Language of document : ECLI:EU:T:2014:981

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Novembru 2014 (*)

“Rikors għal annullament u għad-danni — Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà ta’ Ċipru — Memorandum ta’ qbil dwar il-politika ta’ kondizzjonalità ekonomika speċifika, konkluż bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-MES — Kompetenza tal-Qorti Ġenerali — Rabta kawżali — Rikors parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Fil-Kawża T‑289/13,

Ledra Advertising Ltd, stabbilita f’Nikosija (Ċipru), irrappreżentata minn C. Paschalides, solicitor, u A. Paschalides, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders u J.‑P. Keppenne, bħala aġenti,

u

Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn A. Sáinz de Vicuña Barroso, N. Lenihan u F. Athanasiou, bħala aġenti, assistiti minn W. Bussian, W. Devroe u D. Arts, avukati,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba għall-annullament tal-punti 1.23 sa 1.27 tal-Memorandum ta’ qbil dwar il-politika ta’ kondizzjonalità ekonomika speċifika, konkluż bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), fis-26 ta’ April 2013, u, fit-tieni lok, talba għal kumpens għad-dannu allegatament sostnut mir-rikorrenti minħabba l-inklużjoni tal-punti 1.23 sa 1.27 tal-Memorandum ta’ qbil f’dan tal-aħħar u ksur tal-obbligu ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, I. Pelikánová u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 It-Trattat MES

1        Fit-2 ta’ Frar 2012, ġie konkluż fi Brussell it-trattat li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portuġiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, (iktar ’il quddiem it-“Trattat MES”). Skont l-Artikoli 1, 2 u 32(2) tiegħu, il-partijiet kontraenti ta’ dan it-trattat, jiġifieri l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, għandhom jistabbilixxu bejniethom istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, il-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà (MES), b’personalità ġuridika. It-“Trattat MES” daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Settembru 2012.

2        Il-premessa 1 tat-Trattat MES hija fformulata kif ġej:

“(1) Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà. “Il-MES] ser jassumi l-kompiti li bħalissa huma mwettqa mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (‘FESF’) u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (‘MESF’) fl-għoti, fejn ikun meħtieġ, ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.”

3        L-Artikolu 3 tat-“Trattat MES” jiddeskrivi l-għan tiegħu kif ġej:

“L-għan tal-MES huwa l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament u l-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà taħt kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, għall-benefiċċju tal-Membri fil-MES li jkunu għaddejjin, jew jinsabu mhedda, minn problemi serji ta’ finanzjament jekk dan ikun indipensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES għandu jkun intitolat jiġġenera fondi billi joħroġ strumenti finanzjarji jew billi jidħol fi ftehimiet jew arranġamenti finanzjarji jew ta’ xort’oћra ma’ Membri fil-MES, istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra.”

4        L-Artikolu 4 tat-“Trattat MES” jistabbilixxi dan li ġej:

“1. Il-MES għandu jkollu Bord tal-Gvernaturi u Bord tad-Diretturi, kif ukoll Direttur Maniġerjali u persunal tiegħu stess ieħor li jitqies li jkun meħtieġ.

[...]

3. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni bi qbil reċiproku teħtieġ l-unanimità tal-membri li jkunu qegћdin jieħdu sehem fil-vot. L-astensjonijiet ma jżommux milli deċiżjoni tiġi adottata bi qbil reċiproku.

4. B’deroga mill-paragrafu 3, għandha tintuża proċedura ta’ votazzjoni ta’ emerġenza f’każijiet fejn kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-[Bank Ċentrali Ewropew] jikkonkludu li nuqqas li urġentement tiġi adottata deċiżjoni ta’ għoti jew implimentazzjoni ta’ assistenza finanzjarja, kif definit fl-Artikoli 13 sa 18, jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro [...]”

5        L-Artikolu 5(3) tat-Trattat MES jipprovdi li “[i]l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-[Bank Ċentrali Ewropew], kif ukoll il-President tal-Grupp tal-Euro (jekk ma jkunx il-President jew Gvernatur), jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi [tal-MES] bħala osservaturi”.

