Language of document : ECLI:EU:C:2020:586

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2020 (1)

Kawżi magħquda C682/18 u C683/18

Frank Peterson

vs

Google LLC,

YouTube LLC,

YouTube Inc.,

Google Germany GmbH (C-682/18)

u

Elsevier Inc.

vs

Cyando AG (C-683/18)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3 – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Tqegħid online ta’ xogħlijiet protetti fuq pjattaformi tal-internet, mill-utenti ta’ dawn tal-aħħar, mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet – Assenza ta’ responsabbiltà primarja tal-operaturi ta’ dawn il-pjattaformi – Responsabbiltà sekondarja ta’ dawn l-operaturi għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettqa mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom – Kwistjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 – Direttiva 2000/31/KE – Artikolu 14 – Eżenzjoni mir-responsabbiltà għall-fornituri li jipprovdu ‘servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni li jikkonsisti fiż-żamma [fil-ħażna] ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz’ – Kunċett – Possibbiltà għal dawn l-operaturi li jiġu eżentati mir-responsabbiltà li tista’ tinħoloq mill-informazzjoni li jżommu fuq talba tal-utenti tal-pjattaformi tagħhom – Kundizzjonijiet sabiex wieħed jibbenefika minn din l-eżenzjoni ta’ responsabbiltà – Artikolu 14(1)(a) – Kunċetti ta’ ‘għarfien ta’ attività jew informazzjoni illegali’ u ta’ ‘għarfien tal-fatti jew taċ-ċirkustanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti’ – Informazzjoni illegali konkreta – Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE – Ordnijiet kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi biex jiksru d-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat – Kundizzjonijiet sabiex tintalab tali ordni”






Werrej



I.      Introduzzjoni

1.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja). Dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (2), tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (3) kif ukoll tad-Direttiva 2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (4).

2.        Dawn it-talbiet jaqgħu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi. Fl-ewwel waħda, Frank Peterson, produttur tal-mużika, fetaħ azzjoni legali kontra YouTube LLC u l-kumpannija omm tagħha Google LLC minħabba t-tqegħid online, fuq il-pjattaforma ta’ kondiviżjoni tal-vidjos YouTube, ta’ diversi fonogrammi li fuqhom huwa jallega li għandu drittijiet, minn utenti ta’ din il-pjattaforma mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ F. Peterson. Fit-tieni waħda, Elsevier Inc., grupp editorjali, fetħet azzjoni legali kontra Cyando AG minħabba t-tqegħid online, fuq il-pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls Uploaded, operata minn din l-aħħar kumpannija, ta’ diversi xogħlijiet li tagħhom Elsevier għandha d-drittijiet esklużivi, meta dan it-tqegħid online sar minn utenti ta’ din il-pjattaforma mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu.

3.        Is-sitt domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju f’kull waħda mit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari jduru madwar il-problema, eminentement sensittiva, tar-responsabbiltà tal-operaturi ta’ pjattaformi online fir-rigward ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li jiġu ppubblikati online fuq dawn il-pjattaformi, b’mod illegali, mill-utenti tagħhom.

4.        In-natura u l-portata ta’ din ir-responsabbiltà tiddependi, b’mod partikolari, mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, li jirrikonoxxi lill-awturi d-dritt esklużiv li jikkomunikaw lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom, u tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, li joffri lill-fornituri intermedjarji eżenzjoni mir-responsabbiltà għall-informazzjoni li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tas-servizzi tagħhom. Għalhekk, dawn il-kawżi ser jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, b’mod partikolari, jekk l-ewwel dispożizzjoni tistax tiġi invokata kontra dawn l-operaturi ta’ pjattaformi, jekk jistgħux jinvokaw it-tieni dispożizzjoni, u l-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet huma relatati bejniethom.

5.        Din il-kwistjoni hija kkaratterizzata b’differenzi profondi. Għal xi wħud, il-pjattaformi online jippermettu ksur fuq skala kbira, ksur li l-operaturi tagħhom allegatament jibbenefikaw minnu għad-detriment tad-detenturi tad-drittijiet, li jiġġustifika li jiġu imposti fuqhom obbligi kbar ta’ kontroll tal-kontenut li l-utenti tal-pjattaformi tagħhom iqiegħdu online. Għal oħrajn, l-impożizzjoni fuq dawn l-utenti ta’ obbligi simili ta’ kontroll taffettwa b’mod sinjifikattiv l-attività tagħhom u d-drittijiet ta’ dawn l-utenti u tostakola l-libertà tal-espressjoni u tal-kreazzjoni online.

6.        Dawn id-differenzi laħqu l-qofol tagħhom waqt id-dibattiti dwar l-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (5). L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva ġdida jipprevedi, fir-rigward tal-utenti bħal YouTube, sistema ta’ responsabbiltà speċifika għax-xogħlijiet li jitqiegħdu illegalment online mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom, li timponi fuq dawn il-fornituri obbligi ġodda ta’ kontroll. Madankollu, nippreċiża li dik id-direttiva, li daħlet fis-seħħ matul dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex applikabbli għall-kawżi prinċipali. Huwa għalhekk mill-perspettiva tal-kuntest ġuridiku preċedenti għaliha li dawn il-kawżi għandhom jiġu deċiżi, indipendentement mis-soluzzjonijiet li għadu kemm adotta l-leġiżlatur tal-Unjoni.

7.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li operaturi ta’ pjattaformi bħal YouTube u Cyando ma jwettqux, bħala prinċipju, atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, u, għaldaqstant, ma humiex direttament responsabbli għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni meta l-utenti tagħhom iqiegħdu online xogħlijiet protetti b’mod illegali. Ser nispjega wkoll għaliex dawn l-operaturi jistgħu, bħala prinċipju, jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, bla ħsara għal kundizzjonijiet li tagħhom ser nippreċiża l-limiti. Fl-aħħar nett, ser nispjega li d-detenturi tad-drittijiet jistgħu jiksbu, skont id-dritt tal-Unjoni, ordnijiet ġudizzjarji kontra l-imsemmija operaturi, li jistgħu jimponu fuqhom obbligi ġodda, li tagħhom ser nippreċiża l-kundizzjonijiet.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2000/31

8.        It-Taqsima 4 tad-Direttiva 2000/31, intitolata “Responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz”, tinkludi l-Artikoli 12 sa 15 ta’ din id-direttiva.

9.        L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Hosting”, jipprevedi:

“1.      Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a)      dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti; jew

jew

(b)      dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux ikun applikabbli meta dak li jirċievi s-servizz ikun jaġixxi permezz ta’ l-awtorità jew tal-kontroll ta’ dak li jipprovdi.

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

10.      L-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “L-ebda obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.”

B.      Id-Direttiva 2001/29

11.      Il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi li “[i]s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nnifisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva”.

12.      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

(a)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(b)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

[…]

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

13.      L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sanzjonijiet u Rimedji”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat”.

III. Il-kawżi prinċipali

A.      Il-Kawża C682/18

1.      YouTube

14.      YouTube hija pjattaforma tal-internet operata mill-kumpannija eponima, li tagħha Google hija l-uniku soċju u r-rappreżentant legali. Din il-pjattaforma, li tinqasam f’siti differenti tal-internet u applikazzjonijiet għal apparat intelliġenti, tippermetti lill-utenti tagħha jikkondividu vidjos fuq l-internet.

15.      Sabiex wieħed itella’ vidjo online fuq YouTube, ikun meħtieġ li jinħoloq kont, b’isem tal-utent u password, u li jiġu aċċettati l-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ din il-pjattaforma. L-utent li, wara li jkun irreġistra b’dan il-mod, iqiegħed vidjo online jista’ jagħżel li jħallih “privat” jew li jippubblikah fuq il-pjattaforma. Fit-tieni ipoteżi, kull utent tal-internet ikun jista’ jara fi fluss kontinwu (streaming) u jikkondividi l-vidjo inkwistjoni mill-imsemmija pjattaforma u l-utenti l-oħra rreġistrati jkunu jistgħu jikkummentaw dwaru. L-utenti rreġistrati jistgħu wkoll joħolqu “kanali” li fihom jiġbru l-vidjos tagħhom.

16.      It-tqegħid online ta’ vidjo fuq din l-istess pjattaforma jsir b’mod awtomatiku, mingħajr viżjoni jew kontroll minn qabel minn Google jew YouTube. B’dan il-mod, madwar 35 siegħa ta’ vidjo jiġu ppubblikati kull minuta (6), u dawn jammontaw għal diversi mijiet ta’ eluf ta’ vidjos kuljum.

17.      YouTube tinkludi funzjoni ta’ tfittxija u tipproċessa r-riżultati ta’ tfittxija fil-forma, b’mod partikolari, ta’ evalwazzjoni tar-rilevanza tal-vidjos, speċifika għar-reġjun tal-utent. Ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni huwa miġbur fil-qosor fuq il-paġna prinċipali taħt il-forma tat-taqsimiet “vidjos li qed jintwerew bħalissa”, “vidjos promossi” u “vidjos popolari”. YouTube telenka l-vidjos u l-kanali disponibbli taħt taqsimiet bħal “divertiment”, “mużika” jew “films u animazzjoni”. Barra minn hekk, jekk utent irreġistrat juża l-pjattaforma, jiġi ppreżentat b’sinteżi ta’ “vidjos irrakkomandati”, ibbażati, b’mod partikolari, fuq il-vidjos li l-utent ikun ra qabel.

18.      YouTube tikseb mill-pjattaforma tagħha, inter alia, dħul mir-reklamar. Strixxuni pubbliċitarji ta’ terzi li jirreklamaw għalhekk jidhru fil-ġnub tal-paġna ewlenija tagħha. Barra minn hekk, f’ċerti vidjos jiddaħħlu xi reklami u dan jimplika l-konklużjoni ta’ kuntratt speċifiku bejn l-utenti kkonċernati u YouTube.

19.      Skont il-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu ta’ YouTube, kull utent jagħtiha, fuq il-vidjos li huwa jqiegħed online, u sat-tneħħija tagħhom mill-pjattaforma, liċenzja dinjija, mhux esklużiva u mingħajr ħlas għall-użu, ir-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni, il-ħolqien ta’ xogħlijiet idderivati, l-espożizzjoni u l-eżekuzzjoni b’rabta mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pjattaforma u mal-attivitajiet ta’ YouTube, inkluż ir-reklamar.

20.      Meta jaċċetta dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, l-utent jikkonferma li huwa għandu d-drittijiet, il-ftehimiet, l-awtorizzazzjonijiet u l-liċenzji kollha neċessarji fuq il-vidjos li huwa jqiegħed online. YouTube titlob lill-utenti tagħha, fil-“Linji gwida tal-komunità”, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, dawn jiġu informati, waqt kull tqegħid online, li ebda vidjo li jikser dawn id-drittijiet ma jista’ jiġi ppubblikat fuq il-pjattaforma.

21.      YouTube implimentat diversi mezzi tekniċi sabiex twaqqaf u tipprevjeni l-ksur fuq il-pjattaforma tagħha. Kull persuna tista’ tinnotifikaha bil-preżenza ta’ vidjo illegali bil-miktub, permezz ta’ faks, posta elettronika jew formola tal-internet. Inħolqot buttuna ta’ notifika li permezz tagħha jista’ jiġi rrappurtat il-kontenut indeċenti jew iffalsifikat. Id-detenturi tad-drittijiet għandhom ukoll il-possibbiltà, permezz ta’ proċedura speċjali ta’ twissija, li jaraw li mill-pjattaforma jiġu eliminati sa għaxar vidjos speċifikati b’mod konkret b’kontestazzjoni billi jindikaw l-indirizzi tal-internet (URL) korrispondenti tal-vidjos.

22.      Barra minn hekk, YouTube implimentat programm ta’ verifika tal-kontenut (Content Verification Program). Dan il-programm huwa miftuħ għall-impriżi rreġistrati għal dan il-għan, mhux għall-individwi privati. L-imsemmi programm joffri lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati diversi għodda li jippermettulhom jikkontrollaw b’iktar faċilità l-użu tax-xogħlijiet tagħhom fuq il-pjattaforma. Dawn tal-aħħar jistgħu, b’mod partikolari, jimmarkaw direttament f’lista ta’ vidjos dawk li, fil-fehma tagħhom, jiksru d-drittijiet tagħhom. Jekk vidjo jiġi bblokkat minħabba tali senjalazzjoni minn detentur tad-drittijiet, l-utent li poġġieh online jiġi mwissi dwar il-fatt li l-kont tiegħu jiġi bblokkat f’każ ta’ reċidiva. YouTube tqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet li jipparteċipaw fl-istess programm software ta’ rikonoxximent ta’ kontenut, li jissejjaħ “Content ID”, żviluppat minn Google, li huwa intiż sabiex jidentifika awtomatikament il-vidjos li jużaw ix-xogħlijiet tagħhom. F’dan ir-rigward, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Google, id-detenturi tad-drittijiet għandhom jipprovdu lil YouTube fajls ta’ referenza awdjo jew vidjo sabiex jidentifikaw ix-xogħlijiet inkwistjoni. Content ID joħloq “marki tas-swaba’ diġitali” minn dawn il-fajls, li jinżammu f’database. Content ID jiskennja b’mod awtomatiku kull vidjo mqiegħed online fuq YouTube u jqabblu ma’ dawn il-“marki ta’ swaba’”. Dan is-software jista’, f’dan il-kuntest, jirrikonoxxi l-vidjo u l-awdjo, inklużi l-melodiji meta jkunu ġew ikkuppjati jew imitati. Meta tinstab korrispondenza, id-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati jiġu nnotifikati awtomatikament. Dawn tal-aħħar għandhom il-possibbiltà li jibblokkaw il-vidjos inkwistjoni. Alternattivament, huma jistgħu jagħżlu li jsegwu l-użu ta’ dawn il-vidjos fuq YouTube permezz tal-istatistika tal-udjenza.  Huma jistgħu jagħżlu wkoll li jagħmlu l-flus mill-imsemmija vidjos billi jinkludu reklami, jew li jirċievu parti mid-dħul iġġenerat minn dawk imdaħħla qabel fuq talba tal-utenti li qiegħdu online dawk l-istess vidjos.

2.      Ir-rikors ta’ F. Peterson

23.      Fis-6 u fis-7 ta’ Novembru 2008, xi siltiet mill-album A Winter Symphony tal-artista Sarah Brightman kif ukoll reġistrazzjonijiet awdjo privati li ttieħdu waqt il-kunċerti tat-tour tagħha “Symphony Tour”, flimkien ma’ immaġnijiet fissi jew animati, ġew ippubblikati fuq YouTube minn utenti ta’ din il-pjattaforma.

24.      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2008, F. Peterson, li jinvoka d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fuq is-siltiet u r-reġistrazzjoni inkwistjoni (7), kiteb lil Google Germany GmbH u, essenzjalment, ordna lil din il-kumpannija, kif ukoll lil Google, tirtira l-vidjos kontenzjużi taħt piena ta’ sanzjoni. Għal dan il-għan, F. Peterson ipprovda ritratti tal-iskrin ta’ dawn il-vidjos. YouTube fittxet manwalment l-indirizzi tal-internet (URL) tal-imsemmija vidjos permezz ta’ dawn ir-ritratti tal-iskrin u waqqfet l-aċċess għalihom. Madankollu, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma humiex jaqblu dwar il-portata ta’ dawn il-miżuri ta’ mblokk.

25.      Fid-19 ta’ Novembru 2008, reġistrazzjonijiet awdjo ta’ kunċerti ta’ Sarah Brightman, flimkien ma’ immaġnijiet fissi jew animati, kienu mill-ġdid aċċessibbli fuq YouTube.

26.      Sussegwentement, F. Peterson ippreżenta azzjoni quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) b’mod partikolari (8) kontra Google u YouTube. F’dan il-kuntest, F. Peterson talab, essenzjalment, li jikseb ordni ta’ waqfien li tipprojbixxi lil dawn il-kumpanniji milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tnax-il reġistrazzjoni awdjo jew interpretazzjoni meħuda mill-album A Winter Symphony u tnax-il xogħol jew interpretazzjoni meħuda mill-kunċerti tas-“Symphony Tour” jew, sussidjarjament, li jippermettu lil terzi jagħmlu dan. F. Peterson talab ukoll li jikseb informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ ksur inkwistjoni u dwar il-fatturat jew il-profitti magħmula minn YouTube permezz ta’ dawn l-attivitajiet. Barra minn hekk, huwa talab li jiġi kkonstatat quddiem qorti, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ din il-kumpannija li tħallsu danni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-vidjos kontenzjużi. Fl-aħħar nett, F. Peterson talab, sussidjarjament, li jikseb informazzjoni dwar l-utenti li qiegħdu dawn il-vidjos online.

27.      Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Settembru 2010, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) laqgħet ir-rikors fir-rigward ta’ tliet siltiet mużikali u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. F. Peterson kif ukoll YouTube u Google appellaw minn din id-deċiżjoni.

28.      Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, l-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) bidlet parzjalment is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. Dik il-qorti pprojbixxiet lil YouTube u lil Google, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, milli jagħtu lil terzi l-possibbiltà li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku reġistrazzjonijiet awdjo jew interpretazzjonijiet ta’ seba’ siltiet mill-album A Winter Symphony. L-imsemmija qorti, barra minn hekk, ikkundannat lil dawn il-kumpanniji jipprovdu lil F. Peterson informazzjoni differenti dwar l-utenti li poġġew il-vidjos kontenzjużi online. Dik l-istess qorti ċaħdet il-bqija tar-rikors ta’ F. Peterson.

29.      F. Peterson ippreżenta appell għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja). F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2018, dik il-qorti ssospendiet il-proċeduri quddiemha u adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

B.      Il-Kawża C683/18

1.      Uploaded

30.      Uploaded hija pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, ġeneralment imsejħa Sharehoster jew anki Cyberlocker, operata minn Cyando. Din il-pjattaforma, aċċessibbli permezz ta’ siti differenti tal-internet, toffri spazju ta’ ħażna li jippermetti lil kulħadd jospita online, mingħajr ħlas, fajls li jista’ jkollhom kwalunkwe kontenut. Sabiex wieħed juża Uploaded, ikun jeħtieġ li jinħoloq kont, b’isem tal-utent u password, billi jiġi pprovdut b’mod partikolari indirizz elettroniku. It-tqegħid online ta’ fajl isir b’mod awtomatiku u mingħajr viżwalizzazzjoni jew kontroll minn qabel minn Cyando. Kull darba li fajl jitqiegħed minn utent, tiġi ġġenerata awtomatikament hyperlink imsejħa download-link, biex wieħed ikun jista’ jniżżel il-fajl, u fl-istess ħin tkun ikkomunikata lil dan l-utent. Uploaded la għandha indiċi u lanqas funzjoni ta’ tfittxija tal-fajls ospitati. L-utenti jistgħu madankollu jikkondividu liberament dawn il-links ta’ tniżżil fuq l-internet, pereżempju f’blogs, f’forums jew ukoll f’“kollezzjonijiet ta’ links”, jiġifieri siti tal-internet li jindiċjaw dawn il-links, jipprovdu informazzjoni dwar il-fajls li għalihom jirreferu l-imsemmija links u jippermettu lill-utenti tal-internet ifittxu l-fajls li jixtiequ jniżżlu.

31.      Sakemm wieħed ikollu kont u l-links xierqa, il-fajls ospitati fuq il-pjattaforma Uploaded jistgħu jitniżżlu mingħajr ħlas. Madankollu, għall-utenti li jibbenefikaw minn sempliċi aċċess mingħajr ħlas għall-pjattaforma, il-possibbiltajiet ta’ tniżżil huma limitati (f’termini, b’mod partikolari, ta’ kwantità massima ta’ data li tista’ titniżżel, ta’ veloċità tat-tniżżil, ta’ numru ta’ tniżżil simultanju, eċċ.). Min-naħa l-oħra, l-utenti jistgħu jiksbu abbonament bi ħlas sabiex jibbenefikaw minn volum ta’ tniżżil ta’ kuljum ħafna iktar konsistenti, mingħajr limitu ta’ veloċità jew ta’ numru ta’ tniżżil simultanju, u mingħajr ħin ta’ stennija bejn it-tniżżil. Barra minn hekk, Cyando implimentat programm ta’ “sħubija” li fil-kuntest tiegħu hija tħallas, lil ċerti utenti li jtellgħu online fajls Uploaded, remunerazzjoni skont l-ammont ta’ tniżżil tal-fajls inkwistjoni.

32.      Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu ta’ Uploaded jistipulaw li din il-pjattaforma ma tistax tintuża sabiex tikser id-drittijiet tal-awtur. Madankollu, huwa stabbilit li, fil-fatt, l-imsemmija pjattaforma tagħti lok għal użu legali kif ukoll għal “ammont kbir” (9) ta’ użu li jikser id-drittijiet tal-awtur, li tiegħu Cyando għandha għarfien. F’dan ir-rigward, Cyando ġiet informata bil-preżenza, fuq is-servers tagħha, ta’ iktar minn 9 500 xogħol protett, imqiegħda online mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet, li għalihom ġew kondiviżi links ta’ tniżżil fuq madwar 800 sit tal-internet (kollezzjonijiet ta’ links, blogs u forums) li hija għandha għarfien tagħhom.

2.      L-azzjoni ta’ Elsevier

33.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-683/18 jirriżulta li ċertu numru ta’ xogħlijiet protetti, li tagħhom Elsevier għandha d-drittijiet ta’ sfruttament esklużivi, ġew ospitati fuq il-pjattaforma Uploaded u tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ din il-kumpannija, permezz ta’ kollezzjonijiet ta’ links, blogs u forums oħra. B’mod partikolari, abbażi ta’ tfittxijiet imwettqa mill-11 sat-13 ta’ Diċembru 2013, din il-kumpannija nnotifikat lil Cyando, permezz ta’ żewġ ittri mibgħuta fl-10 u fis-17 ta’ Jannar 2014, li fajls li jinkludu tlieta minn dawn ix-xogħlijiet, jiġifieri Gray’s Anatomy for Students, Atlas of Human Anatomy u Campbell-Walsh Urology, kienu maħżuna fuq is-servers tagħha u setgħu jiġu liberament ikkonsultati permezz tal-kollezzjonijiet tal-links rehabgate.com, avaxhome.ws u bookarchive.ws.

34.      Elsevier ippreżentat azzjoni, innotifikata fis-17 ta’ Lulju 2014, kontra Cyando quddiem il-Landgericht München (il-Qorti Reġjonali ta’ München, il-Ġermanja). F’dan il-kuntest, Elsevier talbet, b’mod partikolari, li Cyando tiġi kkundannata għall-waqfien, prinċipalment, bħala awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq fir-rigward tax-xogħlijiet kontenzjużi, sussidjarjament, bħala kompliċi f’dan il-ksur u, b’mod iktar sussidjarju, bħala “interferent”. Elsevier talbet ukoll li Cyando tiġi kkundannata tipprovdilha ċerta informazzjoni. Barra minn hekk, il-kumpannija tal-ewwel talbet lil dik il-qorti tikkonstata l-obbligu tat-tieni kumpannija li tħallasha danni għal dawn l-istess okkorrenzi ta’ ksur.

