali tagħha. Fid-dawl tad-dritt ta’ kull Stat — jew assoċjazzjoni ta’ Stati — li jiddeċiedi b’mod sovran il-mod kif għandu l-intenzjoni li jżomm relazzjonijiet ekonomiċi ma’ Stati terzi, il-miżuri inkwistjoni jirrestrinġu l-iktar l-iktar, b’mod indirett, l-opportunitajiet tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela f’dan ir-rigward.

44      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni legali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma hijiex direttament affettwata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

45      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ssostni barra minn hekk li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jnaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji li hija għandha mal-impriżi tal-Unjoni. Hija ssostni li tali effett ekonomiku għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-locus standi tagħha.

46      Huwa minnu li, fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Mejju 2018, Distillerie Bonollo et vs Il-Kunsill (T‑431/12, taħt appell, EU:T:2018:251, punti 51 sa 53), iċċitata mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm l-inċidenza diretta kienet limitata għall-effetti legali, kull rikors ippreżentat minn produttur tal-Unjoni kontra regolament li jimponi dazji antidumping għandu jkun iddikjarat inammissibbli b’mod sistematiku, l-istess bħal fil-każ ta’ kull rikors ippreżentat minn kompetitur tal-benefiċjarju ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali u kull rikors ippreżentat minn kompetitur kontra deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, fis-sentenzi tagħha tat-13 ta’ Settembru 2018, NK Rosneft et vs Il-Kunsill (T‑715/14, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2018:544, punti 80 u 81), u tat-13 ta’ Settembru 2018, Gazprom Neft vs Il-Kunsill (T‑735/14 u T‑799/14, EU:T:2018:548, punti 88, 89 u 97), mogħtija preċiżament fil-qasam tal-miżuri restrittivi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex tiġi stabbilita l-inċidenza diretta ta’ persuni, indikati b’isimhom fl-atti inkwistjoni, u li, permezz ta’ dokumenti prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ikunu wrew li huma kienu attivi fis-suq milqut minn restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-effetti ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fuq il-pożizzjoni legali ta’ dawn il-persuni, iżda wkoll l-effetti materjali tagħhom fuqhom.

47      Madankollu, mill-punti 37 sa 40 iktar ’il fuq jirriżulta li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma wrietx li hija kellha tiġi assimilata ma’ operatur attiv fil-qasam tal-prodotti u tas-servizzi koperti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

48      Konsegwentement, il-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jipprojbixxu lill-operaturi stabbiliti fl-Unjoni milli jkollhom relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull organu fil-Venezwela ma jistax iwassal għall-konklużjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw direttament lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

49      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tosserva li jekk tiġi rrifjutata locus standi, hija tiġi mċaħħda minn kull protezzjoni ġudizzjarja sa fejn, fl-assenza ta’ miżuri nazzjonali ta’ eżekuzzjoni, hija ma tkunx tista’ tadixxi lill-qrati tal-Istati Membri.

50      Madankollu, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom ċertament jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda wkoll li dan id-dritt ma jistax madankollu jwassal sabiex dawn il-kundizzjonijiet, li huma previsti espressament mit-Trattat FUE, jiġu miċħuda (ara d-digriet tat-28 ta’ Settembru 2016, PAN Europe et vs Il-Kummissjoni, T‑600/15, EU:T:2016:601, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-dispożizzjonijiet ikkontestati.

 Fuq ir-rikors sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2018/1656 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 wara l-adattament tat-talbiet tar-rikors

52      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ssostni li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2018/1656 jemenda l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2017/2074 u b’hekk jestendi l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħha sal-14 ta’ Novembru 2019. Hija ssostni li, skont il-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2018/1656, din l-estensjoni ġiet deċiża “[a]bbażi ta’ rieżami” tad-Deċiżjoni 2017/2074. Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ssostni wkoll li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 ġie adottat wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni fil-Venezwela skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 2017/2063. Konsegwentement, mid-Deċiżjoni 2018/1656 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 jirriżulta li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tibqa’ suġġetta għall-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2017/2074 u mir-Regolament 2017/2063 matul sena addizzjonali. Issa, meta att inizjalment ikkontestat jiġi estiż permezz ta’ att sussegwenti fil-mori tal-kawża, dan l-att sussegwenti għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta r-rikors tiegħu.

53      Madankollu, peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jikkonċernawx direttament lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, l-istess japplika għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653. Fil-fatt, dan ir-regolament jemenda l-Anness IV tar-Regolament 2017/2063 kif emendat, għall-ewwel darba, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/88, tat-22 ta’ Jannar 2018, li jimplimenta l-imsemmi regolament (ĠU 2018, L 16I, p. 6). Issa, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma tikkontestax il-kontenut tal-imsemmi Anness IV.

54      Barra minn hekk, mill-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fil-kuntest ta’ nota ta’ adattament, rikorrent jista’ jitlob l-annullament ta’ att li jissostitwixxi jew li jemenda att ieħor biss jekk l-annullament ta’ dan tal-aħħar ikun intalab fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il-Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punti 37 sa 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, hekk kif josserva l-Kunsill, id-Deċiżjoni 2018/1656 temenda d-Deċiżjoni 2017/2074, li tagħha r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma talbitx l-annullament fl-att promotur tagħha.

55      Għaldaqstant, ir-rikors, sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2018/1656 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653, għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli.

56      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala inammissibbli, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq iż-żewġ motivi l-oħra ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill.

 Fuq l-ispejjeż

57      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

58      Peress li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kunsill, skont it-talbiet tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

 

      Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.