6        L-Artikolu 6(2) tat-Trattat MES jipprovdi li “[i]l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-[Bank Ċentrali Ewropew] jistgħu jaħtru osservatur kull wieħed [fil-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-MES]”.

7        L-Artikolu 12 tat-Trattat MES jiddefinixxi l-prinċipji li huwa suġġett għalihom is-sostenn għall-istabbilità u jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha, il-MES jista’ jipprovdi sostenn għall-istabbiltà lil Membru fil-MES soġġett għal kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul. Tali kondizzjonalità tista’ tvarja minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sal-osservanza kontinwa ta’ kondizzjonijiet prestabbiliti ta’ eliġibbiltà.”

8        Il-proċedura tal-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà lil membru tal-MES hija deskritta fl-Artikolu 13 tal-imsemmi trattat kif ġej:

“1. Membru fil-MES jista’ jindirizza talba għal sostenn għall-istabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi. Tali talba għandha tindika l-istrument jew strumenti ta’ assistenza finanzjarja li għandhom jiġu kkunsidrati. Meta jirċievi tali talba, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea, f’koordinazzjoni mal-[Bank Ċentrali Ewropew], bil-kompiti li ġejjin:

a)      l-istima tal-eżistenza ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament jew tal-Istati Membri tagħha, sakemm il-[Bank Ċentrali Ewropew] ma jkunx diġà preżenta analiżi taħt l-Artikolu 18[2];

b)      l-istima jekk id-dejn pubbliku huwiex sostenibbli. Fejn xieraq u possibbli, tali stima hija mistennija li ssir flimkien mal-[Fond Monetarju Internazzjonali;

c)      l-istima tal-ħtiġijiet attwali jew potenzjali ta’ finanzjament tal-Membru konċernat fil-MES.

2. Abbażi tat-talba mill-Membru fil-MES u l-istima msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lill-Membru konċernat fil-MES fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja.

3. Jekk tiġi adottata deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiinkariga lill-Kummissjoni Ewropea — f’koordinazzjoni mal-[Bank Ċentrali Ewropew] u, kull fejn possibbli, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali — bil-kompitu li tinnegozja mal-Membru konċernat fil-MES, memorandum ta’ qbil (‘MoU’) li jispeċifika f’dettal il-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja. Il-kontenut tal-MoU għandu jirrifletti s-severità tad-dgħufijiet li għandhom jiġu inidrizzati u l-forma magħżula tal-assistenza finanzjarja. Fl-istess waqt, id-Direttur Maniġerjali tal-MES għandu jħejji proposta għal ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja, inklużi l-pattijiet finanzjarji u l-kondizzjonijiet u l-għażla ta’ strumenti, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

Il-MoU għandu jkun gћalkollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-[Trattat FUE], partikolarment ma’ kull att fil-liġi tal-Unjoni Ewropea, inkluża kull opinjoni, twissija, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni indirizzata lill-Membru fil-MES konċernat.

4. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiffirma l-MoU f’isem il-MES, soġġett għall-konformità minn qabel tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 u l-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.

5. Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja li jkun jispeċifika f’dettal l-aspetti finanzjarji tas-sostenn għall-istabbiltà li gћandu jingħata u, fejn applikabbli, il-ħlas tal-ewwel parti tal-assistenza.

[…]

7. Il-Kummissjoni Ewropea — f’koordinazzjoni mal-[Bank Ċentrali Ewropew] u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI — għandha tkun inkarigata timmonitorja l-konformità mal-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja.”

 Diffikultajiet finanzjarji tar-Repubblika ta’ Ċipru u miżuri adottati

9        Matul l-ewwel xhur tas-sena 2012, ċerti banek stabbiliti f’Ċipru, fosthom Cyprus Popular Bank Public Co Ltd (Laïki) u Trapeza Kyprou Dimosia Etaira Ltd (BoC), sabu ruħhom f’diffikultajiet finanzjarji. Ir-Repubblika ta’ Ċipru qieset li kienet neċessarja l-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tagħhom u ppreżentat, f’dan ir-rigward, lill-President tal-Eurogrupp talba ta’ għajnuna finanzjarja tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (FESF) jew tal-MES.