35.      Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Marzu 2016, il-Landgericht München (il-Qorti Reġjonali ta’ München) ikkundannat lil Cyando għall-waqfien minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq fir-rigward tat-tliet xogħlijiet imsemmija fl-ittri tal‑10 u tas‑17 ta’ Jannar 2014, u laqgħet it-talbiet magħmula sussidjarjament minn Elsevier. Dik l-istess qorti ċaħdet il-kumplament tal-azzjoni.

36.      Kemm Elsevier kif ukoll Cyando appellaw minn dik id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) bidlet is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. Dik il-qorti kkundannat lil Cyando għall-waqfien bħala “interferent” fir-rigward tal-ksur relatat mat-tliet xogħlijiet imsemmija fl-ittri tal-10 u tas-17 ta’ Jannar 2014, konformement mat-talba fformulata b’mod iktar sussidjarju minn Elsevier. Il-qorti tal-appell ċaħdet il-kumplament tal-appell.

37.      Elsevier ippreżentat appell għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja). F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2018, dik il-qorti ssospendiet il-proċeduri quddiemha u ressqet kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

38.      Fil-Kawża C‑682/18, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-operatur ta’ pjattaforma vidjo fuq l-internet li permezz tagħha l-utenti jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku vidjos li jinkludu kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, iwettaq att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2001/29] meta:

–        jagħmel dħul minn reklamar permezz tal-pjattaforma,

–        [it-tqegħid online ta’ vidjo jsir] awtomatikament u mingħajr viżwalizzazzjoni jew kontroll minn qabel mill-operatur,

–        l-operatur jikseb skont il-kundizzjonijiet ta’ użu, liċenzja għall-vidjos li tkun dinjija, mhux esklużiva u mingħajr ħlas għat-tul tax-xandir tal-vidjos,

–        l-operatur jindika fil-kundizzjonijiet ta’ użu u fil-kuntest ta’ proċess ta’ [tqegħid online] li l-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur ma jistax jixxandar,

–        l-operatur jipprovdi għodda li permezz tagħhom id-detenturi ta’ drittijiet jistgħu jaġixxu sabiex jibblokkaw vidjos li jiksru d-drittijiet tagħhom,

–        fuq il-pjattaforma l-operatur iwettaq ipproċessar ta’ riżultati ta’ tfittxija fil-forma ta’ listi ta’ klassifikazzjoni u kategoriji ta’ kontenut u jippreżenta lill-utenti rreġistrati deskrizzjoni ġenerika li hija orjentata lejn vidjos rakkomandati abbażi ta’ vidjos li dawn l-utenti kienu diġà raw,

sa fejn ma jkollux għarfien konkret dwar id-disponibbiltà tal-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur jew iħassar immedjatament jew jibblokka immedjatament l-aċċess għal dan il-kontenut meta jikseb għarfien dwar dan?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-attività tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ vidjo fuq l-internet taqa’, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-[Direttiva 2000/31]?

3)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

L-għarfien effettiv tal-attività jew tal-informazzjoni illegali jew l-għarfien tal-fatti jew taċ-ċirkustanzi li skont dawn l-attività jew l-informazzjoni illegali hija apparenti għandu, skont l-Artikolu 14(1) tad-[Direttiva 2000/31], jikkonċerna attivitajiet jew informazzjoni illegali konkreti?

4)      Dejjem fl-ipoteżi ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

Huwa konformi mal-Artikolu 8(3) tad-[Direttiva 2001/29] li d-detentur ta’ dritt jista’ jikseb digriet ġudizzjarju kontra fornitur ta’ servizzi li s-servizz tiegħu jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn utent, u li l-utent kien uża dan is-servizz bi ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, biss meta dan il-ksur ikun seħħ għal darba oħra wara li tkun ingħatat notifika ta’ ksur manifest?

5)      Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda:

L-operatur ta’ pjattaforma ta’ vidjo fuq l-internet taħt iċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda għandu jitqies bħala persuna li wettqet ksur fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 13 tad-[Direttiva 2004/48]?

6)      F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ħames domanda:

L-obbligu ta’ tali persuna li twettaq ksur li tħallas danni skont l-Artikolu 13(1) tad-[Direttiva 2004/48] jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li wettqet il-ksur kienet aġixxiet intenzjonalment sa fejn jikkonċerna kemm l-attività li tikkontravjeni tagħha stess kif ukoll l-attività li tikkontravjeni ta’ terzi, u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-utenti jużaw il-pjattaforma sabiex iwettqu ksur konkret?”

39.      Fil-Kawża C-683/18, dik il-qorti għamlet ukoll sitt domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li minnhom it-tieni sas-sitt domandi kienu, essenzjalment, l-istess bħal dawk magħmula fil-Kawża C-682/18. L-ewwel domanda biss, miġjuba hawn taħt, kienet differenti:

“1)      a)      L-operatur ta’ servizz ta’ shared hosting [u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls] li fih l-utenti jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku fajls li jinkludu kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, iwettaq att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/29] meta:

–        [it-tqegħid online ta’ fajl] isir awtomatikament u mingħajr viżwalizzazzjoni jew kontroll minn qabel mill-operatur,

–        l-operatur jindika fil-kundizzjonijiet ta’ użu, li l-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur ma jistax jixxandar,

–        jagħmel dħul mill-operat tas-servizz,

–        is-servizz jintuża għal applikazzjonijiet legali, iżda l-operatur ikollu għarfien dwar id-disponibbiltà ta’ ammont kunsiderevoli ta’ kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur (iktar minn 9 500 xogħol),

–        l-operatur ma joffri ebda elenku u ebda funzjoni ta’ tfittxija, iżda l-links ta’ downloading mingħajr restrizzjoni li jagħmel disponibbli jitqiegħdu fuq l-internet minn terzi f’ġabra ta’ links li jinkludu informazzjoni dwar il-kontenut ta’ fajls u jippermettu t-tfittxija ta’ kontenut speċifiku,

–        permezz tat-tfassil ta’ remunerazzjoni għal downloads li titħallas skont it-talba, huwa joħloq inċentiva għal uploading ta’ kontenut li huwa protett mid-drittijiet tal-awtur li l-utenti jiksbu b’mod ieħor biss permezz ta’ ħlas,

u

–        billi joffri l-possibbiltà ta’ uploading ta’ fajls b’mod anonimu, il-probabbiltà li l-utenti ma jinżammux responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur ser tiżdied?

b)      Din l-evalwazzjoni tinbidel jekk l-offerti li jiksru d-drittijiet tal-awtur huma pprovduti minn servizz ta’ shared hosting u għandhom portata ta’ 90 sa 96 % tal-użu totali?”

40.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2018, il-Kawżi C-682/18 u C-683/18 ġew magħquda, fid-dawl tal-konnessjoni tagħhom, għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

41.      F. Peterson, Elsevier, Google, Cyando, il-Gvern Ġermaniż, dak Franċiż u dak Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess partijiet u l-partijiet ikkonċernati, minbarra l-Gvern Finlandiż, kienu rrappreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fis-26 ta’ Novembru 2019.

V.      Analiżi

42.      Dawn il-kawżi għandhom bħala sfond is-servizzi tal-“web 2.0”. Infakkar li, min-nofs is-snin 2000, diversi bidliet ta’ natura teknoloġika (li jvarjaw miż-żieda fil-wisa’ tal-banda mondjali għad-demokratizzazzjoni tal-konnettività broadband) u soċjali (kemm fir-rigward ta’ bidla fl-attitudni tal-utenti tal-internet fir-rigward tal-ħajja privata jew tar-rieda ta’ kondiviżjoni, ta’ kontribuzzjoni u ta’ ħolqien ta’ komunitajiet online) wasslu għall-iżvilupp fuq l-internet ta’ servizzi dinamiċi u interattivi, bħalma huma l-blogs, in-networks soċjali u l-pjattaformi ta’ kondiviżjoni li jikkostitwixxu daqstant għodda li jippermettu lill-utenti tagħhom jikkondividu kontenut ta’ kull tip online, deskritti bil-kliem user-created content jew user-generated content. Il-fornituri ta’ dawn is-servizzi jsostnu l-fatt li huma jippermettu lill-utenti tal-internet joħorġu mir-rwol ta’ konsumaturi passivi ta’ divertiment, ta’ opinjonijiet jew ta’ informazzjoni u jkunu attivament involuti fil-ħolqien u fl-iskambju ta’ dan il-kontenut fuq l-internet. L-effett tan-network marbut mas-suċċess ta’ tali servizz ippermetta b’mod rapidu lil numru żgħir minn dawn il-fornituri li jaqilbu mill-istatus ta’ start-up għal dak ta’ impriża dominanti (10).

43.      Il-pjattaforma YouTube, inkwistjoni fil-Kawża C-682/18, hija eżempju tipiku f’dan ir-rigward. Din il-pjattaforma tagħti lill-utenti tagħha (li huma iktar minn 1.9 biljun skont Google) l-opportunità li jikkondividu l-kontenut, u, b’mod partikolari, il-kreazzjonijiet tagħhom, online. B’dan il-mod, numru kbir ta’ vidjos jitqiegħdu online fuqha kuljum, li jinkludu, fost l-oħrajn, kontenut kulturali u ta’ divertiment, bħal kompożizzjonijiet mużikali ppubblikati minn artisti emerġenti li jistgħu jsibu pubbliku wiesa’, kontenut informattiv fuq temi diversi bħall-politika, l-isport u r-reliġjon, jew ukoll “lezzjonijiet” intiżi li jippermettu lil kulħadd jitgħallem isajjar, idoqq il-kitarra, isewwi rota, eċċ. Il-kontenut huwa ppubblikat fuq YouTube mhux biss minn individwi, iżda wkoll minn korpi pubbliċi u minn professjonisti, inklużi kumpanniji tal-midja stabbiliti bħal kanali tat-televiżjoni jew kumpanniji tad-diski. YouTube hija organizzata madwar mudell ekonomiku kumpless, li jinkludi fost l-oħrajn il-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar fuq il-pjattaforma tagħha (11). Barra minn hekk, YouTube implimentat sistema li permezz tagħha hija taqsam perċentwali mid-dħul mir-reklamar tagħha ma’ ċerti utenti li jipprovdu l-kontenut, li jippermetti lil dawn tal-aħħar jaqilgħu dħul mill-pubblikazzjoni tal-vidjos fuq il-pjattaforma (12).

44.      Il-pjattaforma Uploaded, inkwistjoni fil-Kawża C-683/18, tirrifletti realtà ċertament relatata, iżda madankollu distinta. B’mod ġenerali, Cyberlocker jipprovdi lill-utenti tiegħu spazju ta’ ħażna online, li jippermetti lil dawn tal-aħħar b’mod partikolari li jissalvagwardaw “fi sħaba” kull tip ta’ fajls sabiex jaċċedu għalihom fi kwalunkwe mument, minn fejn jixtiequ u permezz ta’ kwalunkwe apparat. Bħala Sharehoster, Uploaded tintegra wkoll funzjoni ta’ kondiviżjoni ta’ fajls ospitati. L-utenti għandhom għalhekk il-possibbiltà li jikkomunikaw lil terzi d-download-links iġġenerati għal kull fajl imqiegħed online. Din il-funzjoni hija intiża, skont Cyando, sabiex kulħadd ikun jista’ jittrasferixxi faċilment fajls voluminużi lill-membri tal-familja tiegħu, lill-ħbieb tiegħu jew ukoll lil sħab kummerċjali. Barra minn hekk, l-utenti jistgħu, permezz tal-imsemmija funzjoni, jikkondividu kontenut ħieles mid-drittijiet jew ix-xogħlijiet tagħhom stess fuq l-internet. Is-Cyberlockers jadottaw mudelli kummerċjali differenti. Min-naħa tagħha, Uploaded titħallas, permezz tal-bejgħ ta’ abbonamenti li jaffettwaw b’mod partikolari l-kapaċità ta’ tniżżil tal-fajls ospitati.

45.      Għalkemm il-pjattaformi bħal YouTube u Uploaded jistgħu għalhekk jagħtu lok għal diversi użi legali, dawn jintużaw ukoll b’mod illegali. B’mod partikolari, vidjos kondiviżi fuq YouTube jistgħu jinkludu xogħlijiet protetti u jiksru d-drittijiet tal-awturi tagħhom. Barra minn hekk, Sharehoster bħal Uploaded, minħabba l-kapaċità tiegħu stess li jaħżen u jittrasferixxi fajls voluminużi, huwa għodda prattika għall-iskambju illegali ta’ kopji ta’ xogħlijiet b’mod partikolari ċinematografiċi jew mużikali.

46.      Id-detenturi tad-drittijiet bħal F. Peterson u Elsevier, appoġġati f’dan il-każ mill-Gvern Franċiż, ipinġu stampa serja ta’ dawn il-pjattaformi inkwistjoni u tal-operaturi tagħhom. Peress li jippermettu, fl-ambitu ta’ dawn il-pjattaformi, fornitura deċentralizzata u mhux ikkontrollata ta’ kontenut minn kwalunkwe utent tal-internet, dawn l-operaturi joħolqu riskju kunsiderevoli ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur mingħajr preċedent. Dan ir-riskju huwa mmultiplikat minħabba l-fatt li l-kontenut ippubblikat fuq dawn il-pjattaformi jinstab kullimkien u jista’ jiġi kkonsultat fl-istess ħin minn numru indefinit ta’ utenti tal-internet fid-dinja kollha (13). Id-detenturi tad-drittijiet jinvokaw ukoll id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom sabiex jieħdu azzjoni kontra l-utenti li jwettqu ksur bħal dan permezz ta’ dawn l-istess pjattaformi, minħabba l-insolvenza, l-anonimat jew il-lokalizzazzjoni tagħhom.

47.      L-argumenti tad-detenturi tad-drittijiet ma humiex limitati għar-riskju ta’ ksur iġġenerat mill-attività tal-operaturi bħal YouTube jew Cyando. Huma jikkritikaw b’mod iktar ġenerali lil dawn l-operaturi, u b’mod partikolari lil YouTube, talli bidlu radikalment, spejjeż għalihom, il-katina ta’ valur fl-ekonomija tal-kultura. Essenzjalment, id-detenturi tad-drittijiet isostnu li l-imsemmija operaturi jinkoraġġixxu lill-utenti tal-pjattaformi tagħhom sabiex iqiegħdu online kontenut attraenti, li fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikun protett mid-drittijiet tal-awtur. L-istess operaturi jimmonetizzaw dan il-kontenut għalihom stess b’mod partikolari permezz tar-reklamar (il-mudell “YouTube”) jew ta’ abbonamenti (il-mudell “Cyando”) u minn din il-monetizzazzjoni jiksbu profitti kunsiderevoli, mingħajr madankollu ma jakkwistaw liċenzji mingħand id-detenturi tad-drittijiet u, għaldaqstant, lanqas ma jagħtuhom remunerazzjoni. L-operaturi tal-pjattaformi b’hekk jimmonopolizzaw il-parti l-kbira tal-valur iġġenerat mill-imsemmi kontenut, għad-detriment tad-detenturi tad-drittijiet: dan huwa l-argument tal-value gap (distakk fil-valur), diskuss fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Direttiva 2019/790. Barra minn hekk, il-pjattaformi bħal YouTube jostakolaw il-possibbiltà, għad-detenturi tad-drittijiet, li jagħmlu sfruttament normali tax-xogħlijiet tagħhom. Fil-fatt, dawn il-pjattaformi jwasslu għal kompetizzjoni inġusta mal-midja tradizzjonali (kanali tar-radju u tat-televiżjoni, eċċ.) u mal-fornituri ta’ kontenut diġitali (Spotify, Netflix, eċċ.) li min-naħa tagħhom jixtru l-kontenut li jxandru mingħand id-detenturi tad-drittijiet bi ħlas, u li minħabba din il-kompetizzjoni inġusta, ikunu lesti li jħallsu lil dawn tal-aħħar inqas sabiex jibqgħu kompetittivi (14). Għalhekk, sabiex jiksbu l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tagħhom li d-dritt tal-Unjoni għandu l-għan li jipprovdilhom u ħlas xieraq għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom (15), id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu jistgħu jirrikorru għand l-operaturi tal-pjattaformi nnifishom.

48.      F’dan l-istadju, huwa utli li jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi li l-awturi jibbenefikaw mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu “kull komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet tagħhom, inkluż it-tqegħid ta’ dawn ix-xogħlijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li huwa jagħżel individwalment (16). Dan id-dritt esklużiv jiġi miksur meta xogħol protett jiġi kkomunikat lill-pubbliku minn terz mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtur tiegħu (17), ħlief jekk din il-komunikazzjoni taqa’ taħt waħda mill-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva (18).

49.      Issa, id-detenturi tad-drittijiet huma tal-fehma li l-operaturi bħal YouTube u Cyando jwettqu, flimkien mal-utenti tagħhom, il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet li dawn tal-aħħar iqiegħdu online. Konsegwentement, dawn l-operaturi għandhom jivverifikaw, għall-fajls kollha li dawn l-utenti jkollhom l-intenzjoni li jikkondividu, qabel it-tqegħid online tagħhom, jekk jinkludux xogħlijiet protetti, jiddeterminaw id-drittijiet eżistenti fuqhom u jiksbu huma stess, ġeneralment bi ħlas, liċenzja mingħand id-detenturi ta’ dawn id-drittijiet jew, fin-nuqqas ta’ dan, jimpedixxu dan it-tqegħid online. Kull meta dawn l-operaturi ma jissodisfawx dawn l-obbligi u b’riżultat ta’ dan, jiġu ppubblikati xogħlijiet b’mod illegali mill-pjattaformi tagħhom, huma jkunu direttament responsabbli għalihom, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għaldaqstant, dawn l-istess operaturi jkunu meħtieġa, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48, iħallsu d-danni lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati.

50.      YouTube u Cyando, sostnuti f’dan il-każ mill-Gvern Finlandiż u mill-Kummissjoni, iwieġbu li huma jikkostitwixxu biss intermedjarji li jipprovdu għodda li tippermetti lill-utenti tal-pjattaformi tagħhom li jikkomunikaw xogħlijiet lill-pubbliku. Għalhekk, ma humiex dawn l-operaturi, iżda l-imsemmija utenti, li jwettqu l-“komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta huma jqiegħdu online, permezz ta’ dawn il-pjattaformi, fajls li jinkludu xogħlijiet protetti. Għaldaqstant, dawn l-istess utenti jassumu r-responsabbiltà diretta fil-każ ta’ “komunikazzjoni” illegali. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija operaturi jqisu li huma jibbenefikaw mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Din id-dispożizzjoni teżentahom minn kull responsabbiltà li tista’ tirriżulta mill-fajls illegali li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tal-pjattaformi tagħhom, sakemm, essenzjalment, ma jkollhomx għarfien tagħhom jew, jekk ikun il-każ, ikunu neħħewhom fil-pront. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(1) ta’ dik id-direttiva, ma jistax jiġi impost fuq dawn l-istess operaturi l-obbligu ġenerali li jissorveljaw il-fajls li huma jaħżnu jew li jfittxu attivament fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali. YouTube u Cyando jqisu għalhekk li, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, huma ma humiex obbligati jikkontrollaw il-fajls kollha pprovduti mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom qabel ma jitqiegħdu online, iżda, essenzjalment, li jkunu suffiċjentement reattivi għan-notifiki tad-detenturi ta’ drittijiet li jindikaw l-illegalità ta’ wħud minnhom.

51.      F’dan il-kuntest, l-ewwel domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) għandhom l-għan li jiddeterminaw jekk l-attività tal-operaturi ta’ pjattaformi bħal YouTube u Cyando taqax taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. It-tieni domandi ta’ dik il-qorti għandhom l-għan li jiddeterminaw jekk dawn l-operaturi jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni tar-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 għall-fajls li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tagħhom. Dawn id-domandi huma relatati ħafna ma’ xulxin. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, permezz tad-Direttivi 2000/31 u 2001/29, jistabbilixxi qafas leġiżlattiv ċar f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-fornituri intermedjarji fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq livell tal-Unjoni (19). L-Artikolu 3(1) tal-ewwel direttiva u l-Artikolu 14(1) tat-tieni direttiva għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod konsistenti (20).

52.      Ser neżamina, waħda wara l-oħra, fit-Taqsimiet A u B ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (21).

A.      Fuq il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (l-ewwel domandi)

53.      Permezz tal-ewwel domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni tal-vidjos u l-operatur ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls iwettqux att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta utent tal-pjattaformi tagħhom iqiegħed online xogħol protett.

54.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li s-sens u l-portata tiegħu għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tal-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni, tal-kuntest li tagħmel parti minnu u tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva (22). Barra minn hekk, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu fit-testi tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni (23).

55.      Skont din il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jinvolvi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri att ta’ “komunikazzjoni” ta’ xogħol u “pubbliku” (24).

56.      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni” ikopri, kif tispeċifika l-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, kwalunkwe trażmissjoni (jew trażmissjoni mill-ġdid) ta’ xogħol lil pubbliku li ma kienx preżenti fil-post fejn oriġinat il-komunikazzjoni, irrispettivament mill-proċess tekniku użat (25). Fi kliem ieħor, persuna twettaq att ta’ “komunikazzjoni” meta tittrażmetti u b’hekk tagħmel perċettibbli xogħol (26) mill-bogħod (27). L-eżempju tipiku ta’ tali trażmissjoni huwa, kif tindika dik il-premessa, ix-xandir ta’ xogħol, filwaqt li t-terminu “trażmissjoni mill-ġdid” ikopri, b’mod partikolari, it-trażmissjoni mill-ġdid simultanja, bil-cable, bis-satellita jew fuq l-internet, ta’ trażmissjoni mxandra.

57.      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni” jinkludi, kif fakkart fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dak ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni”. Din l-aħħar kategorija tkopri, kif jippreċiżaw il-premessa 25 u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, it-trażmissjonijiet interattivi fuq talba, ikkaratterizzati mill-fatt li kulħadd jista’ jkollu aċċess għax-xogħol mill-post u fil-mument li jagħżel individwalment. Il-kunċett ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni” ikopri għalhekk il-fatt, għal persuna, li tagħti lil “pubbliku” il-possibbiltà li jkollu xogħol trażmess taħt dawn il-kundizzjonijiet, tipikament billi dan ix-xogħol jitqiegħed online fuq sit internet (28).

58.      Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “pubbliku” jirreferi għal numru “indeterminat” u “pjuttost kunsiderevoli” ta’ persuni. Għaldaqstant, dan il-kunċett ikopri persuni b’mod ġenerali, b’kuntrast ma’ persuni speċifiċi li jappartjenu lil grupp privat, u jinkludi ċertu limitu de minimis (29).

