Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2013 minn AK mis-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Marzu 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-91/10, AK vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-288/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: AK (Esbo, il-Finlandja) (rappreżentant: D. Abreu Caldas, S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u É. Marchal, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara u tiddeċiedi,

s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża F-91/10, AK vs Il-Kummissjoni Ewropea, hija annullata;

il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lill-appellant:

kumpens għat-telf ta’ opportunità ta’ 95% li jiġi promoss fil-grad A4 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni tal-2003, tal-2005 jew iktar tard tal-2007, ta’ EUR 375 295, EUR 204 996 u EUR 90 130 rispettivament, inkluż is-somma f’daqqa ta’ EUR 4 000 diġà mħallsa, minbarra r-regolarizzazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni tiegħu permezz ta’ kontribuzzjonijiet korrispondenti;

EUR 55 000, minbarra l-EUR 15 000 diġà mħallsa, għad-dannu morali subit minħabba fil-kontinwità tas-sitwazzjoni amministrattiva irregolari tiegħu, minkejja, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ April 2005 u tas-6 ta’ Ottubru 2009 tal-Qorti Ġenerali u tat-13 ta’ Diċembru 2007 tat-Tribunal Ewropew għas-Servizz Pubbliku, kif ukoll id-deċiżjoni tat-23 ta’ April 2007 tal-Awtorità tal-Ħatra li tilqa’ l-ilment imressaq mill-appellanti fl-4 ta’ Settembru 2006;

il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn it-TSP ibbaża ruħu fuq rapporti ta’ evalwazzjoni tal-karriera (REK) li huwa stess eskluda mid-diskussjonijiet (dwar il-punti 55, 56, 73 u 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi waqt l-evalwazzjoni tad-dannu morali u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li t-TSP naqqas l-evalwazzjoni tad-dannu morali għall-EUR 15 000 billi kkunsidra biss id-dewmien partikolarment importanti fl-istabbiliment tad-diversi REK u billi limita l-firxa tad-dannu morali għall-perijodu li fih l-appellant kien għadu qiegħed jaħdem, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni parametri oħra bħall-istat ta’ inċertezza u ta’ inkwiet tal-appellanti fir-rigward tal-futur professjonali tiegħu wara l-perijodu fejn kien għadu qiegħed jaħdem (dwar il-punti 63 u 83 u segwenti tas-sentenza kkontestata).

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi waqt l-evalwazzjoni tad-dannu minħabba t-telf tal-opportunità li jiġi promoss u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn it-TSP ma jistax jasal għall-konklużjoni unikament abbażi tal-punti ta’ mertu u tal-limiti ta’ promozzjoni li l-probabbiltà ta’ promozzjoni tal-appellanti kienet dgħajfa, minn naħa, u t-TSP evalwa d-dannu tat-telf tal-opportunità li jiġi promoss għal EUR 4 000 ta’ malajr mingħajr ma ta l-iċken spjegazzjoni dwar ir-raġunament li wasslu għal dan ir-riżultat, min-naħa l-oħra (dwar il-punti 71 sa 73 u 89 u segwenti tas-sentenza kkontestata).