10      Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012, l-Eurogrupp indika li l-għajnuna finanzjarja mitluba hija pprovduta jew mill-FESF jew mill-MES, fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku li għandu jiġi kkonkretizzat permezz ta’ memorandum ta’ qbil li n-negozjati tiegħu jitmexxew, minn naħa, mill-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), u, min-naħa l-oħra, mill-awtoritajiet Ċiprijotti.

11      Ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro waslu għal ftehim politiku dwar l-abbozz ta’ memorandum ta’ qbil f’Marzu 2013. Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2013, l-Eurogrupp irrikonoxxa dan il-ftehim u invoka ċerti miżuri ta’ aġġustament previsti, fosthom il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti fil-banek. L-Eurogrupp indika li, fid-dawl ta’ dan il-kuntest, huwa kien jikkunsidra li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja suxxettibbli li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja tar-Repubblika ta’ Ċipru u taż-żona euro kienet, fil-prinċipju, iġġustifikata u stieden lill-partijiet ikkonċernati sabiex jgħaġġlu n-negozjati li kienu għaddejjin.

12      Fit-18 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika ta’ Ċipru ordnat l-egħluq tal-banek fil-ġranet ta’ xogħol tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2013. L-awtoritajiet Ċiprijotti ddeċidew li jestendu l-egħluq tal-banek sat-28 ta’ Marzu 2013 sabiex jiġi evitat ġiri lejn il-kaxxieri tal-bank.

13      Fid-19 ta’ Marzu 2013, il-parlament Ċiprijott ċaħad l-abbozz ta’ liġi tal-Gvern Ċiprijott dwar il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti fil-banek ta’ Ċipru. Il-Gvern Ċiprijott, għaldaqstant, ipprepara abbozz ieħor fejn kienet prevista biss ir-ristrutturazzjoni ta’ żewġ banek, il-BoC u l-Laïki.

14      Fit-22 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ċiprijott adotta l-O peri exiyiansis pistotikon kai allon idrimaton nomos [liġi dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u stabbilimenti oħra, EE, Anness I(I) Nru 4379, 22.3.2013, iktar ’il quddiem il-“liġi tat-22 ta’ Marzu 2013)”. Abbażi tal-punt 3(1) u tal-punt 5(1) ta’ din il-liġi, il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru (BĊĊ) ġie inkarigat jorganizza mill-ġdid stabbilimenti msemmija minn din il-liġi, flimkien mal-ministeru tal-finanzi. Għal dan il-għan, minn naħa, il-punt 12(1) tal-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013, jipprovdi, li l-BĊĊ jista’, permezz ta’ digriet, jirristruttura d-djun u l-obbligi ta’ stabbiliment suġġetti għal proċedura ta’ soluzzjoni, inkluż permezz ta’ tnaqqis, emenda, riklassifikazzjoni jew tiġdid tal-kapital nominali jew tal-bilanċ ta’ kull tip ta’ kreditu eżistenti jew futur fuq dan l-istabbiliment jew permezz ta’ konverżjoni ta’ titoli ta’ dejn f’fondi proprji. Min-naħa l-oħra, dan il-punt jipprovdi li d-“depożiti ggarantiti”, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-punt 2, tal-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013, huma esklużi minn dawn il-miżuri. Hemm qbil bejn il-partijiet li dawn huma depożiti ta’ inqas minn EUR 100 000.

15      Permezz ta’ dikjarazzjoni tal-25 ta’ Marzu 2013, l-Eurogrupp indika li kien wasal għal qbil mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l-elementi essenzjali ta’ programm makroekonomiku ta’ aġġustament futur bis-sostenn tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro kif ukoll tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI. Barra minn hekk, l-Eurogrupp irrikonoxxa l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju msemmija fl-anness għal din id-dikjarazzjoni.