59.      F’dan il-każ, fid-dawl tal-premess, huwa inkontestabbli li, meta xogħol protett jiġi kondiviż online, minn pjattaforma bħal YouTube jew Uploaded, dan ix-xogħol jiġi magħmul “disponibbli għall-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

60.      Fil-fatt, meta vidjo li jkun fih xogħol protett jiġi ppubblikat fuq YouTube, kulħadd jista’ jikkonsultah permezz tal-“istreaming” minn dik il-pjattaforma, mill-post u fil-mument li jagħżel individwalment. L-istess japplika meta fajl li jkun fih xogħol jiġi ospitat fuq Uploaded u d-download link relatata miegħu tkun kondiviża liberament fuq sit tal-internet, f’kollezzjonijiet ta’ links, ta’ blogs jew inkella ta’ forums) (30). Fiż-żewġ każijiet, ix-xogħol huwa mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ “pubbliku” (31) irrispettivament mill-fatt li l-konsultazzjoni tiegħu jew it-tniżżil tiegħu isseħħ jew iseħħ fuq talba ta’ persuni individwali fil-kuntest ta’ trażmissjoni minn “wieħed għal wieħed”. Fil-fatt, għandu f’dan ir-rigward jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ persuni li jista’ jkollhom aċċess għalih b’mod parallel kif ukoll suċċessivament (32). Fl-ipoteżi invokata, ix-xogħol jista’ jiġi kkonsultat jew imniżżel, skont il-każ, mill-viżitaturi kollha, attwali u potenzjali, ta’ YouTube jew tas-sit internet li fuqu din il-link hija kondiviża, jew, manifestament, minn numru “indeterminat” u “pjuttost kbir” ta’ persuni (33).

61.      Konsegwentement, meta xogħol protett jiġi ppubblikat fuq l-internet, minn pjattaforma bħal YouTube jew Uploaded, minn terz, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtur tiegħu, u meta din il-pubblikazzjoni ma taqax taħt l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, minn dan jirriżulta ksur tad-dritt esklużiv ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jirrikonoxxi lil dan tal-aħħar.

62.      Madankollu, il-kwistjoni kollha hija li jkun magħruf min, minn fost l-utent li jqiegħed ix-xogħol inkwistjoni online, l-operatur tal-pjattaforma, jew dawn iż-żewġ persuni flimkien, iwettaq din il-“komunikazzjoni” u jassumi r-responsabbiltà eventwali tagħha.

63.      F’dan l-istadju, għandu jiġi ppreċiżat li F. Peterson u Elsevier ippreżentaw, fuq din il-kwistjoni, argumenti b’loġika differenti. Fil-fehma tagħhom, l-operaturi bħal YouTube u Cyando huma responsabbli skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 minħabba, l-ewwel nett, li jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-“komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet imqiegħda online mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom, b’tali mod li huma stess iwettqu din il-“komunikazzjoni”, sussegwentement, li huma konxji mill-fatt li dawn l-utenti qegħdin jikkondividu xogħlijiet protetti b’mod illegali u li, barra minn hekk, huma jinċitawhom deliberatament sabiex jagħmlu dan, u, finalment, huma negliġenti f’dan ir-rigward, peress li ma jirrispettawx ċerti obbligi ta’ diliġenza dovuta imposti fuqhom inkambju għar-riskju ta’ ksur li tiġġenera l-attività tagħhom (34).

64.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument jgħaqqad żewġ kwistjonijiet. Minn naħa, fil-każ li operaturi bħal YouTube u Cyando jwettqu l-“komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet li l-utenti tal-pjattaformi tagħhom jqiegħdu online, dawn l-operaturi potenzjalment għandhom responsabbiltà diretta (jew “primarja”) skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Il-punt dwar jekk dan huwiex il-każ jikkostitwixxi kwistjoni oġġettiva, bl-esklużjoni ta’ kunsiderazzjonijiet bħall-għarfien jew in-negliġenza. Fil-fatt, ir-risposta għal din il-mistoqsija tiddependi biss, bħala prinċipju, fuq jekk dawn iwettqux l-atti ta’ “komunikazzjoni” u jekk dawn l-atti jitwettqux mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awturi tax-xogħlijiet ikkonċernati. Fit-Taqsima 1, ser nesponi, filwaqt li nsegwi dan il-kuntest ta’ analiżi, u billi neżamina biss l-argumenti rilevanti, ir-raġunijiet li għalihom, bħala prinċipju, huma biss l-utenti li jqiegħdu online xogħlijiet protetti li jwettqu l-“komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ dawn ix-xogħlijiet. Ir-responsabbiltà primarja li tista’ tirriżulta minn din il-“komunikazzjoni” hija għalhekk, bħala regola ġenerali, ta’ dawn l-utenti biss.

65.      Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-operaturi bħal YouTube u Cyando humiex responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettqa mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom fuq il-bażi, pereżempju, li dawn l-operaturi kellhom għarfien tagħhom u deliberatament naqsu milli jieħdu azzjoni, li ħeġġew lil dawk l-utenti jwettqu ksur simili jew li kienu negliġenti f’dan ir-rigward ma taqax, fil-fehma tiegħi taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Kif ser nispjega fit-Taqsima 2, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja donnha interpretat din id-dispożizzjoni, fis-sentenzi GS Media (35), Stichting Brein I (“Filmspeler”) (36) u Stichting Brein II (“The Pirate Bay”) (37), fis-sens li tista’ tkopri r-responsabbiltà għal att ta’ terzi (imsejħa “aċċessorja”, “sussidjarja”, “sekondarja” jew inkella “indiretta”), inqis, fil-fehma tiegħi, li din ir-responsabbiltà ma hijiex, fir-realtà, armonizzata fid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, hija taqa’ taħt ir-regoli fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili previsti fid-dritt tal-Istati Membri. Sussidjarjament, ser neżamina, fit-Taqsima 3, l-attività tal-imsemmija operaturi fid-dawl tal-kuntest ta’ analiżi li tirriżulta minn dawn is-sentenzi u mill-argumenti relatati magħhom.

1.      Fuq il-fatt li operaturi ta’ pjattaformi bħal YouTube u Cyando ma jwettqux, bħala prinċipju, att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”

66.      Kif spjegajt fil-punti 55 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jikkorrispondi għat-trażmissjoni ta’ xogħol protett lil pubbliku. F’dan il-kuntest, att ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni” jikkonsisti fil-fatt li tiġi offruta lill-membri tal-pubbliku l-possibbiltà ta’ tali trażmissjoni, li tista’ ssir fuq talba tagħhom, mill-post u fil-mument li huma jagħżlu individwalment.

67.      Madankollu, kull trasferiment ta’ xogħol lil pubbliku jeħtieġ, bħala regola ġenerali, katina ta’ interventi mwettqa minn diversi persuni, involuti b’diversi modi u fi gradi differenti f’dan it-trasferiment. Pereżempju, il-possibbiltà, għat-telespettaturi, li jaraw xogħol imxandar fuq is-settijiet tat-televiżjoni tagħhom hija r-riżultat tal-isforzi kkombinati, b’mod partikolari, ta’ organizzazzjoni ta’ xandara, ta’ xandar jew ta’ diversi xandara, tal-operatur tan-network bla fili kif ukoll tal-persuni li jkunu pprovdew l-antenni u s-settijiet tat-televiżjoni ta’ dawn it-telespettaturi.

68.      Dawn l-interventi kollha ma jistgħux jitqiesu bħala atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Altrimenti, kwalunkwe ħolqa tal-katina tkun, irrispettivament min-natura tal-attività tagħha, responsabbli lejn l-awturi. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ tali interpretazzjoni estensiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża, fil-premessa 27 ta’ dik id-direttiva, li “[i]s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nnifisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-direttiva” (38).

69.      Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni, fi ħdan il-katina ta’ interventi inerenti f’kull trażmissjoni ta’ xogħol lil pubbliku, bejn il-persuna (39) li twettaq l-att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, u l-fornituri li, billi jipprovdu l-“faċilitajiet fiżiċi” li jippermettu t-twettiq ta’ din it-trażmissjoni, iservu bħala intermedjarji bejn din il-persuna u l-pubbliku (40).

70.      F’dan il-każ, jiena tal-fehma, bħal Google, Cyando, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni, li r-rwol tal-operaturi bħal YouTube u Cyando fil-“komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet imqiegħda online mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom huwa, bħala prinċipju, dak ta’ intermedjarju. L-oġġezzjoni ta’ F. Peterson, ta’ Elsevier kif ukoll tal-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż li dawn l-operaturi jmorru lil hinn minn dan ir-rwol tirrifletti, fil-fehma tiegħi, fehim żbaljat ta’ dak li jiddistingwi “sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi” minn att ta’ “komunikazzjoni”.

71.      Infakkar li l-prinċipji li jirregolaw din id-distinzjoni ġew stabbiliti mill-ewwel deċiżjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jiġifieri s-sentenza SGAE (41). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt, li lukandier jirċievi programm imxandar u jikkondividih, permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni, mal-klijenti li jkunu fil-kmamar tal-istabbiliment tiegħu jikkostitwixxi att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet inklużi f’din it-trażmissjoni. Għalkemm l-installazzjoni ta’ dawn is-settijiet tat-televiżjoni fil-kmamar kienet tikkostitwixxi, fiha nnifisha, “provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi”, l-intervent tal-lukandier ma kienx limitat għal din il-provvista biss. Fil-fatt, billi ddistribwixxa t-trażmissjoni mxandra fuq dawk is-settijiet, il-lukandier kien qiegħed jittrażmetti b’mod volontarju(42) x-xogħlijiet inklużi fiha lill-klijenti tiegħu, li ma kinux biss “pubbliku”, iżda wkoll “pubbliku ġdid”, jiġifieri lil persuni li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awturi ta’ dawn ix-xogħlijiet meta awtorizzaw ix-xandir tagħhom (43) li, għalkemm kienu ġewwa ż-żona ta’ riċezzjoni tat-trażmissjoni, ma setgħux, bħala prinċipju, igawdu minn dawn ix-xogħlijiet mingħajr l-intervent tiegħu (44).

72.      Minn dik is-sentenza jirriżulta li, meta xogħol jiġi trażmess lil pubbliku, il-persuna li twettaq l-att ta’ “komunikazzjoni”, għall-kuntrarju ta’ dawk li “jipprovdu l-faċilitajiet fiżiċi”, hija dik li tintervjeni volontarjament sabiex tittrażmetti dan ix-xogħol lil pubbliku b’tali mod li, fl-assenza tal-intervent tagħha, dan il-pubbliku ma jkunx jista’ jgawdi minnu. B’dan l-aġir, dik il-persuna għandha, sabiex nuża l-kunċett stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, “rwol indispensabbli” (45) f’din it-trażmissjoni.

73.      Din l-ispjegazzjoni tista’ tinftiehem ħażin. B’mod assolut, kwalunkwe intermedjarju għandu rwol importanti, jew saħansitra essenzjali, f’tali trażmissjoni, peress li huwa wieħed mill-ħoloq tal-katina li tippermetti t-twettiq tagħha. Madankollu, ir-rwol tal-persuna inkwistjoni huwa iktar fundamentali. Ir-rwol tagħha huwa “indispensabbli” ladarba hija din il-persuna li tiddeċiedi li tittrażmetti xogħol partikolari lil pubbliku u li tibda b’mod attiv din il-“komunikazzjoni”.

74.      Għall-kuntrarju, il-fornituri intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw sabiex jippermettu jew iwettqu “komunikazzjoni” ma jiddeċidux, minn jeddhom, li jittrażmettu xogħlijiet lil pubbliku. Huma jsegwu, f’dan ir-rigward, l-istruzzjonijiet mogħtija mill-utenti tas-servizzi tagħhom. Dawn tal-aħħar jiddeċiedu li jittrażmettu kontenut iddeterminat u jibdew b’mod attiv il-“komunikazzjoni” tagħhom, billi jipprovdu dan il-kontenut lill-intermedjari u billi jqiegħduh, b’dan il-mod, fi proċess li jwassal għat-trażmissjoni tiegħu lil “pubbliku” (46). Għaldaqstant, bħala prinċipju, huma l-utenti li unikament għandhom ir-“rwol indispensabbli” imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja u jwettqu l-atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”. Mingħajr l-intervent tagħhom, l-intermedjarji ma jkollhom xejn x’jittrażmettu u l-“pubbliku” ma jkunx jista’ jgawdi mix-xogħlijiet inkwistjoni (47).

75.      Għall-kuntrarju, fornitur ta’ servizzi jmur lil hinn mir-rwol ta’ intermedjarju meta jintervjeni b’mod attiv fil-“komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet (48). Minn naħa, dan huwa l-każ jekk dan il-fornitur jagħżel il-kontenut trażmess, jiddeterminah b’mod ieħor, jew saħansitra jippreżentah lill-pubbliku b’tali mod li jidher li huwa tiegħu (49). F’dawn is-sitwazzjonijiet, dan il-fornitur iwettaq, flimkien mat-terz li inizjalment ipprovda l-kontenut, il-“komunikazzjoni” (50). Dan huwa l-każ, min-naħa l-oħra, jekk dan l-istess fornitur jagħmel, fuq inizjattiva tiegħu stess, użu sussegwenti tal-imsemmija “komunikazzjoni”, billi jittrażmettiha mill-ġdid lil “pubbliku ġdid” jew b’“teknika differenti” (51). F’dawn l-ipoteżijiet kollha, fornitur ta’ servizzi ma jkunx qiegħed sempliċement “jipprovdi faċilitajiet fiżiċi”, fis-sens tal-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29. Fir-realtà, ikun qed jaqdi “rwol indispensabbli” (52) ladarba jiddeċiedi, minn jeddu, li jikkomunika xogħol partikolari lil pubbliku (53).

76.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu F. Peterson u l-Gvern Ġermaniż, is-sempliċi fatt li pjattaformi bħal YouTube jew Uploaded jippermettu lill-pubbliku li jaċċessa xogħlijiet protetti ma jimplikax li l-operaturi tagħhom iwettqu l-“komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ dawn ix-xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (54).

77.      Fil-fatt, qabelxejn, kif isostnu Google u l-Gvern Finlandiż, sa fejn ix-xogħlijiet inkwistjoni tqiegħdu online mill-utenti ta’ dawn il-pjattaformi (55), dawn tal-aħħar għandhom ir-“rwol indispensabbli” fit-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Dawn l-utenti ddeċidew li jikkomunikaw dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku permezz tal-imsemmija pjattaformi, billi għamlu l-għażla xierqa fil-każ ta’ YouTube, u billi kkondividew id-download links korrispondenti fuq l-internet fil-każ ta’ Uploaded (56). Mingħajr l-intervent tagħhom, l-operaturi ta’ dawn l-istess pjattaformi ma jkollhom xejn x’jittrażmettu u l-pubbliku ma jkunx jista’ jgawdi mill-imsemmija xogħlijiet.

78.      Sussegwentement, infakkar li l-proċess ta’ tqegħid online ta’ fajl fuq pjattaforma bħal YouTube jew Uploaded, ladarba mibdi mill-utent, jitwettaq b’mod awtomatiku (57), mingħajr ma l-operatur ta’ din il-pjattaforma ma jagħżel jew jiddetermina b’mod ieħor il-kontenut ippubblikat fuqha. Nippreċiża li kontroll eventwali minn qabel imwettaq minn dan l-operatur, jekk ikun meħtieġ b’mod awtomatizzat, ma jikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, għażla (58) sa fejn dan il-kontroll jillimita ruħu għall-iskoperta tal-kontenut illegali u għalhekk ma jirriflettix ir-rieda tal-imsemmi operatur li jikkomunika ċertu kontenut (u mhux ieħor) lill-pubbliku (59).

79.      Fl-aħħar nett, dawn l-istess operaturi ma jagħmlux użu sussegwenti mill-“komunikazzjonijiet lill-pubbliku” mibdija mill-utenti tagħhom sa fejn huma ma jittrażmettux mill-ġdid ix-xogħlijiet ikkonċernati lil “pubbliku ġdid” jew skont “metodu tekniku differenti”(60). Hemm biss, bħala prinċipju, “komunikazzjoni” waħda, dik deċiża mill-utenti inkwistjoni.

80.      Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li operaturi bħal YouTube u Cyando jillimitaw ruħhom, bħala prinċipju, li jipprovdu “faċilitajiet fiżiċi”, kif previst fil-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, li jippermettu lill-utenti tal-pjattaformi tagħhom iwettqu l-“komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ xogħlijiet iddeterminati minnhom. Fil-fehma tiegħi, l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jqiegħed f’dubju din l-interpretazzjoni.

81.      L-ewwel nett, kuntrarjament għal F. Peterson, Elsevier kif ukoll għall-Gvern tal-Ġermanja u dak ta’ Franza, inqis li la l-fatt li operatur bħal YouTube jistruttura l-mod kif il-vidjos imqiegħda online mill-utenti huma ppreżentati fuq il-pjattaforma, billi jinkludihom f’interface standard ta’ viżwalizzazzjoni u billi jindiċjahom taħt taqsimiet differenti, u lanqas il-fatt li dan l-operatur jipprovdi funzjoni ta’ tfittxija u jipproċessa r-riżultati ta’ tfittxija, miġbura fil-qosor fuq il-paġna ewlenija taħt il-forma ta’ klassifikazzjoni tal-vidjos f’diversi kategoriji, ma huma rilevanti (61).

82.      F’dan ir-rigward, nosserva li din l-istruttura ta’ preżentazzjoni u dawn il-funzjonijiet differenti huma intiżi sabiex jirrazzjonalizzaw l-organizzazzjoni tal-pjattaforma, sabiex jiffaċilitaw l-użu tagħha u, b’dan il-mod, sabiex jottimizzaw l-aċċess għall-vidjos ospitati. Issa, ir-rekwiżit, implikat fil-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, li fornitur ta’ servizzi ma jwettaqx att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” sakemm jillimita ruħu għal “sempliċi” provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi ma jfissirx, fil-fehma tiegħi, li dan il-fornitur ma jistax jottimizza l-aċċess għall-kontenut trażmess billi jorganizza s-servizz tiegħu. (62) Fil-fatt, xejn ma jeżiġi li l-“faċilità fiżika” tkun, fiha nnifisha, “sempliċi”. Kif naraha jiena, il-fatt li pjattaforma online għandha ċertu grad għoli ta’ sofistikazzjoni, bl-għan li jiġi ffaċilitat l-użu tagħha, ma huwiex rilevanti. Il-limitu li l-fornitur ma jistax jaqbeż, fil-fehma tiegħi, huwa dak tal-intervent attiv fil-komunikazzjoni tax-xogħlijiet lill-pubbliku, kif previst fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

83.      Issa, struttura ta’ preżentazzjoni u ta’ funzjonijiet bħal dawn ma humiex, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li juru li l-operatur qed jaqbeż dan il-limitu. Dawn ma jindikawx b’mod partikolari li huwa jiddetermina l-kontenut li l-utenti jqiegħdu online fuq il-pjattaforma. Il-fatt li jottimizza l-aċċess għall-kontenut ma jistax, b’mod partikolari, jiġi konfuż mal-fatt li l-kontenut fih innifsu jiġi ottimizzat. L-operatur jiddetermina l-kontenut tiegħu biss fit-tieni każ. (63). Barra minn hekk, il-fatt li pjattaforma bħal YouTube tinkludi interface ta’ viżwalizzazzjoni standard ma jippermettix, fil-fehma tiegħi, li jiġi konkluż li l-operatur tagħha jippreżenta l-kontenut lill-pubbliku b’tali mod li jidher li huwa tiegħu, sa fejn din l-interface tindika, għal kull vidjo, liema utent qiegħdu online.

84.      It-tieni nett, il-fatt li, fuq pjattaforma bħal YouTube, l-utenti rreġistrati jkollhom ħarsa ġenerali ta’ “vidjos rakkomandati” lanqas ma huwa determinanti fil-fehma tiegħi. Xejn ma jikkontesta l-fatt li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jaffettwaw il-kontenut ikkonsultat minn dawn l-utenti. Madankollu, sa fejn l-imsemmija rakkomandazzjonijiet huma ġġenerati b’mod awtomatiku, abbażi tal-vidjos li l-utent inkwistjoni ra qabel, u għandhom biss l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess ta’ dan l-utent għal vidjos analogi, dawn ma jirriflettux deċiżjoni tal-operatur li jikkomunika xogħol partikolari lil pubbliku. Fi kwalunkwe każ, jibqa’ l-fatt li dan l-operatur ma jiddeterminax, minn qabel, liema xogħlijiet ikunu disponibbli fuq il-pjattaforma tiegħu.

85.      It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu F. Peterson u Elsevier, il-fatt li operatur bħal YouTube jistipula, fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tal-pjattaforma tiegħu, li kull utent jagħtih liċenzja operattiva dinjija, mhux esklużiva u mingħajr ħlas fuq il-vidjos li huwa jqiegħed online ma jikkontestax l-interpretazzjoni li qed nissuġġerixxi. Fil-fatt, din it-tip ta’ stipulazzjoni (64), li tawtorizza lill-operatur tal-pjattaforma jxandar il-kontenut imqiegħed online mill-utenti tiegħu, u li permezz tagħha huwa jippretendi, barra minn hekk, li jikseb b’mod awtomatiku u sistematiku drittijiet fuq dan il-kontenut kollu (65), ma jurix, fih innifsu, li dan l-operatur jintervjeni b’mod attiv fil-“komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet, kif previst fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, peress li din l-istipulazzjoni tapplika, preċiżament, b’mod sistematiku u awtomatiku għal kwalunkwe kontenut imqiegħed online, hija ma tindikax li l-imsemmi operatur jiddeċiedi dwar il-kontenut trażmess. Min-naħa l-oħra, meta dan l-istess operatur juża mill-ġdid, skont l-imsemmija liċenzja, il-kontenut imqiegħed online mill-utenti tal-pjattaforma (66), huwa jwettaq, f’dan ir-rigward, atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”.

86.      Ir-raba’ nett, lanqas ma jikkonvinċini l-argument ta’ F. Peterson u ta’ Elsevier li l-mudell ekonomiku adottat minn operaturi bħal YouTube jew Cyando juri li dawn tal-aħħar ma humiex limitati għal “provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi”, fis-sens tal-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, iżda jwettqu l-“komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet imqiegħda online mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li r-remunerazzjoni rċevuta minn dawn l-operaturi, iġġenerata b’mod partikolari permezz tal-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar (mudell “YouTube”) jew ta’ abbonamenti (mudell “Cyando”), ma hijiex il-korrispettiv ta’ servizz tekniku — dawn tal-aħħar, b’mod partikolari, ma jitolbux ħlas lill-utenti għall-ispazju ta’ ħażna bħala tali — iżda tiddependi fuq l-attrazzjoni tal-kontenut imqiegħed online fuq il-pjattaformi tagħhom. Fil-fatt, fil-każ ta’ YouTube, id-dħul mir-reklamar miġbur huwa iktar importanti peress li l-frekwentazzjoni tal-pjattaforma hija għolja u, fil-każ ta’ Cyando, il-prospettiva li jkun jista’ jitniżżel faċilment kontenut attraenti twassal lill-utenti sabiex jabbonaw.