16      Fil-25 ta’ Marzu 2013, il-Gvernatur tal-BĊE ssuġġetta lil BoC u lil Laïki għal proċedura ta’ organizzazzjoni mill-ġdid. Fid-29 ta’ Marzu 2013, ġew ippubblikati żewġ digrieti għal dan il-għan abbażi tal-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013, jiġifieri:

–        le to peri diasosis me idia mesa tis Trapezas Kyprou Dimosias Etaireias Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi No. 103 [digriet tal-2013 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid permezz ta’ mezzi proprji tal-BoC, att amministrattiv regolamentari Nru 103, iktar ’il quddiem id-“digriet Nru 103”, EE, Anness III(I), Nru 4645, 29.3.2013, p. 769 sa 780] u,

–        le to Peri tis Polisis Orismenon Ergasion tis Cyprus Popular Bank Public Co Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi No. 104 [digriet tal-2013 fuq il-bejgħ ta’ ċerti attivitajiet ta’ Laïki, att amministrattiv regolamentari Nru 104, iq id-“digriet” Nru 104”, EE, Anness III(I), Nru 4645, 29.3.2013, p. 781 sa 788].

17      Id-digriet Nru 103 jipprevedi kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-BoC, għall-ispejjeż, b’mod partikolari, tad-depożitanti mhux garantiti tiegħu, tal-azzjonisti tiegħu u tal-kredituri obbligatorji, sabiex ikun jista’ jkompli jipprovdi servizzi bankarji. Għalhekk, id-depożiti mhux iggarantiti ġew ikkonvertiti f’azzjonijiet tal-BoC (37.5 % ta’ kull depożitu mhux garantit), f’titoli konvertibbli mill-BoC, jew f’azzjonijiet jew f’depożiti (22.5 % ta’ kull depożitu garantit), u f’titoli li jistgħu jiġu kkonvertiti f’depożiti mill-BCC (40 % ta’ kull depożitu mhux garantit). Id-digriet Nru 103, skont il-punt 10, daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2013, fis-6 ta’ filgħodu.

18      Fir-rigward tad-digriet Nru 104, id-dispożizzjonijiet flimkien tal-punti 2 u 5 tiegħu, jipprevedu, għad-29 ta’ Marzu 2013, fis-6:10 ta’ filgħodu, it-trasferiment ta’ ċerti elementi ta’ attiv u passiv minn Laïki għal BoC, inkluż id-depożiti ta’ inqas minn EUR 100 000. Id-depożiti ta’ iktar minn EUR 100 000. Id-depożiti ta’ iktar minn EUR 100 000 inżammu għand Laïki, sakemm iseħħ l-istralċ tagħha.

19      Meta daħlu fis-seħħ id-digrieti Nri 103 u 104, ir-rikorrenti, Ledra Advertising Ltd, kienet il-proprjetarja ta’ depożitu għand BoC. L-applikazzjoni tal-miżuri previsti permezz tad-digriet Nru 103 wasslet għal tnaqqis sostanzjali tal-valur ta’ dan id-depożitu, li l-ammont tiegħu ġie preċiżat mir-rikorrenti.

20      Matul il-laqgħa tal-24 ta’ April 2013, il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES:

–        iddeċieda li jagħti sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru fil-forma ta’ faċilità ta’ għajnuna finanzjarja (iktar ’il quddiem il-“FGĦF”), skont il-proposta tad-direttur ġenerali tal-MES:

–        approva l-abbozz tal-memorandum ta’ qbil innegozzjat mill-Kummissjoni (b’kollaborazzjoni mal-BĊE u l-FMI) u r-Repubblika ta’ Ċipru;

–        ħatar lill-Kummissjoni responsabbli sabiex tiffirma dan il-memorandum f’isem l-MES.

21      Il-memorandum ta’ qbil ġie ffirmat fis-26 ta’ April 2013 mill-ministru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru, mill-Gvernatur tal-BĊE u minn O. Rehn, viċi-president tal-Kummissjoni, f’isem din.

22      Il-punti 1.23 sa 1.27 tal-memorandum ta’ qbil, kif ipprovduti mir-rikorrenti l-anness tar-rikors (iktar ’il quddiem il-“passaġġi inkwistjoni”), taħt it-titolu “Ristrutturazzjoni u riżoluzjoni ta’ [Laïki] u [BoC]”, huma fformulati kif ġej:

“1.23. L-eżami tal-valur finanzjarju u kontabbli diġà msemmi rrevela li l-ikbar żewġ banek f’Ċipru kienu f’insolvenza. Sabiex tiġi solvuta din is-sitwazzjoni, il-Gvern implementa pjan ta’ riżoluzzjoni u ta’ ristrutturazzjoni kbira. Sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ futur żbilanċjat u sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tas-settur, filwaqt li ma tiġix affettwata l-kompetizzjoni, ġiet adottata strateġija li tinkludi erba’ partijiet, li ma tinvolvix l-użu tal-flus tal-kontribwenti. L-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom jikkontrollaw mill-qrib l-implementazzjoni ta’ din l-istrateġija.

1.24. L-ewwel nett, l-attiv kollu (inklużi s-self fil-qasam tat-trasport marittimu) u l-obbligi marbuti mal-Greċja, stmati rispettivament għal EUR 16.4 sa 15 biljun, skont l-ipoteżi sfavorevoli, ġew ċeduti. L-attiv u l-passiv Grieg ġie akkwistat minn Piraeus Bank, li r-ristrutturazzjoni tiegħu ttieħed taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Elleniċi. Iċ-ċessjoni saret permezz ta’ ftehim iffirmat fis-26 ta’ Marzu 2013. Peress li l-valur kontabbli tal-attiv jammonta għal EUR 19.2 biljun, dan it-trasferiment ippermetta li titnaqqas sostanzjalment l-espożizzjoni reċiproka bejn il-Greċja u Ċipru.

1.25. Fir-rigward tal-fergħa ta’ [Laïki] fir-Renju Unit, id-depożiti kollha ġew ittrasferiti lill-fergħa Britannika tal-[BoC]. L-attiv relatat ġie integrat fi ħdan il-[BoC].

1.26. It-tieni nett, il-[BoC] se jakkwista permezz ta’ proċedura ta’ xiri u ta’ assorbiment, kważi t-totalità tal-attiv Ċiprijott ta’ [Laïki], għall-valur ġust tagħhom, kif ukoll d-depożiti assigurati tagħhom u l-espożizzjoni tiegħu għall-assistenza urġenti ta’ likwidità, fil-valur nominali tagħhom. Id-depożiti mhux assigurtati ta’ [Laïki] għandhom jinżammu mill-entità ta’ qabel. L-għan huwa li l-valur tal-attiv ċedut ikun superjuri għall-passiv ċedut b’mod li d-differenza tikkorrispondi għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta’ [BoC] minn [Laïki] li tammonta għal 9 % tal-attiv stmat skont ir-riskji li ġew ċeduti. [BoC] għaddiet minn kapitalizzazzjoni mill-ġdid b’mod li tilħaq, fl-aħħar tal-programm, proporzjon minimu ta’ fondi proprji (core tier one ratio) ta’ 9 %, skont l-ipoteżi sfavorevoli ta’ stress test, li għandu jikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja u jiġu nnormalizzati l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament. Il-konverżjoni ta’ 37.5 % tad-depożiti mhux assigurati miżmuma fil-[BoC] f’azzjonijiet ta’ kategorija A, bi dritt ta’ vot sħiħ u ta’ drittijiet għad-dividendi, jipprovdi l-parti l-kbira tal-bżonnijiet ta’ kapital, b’żieda supplimentari f’kapital proprju min-naħa tal-entità ta’ qabel ta’ [Laïki]. Parti mid-depożiti mhux assigurati li jifdal tal-[BoC] għandha temporanjament tiġi ffriżata sakemm l-evalwazzjoni indipendenti msemmija fil-punt li jmiss tkun intemmet.

1.27. It-tielet nett, sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet tal-kapitalizzazzjoni jintlaħqu, għandha ssir evalwazzjoni indipendenti iktar dettaljata u aġġornata tal-attiv ta’ [BoC] u ta’ [Laïki] skont l-eżiġenzi tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-banek, għall-aħħar ta’ Ġunju 2013. Għal dan il-għan, it-termini ta’ referenza tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni indipendenti għandhom ikunu miftiehma sa mhux iktar tard minn nofs April 2013, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-[BĊE] u l-[FMI]. Wara din l-evalwazzjoni, għandha ssir, jekk ikun meħtieġ, konverżjoni addizzjonali tad-depożiti mhux assigurati f’azzjonijiet ta’ kategorija A, b’mod li jiġi żgurat li l-għan intiż li jintlaħaq minimu ta’ kapital proprju ta’ 9 % f’kundizzjonijiet ta’ kriżi jkun jista’ jintlaħaq fl-aħħar tal-programm. Jekk [BoC] jiġi surkapitalizzat meta mqabbel mal-mira, għandu jsir proċess ta’ xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet sabiex jiġu rrimborsati d-depożitanti tal-ammont li jikkorrispondi għas-surkapitalizzazzjoni”.