87.      B’mod ġenerali, l-iskop ta’ lukru mfittex minn fornitur ta’ servizzi huwa, fil-fehma tiegħi, element ta’ utilità għalkollox relattiva sabiex issir distinzjoni bejn l-atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” u tali “provvista”. Minn naħa, infakkar li, wara riflessjoni (67), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Reha Training (68), ġustament, fil-fehma tiegħi, li n-natura lukrattiva ma hijiex kriterju tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, iżda tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ remunerazzjoni jew kumpens eventwali dovut lill-awtur għal tali “komunikazzjoni” (69). Għalhekk, in-natura lukrattiva tista’, l-iktar, tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ tali “komunikazzjoni” (70). Mandankollu, l-iskop ta’ lukru mfittex minn fornitur ta’ servizzi huwa indizju inqas utli sabiex issir tali distinzjoni, peress li, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ “faċilità fiżika” li tippermetti li titwettaq “komunikazzjoni lill-pubbliku”, hija, bħala regola ġenerali, magħmula għal dan il-għan (71). B’mod partikolari, il-parti l-kbira tal-intermedjarji online jipprovdu s-servizzi tagħhom bi ħlas.

88.      B’mod iktar speċifiku, il-fatt li r-remunerazzjoni miġbura mill-operaturi bħal YouTube u Cyando tiddependi fuq l-attrazzjoni tal-kontenut ippubblikat permezz tal-pjattaformi tagħhom mill-utenti tagħhom ma jippermettix li jiġi konkluż li dawn l-operaturi jwettqu huma stess il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet li jistgħu jinsabu fiha. Infakkar li l-kriterju deċiżiv, fil-fehma tiegħi, huwa jekk il-fornitur ta’ servizzi jintervjenix b’mod attiv f’din il-“komunikazzjoni”, kif spjegat fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, kif naraha jiena, dan il-fatt waħdu ma jippermettix li dan jintwera (72).

89.      L-interpretazzjoni li qed nissuġġerixxi hija kkonfermata, fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-dritt tat-trade marks. F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza Google France, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, bħala Awla Manja, li l-użu, bħala kliem prinċipali fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzjar fuq l-internet, bħas-servizz AdWords ipprovdut minn Google, ta’ sinjali identiċi jew simili għal trade marks, mingħajr awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tagħhom, jikkostitwixxi użu pprojbit ta’ dawn it-trade marks, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dan l-użu jsir mill-utent tas-servizz ta’ referenzjar, li għażel dawn is-sinjali bħala kliem prinċipali, u mhux mill-fornitur tas-servizz, li sempliċement jagħtih il-mezzi sabiex jagħmel dan. Il-fatt li dan il-fornitur jitħallas mill-klijenti tiegħu għall-użu ta’ dawn is-sinjali huwa irrilevanti. Fil-fatt, għall-Qorti tal-Ġustizzja, “il-fatt li joħloq il-kundizzjonijiet tekniċi neċessarja għall-użu ta’ sinjal u li jitħallas għal dan is-servizz, ma jfissirx li min joffri dan is-servizz jagħmel huwa nnifsu użu mill-imsemmi sinjal” (73).

90.      B’mod simili, fis-sentenza L’Oréal vs eBay, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, mill-ġdid bħala Awla Manja, li l-użu, f’offerti għall-bejgħ ippubblikati fuq suq online, ta’ sinjali li jikkorrispondu għal trade marks, mingħajr awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tagħhom, jikkostitwixxi użu pprojbit ta’ dawn it-trade marks. Madankollu, għal darb’oħra, dan l-użu ma jsirx mill-operatur tas-suq, iżda mill-utenti li ppubblikaw dawk l-offerti għall-bejgħ. Fil-fatt, sa fejn dan l-operatur jillimita ruħu li jippermetti lill-utenti tas-servizz tiegħu jqiegħdu online tali offerti għall-bejgħ u, jekk ikun il-każ, li jużaw dawn is-sinjali f’dan il-post tas-suq, ma jkunx qed jagħmel huwa stess użu minn dawn is-sinjali (74).

91.      Issa, huwa paċifiku li, b’mod partikolari, eBay tistruttura l-preżentazzjoni ġenerali tal-avviżi tal-utenti bejjiegħa tagħha, tindiċjahom f’taqsimiet differenti u twettaq funzjoni ta’ riċerka. Dan l-operatur jirrakkomanda, b’mod awtomatiku, lill-utenti xerrejja offerti analogi għal dawk li jkunu kkonsultaw preċedentement. Barra minn hekk, ir-remunerazzjoni tal-operaturi inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Google France u L’Oréal vs eBay tiddependi fuq l-attrazzjoni tal-kontenut ipprovdut mill-utenti tas-servizzi tagħhom. Google, fil-kuntest tas-servizz AdWords, titħallas skont in-numru ta’ klikks fuq il-links pubbliċitarji li jużaw il-kliem prinċipali magħżul mill-utenti li jirreklamaw (75). eBay tirċievi perċentwali mit-tranżazzjonijiet li jsiru minn offerti għall-bejgħ imqiegħda fil-post tas-suq tagħha (76). Jidher li dawn iċ-ċirkustanzi differenti ma kinux determinanti, jew saħansitra rilevanti, f’għajnejn il-Qorti tal-Ġustizzja, li lanqas biss semmiethom fir-raġunament tagħha. Għalhekk, nistaqsi dwar ir-raġunijiet għalfejn dawn għandhom jingħataw, f’dawn il-kawżi, l-importanza li jissuġġerixxu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali (77).

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domandi li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos u l-operatur ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls ma jwettqux att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta utent tal-pjattaformi tagħhom iqiegħed fihom online xogħol protett.

93.      Konsegwentement, dawk l-operaturi ma jistgħux jinżammu direttament responsabbli, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta terzi jqiegħdu xogħlijiet protetti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz tal-pjattaformi tagħhom, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet – u mingħajr ma hija applikabbli eċċezzjoni jew limitu. Din il-konklużjoni ma teskludix li tista’ tirriżulta, għall-imsemmija operaturi, forma ta’ responsabbiltà sekondarja. Din il-kwistjoni għandha madankollu tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili previsti mill-Istati Membri, li għandhom josservaw il-limiti imposti mill-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31 (78).

2.      Fuq il-fatt li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jirregolax ir-responsabbiltà sekondarja tal-persuni li jiffaċilitaw it-twettiq, minn terzi, ta’ atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” illegali

94.      B’mod preliminari, ta’ min ifakkar, qabelxejn, li, fis-sentenza GS Media, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod konformi mas-sentenza tagħha Svensson et (79), li t-tqegħid fuq sit internet ta’ hyperlinks li jirreferu għal xogħlijiet ippubblikati b’mod illegali fuq sit tal-internet ieħor jista’ jikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, bit-tqegħid ta’ tali links, persuna taqdi “rwol indispensabbli” ladarba tagħti lill-pubbliku “aċċess dirett” għax-xogħlijiet ikkonċernati. Madankollu, tali tqegħid ta’ links jikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku” biss jekk jintwera li l-persuna li tkun għamlitu kienet taf jew kellha tkun taf li dawk il-links jagħtu aċċess għal xogħlijiet ippubblikati illegalment, b’dan l-għarfien għandu jiġi preżunt meta din il-persuna jkollha skop ta’ lukru (80).

95.      Imbagħad, fis-sentenza Stichting Brein I (“Filmspeler”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-bejgħ ta’ multimedia player li fuqu ġew installati minn qabel moduli addizzjonali li jinkludu hyperlinks li jirreferu għal siti tal-internet li jxandru xogħlijiet protetti permezz ta’ streaming, b’mod illegali, jikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-bejjiegħ ta’ dan il-player ma llimitax ruħu għal “sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi” iżda kellu, għall-kuntrarju, “rwol indispensabbli” fil-komunikazzjoni tax-xogħlijiet minħabba li, mingħajr il-moduli addizzjonali li huwa kien installa minn qabel fl-imsemmi player, ix-xerrejja ta’ dan l-istess player “ikunu biss diffiċilment jistgħu jgawdu x-xogħlijiet protetti”, peress li s-siti ta’ xandir bi streaming ikkonċernati ma humiex faċilment identifikabbli mill-pubbliku. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li l-bejjiegħ tal-imsemmi player kellu għarfien tal-fatt li dawn il-moduli addizzjonali kienu jippermettu l-aċċess għal xogħlijiet trażmessi fuq l-internet b’mod illegali (81).

96.      Fl-aħħar nett, fis-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni ta’ pjattaforma tal-internet, li taħżen u tidentifika fajls torrent, imqiegħda online mill-utenti tagħha, jikkostitwixxu “komunikazzjoni lill-pubbliku”, li tippermetti lil dawn tal-aħħar jikkondividu u jniżżlu xogħlijiet protetti fil-kuntest ta’ network peer-to-peer. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-amministraturi ta’ din il-pjattaforma ma llimitawx ruħhom għal “sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi” iżda kellhom “rwol indispensabbli” fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet minħabba li kienu joffru, fuq il-pjattaforma, diversi mezzi, fosthom funzjoni ta’ tfittxija u indiċi tal-fajls torrent ospitati, li jiffaċilitaw il-lokalizzazzjoni ta’ dawn il-fajls. Għalhekk, mingħajr l-intervent tagħhom, “l-utenti ma jkunux jistgħu jaqsmu l-imsemmija xogħlijiet bejniethom jew, tal-inqas, il-qsim tagħhom fuq l-internet jirriżulta li jkun iktar kumpless”. Hemmhekk ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-fatt li l-amministraturi tal-imsemmija pjattaforma kellhom għarfien tal-fatt li x-xogħlijiet kienu ġeneralment qegħdin jiġu kondiviżi permezz ta’ din l-istess pjattaforma b’mod illegali (82).

97.      Bħala prinċipju, kif spjegajt fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif tindika l-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 u kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi (83), “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, tikkorrispondi għat-trażmissjoni ta’ xogħol lil pubbliku. Din il-premessa tippreċiża, barra minn hekk, li “[d]an id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor”. Jekk, fl-ipoteżi ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li l-persuna inkwistjoni tagħti lill-pubbliku aċċess għax-xogħol, dan l-aċċess għandu jimplika, kif ippreċiżajt fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-possibbiltà ta’ trażmissjoni ta’ dan ix-xogħol, li sseħħ fuq talba ta’ membru tal-pubbliku.

98.      Madankollu, ebda wieħed mill-atti inkwistjoni fit-tliet sentenzi eżaminati f’din it-taqsima ma jikkonsistu, fil-fehma tiegħi, fit-trażmissjoni, attwali jew potenzjali, ta’ xogħol lil pubbliku. Is-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”) tipprovdi, f’dan ir-rigward, l-eżempju l-iktar rappreżentattiv. Peress li x-xogħlijiet kondiviżi fuq in-network peer-to-peer ma kinux ippubblikati fuq il-pjattaforma kontenzjuża, l-amministraturi tagħha ma kinux, materjalment, f’pożizzjoni li jittrażmettuhom lill-pubbliku. Fir-realtà, din il-pjattaforma kienet sempliċement tiffaċilita t-trażmissjonijiet imwettqa mill-utenti tagħha fuq dan in-network (84). L-istess japplika fis-sentenzi GS Media u Stichting Brein I (“Filmspeler”). It-tqegħid tal-hyperlinks u l-bejgħ tal-multimedia player inkwistjoni f’dawk is-sentenzi kienu jiffaċilitaw l-aċċess għax-xogħlijiet illegalment imqiegħda online fuq is-siti internet inkwistjoni (85).

99.      Fil-qosor, fil-fehma tiegħi, f’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja daħħlet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 atti li, strettament, ma jikkostitwixxux trażmissjonijiet ta’ xogħlijiet, iżda li jiffaċilitaw it-twettiq ta’ tali trażmissjonijiet illegali minn terzi (86).

100. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawk l-istess sentenzi, integrat fil-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” kriterju marbut mal-għarfien tal-illegalità. Issa, kif sostnew Elsevier u l-Gvern Franċiż, bħala prinċipju, dan il-kunċett ma jinvolvix tali kriterju. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod kostanti, li l-eżistenza ta’ tali “komunikazzjoni” tippreżupponi li l-persuna kkonċernata tintervjeni “b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tagħha”, “b’mod deliberat”, b’mod “intenzjonat” jew b’mod “immirat” xogħol lil pubbliku (87), dan il-kliem differenti huwa intiż fil-fehma tiegħi sabiex jindika, bħala prinċipju, li, kif spjegajt fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-imsemmi kunċett jimplika rieda li jiġi trażmess xogħol lil pubbliku (88). Din il-kwistjoni hija a priori differenti mill-punt dwar jekk il-persuna li twettaq il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ xogħol mingħajr awtorizzazzjoni tal-awtur għandhiex għarfien tal-fatt li tali “komunikazzjoni” hija, bħala prinċipju, illegali.

101. F’dan ir-rigward, kif spjegajt fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-eżistenza ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” hija, bla ħsara għad-differenza indikata fil-punt preċedenti, ġeneralment meqjusa bħala fatt oġġettiv. In-natura legali jew illegali ta’ din il-“komunikazzjoni” lanqas ma tiddependi, bħala prinċipju, mill-għarfien tal-persuna li twettaqha, iżda essenzjalment fuq il-punt dwar jekk l-awtur awtorizzax l-imsemmija “komunikazzjoni” (89). Min-naħa l-oħra, l-għarfien ta’ din il-persuna jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-istadju tas-sanzjonijiet u tar-rimedji li għalihom din tista’ tiġi kkundannata. B’mod partikolari, mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li persuna li kisret dritt tal-proprjetà intellettwali u li kienet taf jew b’raġunijiet validi li suppost kienet taf għandha l-obbligu li tħallas lid-detentur tad-dritt danni skont il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-ksur. Għall-kuntrarju, meta persuna twettaq tali preġudizzju u ma kinitx taf jew kienet taf imma kellha raġjunijiet validi, tista’ tingħata kundanna inqas oneruża, fil-forma tal-irkupru tal-profitti li tkun għamlet jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel (90).

102. B’dan stabbilit, il-fatt li persuna – b’mod partikolari intermedjarju li jipprovdi servizz – xjentement tiffaċilita t-twettiq minn terzi ta’ atti ta’ “komunikazzjonijiet lill-pubbliku” illegali jikkostitwixxi aġir kundannabbli. Madankollu, huwa ġeneralment aċċettat li din hija kwistjoni ta’ responsabbiltà sekondarja, li taqa’ taħt ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili previsti mill-Istati Membri (91). Din ir-responsabbiltà sekondarja għall-okkorrenzi ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettqa minn terzi timplika wkoll, ġeneralment, element morali bħall-għarfien tal-illegalità jew tal-intenzjoni (92).

103. Issa, fil-fehma tiegħi, peress li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jarmonizza l-kontenut materjali tad-dritt ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, huwa jiddetermina l-atti li jaqgħu taħt dan id-dritt esklużiv u, f’dan ir-rigward, ir-responsabbiltà primarja li jġorru dawk li jwettqu tali atti b’mod illegali. Min-naħa l-oħra, ma hemm ebda element fil-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni jew fid-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dik id-direttiva li jissuġġerixxi li din hija intiża sabiex tirregola kwistjonijiet ta’ responsabbiltà sekondarja (93). Dan huwa iktar notevoli, peress li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jixtieq li dawn il-kwistjonijiet ikunu koperti mill-atti li jadotta, huwa ma jonqosx li jispeċifika dan (94).

104. Għal dawn ir-raġunijiet, għandi riżervi fir-rigward tar-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi GS Media, Stichting Brein I (“Filmspeler”) u Stichting Brein II (“The Pirate Bay”). Indipendentement mill-punt dwar jekk huwiex mixtieq li tkun teżisti fil-livell tal-Unjoni soluzzjoni uniformi għall-aġir tal-persuni li jiffaċilitaw deliberatament it-twettiq ta’ atti illegali minn terzi, u anki jekk stess din l-uniformità tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, fl-opinjoni tiegħi, jibqa’ l-fatt li, fl-istat attwali tiegħu, id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix dan (95). Huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jinkludi sistema ta’ responsabbiltà sekondarja fid-dritt tal-Unjoni.

105. Ninsisti fuq il-fatt li t-tqegħid ta’ hyperlinks li jirreferu għal xogħlijiet ippubblikati illegalment fuq sit internet, imwettaq b’għarfien sħiħ ta’ din l-illegalità, il-bejgħ ta’ media player bħal “Filmspeler” u l-ġestjoni ta’ pjattaforma bħal “The Pirate Bay” għandhom ċertament jiġu ssanzjonati. Madankollu, ma huwiex neċessarju li dan l-aġir jiddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat. Fil-fehma tiegħi, tweġiba għal dawn l-atti tista’, u għandha, tinstab fid-dritt ċivili tal-Istati Membri, jew saħansitra fid-dritt kriminali ta’ dawn tal-aħħar. L-interpretazzjoni li qed nissuġġerixxi għalhekk ma tħallix lill-awturi neqsin f’dan ir-rigward.

106. Mill-bqija, infakkar li, fis-sentenzi Google France u L’Oréal vs eBay, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li ma testendix, fil-qasam tad-dritt tat-trade marks, il-kamp tar-responsabbiltà primarja għall-aġir tal-intermedjarji li jistgħu jikkontribwixxu għall-ksur tat-trade marks imwettaq mill-utenti tas-servizzi tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet din il-kwistjoni, ġustament, għar-regoli fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili previsti mill-Istati Membri u għal-limiti imposti mid-Direttiva 2000/31 (96). Għalhekk, nistaqsi dwar il-ħtieġa li wieħed jitbiegħed minn tali approċċ fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, peress li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha, f’dawn iż-żewġ oqsma, livell ta’ armonizzazzjoni analogu u ssegwi l-istess għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.

3.      Sussidjarjament — fuq il-punt dwar jekk operaturi bħal YouTube u Cyando jiffaċilitawx deliberatament it-twettiq ta’ atti illegali minn terzi

107. Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis opportun li tapplika, f’dawn il-kawżi, il-kuntest ta’ analiżi segwit fis-sentenzi GS Media, Stichting Brein I (“Filmspeler”) u Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), minkejja r-riżervi li esponejt fit-taqsima preċedenti, jiena nipprovdi, sussidjarjament, eżami ta’ dawn il-kawżi fid-dawl ta’ dak il-kuntest ta’ analiżi.

108. Skont l-interpretazzjoni tiegħi ta’ dawk is-sentenzi, l-intervent ta’ persuna fit-trażmissjoni ta’ xogħol lil pubbliku, minbarra dik li, wara li tkun iddeċidiet dwar dik it-trażmissjoni, twettaq strettament l-att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, għandu jiġi assimilat għal tali att ta’ “komunikazzjoni” jekk jiġu ssodisfatti żewġ kriterji.

109. Minn naħa, il-persuna inkwistjoni għandu jkollha “rwol indispensabbli” fl-imsemmija trażmissjoni. Skont it-tifsira adottata għalih fl-imsemmija sentenzi, dan ir-“rwol” huwa kkaratterizzat meta din il-persuna tiffaċilita din it-trażmissjoni (97). F’dan il-każ, dan il-kriterju huwa ssodisfatt b’mod ċar fil-każ ta’ operaturi bħal YouTube u Cyando.

110. Min-naħa l-oħra, l-intervent tal-imsemmija persuna għandu jkun “intenzjonat”, mifhum fis-sens li jrid ikollha għarfien tal-illegalità tal-komunikazzjoni li hija tiffaċilita. Il-mod kif dan il-kriterju għandu jiġi interpretat f’dawn il-kawżi huwa ħafna inqas evidenti. Il-problema kollha tirriżulta mill-assenza ta’ qafas, fid-dritt tal-Unjoni, dwar dan l-element morali. Għalhekk huwa possibbli biss li nispekula, billi nispira ruħi mill-indikazzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenzi GS Media, Stichting Brein I (“Filmspeler”) u Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), mill-ġurisprudenzi nazzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà sekondarja u mil-loġika li tirriżulta mill-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw il-fornituri intermedjarji, skont l-Artikolu 14(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/31, sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni tar-responsabbiltà prevista f’dik id-dispożizzjoni (98).

111. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat, mingħajr wisq diffikultà, kif issostni l-qorti tar-rinviju, u kif issostni l-Kummissjoni, li operatur bħal YouTube jew Cyando jintervjeni “deliberatament” fil-“komunikazzjoni lill-pubbliku” illegali ta’ xogħol partikolari, imwettqa permezz tal-pjattaforma tiegħu, meta huwa kellu għarfien jew kien konxju tal-eżistenza tal-fajl li jinkludi x-xogħol inkwistjoni, b’mod partikolari jekk dan kien ġie nnotifikat lilu, u li dan l-operatur ma aġixxiex fil-pront, mill-mument li fih huwa kiseb tali għarfien jew konoxxenza, sabiex jirtira dak il-fajl jew jagħmel l-aċċess għalih impossibbli (99). Fil-fatt, f’każ bħal dan, jista’ jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli li, billi naqas milli jaġixxi meta kellu s-setgħa li jagħmel dan, l-operatur approva din il-“komunikazzjoni” illegali jew wera negliġenza manifesta fir-rigward tagħha. Il-punti dwar f’liema ċirkustanzi operatur jakkwista tali għarfien jew konoxxenza u jekk, jekk ikun il-każ, aġixxiex “fil-pront” għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu ddeterminati fid-dawl tal-istess prinċipji bħal dawk applikati fil-kuntest tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/31 (100).

112. Min-naħa l-oħra, bħall-Kummissjoni, u kuntrarjament għal F. Peterson, għal Elsevier kif ukoll għall-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż, inqis li l-għarfien tal-illegalità ma jistax jiġi preżunt għar-raġuni li l-operatur inkwistjoni għandu skop ta’ lukru.

113. Ċertament, fis-sentenza GS Media, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-persuna li tqiegħed hyperlinks fuq sit internet li jirreferu għal xogħlijiet protetti ppubblikati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur tagħhom fuq sit internet ieħor, tagħmel dan bi skop ta’ lukru, hemm lok li jiġi preżunt (b’mod konfutabbli) li hija għandha għarfien tan-natura protetta ta’ dawn ix-xogħlijiet u ta’ din l-assenza ta’ awtorizzazzjoni (101). Madankollu, minbarra li jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, illimitat din is-soluzzjoni għall-kwistjoni tal-hyperlinks (102), inqis li tali preżunzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi applikata f’dan il-każ.

114. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza GS Media, l-operatur tas-sit tal-internet inkwistjoni kien qiegħed il-links kontenzjużi huwa stess. Għaldaqstant huwa kellu għarfien tal-kontenut li għalih kienu jirreferu. Kif issostni Cyando, dan il-fatt kien jikkostitwixxi bażi għal preżunzjoni ta’ fatt. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tistenna minn dan l-operatur li jwettaq il-“verifiki neċessarji”, qabel dan it-tqegħid, sabiex jiżgura li dawn ma kinux xogħlijiet protetti ppubblikati illegalment fuq is-sit li għalih jirreferu dawn il-links (103).

115. Min-naħa l-oħra, infakkar li l-operatur ta’ pjattaforma, bħala prinċipju, ma huwiex dak li jqiegħed il-kontenut online. L-applikazzjoni, f’dan il-kuntest, tas-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza GS Media twassal sabiex jingħad li dan l-operatur, ladarba jkollu b’mod ġenerali skop ta’ lukru, huwa preżunt mhux biss li għandu għarfien tal-fajls kollha li jinsabu fuq is-servers tiegħu, iżda wkoll tan-natura possibbilment illegali tagħhom, u dan ikollu l-oneru li jikkonfuta din il-preżunzjoni billi juri li huwa għamel il-“verifiki neċessarji”. Issa, tali soluzzjoni tkun ekwivalenti, fil-fehma tiegħi, għall-impożizzjoni fuq tali operatur tal-obbligu ġenerali li jagħmel sorveljanza tal-informazzjoni li huwa jaħżen u li jfittex b’mod attiv fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali, b’kontradizzjoni mal-projbizzjoni stabbilita, f’dan ir-rigward, fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 (104).

116. Għad irid jiġi eżaminat jekk, kif isostnu F. Peterson, Elsevier u l-Gvern Franċiż, operaturi bħal YouTube u Cyando jistgħux jinżammu responsabbli peress li kellhom għarfien, b’mod ġenerali u astratt, tal-fatt li l-pjattaformi tagħhom huma (b’mod partikolari) użati minn terzi għall-kondiviżjoni online, b’mod illegali, ta’ xogħlijiet protetti.

117. Din il-kwistjoni hija kumplessa ħafna. Numru kbir ta’ prodotti jew servizzi jistgħu, bħall-pjattaformi YouTube u Uploaded, jintużaw għal finijiet legali, jew anki soċjalment mixtieqa, kif ukoll għal finijiet illegali. Fil-fehma tiegħi, il-fornitur ta’ tali prodott jew servizz ma jistax jinżamm responsabbli għall-użu illegali li jagħmlu minnu t-terzi għall-unika raġuni li għandu għarfien jew suspetti ta’ dan l-użu. Standard ta’ responsabbiltà daqshekk baxx huwa ta’ natura li jiddiswadi l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti jew servizzi simili, bi ħsara għall-użu legali tagħhom u, b’estensjoni, li jrażżan l-iżvilupp ta’ prodotti jew servizzi simili jew innovattivi (105).

118. Il-fatt biss li fornitur jikseb profitti minn dan l-użu illegali lanqas ma jista’ jkun determinanti. F’dan ir-rigward, F. Peterson, Elsevier u l-Gvern Franċiż enfasizzaw li YouTube tiffinanzja ruħha b’mod partikolari permezz ta’ reklamar imqiegħed fuq il-pjattaforma, li d-dħul mir-reklamar li hija toħloq ikun ikbar iktar ma jiġi ppubblikat kontenut attraenti, u li huwa “ġeneralment aċċettat” li, fil-“maġġoranza l-kbira tal-każijiet”, dawn ikunu xogħlijiet protetti mqiegħda online mingħajr awtorizzazzjoni tal-awturi tagħhom. Minbarra l-fatt li din il-loġika jidhirli li hija kemxejn simplistika fir-rigward ta’ pjattaforma bħal YouTube (106), nosserva li d-dħul iġġenerat minn reklamar imqiegħed mingħajr distinzjoni fuq din il-pjattaforma jiddependi mill-frekwentazzjoni ġenerali tagħha u, għaldaqstant, jiddependi kemm fuq l-użu legali tagħha kif ukoll fuq l-użu illegali tagħha. Issa, kwalunkwe fornitur ta’ prodott jew servizz li jista’ jaqa’ taħt dawn iż-żewġ tipi ta’ użu jikseb b’mod sostanzjali parti mill-profitti tiegħu mingħand l-utenti li jixtruh jew jużawh għal finijiet illegali. Għalhekk għandhom jintwerew fatti oħra.

119. F’dan ir-rigward, ma għandniex ninsew l-iskop ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà sekondarja. Kif jirriżulta mill-punt 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-fehma tiegħi, tali regoli għandhom ikunu intiżi sabiex jiddiswadu l-aġir li jiffaċilita l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, mingħajr madankollu ma jiddiswadu l-innovazzjoni jew jostakolaw il-potenzjal tal-użu legali tal-prodotti jew tas-servizzi li jistgħu jintużaw ukoll għal skopijiet illegali.

120. F’dan il-kuntest, kif isostni l-Gvern Finlandiż, il-fornitur ta’ servizzi jista’ jinżamm responsabbli, fil-fehma tiegħi, mingħajr neċessità li jiġi pprovat li dan tal-aħħar kellu għarfien jew konoxxenza ta’ okkorrenzi ta’ ksur konkret tad-drittijiet tal-awtur, meta jintwera li dan il-fornitur kellu l-intenzjoni, waqt li jipprovdi s-servizz tiegħu, li jiffaċilita t-twettiq ta’ tali ksur minn terzi. Is-sentenzi Stichting Brein I (“Filmspeler”) u Stichting Brein II (“The Pirate Bay”) għandhom, fil-fehma tiegħi, jinftiehmu f’dan is-sens. Fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-bejjiegħ tal-“Filmspeler” kellu għarfien ġenerali tal-fatt li dan il-media player seta’ jintuża għal skopijiet illegali (107). Fit-tieni sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-amministraturi tal-pjattaforma “The Pirate Bay” kienu jafu b’mod ġenerali, li din tiffaċilita l-aċċess għal xogħlijiet kondiviżi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-awturi tagħhom u li, fi kwalunkwe każ, ma setgħux jinjoraw dan il-fatt, fid-dawl taċ-ċirkustanza li parti kbira ħafna tal-fajl torrent li jidhru fuq din il-pjattaforma kienu jirreferu għal tali xogħlijiet (108). Madankollu, fil-kawżi li taw lok għal dawk is-sentenzi, dawn il-persuni esprimew fil-miftuħ l-intenzjoni tagħhom li jiffaċilitaw, permezz tal-player tagħhom jew tal-pjattaforma tagħhom, it-twettiq ta’ atti illegali ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” minn terzi (109).

121. F’dan il-każ, la YouTube u lanqas Cyando ma jippromwovu fil-miftuħ l-użu illegali tal-pjattaformi tagħhom. F. Peterson u Elsevier isostnu madankollu li dawn l-operaturi għandhom jinżammu responsabbli fid-dawl tal-mod kif organizzaw is-servizzi tagħhom. Dwar dan il-punt, infakkar li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw diversi argumenti: l-ewwel nett, l-imsemmija operaturi wrew għama volontarja fir-rigward tal-użu illegali tal-pjattaformi tagħhom (billi ppermettew lill-utenti tagħhom jippubblikaw fihom kontenut b’mod awtomatizzat u mingħajr kontroll minn qabel), it-tieni nett, huma jħeġġuhom jagħmlu tali użu illegali u, it-tielet nett, huma kienu negliġenti fir-rigward ta’ dan l-użu (peress li huma naqsu milli jwettqu obbligi ta’ diliġenza billi ma wettqux kontroll minn qabel tal-kontenut imqiegħed online) (110).

122. Qabel kollox, għandhom isiru ċerti preċiżjonijiet. Fil-fehma tiegħi, operatur ma jistax jinżamm responsabbli, abbażi ta’ allegata għama volontarja jew ta’ allegata negliġenza doluża, għas-sempliċi raġuni li jippermetti lill-utenti tal-pjattaforma tiegħu jippubblikaw kontenut b’mod awtomatizzat u li ma jikkontrollahx b’mod ġenerali qabel it-tqegħid online tiegħu. Minn naħa, ma jistax jiġi raġonevolment argumentat, kif madankollu tagħmel Elsevier, li, billi torganizza l-pjattaforma tiegħu b’dan il-mod, dan l-operatur għandu sempliċement l-għan li jaħrab minn kull responsabbiltà (111). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 jipprojbixxi li jista’ jkun mistenni minn fornitur li jimmonitorja, b’mod ġenerali u astratt, l-informazzjoni li jaħżen u li jfittex b’mod attiv attivitajiet illegali fuq is-servers tiegħu. Għaldaqstant, il-fatt li ma jwettaqx tali monitoraġġ ġeneralizzat ma jistax jitqies li huwa għama volontarja jew negliġenza (112). Barra minn hekk, u b’mod iktar ġenerali, is-sempliċi negliġenza ta’ fornitur ma għandhiex, bħala definizzjoni, tkun suffiċjenti, mingħajr ħsara għas-sitwazzjoni prevista fil-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex turi li huwa jintervjeni “deliberatament” sabiex jiffaċilita l-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettqa mill-utenti tas-servizz tiegħu.

123. Dan premess, fil-fehma tiegħi, il-mod kif fornitur jorganizza s-servizz tiegħu jista’, effettivament, f’ċerti ċirkustanzi, juri n-“natura deliberata” tal-intervent tiegħu fl-atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” illegali mwettqa mill-utenti ta’ dan is-servizz, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi GS Media, Stichting Brein I (“Filmspeler”) u Stichting Brein II (“The Pirate Bay”). Dan huwa l-każ meta l-karatteristiċi ta’ dan l-istess servizz jiżvelaw il-mala fide tal-fornitur inkwistjoni, li tista’ tirriżulta f’rieda ta’ inċitament jew ta’ għama volontarja, fir-rigward ta’ tali ksur tad-drittijiet tal-awtur (113).

124. F’dan ir-rigward, huwa xieraq, fil-fehma tiegħu, li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk il-karatteristiċi tas-servizz inkwistjoni għandhomx spjegazzjoni oġġettiva u joffrux valur miżjud għall-użu legali ta’ dan is-servizz u, min-naħa l-oħra, jekk il-fornitur ippruvax jieħu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjeni l-użu illegali ta’ dan is-servizz (114). Fuq dan l-aħħar punt, għal darb’oħra, ma jistax ikun mistenni mill-fornitur li jikkontrolla b’mod ġenerali l-fajls kollha li l-utenti tas-servizz tiegħu biħsiebhom jippubblikaw, qabel ma jqiegħduhom online – dan jeżiġih l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31. It-tieni parti tat-test għandha, kif nifhimha jiena, pjuttost tikkostitwixxi difiża għall-fornituri ta’ servizzi. Fuq din il-bażi, il-fatt, għall-fornitur, li huwa ġeneralment jissodisfa b’mod diliġenti l-obbligu ta’ tneħħija li jirriżulta mill-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva jew l-obbligi eventwali li, jekk ikun il-każ, ikunu ġew imposti fuqu permezz ta’ ordni ġudizzjarja, jew ukoll il-fatt li dan il-fornitur implimenta volontarjament miżuri oħra, juri l-bona fide tiegħu.

125. F’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika dan it-test għal operaturi bħal YouTube u Cyando. Madankollu, jidhirli li jkun utli li nagħtiha ċerti indikazzjonijiet f’dan ir-rigward.

126. Fl-ewwel lok, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ pjattaforma bħal YouTube, li l-operatur tagħha għandu l-intenzjoni li jiffaċilita l-użu illegali ta’ din il-pjattaforma. B’mod partikolari, il-fatt li l-funzjonijiet ta’ tfittxija u ta’ indiċjar tal-imsemmija pjattaforma jiffaċilitaw, jekk ikun il-każ, l-aċċess għal kontenut illegali ma jistax jikkostitwixxi indizju f’dan ir-rigward. Dawn il-funzjonijiet għandhom spjegazzjoni oġġettiva u jagħtu valur miżjud għall-użu legali tal-imsemmija pjattaforma. Għalkemm, fis-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentat il-fatt li l-amministraturi tal-pjattaforma kontenzjuża kienu implimentaw mutur ta’ tfittxija u kienu jindiċjaw il-fajls ospitati bħala indizju tan-“natura deliberata” tal-intervent tagħhom fil-kondiviżjoni illegali ta’ xogħlijiet protetti (115), din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi sseparata mill-kuntest partikolari ta’ dik il-kawża, ikkaratterizzata mill-intenzjoni espressa minn dawn l-amministraturi li jiffaċilitaw il-ksur tad-drittijiet tal-awtur.

127. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Elsevier, inqis li l-fatt li operatur ta’ pjattaforma bħal YouTube jippermetti lil ċerti utenti jdaħħlu reklami fil-vidjos tagħhom u jagħtihom parti mid-dħul iġġenerat (116) ma huwiex suffiċjenti sabiex juri, min-naħa tiegħu, rieda li jinċentiva lil dawn tal-aħħar sabiex iqiegħdu online xogħlijiet protetti mingħajr awtorizzazzjoni tal-awturi tagħhom. Għall-kuntrarju, huwa paċifiku li, fir-rigward ta’ YouTube, l-inklużjoni ta’ dawn ir-reklami ssir permezz tal-Content ID, intiż sabiex jiżgura li din il-possibbiltà tkun ta’ benefiċċju biss għad-detenturi ta’ drittijiet, peress li dan jidentifika awtomatikament it-tqegħid online ta’ vidjos li jinkludu xogħlijiet protetti mwettaq minn terzi u, jekk ikun il-każ, jippermetti lill-imsemmija detenturi li jqiegħdu huma stess reklami fil-vidjo inkwistjoni u li jirċievu d-dħul mir-reklamar (117).

128. Dan iwassalni għall-fatt li, barra minn hekk, YouTube implimentat għodod, b’mod partikolari dan is-software, sabiex tiġġieled kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-pjattaforma tagħha (118). Dan il-fatt jikkontribwixxi sabiex juri, kif indikajt fil-punt 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-bona fide tal-operatur fir-rigward tal-użu illegali tal-pjattaforma tiegħu (119).

129. Fit-tieni lok, nibża, min-naħa l-oħra, li l-affarijiet huma inqas ċari fir-rigward ta’ Uploaded. F’dan ir-rigward, minn naħa, kuntrarjament għal Elsevier, ma nikkunsidrax il-fatt li tali operatur jippermetti lill-utenti tiegħu li jqiegħdu online fajls “b’mod anonimu” jindika rieda min-naħa tiegħu li jiffaċilita l-ksur. Nippreċiża li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tqegħid online ta’ fajl fuq Uploaded jeħtieġ il-ħolqien ta’ kont billi jingħata kunjom, isem u indirizz elettroniku. Għaldaqstant, Elsevier tikkritika l-fatt li Cyando ma tikkontrollax l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-utent permezz ta’ sistema ta’ verifika ta’ identità jew ta’ awtentikazzjoni. Madankollu, għalkemm il-possibbiltà għal kulħadd li juża l-internet u s-servizzi online mingħajr kontroll tal-identità tista’ effettivament tintuża ħażin minn individwi li jkollhom intenzjoni ħażina għal attivitajiet kundannabbli, inqis li din il-possibbiltà hija madankollu protetta minn regoli fundamentali bħad-dritt għall-ħajja privata, il-libertà tal-espressjoni u tal-kuxjenza kif ukoll il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari fid-dritt tal-Unjoni (120) u fid-dritt internazzjonali (121). Sistemi ta’ verifika ta’ identità jew ta’ awtentikazzjoni jistgħu għalhekk jiġu implimentati biss, fil-fehma tiegħi, għal servizzi speċifiċi taħt kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

130. Il-fatt biss li Sharehoster bħal Uploaded joħloq links ta’ tniżżil għall-fajls ospitati u jippermetti liberament lill-utenti li jikkondividuhom liberament lanqas ma juri, fil-fehma tiegħi, intenzjoni sabiex jiġi ffaċilitat il-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Dawk il-links għandhom spjegazzjoni oġġettiva u joffru valur miżjud għall-użu legali tas-servizz. Anki l-proporzjon ta’ użu illegali ta’ Uploaded, li tiegħu l-partijiet fil-kawża prinċipali joffru stimi tal-inqas kontrastanti (122), ma jippermettix, fil-fehma tiegħi, waħdu, li juri tali intenzjoni min-naħa tal-operatur tagħha, iktar u iktar jekk dan tal-aħħar ħa miżuri raġonevoli sabiex jiġġieled dan l-użu.

131. Madankollu għandi dubji, min-naħa l-oħra, dwar programm ta’ “sħubija” bħal dak implementat minn Cyando. Infakkar li, fil-kuntest ta’ dan il-programm, Cyando tħallas remunerazzjoni lil ċerti utenti skont in-numru ta tniżżil tal-fajls li jkunu qiegħdu online (123). Għandi dubji dwar l-ispjegazzjoni oġġettiva u l-valur miżjud ta’ tali programm għall-użu legali tas-servizz. Min-naħa l-oħra, ġie stabbilit quddiem il-qrati nazzjonali li dan il-programm għandu l-effett li jinċita lill-utenti jqiegħdu online xogħlijiet popolari sabiex jitniżżlu b’mod illegali. Għalhekk, ma neskludix li n-“natura deliberata” tal-intervent tal-fornitur fl-atti illegali mwettqa mill-utenti tiegħu tista’ tiġi dedotta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-programm (124). Jekk ikun il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

B.      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 (it-tieni domandi)

132. Kif indikajt diġà, it-Taqsima 4 tad-Direttiva 2000/31 tinkludi diversi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-fornituri intermedjarji. F’dik it-taqsima, l-Artikoli 12, 13 u 14 ta’ din id-direttiva jipprevedu kull wieħed, “sfera ta’ sikurezza” (safe harbour), rispettivament għall-attivitajiet ta’ “sempliċi trasport”, ta’ “caching” u ta’ “hosting” (125).

133. L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 japplika, b’mod iktar preċiż, fil-każ ta’ “servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz”. Dik id-dispożizzjoni tipprevedi, essenzjalment, li l-fornitur ta’ tali servizz ma jistax jinżamm responsabbli għall-informazzjoni li huwa jaħżen fuq talba tal-utenti tiegħu, sakemm dan il-fornitur, wara li jkun sar jaf jew sar konxju min-natura illegali ta’ din l-informazzjoni, ma jkunx neħħiha malajr jew għamilha inaċċessibbli.

134. Nenfasizza li din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tiddetermina, b’mod affermattiv, ir-responsabbiltà ta’ tali fornitur. Hija sempliċement tillimita, b’mod negattiv, is-sitwazzjonijiet li fihom tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà tiegħu. Barra minn hekk, l-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna biss ir-responsabbiltà li tista’ tirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-utenti tas-servizz tiegħu. Din ma tkopri ebda aspett ieħor tal-attività ta’ dan il-fornitur (126).

135. Permezz tat-tieni domandi tagħha, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk operaturi bħal YouTube u Cyando jistgħux jibbenefikaw mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 għall-fajls li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tal-pjattaformi tagħhom.

136. Fil-fehma tiegħi, dan huwa ġeneralment il-każ. Madankollu, qabel ma nispjega l-pożizzjoni tiegħi, inqis li huwa neċessarju li niċċara punt, marbut mar-relazzjoni bejn dik id-dispożizzjoni u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

137. Fil-fatt, nosserva li l-qorti tar-rinviju fformulat it-tieni domandi tagħha biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi, kif nissuġġerixxi li għandha tagħmel, fin-negattiv għall-ewwel domandi, fis-sens li l-operaturi bħal YouTube u Cyando ma jwettqux il-“komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ta’ xogħlijiet imqiegħda online, possibbilment b’mod illegali, mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom. Għalhekk, hija tidher li titlaq mill-premessa li, fl-ipoteżi kuntrarja, fejn dawn l-operaturi jkunu direttament responsabbli skont l-imsemmi Artikolu 3(1) għal dawn il-“komunikazzjonijiet” illegali, huma ma jistgħux, bħala prinċipju, jinvokaw l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 (127).

138. Madankollu, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 japplika, b’mod orizzontali, għal kull forma ta’ responsabbiltà li tista’ tirriżulta, għall-fornituri kkonċernati, minn kull tip ta’ informazzjoni li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tas-servizzi tagħhom, irrispettivament mis-sors ta’ din ir-responsabbiltà, il-qasam tad-dritt ikkonċernat u l-klassifikazzjoni jew in-natura eżatta tal-imsemmija responsabbiltà. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, dik id-dispożizzjoni tkopri r-responsabbiltà kemm primarja kif ukoll sekondarja għall-informazzjoni pprovduta u għall-attivitajiet mibdija minn dawn l-utenti (128).

139. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, għalkemm l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 huwa, bħala prinċipju, inapplikabbli meta fornitur ta’ servizzi jikkomunika lill-pubbliku l-kontenut “tiegħu stess”, dik id-dispożizzjoni tista’, għall-kuntrarju, tapplika meta l-kontenut ikkomunikat ikun ġie pprovdut, bħal f’dan il-każ, mill-utenti tas-servizz tiegħu (129). Din l-interpretazzjoni hija, kif naraha jiena, sostnuta mill-fatt li la dik id-dispożizzjoni u lanqas l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprovdu eċċezzjoni għall-fornituri li jwettqu l-“komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ xogħlijiet ipprovduti mill-utenti tas-servizzi tagħhom. Għall-kuntrarju, il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tal-aħħar tenfasizza li hija tapplika “mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà fid-[Direttiva 2000/31]”.

140. Minn dan isegwi li, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi, b’mod kuntrarju għal dak li qiegħed nissuġġerixxilha, b’mod affermattiv għall-ewwel domandi, hija xorta waħda jkollha, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, tirrispondi għat-tieni domandi. Madankollu, il-kriterji li jikkaratterizzaw “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jistgħu jiġu interpretati b’mod konsistenti, kif ser nuri, b’tali mod li, fil-prattika, is-sovrapożizzjonijiet bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jiġu evitati.

141. B’dan iċċarat, jirriżulta mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jiddependi minn żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: minn naħa, irid ikun hemm provvista ta’ “servizz [t]as-soċjetà tal-informazzjoni”; min-naħa l-oħra, dan is-servizz għandu “jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz […] fuq it-talba” ta’ dan tal-aħħar.

142. L-interpretazzjoni tal-ewwel kundizzjoni ma tqajjimx diffikultà f’dawn il-kawżi. F’dan ir-rigward, infakkar li l-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” ikopri “kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi” (130). Madankollu, is-servizzi pprovduti minn operaturi bħal YouTube u Cyando huma manifestament ipprovduti “mill-bogħod”, “b’mezzi elettroniċi” u “fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi” (131). Barra minn hekk, dawn is-servizzi huma pprovduti “għal rimunerazzjoni”. Il-fatt li operatur bħal YouTube jitħallas b’mod partikolari permezz tar-reklamar u li ma jitlobx ħlas dirett lill-utenti tal-pjattaforma tiegħu (132) ma jikkonfutax din l-interpretazzjoni (133).

143. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, l-affarijiet huma inqas evidenti prima facie. Minn naħa, jidher ċar li operatur bħal Cyando jipprovdi, fil-kuntest ta’ Uploaded, servizz “li jikkonsisti fiż-żamma” fuq is-servers tiegħu ta’ fajls, jiġifieri “informazzjoni” (134) li hija “ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz”, jiġifieri l-utent li jwettaq it-tqegħid online tagħha, u dan “fuq it-talba” ta’ dan tal-aħħar, billi huwa jiddeċiedi dwar il-fajls inkwistjoni.

144. Madankollu, min-naħa l-oħra, għalkemm huwa paċifiku li operatur bħal YouTube jaħżen il-vidjos imqiegħda online mill-utenti tal-pjattaforma tiegħu, dan huwa biss wieħed mid-diversi aspetti tal-attività tiegħu. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk dan il-fatt jipprekludix lil dan l-operatur milli jibbenefika mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31.

145. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, għalkemm din id-dispożizzjoni teżiġi li s-servizz ipprovdut mill-fornitur “jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni pprovduta minn dak li jirċievi s-servizz”, hija ma timponix li din il-ħażna tkun l-uniku għan tiegħu, jew anki l-għan prinċipali tiegħu. Din il-kundizzjoni hija, għall-kuntrarju, ifformulata b’mod wiesa’.

146. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jista’, bħala prinċipju, ikopri kull fornitur “ta’ servizz tas-soċjetà tal-informatika” li jwettaq, bħal YouTube jew Cyando, fl-ambitu ta’ dan is-servizz, il-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta mill-utenti tiegħu, fuq it-talba ta’ dawn tal-aħħar (135). Madankollu, nirrepeti li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija, fi kwalunkwe każ, limitata għar-responsabbiltà li tista’ tirriżulta minn din l-informazzjoni u ma hijiex estiża għal aspetti oħrajn tal-attività tal-fornitur inkwistjoni.

147. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija sal-lum ssegwi dan l-approċċ. F’dan ir-rigward, fis-sentenza Google France, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fornitur li jipprovdi servizz ta’ riferiment fuq l-internet, bħal Google fir-rigward tas-servizz AdWords, jista’ jibbenefika mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan is-servizz “jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, billi, fil-kuntest tal-imsemmi servizz, dan il-fornitur jaħżen ċerta informazzjoni, bħall-kliem prinċipali magħżul mill-utenti li jirreklamaw, il-links pubbliċitarji u l-messaġġi kummerċjali li jakkumpanjawhom, kif ukoll l-indirizzi tas-siti ta’ dawn il-persuni li jirreklamaw (136). Evidentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx problematiku l-fatt li l-ħażna tal-imsemmija informazzjoni tagħmel parti mill-kuntest ta’ attività usa’.

148. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet mitigazzjoni. Fil-fehma tagħha, fornitur ta’ servizzi jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 għall-informazzjoni li huwa jaħżen fuq talba tal-utenti tiegħu biss jekk l-aġir tiegħu jkun limitat għal dak ta’ “intermedjarju li jipprovdi servizz” fis-sens intiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tat-Taqsima 4 ta’ din id-direttiva. Fid-dawl tal-premessa 42 tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat “jekk ir-rwol eżerċitat mill-imsemmi fornitur huwiex newtrali, jiġifieri li l-aġir tiegħu huwa sempliċement tekniku, awtomatiku u passiv, li jimplika n-nuqqas ta’ tagħrif u ta’ kontroll fuq id-data li huwa jżomm” jew jekk, għall-kuntrarju, għandux “rwol attiv ta’ natura li jagħtih tagħrif jew kontroll tad-data miżmuma” (137).

149. B’mod simili, fis-sentenza L’Oréal vs eBay, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li operatur ta’ suq online, bħal eBay, jista’ jibbenefika mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Hawn ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, irrilevat li s-servizz ipprovdut minn dan l-operatur jikkonsisti b’mod partikolari fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta mill-utenti tas-suq. Din hija, b’mod partikolari, data dwar l-offerti ta’ bejgħ tagħhom. Min-naħa l-oħra, hija fakkret li fornitur ta’ servizzi jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista f’dik id-dispożizzjoni għal tali informazzjoni biss jekk jaġixxi bħala “intermedjarju li jipprovdi servizz”. Dan ma japplikax meta dan il-fornitur ta’ servizz, “minflok jillimita ruħu għall-forniment newtrali ta’ dan tal-aħħar permezz ta’ ipproċessar sempliċement tekniku u awtomatiku tad-data fornuta mill-klijenti tiegħu, jassumi rwol attiv ta’ natura li jagħtih tagħrif jew kontroll tad-data” (138)

150. Minn dawk is-sentenzi jirriżulta li operaturi bħal YouTube u Cyando, li jaħżnu, fil-kuntest tal-attività tagħhom, informazzjoni pprovduta mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom, jistgħu jibbenefikaw, fir-rigward tar-responsabbiltà li tista’ tirriżulta min-natura illegali ta’ partijiet minn din l-informazzjoni, mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, sa fejn huma ma kellhomx “rwol attiv” ta’ natura li jagħtihom “tagħrif jew kontroll” fuq l-informazzjoni inkwistjoni.

151. F’dan ir-rigward, nippreċiża li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, kull fornitur ta’ servizzi li jaħżen informazzjoni pprovduta mill-utenti tiegħu neċessarjament għandu ċertu kontroll fuqha. B’mod partikolari, huwa għandu l-kapaċità teknika li jneħħiha jew li jagħmel l-aċċess għaliha impossibbli. Huwa preċiżament għalhekk li huwa mistenni, skont l-Artikolu 14(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/31, li jaġixxi b’dan il-mod meta jkollu għarfien ta’ informazzjoni illegali (139). Din il-kapaċità ta’ kontroll ma tistax, fiha nnifisha, turi li l-fornitur ta’ servizzi għandu “rwol attiv”, ħlief biex iċċaħħad l-imsemmi Artikolu 14(1) minn kull effett utli (140).

152. Fir-realtà, ir-“rwol attiv” previst mill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda, ġustament, il-kontenut stess tal-informazzjoni pprovduta mill-utenti. Nifhem il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-fornitur għandu tali “rwol attiv” li jagħtih “tagħrif jew kontroll” fuq l-informazzjoni li huwa jaħżen fuq talba tal-utenti tas-servizz tiegħu meta ma jillimitax ruħu għal ipproċessar ta’ din l-informazzjoni li jkun newtrali fir-rigward tal-kontenut tagħha, iżda li, permezz tan-natura tal-attività tiegħu, huwa jitqies li jikseb il-kontroll intellettwali ta’ dan il-kontenut. Dan huwa l-każ jekk il-fornitur jagħżel l-informazzjoni maħżuna (141), jekk jinvolvi ruħu b’mod attiv fil-kontenut tagħha b’xi mod ieħor jew jekk jippreżenta din l-informazzjoni lill-pubbliku b’tali mod li tidher li hija tiegħu. F’tali każijiet, il-fornitur joħroġ mir-rwol ta’ intermedjarju tal-informazzjoni pprovduta mill-utenti tas-servizz tiegħu: huwa jagħmilha tiegħu (142).

153. Madankollu, fil-fehma tiegħi, operaturi bħal YouTube u Cyando ma għandhomx, bħala regola ġenerali, tali “rwol attiv” fir-rigward tal-informazzjoni li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tal-pjattaformi tagħhom.

154. Fil-fatt, l-ewwel nett, infakkar li t-tqegħid online ta’ fajls fuq pjattaformi simili jsir b’mod awtomatiku, mingħajr viżwalizzazzjoni jew għażla minn qabel mill-operaturi tagħhom. Kif isostnu, essenzjalment, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni, dawn l-operaturi għalhekk ma jiksbux il-kontroll ta’ din l-informazzjoni fil-mument tat-tqegħid online tagħha.

155. It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni Elsevier, il-fatt li l-informazzjoni maħżuna tista’ tiġi kkonsultata jew imniżżla direttament minn dawn l-istess pjattaformi ma huwiex ta’ natura li jindika “rwol attiv” min-naħa tal-operaturi tagħhom. F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti l-fatt li l-fornitur jikkontrolla l-aċċess għall-informazzjoni li huwa jaħżen fuq talba tal-utenti tas-servizz tiegħu. Pereżempju, sabiex wieħed jaċċessa r-reklami mqiegħda online permezz ta’ AdWords, huwa neċessarju li wieħed juża l-magna tat-tiftix ta’ Google (143). Bl-istess mod, l-aċċess għall-offerti tal-bejgħ imqiegħda online fuq eBay jeħtieġ li wieħed jaċċedi għal postu fis-suq (144). Ġustament, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx din iċ-ċirkustanza rilevanti fis-sentenzi Google France u L’Oréal vs eBay. Fil-fatt, huwa biss rilevanti l-punt dwar jekk il-fornitur għandux kontroll fuq il-kontenut tal-informazzjoni maħżuna. Il-fatt li din tal-aħħar hija aċċessibbli mill-pjattaforma jew mis-sit tal-internet tal-fornitur ma huwiex ta’ natura li jindika dan, peress li l-konsultazzjoni tagħha jew it-tniżżil tagħha fuq talba individwali ta’ utent isiru permezz ta’ proċessi “purament tekniċi u awtomatiċi”.

156. It-tielet nett, minkejja dak li tagħti x’tifhem Elsevier, ma iniex konvint li operatur bħal YouTube jew Cyando jippreżenta, lil terzi, l-informazzjoni li huwa jaħżen fuq it-talba tal-utenti tiegħu u li għaliha jagħti aċċess mill-pjattaforma tiegħu, b’tali mod li tidher li hija tiegħu. Minn naħa, dan ma huwiex il-każ sa fejn operatur bħal YouTube jindika, għal kull vidjo ppubblikat fuq il-pjattaforma tiegħu, liema utent poġġieh online. Min-naħa l-oħra, utent tal-internet medju, raġonevolment avżat, jaf li l-fajls maħżuna permezz ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls bħal Uploaded ma joriġinawx, bħala regola ġenerali, mill-operatur tagħha.

157. Ir-raba’ nett, inqis li la l-fatt li operatur ta’ pjattaforma bħal YouTube (145) jistruttura l-mod li bih il-vidjos ipprovduti mill-utenti huma ppreżentati fuq il-pjattaforma, billi jintegrahom f’interfaċċa standard ta’ viżwalizzazzjoni u billi jelenkahom taħt diversi taqsimiet, u lanqas il-fatt li din il-pjattaforma tinkludi funzjoni ta’ tfittxija u li l-operatur jipproċessa r-riżultati ta’ tfittxija, miġbura fil-qosor fuq il-paġna ewlenija fil-forma ta’ klassifikazzjoni tal-vidjos f’diversi kategoriji, ma huma ta’ natura li juri li dan l-operatur għandu “rwol attiv” fir-rigward ta’ dawn il-vidjos.

158. Minn naħa, il-fatt li fornitur jistruttura l-mod li bih l-informazzjoni pprovduta mill-utenti tas-servizz tiegħu hija ppreżentata fuq il-pjattaforma tiegħu jew fuq is-sit internet tiegħu, sabiex jiffaċilita l-użu tiegħu u, għaldaqstant, jimmassimizza l-aċċess għal din l-informazzjoni, ma huwiex rilevanti fil-fehma tiegħi. L-argument oppost imressaq b’mod partikolari minn F. Peterson u mill-Gvern Franċiż jirrifletti, fil-fehma tiegħi, fehim żbaljat tas-sentenza L’Oréal vs eBay. Għalkemm f’dik is-sentenza il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fornitur bħal eBay għandu “rwol attiv” meta jagħti lil ċerti bejjiegħa, fil-każ ta’ offerti ta’ bejgħ partikolari, għajnuna sabiex “[itejjeb] il-preżentazzjoni [ta’ dawn l-offerti]” (146), hija kienet qiegħda tirreferi għall-fatt li eBay xi drabi tipprovdi assistenza individwali fuq kif wieħed jottimizza, jippromwovi u jistruttura l-kontenut ta’ offerti konkreti (147). Fil-fatt, meta tipprovdi tali assistenza, eBay tinvolvi ruħha attivament fil-kontenut tal-offerti inkwistjoni, kif imsemmi fil-punt 152 ta’ dawn il-konklużjonijiet (148).

159. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx qed tirreferi għall-fatt li eBay tistruttura l-preżentazzjoni ġenerali tal-offerti ta’ bejgħ imqiegħda online fuq il-post tas-suq tagħha. (149). Il-fatt, għal fornitur, li jikkontrolla l-kundizzjonijiet tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni li huwa jaħżen fuq it-talba tal-utenti tas-servizz tiegħu ma jurix li huwa jikkontrolla l-kontenut ta’ din l-informazzjoni. Fil-fehma tiegħi, hija biss assistenza individwali li tikkonċerna informazzjoni konkreta li hija rilevanti f’dan ir-rigward. Fil-qosor, sakemm operatur bħal YouTube ma jassistix lill-utenti tal-pjattaforma tiegħu, individwalment, fuq il-mod kif itejbu l-vidjos tagħhom (150), huwa ma jkollux “rwol attiv” fir-rigward tal-vidjos ospitati.

160. Rigward, min-naħa l-oħra, il-funzjonijiet ta’ tfittxija u ta’ indiċjar, minbarra li dawn huma indispensabbli sabiex jippermettu lill-utenti tal-pjattaforma jsibu l-informazzjoni li huma jixtiequ jikkonsultaw, infakkar li dawn il-funzjonijiet isiru b’mod awtomatizzat. Dawn jipproċedu b’hekk minn “ipproċessar sempliċement tekniku u awtomatiku” tal-informazzjoni maħżuna fuq talba tal-utenti, kif previst mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha (151). Il-fatt li l-fornitur żviluppa l-għodod u, b’mod partikolari, l-algoritmu li jippermetti dan l-ipproċessar u li, minħabba f’hekk, huwa għandu l-kontroll b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet tal-wiri tar-riżultati tat-tfittxija, ma jurix li huwa għandu l-kontroll tal-kontenut tal-informazzjoni mfittxija (152).

161. Il-ħames nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu F. Peterson u l-Gvern Franċiż, il-fatt li operatur bħal YouTube jipprovdi lill-utenti rreġistrati fuq il-pjattaforma tiegħu ħarsa ġenerali tal-“vidjos rakkomandati” lanqas ma huwa ta’ natura li juri “rwol attiv” tal-imsemmi operatur. Hawnhekk, ukoll, dan l-argument jirrifletti interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza L’Oréal vs eBay. Billi qieset, f’dik is-sentenza, li fornitur bħal eBay għandu tali “rwol attiv” meta jagħti lil ċerti bejjiegħa, fir-rigward ta’ offerti ta’ bejgħ partikolari, assistenza “sabiex tippromwovi dawk l-offerti” (153), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qed tirreferi għall-fatt li eBay stess xi kultant tippromwovi ċerti offerti barra mis-suq tagħha, fuq l-internet, permezz b’mod partikolari tas-servizz ta’ referenzjar AdWords (154). eBay tikseb il-kontroll intellettwali ta’ dawn l-offerti, peress li hija tużahom sabiex tirreklama l-post tas-suq tagħha u, b’hekk, tagħmilhom tagħha.

162. Min-naħa l-oħra, il-fatt li operatur bħal YouTube jirrakkomanda lill-utenti tal-pjattaforma tiegħu, b’mod awtomatizzat, vidjos analogi għal dawk li jkunu raw qabel ma jidhirlix li huwa determinanti. Huwa paċifiku li eBay tirrakkomanda wkoll lill-utenti tas-suq tagħha, bl-istess mod, offerti analogi għal dawk li huma kkonsultaw fil-passat. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx, fil-fehma tiegħi, dan il-fatt fis-sentenza L’Oréal vs eBay (155). Dan huwa, a priori, għal darba oħra, “ipproċessar purament tekniku u awtomatiku” tal-informazzjoni maħżuna. Għal darba oħra, il-fatt li l-fornitur żviluppa l-għodod u, b’mod partikolari, l-algoritmu li jippermettu dan l-ipproċessar u li jikkontrolla, minħabba f’hekk, il-kundizzjonijiet tal-wiri tal-informazzjoni rrakkomandata ma jurix li huwa għandu l-kontroll tal-kontenut ta’ din tal-aħħar (156).

163. Is-sitt nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu F. Peterson u Elsevier, il-mudell ekonomiku adottat minn operaturi ta’ pjattaformi bħal YouTube u Cyando ma huwiex ta’ natura li juri li dawn tal-aħħar għandhom “rwol attiv” fir-rigward tal-informazzjoni li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tal-pjattaformi tagħhom.

164. F’dan ir-rigward, il-fatt li tali fornitur jitħallas għas-servizz tiegħu huwa waħda mill-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw “servizz tas-soċjetà tal-informatika”. Għaldaqstant, b’estensjoni, dan huwa prerekwiżit sabiex jaqa’ taħt l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Barra minn hekk, il-fatt li din ir-remunerazzjoni tikkonsisti b’mod partikolari minn dħul mir-reklamar, li ma jiddependix mill-ispazju ta’ ħażna pprovdut iżda mill-attrazzjoni tal-informazzjoni maħżuna fuq talba tal-utenti tal-pjattforma ma huwiex, fil-fehma tiegħi, rilevanti (157). Dwar dan il-punt, infakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva lill-fornituri ta’ servizzi li jiffinanzjaw lilhom innifishom permezz tar-reklamar (158). Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva li jindika li tali fornitur għandu jiġi eskluż mill-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni minħabba li huwa jitħallas b’dan il-mod.

165. Mill-bqija, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenzi Google France u L’Oréal vs eBay, li s-sempliċi fatt li servizz ikun bi ħlas u li l-fornitur jistabbilixxi t-termini tar-remunerazzjoni ma huwiex ta’ natura li juri “rwol attiv” min-naħa tiegħu (159). Madankollu, ir-remunerazzjoni ta’ Google, fil-kuntest tas-servizz AdWords, tiddependi mill-attrazzjoni tal-informazzjoni maħżuna, peress li, b’mod partikolari, din ir-remunerazzjoni tvarja skont in-numru ta’ klikks fuq il-links pubbliċitarji li jużaw il-kliem prinċipali magħżul mill-utenti li jirreklamaw (160). B’mod simili, ir-remunerazzjoni ta’ eBay tiddependi wkoll mill-informazzjoni maħżuna, peress li eBay tipperċepixxi perċentwali fuq it-tranżazzjonijiet li jsiru mill-offerti għall-bejgħ (161). Għalhekk, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod impliċitu, iżda neċessarjament, ikkunsidrat li din iċ-ċirkustanza ma hijiex rilevanti (162).

166. Is-seba’ nett, fornitur ma jistax jitqies li għandu “rwol attiv” fir-rigward tal-informazzjoni li huwa jaħżen sempliċement għaliex huwa jwettaq proattivament ċerti kontrolli, bħal dawk imwettqa minn YouTube permezz tal-Content ID, sabiex jidentifika l-preżenza ta’ informazzjoni illegali fuq is-servers tiegħu. Fil-fatt, kif jenfasizza l-Gvern Finlandiż, mill-premessa 40 tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar ir-responsabbiltà tal-intermedjarji li jipprovdu servizz “ma jfixklux l-iżvilupp u l-operat effettiv […] ta’ strumenti tekniċi ta’ sorveljanza li huma possibbli bit-teknoloġija diġitali”. Mill-bqija, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi evitata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rwol attiv” li tkun ta’ natura li twassal għar-riżultat paradossali li fornitur ta’ servizzi li jwettaq ċerti riċerki fuq inizjattiva tiegħu stess fl-informazzjoni li huwa jaħżen sabiex jiġġieled b’mod partikolari kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, fl-interess tad-detenturi tad-drittijiet, jitlef il-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva u jiġi, b’hekk, ittrattat b’mod iktar sever minn fornitur li jagħmilx dan (163).

167. Fl-aħħar nett, infakkar li, b’analoġija, fis-sentenzi SABAM (164) u Glawischnig-Piesczek (165), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “huwa paċifiku” li operaturi ta’ pjattaformi ta’ network soċjali jistgħu jinvokaw l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 għall-informazzjoni li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tagħhom. Għalkemm, kif irrimarka l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, l-espressjoni “huwa paċifiku” tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, f’dawk is-sentenzi, fuq premessa li ma hijiex ikkontestata mill-partijiet jew mill-qrati tar-rinviju, nosserva madankollu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tonqosx, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet preliminari, milli tikkontesta l-premessi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta jidhrilha li huma dubjużi (166). Madankollu, ninnota li dan ma għamlitux f’dan il-każ (167).

168. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex għat-tieni domandi tirrispondi li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni tal-vidjos, bħal YouTube, u l-operatur ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, bħal Cyando, jistgħu, bħala prinċipju, jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 għal kull responsabbiltà li tista’ tirriżulta mill-fajls li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tal-pjattaformi tagħhom (168).

C.      Fuq il-kundizzjoni ta’ eżenzjoni, minħabba l-assenza ta’ għarfien jew ta’ konoxxenza ta’ informazzjoni illegali, prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31 (it-tielet domandi)

169. Kif diġà spjegajt fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tat-tieni domandi preliminari, operaturi bħal YouTube jew Cyando jistgħu, bħala prinċipju, jinvokaw l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Skont din id-dispożizzjoni, fornitur ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni li jaħżen fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li, (a) “attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali” u, f’dak li jirrigwarda talba għad-danni, ma jkunx “konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti” (169), jew li, (b) wara li jkun kiseb tali għarfien, huwa “jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni”.

170. Permezz tat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 14(1)(a). Hija tfittex, essenzjalment, li tkun taf jekk din il-kundizzjoni tirreferix għal informazzjoni illegali konkreta.

171. Ir-risposta għal din id-domanda għandha implikazzjonijiet sinjifikattivi għas-sitwazzjonijiet kollha li fihom fornitur ta’ servizzi jista’ jinżamm responsabbli għal informazzjoni illegali li huwa jaħżen. Essenzjalment, hija tistaqsi jekk, sabiex fornitur ikkonċernat jitlef il-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, ir-rikorrent għandux jistabbilixxi li dan il-fornitur kellu “għarfien” jew kien “konxju” minn din l-informazzjoni b’mod partikolari, jew jekk huwiex biżżejjed li juri li dan il-fornitur kellu “għarfien” jew “konoxxenza” ġenerali u astratta minħabba l-fatt li huwa jaħżen informazzjoni illegali u li s-servizzi tiegħu jintużaw għal attivitajiet illegali.