23      Fit-8 ta’ Mejju 2013, il-Bord tad-Diretturi tal-MES approva l-ftehim dwar il-FAF kif ukoll proposta dwar it-termini ta’ ħlas tal-ewwel parti tal-għajnuna lir-Repubblika ta’ Ċipru. Din il-parti hija maqsuma f’żewġ ħlasijiet li saru, rispettivament, fit-13 ta’ Mejju 2013 (EUR 2 biljuni) u fis-26 ta’ Ġunju 2013 (EUR 1 biljun).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-BĊE jagħtuha kumpens għad-danni ekwivalenti għat-tnaqqis tal-valur tad-depożitu tagħha fil-BoC;

–        “barra minn hekk u/jew sussidjarjament” tannulla l-passaġġi inkwistjoni;

–        teżamina b’urġenza r-rikors u, sakemm isir dan l-eżami, tadotta miżuri “l-miżuri provviżorji neċessarji skont l-Artikolu [279 TFUE] sabiex tippreżerva l-pożizzjoni [tagħha] mingħajr madankollu ma taffettwa s-sostenn għall-istabbiltà mogħti “lir-[Repubblika ta’ Ċipru]”.

25      Permezz ta’ atti separati, irreġistrati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl-24 ta’ Settembru u fl-1 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni u l-BĊE qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Huma jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li r-rikors huma manifestament infondat fid-dritt fis-sens tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura.

27      Ir-rikorrenti ressqet l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni u tal-BĊE fit-13 u s-16 ta’ Diċembru 2013.

 Id-dritt

28      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tagħmel talba għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċedura titkompla oralment, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiħux deċiżjoni kuntrarja. Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar it-talba jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali.

29      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta rikors ikun manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tkompli l-proċedura, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

30      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha biżżejjed informazzjoni, u li ma hemmx lok għalfejn jingħata bidu għall-proċedura orali.

31      Minn naħa, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel talba u, min-naħa l-oħra, l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet talbiet.

 Fuq l-ammissibbiltà u l-fondatezza tal-ewwel talba

32      L-ewwel talba tinkludi talba għal danni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Issa, l-BĊE jsostni, fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, li r-rikors ma josservax l-eżiġenzi formali previsti fl-Artikolu 21 tal-Istati tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Din l-allegazzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi eżaminata preliminarjament.

33      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatti u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Rec. p. II‑523, punt 20, u tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49).

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet imfakkra fil-punt 33 iktar ’il fuq, rikors għal ħlas ta’ kumpens għal dannu allegatament ikkawżat minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jkun fih l-elementi li jippermettu li tiġi identifikata l-imġiba li r-rikorrent jattribwixxi lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li teżisti rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu li huwa jallega li sostna kif ukoll il-karattru u l-portata tad-dannu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punt 107, u tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra p. II‑125, punt 30).

35      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tindika, qabel xejn, li l-Kummissjoni ffirmat il-protokoll ta’ qbil bis-saħħa tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 13 tat-Trattat MES u tirreleva li l-passaġġi kkontestati, li jinsabu f’dan il-protokoll ta’ qbil, jiksru l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u l-Artikolu 17 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

36      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li teżisti “rabta kawżali suffiċjenti” bejn l-inklużjoni tal-passaġġi kkontestati fil-memorandum ta’ qbil, “[mitlub] mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 13 tat-[Trattat MES,] u t-telf tal-fondi li kienu fl-attiv tar-rikorrenti u li hija ġiet imċaħħda minnhom [wara] ksur biżżejjed serju ta’ regola superjuri tad-dritt li tipproteġi l-individwi”.

37      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tidentifika d-dannu li hija tqis li sostniet bi preċiżjoni.

38      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dak li jikkonċerna l-ewwel talba, ir-rikorrenti tosserva l-eżiġenzi proċedurali previsti fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

39      Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel talba hijiex inammissibbli għal raġunijiet oħra, kif isostnu l-Kummissjoni u l-BĊE fl-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tagħhom. F’dan ir-rigward, huma jsostnu, b’mod partikolari, essenzjalment, li l-aġir li wassal għad-dannu sostnut ma jistax jiġi imputat lil istituzzjoni tal-Unjoni.

40      Fir-rigward ta’ dan il-punt, għandu jiġi rrelevat li, kif jirriżulta mill-punti 35 u 36 iktar ’il fuq, ir-rikors isemmi biss att jew aġir wieħed li, skont ir-rikorrenti, ta lok għad-dannu li hija tqis li sostniet, jiġifieri l-inklużjoni tal-passaġġi kkontestati fil-memorandum ta’ qbil.

41      Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tidentifika fir-rikors, l-ebda att jew aġir ieħor li ġie adottat bi ksur ta’ regola tad-dritt u li wassal għat-tnaqqis tal-valur tad-depożitu tagħha fil-BoC. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-affermazzjoni tar-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE skont liema “[d]awn huma l-kundizzjonijiet annessi mal-[FAF] ipprovduti lir-[Repubblika ta’ Ċipru] fis-26 ta’ April 2013 u l-mod kif dawn kienu meħtieġa mill-Kummissjoni u l-BĊE li kkawżaw lir-rikorrenti d-dannu li għalih hija qegħda tfittex li tikseb kumpens abbażi tal-Artikoli 268 [TFUE] u 340 [TFUE]”.

42      Issa, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-Qorti Ġenerali, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi kawżi dwar il-kumpens għal danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

43      Għalhekk, talba għad-danni intiża kontra l-Unjoni u bbażata fuq is-sempliċi illegalità ta’ att jew ta’ aġir li ma ġiex adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni jew mill-aġenti tagħha għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2013, Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon vs Il-Kummissjoni et, C‑520/12 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 35 sa 38, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 1998, Laga vs Il-Kummissjoni, T‑93/95, Ġabra p. II‑195, punt 47).

44      Il-memorandum ta’ qbil ġie adottat b’mod konġunt mill-MES u mir-Repubblika ta’ Ċipru. Fil-fatt, il-memorandum ta’ qbil ġie ffirmat fis-26 ta’ April 2013, minn naħa, mill-awtoritajiet Ċiprijotti msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, mill-viċi-president tal-Kummissjoni f’isem din tal-aħħar. Issa, mill-Artikolu 14(3) tat-Trattat MES jirriżulta li l-Kummissjoni tiffirma l-memorandum ta’ qbil biss f’isem l-MES.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li, filwaqt li t-Trattat MES jikkonferixxi lill-Kummissjoni u lill-BĊE ċerti responsabbiltajiet marbuta mal-implementazzjoni tal-għanijiet ta’ dan it-trattat, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-funzjonijiet fdati lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES ma jinkludu ebda poter ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet speċifiku għal dawn l-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-attivitajiet imwettqa minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-kuntest tal-istess trattat jorbtu lill-MES biss (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 161).

46      Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni jew il-BĊE taw lok għall-adozzjoni tal-memorandum ta’ qbil.

47      Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex teżamina din it-talb għal danni, peress li din hija bbażata fuq l-illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-memorandum ta’ qbil.

48      Sussegwentement, għandu jiġi rrelevat li r-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sostniet li l-Kummissjoni “ma [kinitx] ċediet il-kontroll effettiv tar-rwol tagħha fil-proċess deċiżjonali skont l-Artikolu 136(3) TFUE fl-applikazzjoni tas-setgħat tagħha rrikonoxxuti lilha mill-Artikolu 17 TUE li taġixxi bħala istituzzjoni tal-[Unjoni] responsabbli li tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-atti konklużi abbażi tat-trattat MES”.

49      Sakemm dan l-argument jista’ jiġi interpretat li jfisser li l-aġir li, skont ir-rikorrenti, wassal għad-dannu li hija tqis li sostniet huwa l-ksur mill-Kummissjoni ta’ allegat obbligu li tiġi ggarantita l-kompatibbiltà tal-memorandum ta’ qbil mad-dritt tal-Unjoni, u mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk dan huwiex argument ġdid introdott fil-mori tal-kawża, fis-sens tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 44(1)(c) u l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi rrelevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE, hija suġġetta għall-preżenza ta’ diversi kundizzjonijiet, jiġifieri: l-illegalità tal-aġir li jkunu akkużati bih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2008, Portela vs Il-Kummissjoni, T‑137/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, peress li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija responsabbiltà (ara d-digriet Portela vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-każ, hemm lok li jibda l-eżami mill-kwistjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-omissjoni allegatament illegali li hija akkużata biha l-Kummissjoni u d-dannu allegatament sostnut mir-rikorrenti.

52      Hija ġurisprudenza kostanti li l-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali meħtieġa mill-Artikolu 340 TFUE tippreżumi l-eżistenza ta’ rabta biżżejjed diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu (ara d-digriet Portela vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’każijiet fejn l-aġir li allegatament ikun wassal għad-dannu invokat ikun jikkonsisti f’nuqqas ta’ aġir, huwa partikolarment neċessarju li jkun hemm iċ-ċertezza li l-imsemmi dannu jkun effettivament ġie kkawżat min-nuqqas ta’ azzjoni li huwa kkritikat u ma jkunx seta’ ġie kkawżat minn aġir differenti minn dak li tkun akkużata bih il-konvenuta (ara d-digriet Portela vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan il-każ, l-aġir li allegatament wassal għad-dannu invokat huwa nuqqas ta’ aġir min-naħa tal-Kummissjoni fil-mument tal-firma tal-memorandum ta’ qbil, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tiżgura ruħha li dan il-memorandum kien kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 49 iktar ’il fuq). Madankollu, il-firma tal-memorandum ta’ qbil saret wara t-tnaqqis tal-valur tad-depożitu tar-rikorrenti fil-BoC. Fil-fatt, dan it-tnaqqis sar meta daħal fis-seħħ id-digriet Nru 103, li permezz tiegħu parti minn dan id-depożitu ġiet ikkonvertita f’azzjonijiet jew titoli konvertibbli. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti waslet biex turi biċ-ċertezza neċessarja li d-dannu li hija tqis li sostniet kien effettivament ikkawżat min-nuqqas ta’ azzjoni li hija akkużata bih il-Kummissjoni.

55      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li l-ewwel talba għandha tiġi miċħuda parzjalment peress li hija inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, parzjalment peress li hija manifestament infondata fid-dritt, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet u l-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni u mill-BĊE.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda

56      Għandu jiġi rrelevat li, fil-kuntest tar-rikors għal annullament imsemmi mill-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza biss sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni.

57      Billi titlob l-annullament tal-passaġġi kkontestati, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tal-memorandum ta’ qbil, li ġie adottat b’mod konġunt mir-Repubblika ta’ Ċipru u mill-MES.

58      Issa, peress li la l-MES u lanqas ir-Repubblika ta’ Ċipru ma jagħmlu parti mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex teżamina l-legalità tal-atti li huma adottaw flimkien.

59      It-talba għall-annullament tal-passaġġi kkontestati hija, għaldaqstant, inammissibbli.

60      Għaldaqstant, it-tieni talba għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet talba

61      Permezz tat-tielet domanda tagħha, ir-rikorrenti tfittex li tikseb mill-Qorti Ġenerali miżura provviżorja. Mill-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li talba għal miżuri provviżorji hija ammissibbli biss sakemm tkun tressqet permezz ta’ att separat, li ma sarx f’dan il-każ.

62      Konsegwentement, it-tielet talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

63      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u, parzjalment infondat fid-dritt.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni u mill-BĊE.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ledra Advertising Ltd hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Il-Lussemburgu, fl-10 ta’ Novembru 2014.

E. Coulon

 

      H. Kanninen

Ir-Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.