172. Fil-fehma tiegħi, l-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31 jirreferu effettivament għal informazzjoni illegali konkreta.

173. Kif ġustament tenfasizza l-qorti tar-rinviju, u kif sostnew Google kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż, din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31, li juża [fil-verżjoni Franċiża] artiklu definit (“l’activité ou […] l’information illicites” u “l’activité ou l’information illicite”) [“l-attività jew […] l-informazzjoni illegali” u “l-attività jew l-informazzjoni illegali”] (enfasi miżjuda minni) (170). Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi għal għarfien jew konoxxenza ġenerali tal-fatt li hemm informazzjoni illegali fuq is-servers tal-fornitur jew li s-servizzi tiegħu jintużaw għal attivitajiet illegali, huwa kien juża artiklu indefinit (“une activité ou une information illicites” ou “d’activités ou d’informations illicites”) [“attività jew informazzjoni illegali” jew “attivitajiet jew informazzjoni illegali”]. Nirrileva wkoll li l-Artikolu 14(1)(b) tal-imsemmija direttiva juża wkoll artiklu definit (“ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni”) (enfasi miżjuda minni).

174. Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll fid-dawl tal-kuntest ġenerali tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 u tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni.

175. F’dan ir-rigward, infakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, meta stabbilixxa l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà previsti fit-Taqsima 4 tad-Direttiva 2000/31, li jippermetti lill-intermedjarji li jipprovdu s-servizzi tagħhom mingħajr ma jinkorru r-riskju sproporzjonat ta’ responsabbiltà għall-informazzjoni li huma jipproċessaw fuq talba tal-utenti tagħhom. B’mod partikolari, l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva huwa intiż sabiex jiġi evitat li dawn il-fornituri ġeneralment jinżammu responsabbli minħabba l-illegalità tal-informazzjoni li huma jaħżnu, li l-ammont tagħha jkun spiss kunsiderevoli u li, minħabba f’hekk, huma ma jkollhomx il-kontroll intellettwali tagħha. L-imsemmi leġiżlatur kellu l-intenzjoni jistabbilixxi, f’dan ir-rigward, bilanċ bejn id-diversi interessi involuti. Minn naħa, ma jistax jiġi impost fuq dawn il-fornituri, skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, l-obbligu ġenerali li jissorveljaw l-informazzjoni li huma jittrażmettu jew jaħżnu, jew l-obbligu ġenerali li jfittxu attivament il-fatti jew iċ-ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali. Min-naħa l-oħra, l-istess fornituri għandhom, meta jkollhom għarfien jew ikunu konxji minn informazzjoni illegali, jaġixxu malajr kemm jista’ jkun sabiex ineħħu din l-informazzjoni jew jagħmlu l-aċċess għaliha impossibbli, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ libertà ta’ espressjoni u ta’ proċeduri stabbiliti għal dan il-għan fuq livell nazzjonali (171).

176. L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 huwa għalhekk intiż sabiex jikkostitwixxi bażi għall-iżvilupp, fil-livell tal-Istati Membri, ta’ proċeduri msejħa ta’ notifika u ta’ tneħħija (notice and take down) (172)u l-kundizzjonijiet previsti fil-punti (a) u (b) tiegħu jirriflettu, għaldaqstant, il-loġika ta’ dawn il-proċeduri: meta informazzjoni illegali konkreta tinġieb għall-attenzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi (173), huwa għandu jneħħiha minnufih.

177. Madankollu, F. Peterson u Elsevier iwieġbu li pjattaformi bħal YouTube u Uploaded jagħtu lok għal ammont kbir ta’ użu illegali, użu li huwa regolarment innotifikat lill-operaturi tagħhom. Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, mill-ġdid, li dawn l-operaturi għandhom ibatu obbligi ta’ diliġenza li jinvolvu l-prevenzjoni u t-tfittxija attiva ta’ ksur imwettaq fuq il-pjattaformi tagħhom. Konsegwentement, huma ma jistgħux jinvokaw in-nuqqas ta’ għarfien tagħhom ta’ informazzjoni illegali konkreta li tkun tinsab fihom. F’dan ir-rigward, l-“għarfien” tagħhom jew il-“konoxxenza” tagħhom għandha tiġi preżunta.

178. Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni ssuġġerita mid-detenturi tad-drittijiet sempliċement ma hijiex konċiljabbli mad-dritt tal-Unjoni, fl-istat attwali tiegħu.

179. Tali argument ma huwiex qabelxejn kompatibbli mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31, dwar l-“għarfien attwali”. Sabiex jintwera tali “għarfien attwali”, għandu jiġi kkunsidrat mhux x’kien ikun jaf il-fornitur kieku kien diliġenti iżda x’kien jaf realment (174).

180. Barra minn hekk, għandhom jingħataw spjegazzjonijiet fir-rigward tal-ipoteżi tal-“kuxjenza” msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet diversi preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward fis-sentenza L’Oréal vs eBay. Infakkar li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ir-responsabbiltà ta’ eBay kienet imfittxija għal ċerti offerti ta’ bejgħ, imqiegħda online fis-suq tagħha, li setgħu jippreġudikaw it-trade marks ta’ L’Oréal. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-operatur ta’ suq huwiex “konxju” minn tali offerti, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk dan tal-aħħar għandux “konoxxenza ta’ fatti jew ta’ ċirkustanzi li abbażi tagħhom operatur ekonomiku diliġenti kellu jikkonstata l-illegalità inkwistjoni u jaġixxi skont l-Artikolu 14(1)(b) [ta’ din id-direttiva]”. Dan jista’ jkun il-każ f’“kull sitwazzjoni fejn il-fornitur ikkonċernat ikun sar konxju, b’mod jew ieħor, minn tali fatti jew ċirkustanzi” u, b’mod partikolari, meta huwa “jiskopri l-eżistenza ta’ attività jew informazzjoni illegali wara eżami mwettaq fuq l-inizjattiva tiegħu” jew ukoll jekk “huwa [ġiex] [i]nnotifikat bl-eżistenza ta’ tali attività jew ta’ tali informazzjoni” (175).

181. Minn dik is-sentenza jirriżulta li ċerti obbligi ta’ diliġenza huma effettivament imposti fuq fornitur ta’ servizzi taħt l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Bħala tali, tali fornitur jista’ xi kultant jitlef il-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni minħabba li kellu jkun jaf li informazzjoni partikolari kienet illegali u li, minkejja dan, ma neħħihiex.

182. Madankollu, dawn l-obbligi ta’ diliġenza huma nettament iktar immirati milli jissuġġerixxu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi dedott mill-imsemmija sentenza li fornitur ta’ servizzi, sabiex jaġixxi bħala “operatur ekonomiku diliġenti”, għandu, meta jkollu għarfien astratt tal-fatt li informazzjoni illegali tinsab fuq is-servers tiegħu, ifittex b’mod attiv, b’mod ġenerali, tali informazzjoni illegali u, konsegwentement, huwa preżunt li għandu “konoxxenza” tagħha kollha.

183. F’dan ir-rigward, huwa ċar li, fid-dawl tan-numru ta’ offerti ta’ bejgħ ippubblikati kuljum f’post tas-suq bħal eBay, l-operatur tiegħu jaf li ċertu numru minnhom jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, fis-sentenza L’Oréal vs eBay, li tali operatur jitqies li huwa “konxju”, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31 ta’ kwalunkwe waħda minn dawn l-offerti li jikkostitwixxu ksur. Għall-kuntrarju, hija qieset li kien hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-fatti jew iċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw l-offerti għall-bejgħ inkwistjoni f’din il-kawża kinux ġew innotifikati lil dan il-fornitur. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu b’mod partikolari jiġi vverifikat jekk dan il-fornitur kienx irċieva notifika suffiċjentement preċiża u sostnuta fir-rigward ta’ dawn l-offerti (176).

184. Minn dan jirriżulta li l-ipoteżi msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31, li fiha fornitur ta’ servizzi jkun “konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti”, tirreferi għall-każ fejn il-fornitur (attwalment) ikollu għarfien ta’ elementi oġġettivi, relatati ma’ informazzjoni konkreta fuq is-servers tiegħu, li għandhom ikunu suffiċjenti, sakemm huwa juri d-diliġenza meħtieġa, sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-illegalità ta’ din l-informazzjoni u jħassarha, skont l-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva.

185. Fil-qosor, fornitur ta’ servizzi għandu l-obbligu li jittratta b’mod diliġenti l-fatti u ċ-ċirkustanzi li jinġiebu għall-attenzjoni tiegħu, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ notifiki, dwar informazzjoni konkreta illegali. Dan ma jistax jiġi konfuż ma’ obbligu li jiġu mfittxija attivament, b’mod ġenerali, tali fatti u ċirkustanzi. Tali interpretazzjoni tbiddel il-loġika tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 u tkun inkompatibbli mal-Artikolu 15 ta’ dik id-direttiva (177).

186. Barra minn hekk, ma għandux jintesa li l-loġika ta’ “notifika u tneħħija” li fuqha huwa bbażat l-imsemmi Artikolu 14(1) hija intiża, kif indikajt, sabiex tistabbilixxi bilanċ bejn id-diversi interessi involuti u, b’mod partikolari, sabiex tissalvagwardja l-libertà ta’ espressjoni tal-utenti.

187. F’dan il-kuntest, il-loġika tan-notifiki ma hijiex intiża biss sabiex tippermetti lil fornitur ta’ servizzi jiskopri l-eżistenza u l-lokalizzazzjoni ta’ informazzjoni illegali fuq is-servers tiegħu. Notifika hija intiża wkoll sabiex tagħtih biżżejjed elementi sabiex jiżgura ruħu min-natura illegali ta’ din l-informazzjoni. Fil-fatt, skont dan l-istess Artikolu 14(1), fornitur għandu jneħħi tali informazzjoni biss meta n-natura illegali tagħha tkun “apparenti”, jiġifieri manifesta (178). Dan ir-rekwiżit huwa intiż, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi evitat li fornitur ikollu jsolvi huwa stess kwistjonijiet legali kumplessi u li, billi jagħmel dan, jittrasforma ruħu f’arbitru tal-legalità online.

188. Madankollu, għalkemm in-natura illegali ta’ ċerta informazzjoni tkun immedjatament ovvja (179), dan ma huwiex, bħala regola ġenerali, il-każ fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur. L-evalwazzjoni tan-natura kontravenzjonali ta’ fajl titlob diversi elementi tal-kuntest u tista’ teħtieġ analiżi ġuridika fil-fond. Pereżempju, li jiġi ddeterminat jekk vidjo mqiegħed online fuq pjattaforma bħal YouTube jiksirx drittijiet tal-awtur jimplika, bħala prinċipju, li jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk dan il-vidjo jinkludix xogħol, it-tieni nett, jekk it-terz li jilmenta huwiex il-proprjetarju ta’ drittijiet fuq dan ix-xogħol, it-tielet nett, jekk l-użu hekk magħmul mix-xogħol jiksirx id-drittijiet tiegħu, u dan il-punt tal-aħħar ikun jeħtieġ li jiġi evalwat, qabelxejn, jekk l-użu jkunx sar bl-awtorizzazzjoni tiegħu, u, sussegwentement, jekk eċċezzjoni hijiex potenzjalment applikabbli. Barra minn hekk, l-analiżi hija kkumplikata mill-fatt li d-drittijiet u l-liċenzji eventwali fuq ix-xogħol jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, bħal dawn l-eċċezzjonijiet, skont id-dritt applikabbli (180).

189. Kieku fornitur ta’ servizzi kellu jfittex b’mod attiv l-informazzjoni kollha li twettaq ksur li tinsab fuq is-servers tiegħu, mingħajr l-assistenza tad-detenturi tad-drittijiet, dan iġiegħlu jevalwa huwa stess, b’mod ġenerali u mingħajr l-elementi ta’ kuntest neċessarji, x’jaqa’ taħt ksur. Għalkemm ċerti sitwazzjonijiet iħallu ftit spazju għad-dubju (181), ħafna oħrajn huma ambigwi. Pereżempju, id-determinazzjoni ta’ min għandu drittijiet fuq xogħol hija rarament kwistjoni faċli (182). Barra minn hekk, meta silta minn xogħol protett tiġi inkluża f’vidjo mqiegħed minn terz, ċerti eċċezzjonijiet, bħalma huma l-użu għal finijiet ta’ ċitazzjoni jew ta’ parodija (183), jistgħu japplikaw. Ir-riskju huwa li, f’dawn is-sitwazzjonijiet ekwivoċi kollha, il-fornitur ixaqleb lejn it-tneħħija sistematika tal-informazzjoni preżenti fuq is-servers tiegħu, sabiex jevita kull riskju ta’ responsabbiltà fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet. Fil-fatt, spiss ikun iktar faċli għalih li jneħħi informazzjoni iktar milli jkollu jinvoka, fil-kuntest ta’ azzjoni għal responsabbiltà, pereżempju, l-applikazzjoni ta’ tali eċċezzjoni. Tali “tneħħija eċċessiva” toħloq problema evidenti fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni (184).

190. Għal dawn ir-raġunijiet, kif issostni l-qorti tar-rinviju, in-natura ta’ ksur ta’ informazzjoni tista’ titqies li hija “apparenti”, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31, biss meta l-fornitur ikkonċernat ikun irċieva notifika li tagħti biżżejjed elementi li jippermettu lil “operatur ekonomiku diliġenti” fis-sitwazzjoni tiegħu li jikkonstata faċilment din in-natura u mingħajr eżami ġuridiku u materjali fil-fond. B’mod konkret, din in-notifika għandha tidentifika x-xogħol protett, tiddeskrivi l-ksur implikat u tipprovdi indizji ċari biżżejjed dwar id-drittijiet li l-vittma tallega li għandha fuq ix-xogħol. Inżid li, meta l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni ma tkunx immedjatament eskluża, in-notifika għandu jkun fiha spjegazzjonijiet raġonevoli fuq ir-raġunijiet li għalihom din għandha tkun eskluża. Fil-fehma tiegħi, hija biss tali interpretazzjoni li tista’ tevita r-riskju li l-fornituri jittrasformaw ruħhom f’arbitri tal-legalità online u r-riskju ta’ “tneħħija eċċessiva” invokat fil-punti preċedenti (185).

191. B’dan iċċarat, jifdal żewġ preċiżazzjonijiet finali xi jsiru. Fl-ewwel lok, jeżisti, fil-fehma tiegħi, każ fejn fornitur ta’ servizzi ma jistax jinħeba wara l-fatt li huwa ma kellux attwalment “għarfien” jew ma kienx “konxju” mill-informazzjoni illegali konkreta li għaliha hija mfittxija r-responsabbiltà tiegħu, u li fih għarfien ġenerali u astratt tal-fatt li huwa jaħżen informazzjoni illegali u li s-servizzi tiegħu jintużaw għal attivitajiet illegali għandu jkun biżżejjed. Dan huwa dak fejn dan il-fornitur jiffaċilita deliberatament it-twettiq ta’ atti illegali mill-utenti tas-servizz tiegħu. Meta elementi oġġettivi juru l-mala fide tal-imsemmi fornitur (186), dan tal-aħħar jitlef, fil-fehma tiegħi, il-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 (187).

192. Fit-tieni lok, F. Peterson u Elsevier isostnu wkoll li, meta fornitur ta’ servizzi jkun irċieva notifika preċiża u sostnuta biżżejjed dwar informazzjoni illegali, l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2000/31 jeżiġi mhux biss li dan il-fornitur ineħħi l-informazzjoni jew jirrendiha inaċċessibbli, iżda wkoll li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex “jibblokka” din l-informazzjoni, jiġifieri jipprojbixxi li terġa’ titqiegħed online. Fi kliem ieħor, fl-ipoteżi fejn fornitur jirċievi tali notifika, jitqies li jkun “konxju” mhux biss mill-informazzjoni li tinsab attwalment fuq is-servers tiegħu, iżda wkoll minn kull tqegħid futur eventwali tal-istess informazzjoni, mingħajr ma tkun meħtieġa notifika ġdida għal kull wieħed minnhom.

193. F’dan ir-rigward, id-detenturi tad-drittijiet isostnu regolarment li l-informazzjoni li tkun ġiet innotifikata u li tkun tneħħiet minn fornitur ta’ servizzi spiss titqiegħed mill-ġdid online ftit żmien wara. Konsegwentement, huma jkunu kostretti jissorveljaw kontinwament is-siti internet kollha li jistgħu jospitaw ix-xogħlijiet tagħhom u jimmultiplikaw in-notifiki. Is-soluzzjoni ssuġġerita minn dawn id-detenturi tad-drittijiet sabiex tiġi rrimedjata l-problema hija li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi sistema mhux biss ta’ “notifika u tneħħija” (notice and take down), iżda saħansitra ta’ “notifika u bblukkar” (notice and stay down).

194. Fil-fehma tiegħi, l-inklużjoni fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 ta’ obbligu ta’ stay down tibdel sinjifikattivament il-portata ta’ din id-dispożizzjoni. It-tneħħija ta’ informazzjoni timplika, għal fornitur ta’ servizzi, li jirreaġixxi (b’mod diliġenti) għal notifika. L-ibblokkar ta’ informazzjoni jeħtieġ, min-naħa l-oħra, li tiġi stabbilita teknoloġija ta’ filtrazzjoni tal-informazzjoni kollha li huwa jaħżen. F’dan il-kuntest, ma hijiex biss kwistjoni li jiġi pprojbit it-tqegħid online ta’ fajl tal-kompjuter partikolari, iżda wkoll ta’ kull fajl li jkollu kontenut ekwivalenti. Indipendentement mill-fatt li ċerti fornituri, fosthom, milli jidher, YouTube, għandhom teknoloġiji li jippermettu tali stay down u li jimplimentawhom volontarjament, jidhirli li huwa diffiċli, permezz ta’ interpretazzjoni “dinamika”, li tali obbligu jiġi integrat f’din id-dispożizzjoni u li jiġi impost b’dan il-mod fuq kull fornitur ta’ servizzi, inklużi dawk li ma għandhomx ir-riżorsi neċessarji sabiex jimplimentaw teknoloġija simili (188).

195. Min-naħa l-oħra, inqis li obbligu ta’ stay down jista’, f’kundizzjonijiet li ser nippreċiża fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tar-raba’ domandi, jiġi impost fuq ċerti fornituri ta’ servizzi, b’mod partikolari skont il-kapaċitajiet tagħhom, fil-kuntest ta’ ordni ġudizzjarja, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

196. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tielet domandi li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sitwazzjonijiet imsemmija fih, jiġifieri dik li fiha fornitur ta’ servizzi “attwalment [ikollu] tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali” u dik li fiha tali fornitur ikun “konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti”, jirreferu, bħala prinċipju, għal informazzjoni illegali konkreta.

D.      Fuq il-kundizzjonijiet sabiex tintalab ordni kontra intermedjarju skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 (ir-raba’ domandi)

197. Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li operaturi ta’ pjattaformi bħal YouTube u Cyando jistgħu jinvokaw l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, dawn tal-aħħar ikunu eżentati minn kull responsabbiltà li tista’ tirriżulta mill-fajls li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tal-pjattaformi tagħhom, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

198. Madankollu, kif jispeċifika l-paragrafu 3 tiegħu, dan l-artikolu “ma għandux jaffettwa l-possibbiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur.” Fi kliem ieħor, dan l-istess artikolu ma jipprekludix li fornitur ta’ servizzi jkun id-destinatarju, b’mod partikolari, ta’ ordni ġudizzjarja, u dan anki meta jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet (189).

199. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li “d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat” (190).

200. Permezz tar-raba’ domandi tagħha, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet li d-detenturi tad-drittijiet għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitolbu tali ordni, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

201. Dik il-qorti tistaqsi, b’mod iktar speċifiku, dwar il-kompatibbiltà tal-ġurisprudenza tagħha mad-dritt tal-Unjoni. Skont dik il-ġurisprudenza, l-imsemmi Artikolu 8(3) huwa implimentat, fid-dritt Ġermaniż, permezz tar-“responsabbiltà tal-interferent” (Störerhaftung), forma ta’ responsabbiltà indiretta li ilha stabbilita għal żmien twil. Dik l-istituzzjoni tipprevedi li, fil-każ ta’ ksur ta’ dritt assolut, bħal dritt ta’ proprjetà intellettwali, dak li, mingħajr ma jkun l-awtur jew kompliċi ta’ dan il-ksur, jikkontribwixxi għalih bi kwalunkwe mod, deliberatament, u b’rabta kawżali adegwata, jista’ jiġi pproċessat bħala “interferent” (Störer). F’dan il-kuntest, jista’ jkun biżżejjed li l-persuna inkwistjoni tappoġġa jew tisfrutta l-aġir tat-terz awtur ta’ dan l-istess ksur, li jaġixxi fuq l-awtorità tiegħu stess, jekk din il-persuna kellha legalment u materjalment il-possibbiltà li tipprekludi l-ksur imwettaq (191).

202. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju, sabiex ma testendix ir-“responsabbiltà tal-interferent” iżżejjed għall-persuni li la huma awtur u lanqas kompliċi ta’ ksur, din ir-responsabbiltà tippreżupponi l-ksur ta’ obbligi ta’ aġir. Il-portata ta’ dawn l-obbligi tiddependi mill-punt dwar jekk wieħed jistax raġonevolment jistenna mill-“interferent”, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jikkontrolla jew jissorvelja lil terzi sabiex jipprevjeni tali ksur u jekk ikun il-każ sa fejn. Dan għandu jiġi ddeterminat, f’kull każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-funzjoni u l-missjonijiet tal-“interferent”, kif ukoll ir-responsabbiltà personali tal-awturi ta’ dawn l-okkorrenzi ta’ ksur.

203. F’dan il-kuntest, intermedjarju li jipprovdi servizz li jaħżen informazzjoni pprovduta mill-utenti tas-servizz tiegħu jista’ jiġi pproċessat bħala “interferent” u jkun is-suġġett ta’ ordni ta’ waqfien fuq din il-bażi jekk, minn naħa, huwa rċieva notifika suffiċjentement preċiża u sostnuta dwar informazzjoni illegali konkreta, u, min-naħa l-oħra, kien hemm “reċidiva” minħabba li dan il-fornitur ma aġixxiex mingħajr dewmien sabiex ineħħi l-informazzjoni inkwistjoni jew biex iwaqqaf l-aċċess għaliha, jew inkella ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jevita li din l-informazzjoni terġa’ titqiegħed online (192). Konsegwentement, id-detenturi tad-drittijiet ma jistgħux jitolbu ordni kontra intermedjarju mill-mument meta jkun sar ksur tad-drittijiet tagħhom minn utent tas-servizzi tiegħu.

204. Essenzjalment, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludix li l-possibbiltà għad-detenturi tad-drittijiet li jitolbu ordni kontra intermedjarju tkun ikkundizzjonata mir-rekwiżit ta’ tali reċidiva.

205. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan ma huwiex il-każ. Google, Cyando kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Finlandiż huma tal-istess opinjoni. Min-naħa tiegħi, nikkunsidra, bħal F. Peterson, Elsevier, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 effettivament jipprekludi dan ir-rekwiżit.

206. Qabelxejn, infakkar li l-imsemmi Artikolu 8(3) jirrikonoxxi lid-detenturi tad-drittijiet id-dritt li jitolbu ordni kontra “intermedjarji”, “li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi” sabiex “jiksru d-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat”. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull fornitur li jipprovdi servizz li jista’ jiġi użat minn persuni oħra sabiex jikser tali dritt ta’ proprjetà intellettwali (193) jikkostitwixxi “intermedjarju” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni. Dan huwa mingħajr dubju l-każ ta’ YouTube u ta’ Cyando. Is-servizzi tagħhom huma “użati minn terzi” sabiex “jiksru d-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat” kull darba li wieħed mill-utenti tagħhom jippubblika xogħol protett online, permezz tal-pjattaformi tagħhom, b’mod illegali.

207. Sussegwentement, għalkemm il-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29 tindika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li jikkonċernaw tali ordni jaqgħu, bħala prinċipju, taħt id-dritt intern tal-Istati Membri, isegwi sempliċement li dawn tal-aħħar għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Dawn il-kundizzjonijiet u proċeduri għandhom, fi kwalunkwe ipoteżi, jiġu aġġustati sabiex jintlaħaq l-għan imfittex fl-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva (194). Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax jippermetti lil dawn l-Istati li jemendaw il-portata u, għalhekk, is-sustanza tad-dritt li din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi lid-detenturi tad-drittijiet.

208. F’dan il-kuntest, nosserva li l-possibbiltà għad-detenturi tad-drittijiet li jiksbu ordni kontra intermedjarju li jipprovdi servizz, skont il-kundizzjonijiet tar-“responsabbiltà tal-interferent”, tiddependi mill-aġir ta’ dan tal-aħħar. Kif indikajt, ordni maħruġa fuq il-bażi ta’ din l-istituzzjoni hija ordni ta’ waqfien. Hija timplika li dan il-fornitur kiser ċerti obbligi ta’ aġir (195) u tippermetti li tinkiseb ġudizzjarjament l-eżekuzzjoni forzata tagħhom.

209. Madankollu, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 joħroġ minn loġika differenti. Kuntrarjament għall-ordnijiet kontra dawk li jwettqu l-ksur, previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-ordnijiet kontra l-intermedjarji previsti fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu ma humiex intiżi (waħidhom)sabiex iwaqqfu ċertu aġir kundannabbli min-naħa tagħhom. Anki intermedjarji “innoċenti”, fis-sens li ġeneralment jissodisfaw l-obbligi kollha imposti fuqhom mil-liġi, huma koperti minn din id-dispożizzjoni. Hija tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet li jeżiġu minnhom li huma jinvolvu ruħhom iktar fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq mill-utenti tas-servizzi tagħhom, minħabba li ġeneralment ikunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex itemmu dan il-ksur. F’din il-perspettiva, l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti li jiġu imposti fuq dawn l-istess intermedjarji obbligi ġodda permezz ta’ ordnijiet ġudizzjarji. Fi ftit kliem, din hija forma ta’ kooperazzjoni forzata (196).

210. Din id-differenza ta’ loġika tista’ ma tkunx problematika fiha nnifisha. Kif diġà indikajt, jgħodd biss ir-riżultat miksub mill-Istati Membri, u mhux il-metodi li permezz tagħhom huma jimplimentaw l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. F’termini assoluti, dak kollu li jgħodd f’dan ir-rigward, huwa l-possibbiltà għad-detenturi tad-drittijiet li jiksbu ordni li tordna lill-intermedjarji jsegwu ċertu aġir li jipproteġi l-interessi tagħhom. Ftit jimporta, mill-aspett teoretiku, li din l-ordni tiġi ppreżentata bħala li tissanzjona obbligi ta’ aġir preeżistenti jew bħala li timponi oħrajn ġodda.

211. Madankollu, li l-għoti ta’ tali ordni jiġi suġġett għall-ksur mill-intermedjarju ta’ obbligi ta’ aġir preeżistenti għandu l-konsegwenza li jdewwem u, f’dan is-sens, li jillimita d-dritt li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 jirrikonoxxi lid-detenturi tad-drittijiet (197). Fil-prattika, kif isostni F. Peterson, dawn tal-aħħar jistgħu jitolbu ordni kontra intermedjarju biss meta informazzjoni illegali inizjali tkun twettqet u tkun ġiet debitament innotifikata lil dan tal-aħħar (notifika li tagħti lok għal obbligi ta’ aġir), u meta, barra minn hekk, il-ksur ikun ġie rrepetut (li jikkaratterizza n-nuqqas tal-intermedjarju li josserva dawn l-obbligi).

212. Madankollu, fil-fehma tiegħi, detentur tad-drittijiet għandu jkun jista’ jitlob tali ordni meta jiġi stabbilit li terzi jiksru d-drittijiet tiegħu permezz tas-servizz tal-intermedjarju, mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna li kien hemm reċidiva, u mingħajr ma jkun meħtieġ juri aġir żbaljat min-naħa ta’ dan tal-aħħar (198). Nippreċiża li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix, fil-fehma tiegħi, ir-regoli tar-“responsabbiltà ta’ interferent” bħala tali. Huwa pjuttost jipprekludi l-fatt li d-detenturi tad-drittijiet ma jkollhomx bażi legali oħra, fid-dritt Ġermaniż, li tippermettilhom jitolbu ordni kontra intermedjarju f’dawn il-kundizzjonijiet.

213. Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata, fil-fehma tiegħi, mill-argument, imressaq mill-qorti tar-rinviju u mtenni minn Google, Cyando u l-Gvern Finlandiż, li l-fatt li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jitolbu ordni kontra intermedjarju, konformement mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, anki qabel ma jkun hemm reċidiva, iwassal sabiex jiġi impost fuq dan tal-aħħar obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ u ta’ tfittxija attiva, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31. Fil-fehma tagħhom, l-aċċettazzjoni ta’ tali possibbiltà tfisser li l-intermedjarju kellu, qabel ma rċieva notifika preċiża u sostnuta biżżejjed, jirtira l-informazzjoni inkwistjoni u jibblokka t-tqegħid online tagħha, li jimplika li huwa jimmonitorja s-servers tiegħu u jfittex b’mod attiv, b’mod ġenerali, l-informazzjoni illegali li tista’ ssib ruħha hemm.

214. Madankollu, tali konsegwenza ma tirriżultax mill-interpretazzjoni li nissuġġerixxi. Il-fatt, għad-detenturi tad-drittijiet, li jkunu jistgħu jitolbu ordni kontra intermedjarju f’każ partikolari ma jfissirx li dan tal-aħħar kien neċessarjament obbligat li jaġixxi b’ċertu mod qabel il-ħruġ ta’ din l-ordni. Nirrepeti li l-ordnijiet previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 ma humiex intiżi sabiex jissanzjonaw nuqqas tal-intermedjarji tal-obbligi ta’ diliġenza li kienu jeżistu qabel, iżda li jimponu fuqhom obbligi ġodda, validi għall-futur.

215. Fl-aħħar nett, jien konxju mill-fatt li l-kundizzjoni tar-“responsabbiltà tal-interferent” relatata mal-ksur, mill-intermedjarju, tal-obbligi ta’ aġir għandha l-għan, kif indikat il-qorti tar-rinviju, li tillimita ċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jkollhom joqogħdu għal ordni. Madankollu, l-interpretazzjoni li nissuġġerixxi ma tfissirx li d-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu jistgħu jitolbu kwalunkwe ordni kontra kwalunkwe intermedjarju li jipprovdi servizz. Il-qrati nazzjonali għandhom, fil-fehma tiegħi, japplikaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità sabiex jiddeterminaw il-portata tal-obbligi li jistgħu raġonevolment jiġu imposti fuq fornitur partikolari, fid-dawl b’mod partikolari tas-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni. F’ċerti każijiet, fornitur jista’ jkun imbiegħed wisq minn dan il-ksur sabiex il-ħtieġa tal-kooperazzjoni tiegħu tkun proporzjonata. Fi kwalunkwe każ, din il-kwistjoni ma tqumx f’dan il-każ. Fil-fatt, operaturi bħal YouTube u Cyando huma qrib il-ksur imwettaq mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom peress li huma jaħżnu l-fajls korrispondenti fuq is-servers tagħhom.

216. Il-partijiet fil-kawża prinċipali qajmu wkoll, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni tal-portata tal-ordnijiet li jistgħu jingħataw kontra intermedjarji, peress li d-detenturi tad-drittijiet iqisu li l-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), f’dan ir-rigward, ma tmurx lil hinn biżżejjed, filwaqt li l-operaturi tal-pjattaformi jqisu, għall-kuntrarju, li din il-ġurisprudenza tmur lil hinn minn dak li jippermetti d-dritt tal-Unjoni. Peress li din id-domanda ma saritx lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dik il-qorti, iżda hija marbuta mill-qrib mal-problemi ġeneralment imqajma f’dawn il-kawżi, ser nagħmel xi kummenti fil-qosor dwarha.

217. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li ordni maħruġa skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 tista’ tordna lil intermedjarju jieħu miżuri li jikkontribwixxu mhux biss biex itemmu l-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq mill-utenti tas-servizz tiegħu, iżda wkoll biex jipprekludu ksur ġdid ta’ dan it-tip (199). Il-miżuri li jistgħu jiġu imposti fuqu fil-kuntest ta’ tali ordni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, jiżguraw bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet u interessi involuti, u ma għandhomx joħolqu ostakli għall-użu legali tas-servizz (200).

218. Barra minn hekk, dawn il-miżuri għandhom josservaw il-limiti imposti mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 (201). F’dawn il-kawżi, il-kwistjoni tirrigwarda b’mod partikolari jekk ordni tistax timponi fuq operatur li jiskopri u jibblokka t-tqegħid online illegali ta’ xogħlijiet protetti fuq il-pjattaforma tiegħu, u sa fejn. Kif indikajt (202), dan ġeneralment ikun jeħtieġ, għall-fornitur, li juża teknoloġija ta’ filtrazzjoni tal-informazzjoni li huwa jaħżen. Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk tali ordni għandhiex neċessarjament titqies li timplika obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ u ta’ tfittxija attiva, ipprojbiti minn din id-dispożizzjoni.

219. Fuq dan il-punt, nosserva li, minn naħa, fis-sentenza SABAM (203), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprekludi li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ network soċjali jkun kostrett li jistabbilixxi sistema ta’ filtrazzjoni tal-informazzjoni maħżuna fuq talba tal-utenti tas-servizz tiegħu, li tapplika mingħajr distinzjoni fir-rigward ta’ dawn l-utenti kollha, bħala prevenzjoni, bi spejjeż esklużivi tiegħu u mingħajr limitazzjoni ratione temporis, li kapaċi tidentifika fajls li jinkludu xogħlijiet li fuqhom dak li jagħmel talba jkollu drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bl-għan li jibblokka t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-imsemmija xogħlijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja qablet ukoll mal-fatt li tali miżura kienet timplika, għal dak l-operatur, li jimmonitorja l-informazzjoni kollha jew il-parti l-kbira tal-informazzjoni li huwa jaħżen, mingħajr limitu ta’ żmien, kienet immirata għal kwalunkwe ksur futur u kienet tippreżupponi li kellha tipproteġi mhux biss xogħlijiet eżistenti, iżda wkoll ix-xogħlijiet li kienu għadhom ma nħolqux fil-mument tal-implimentazzjoni tal-imsemmija sistema.

220. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Glawischnig-Piesczek (204), li din id-darba kienet tikkonċerna l-qasam ta’ attakki fuq l-unur ta’ persuni, li ordni tista’ timponi fuq intermedjarju li jipprovdi servizz obbligu li jsib u jibblokka informazzjoni preċiża, li l-kontenut tagħha ġie analizzat u evalwat minn qorti li, fi tmiem l-evalwazzjoni tagħha, iddikjaratha illegali. Għalhekk, qorti tista’ teżiġi li dan il-fornitur jibblokka l-aċċess għall-informazzjoni identika għaliha, irrispettivament mill-utent li jkun talab il-ħażna tagħha. Ordni tista’ wkoll tiġi estiża għall-informazzjoni ekwivalenti, sa fejn din tinkludi elementi speċifiċi debitament identifikati fl-ordni u sakemm il-fornitur ma jkunx obbligat iwettaq evalwazzjoni awtonoma tan-natura diffamatorja tagħha iżda, għall-kuntrarju, ikun jista’ jirrikorri għal tekniki u għal mezzi ta’ riċerka awtomatizzati. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, tali ordni tinvolvi biss obbligi speċifiċi ta’ monitoraġġ u ta’ tfittxija attiva, konformi mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 (205).

221. Minn dawk is-sentenzi jirriżulta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 ma jipprekludix kull obbligu ta’ identifikazzjoni u ta’ bblokkar. Minkejja li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi li fornitur, permezz ta’ ordni, jiġi mġiegħel jagħmel filtrazzjoni ġġeneralizzata tal-informazzjoni li huwa jaħżen fit-tfittxija ta’ kwalunkwe ksur (206), hija ma tipprekludix, a priori, li dan il-fornitur jiġi mġiegħel jagħmel ibblokkar ta’ fajl preċiż, li jagħmel użu minn xogħol protett, meqjus illegali minn qorti. Kif ninterpreta l-ġurisprudenza tal-qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix, f’dan il-kuntest, li fornitur ikun marbut jidentifika u jibblokka mhux biss il-kopji identiċi ta’ dan il-fajl, iżda wkoll fajls ekwivalenti oħra, jiġifieri, kif nifhimha jiena, dawk li jagħmlu użu simili mix-xogħol inkwistjoni. F’dan l-ambitu, għalhekk, l-istess dispożizzjoni ma tipprekludix li jiġi impost obbligu ta’ stay down fuq intermedjarju li jipprovdi servizz.

222. Madankollu, infakkar li l-miżuri meħuda kontra intermedjarju li jipprovdi servizz fil-kuntest ta’ ordni għandhom ikunu proporzjonati. Bħala tali, huwa importanti li jitqiesu r-riżorsi ta’ dan il-fornitur. B’mod partikolari, għalkemm l-ibblokkar ta’ kopja identika ta’ fajl meqjus illegali jidher relattivament faċli (207), huwa ferm iktar kumpless li tiskopri fajls oħrajn li jagħmlu użu simili tax-xogħol inkwistjoni (208). Għalkemm YouTube tiddikjara li tista’ tagħmel dan (209), mhux kull fornitur għandu t-teknoloġija neċessarja jew ir-riżorsi biex jakkwistaha (210). Infakkar ukoll li l-miżuri imposti permezz ta’ ordni għandhom jiżguraw bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet u interessi involuti u ma għandhomx joħolqu ostakli għall-użi legali tas-servizz. B’mod partikolari, obbligu ta’ bblokkar ma jistax, fil-fehma tiegħi, ikollu l-għan jew l-effett li jipprekludi lill-utenti ta’ pjattaforma milli jqiegħdu online kontenut legali u, b’mod partikolari, milli jagħmlu użu legali mix-xogħol ikkonċernat (211). Għandhom ikunu l-qrati nazzjonali li jiddeterminaw x’jista’ jkun raġonevolment mistenni mill-fornitur inkwistjoni.

223. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domandi fis-sens li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludi li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jitolbu ordni fuq talba kontra fornitur li s-servizz tiegħu, li jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn utent, jintuża minn terzi sabiex jiksru d-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat, biss meta, wara li jkun ġie indikat ksur ċar, ikun hemm reċidiva.

E.      Sussidjarjament — fuq il-kunċett ta’ “kontravventur” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 (il-ħames u s-sitt domandi)

224. Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) ifformulat il-ħames u s-sitt domandi tagħha biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod negattiv kemm għall-ewwel kif ukoll għat-tieni domandi. Il-Qorti tar-rinviju ssemmi għalhekk l-ipoteżi li fiha, minn naħa, l-attività ta’ operaturi bħal YouTube u Cyando ma taqax taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u, min-naħa l-oħra, dawn l-operaturi ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 għar-responsabbiltà li tista’ tirriżulta mill-informazzjoni li huma jaħżnu fuq talba tal-utenti tal-pjattaformi tagħhom (212).

225. Permezz tal-ħames domandi tagħha, dik il-qorti tistaqsi jekk, f’dan il-każ, l-imsemmija operaturi għandhomx jitqiesu bħala “kontravventuri”, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, minħabba li huma kellhom “rwol attiv” fir-rigward tal-fajls li jinkludu xogħlijiet protetti mqiegħda online, b’mod illegali, mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom.

226. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-imsemmija qorti tistaqsi, permezz tas-sitt d-domandi tagħha, dwar il-kompatibbiltà mal-imsemmi Artikolu 13(1) tar-regoli dwar il-kompliċità previsti fl-Artikolu 830 tal-BGB. Din l-aħħar dispożizzjoni, li tipprevedi forma ta’ responsabbiltà sekondarja, tippermetti lill-vittma ta’ ksur, kuntrarjament għar-“responsabbiltà tal-interferent”, tikseb danni minn persuna li tkun kompliċi. Tiġi kkunsidrata bħala tali l-persuna li deliberatament ħeġġet terz sabiex iwettaq intenzjonalment ksur jew li tkun tatu assistenza għal dan il-għan. Ir-responsabbiltà tal-kompliċi tippreżupponi madankollu, minbarra parteċipazzjoni oġġettiva fi ksur konkret, intenzjoni tal-inqas parzjali f’dak li jirrigwarda dan il-ksur u għandha tiġi estiża għall-konoxxenza tal-illegalità. Fil-prattika, intermedjarju li jipprovdi servizz jista’ għalhekk jinżamm responsabbli bħala kompliċi biss għall-ksur konkret tad-drittijiet tal-awtur, imwettaq mill-utenti tas-servizz tiegħu, li huwa jkollu għarfien tiegħu u li jkun iffaċilita deliberatament. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont dan l-istess Artikolu 13(1), għandux ikun biżżejjed, sabiex intermedjarju li jipprovdi servizz jiġi kkundannat iħallas danni lid-detenturi tad-drittijiet, li dan ikollu għarfien jew ikun konxju, b’mod ġenerali u astratt, tal-fatt li s-servizz tiegħu jintuża sabiex jinkisru d-drittijiet tal-awtur.

227. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 sempliċement ma huwiex intiż sabiex jirregola l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà tal-intermedjarji li jipprovdu servizz għall-okkorrenzi ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettqa mill-utenti tas-servizzi tagħhom.

228. F’dan ir-rigward, infakkar li dik id-dispożizzjoni tipprovdi li, “fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, [l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti] jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni”. Fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, il-“kontravventur” huwa għalhekk il-persuna li tidħol għal “attività li tikkontravjeni” jew, fi kliem ieħor, dik li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali.

229. Madankollu, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 għandu bħala għan uniku li jipprevedi regoli, ta’ natura proċedurali, dwar l-għoti u d-determinazzjoni tad-danni meta jitwettaq tali ksur. Din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex tiddetermina, minn qabel, liema drittijiet ta’ proprjetà intellettwali huma protetti, liema atti jiksru dawn id-drittijiet, min huwa responsabbli għalihom u min huwa d-“detentur tad-dritt” li lilu għandhom jitħallsu d-danni. Dawn il-mistoqsijiet kollha jaqgħu taħt ir-regoli sostantivi tad-dritt tal-proprjetà intellettwali (213). Infakkar li, b’mod ġenerali, id-Direttiva 2004/48 tarmonizza biss ċerti aspetti proċedurali tal-proprjetà intellettwali, bl-esklużjoni ta’ tali mistoqsijiet ta’ natura sostantiva (214).

230. Fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, ir-regoli sostantivi rilevanti jinsabu, b’mod partikolari, fid-Direttiva 2001/29. Persuna twettaq “attività li tikkontravjeni”, u b’dan issir “kontravventur”, meta hija twettaq att li jaqa’ taħt dritt esklużiv li din id-direttiva tirrikonoxxi lill-awtur – li huwa, f’dan il-kuntest, bħala prinċipju, id-“detentur tad-dritt” – mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ dan tal-aħħar u mingħajr ma tkun applikabbli eċċezzjoni jew limitu.

231. Issa, infakkar li l-ħames u s-sitt domandi huma bbażati fuq l-ipoteżi li fiha operaturi bħal YouTube u Cyando ma jwettqux atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. F’dan il-każ, dawn l-operaturi ma jistgħux jitqiesu bħala “kontravventuri” li jwettqu “attivitajiet li jikkontravjenu”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48.

232. Għaldaqstant, id-Direttiva 2004/48 twettaq biss armonizzazzjoni minima (215). Kif tosserva l-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom, favur id-detenturi ta’ drittijiet vittmi ta’ “attivitajiet li jikkontravjenu”, id-dritt li jiksbu danni minn persuni oħra għajr il-“kontravventur”, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, inklużi intermedjarji li jipprovdu servizz li għandhom faċilitajiet ta’ tali attivitajiet. Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet għal tali responsabbiltà sekondarja jaqgħu, kif indikajt diversi drabi f’dawn il-konklużjonijiet, taħt id-dritt nazzjonali.

F.      Fuq il-fatt li l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ma jiġġustifikax interpretazzjoni differenti tad-Direttivi 2000/31 u 2001/29

233. Kuntrarjament għal F. Peterson u Elsevier, ma nikkunsidrax li l-għan tad-Direttiva 2001/29 li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jitlob interpretazzjoni ta’ din id-direttiva u tad-Direttiva 2000/31 differenti minn dik li nissuġġerixxi f’dawn il-konklużjonijiet.

234. L-ewwel nett nenfasizza li din l-interpretazzjoni ma għandhiex il-konsegwenza li tħalli lid-detenturi ta’ drittijiet neqsin fil-konfront tat-tqegħid illegali tax-xogħlijiet tagħhom fuq pjattaformi bħal YouTube u Uploaded.

235. B’mod partikolari, id-detenturi tad-drittijiet għandhom, l-ewwel nett, il-possibbiltà li jressqu proċeduri ġudizzjarji kontra l-utenti li jkunu għamlu tali tqegħid illegali fuq l-internet. Għal dan il-għan, id-Direttiva 2004/48 tirrikonoxxi b’mod partikolari lil dawn id-detenturi d-dritt li jiksbu mingħand l-operaturi bħal YouTube u Cyando ċerta informazzjoni utli, fosthom l-ismijiet u l-indirizzi ta’ dawn l-utenti (216). Imbagħad, l-imsemmija detenturi jistgħu jinnotifikaw lil dawn l-operaturi l-preżenza, fuq il-pjattaformi tagħhom, ta’ fajls li jinkludu xogħlijiet tagħhom, imqiegħda online b’mod illegali. Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, l-imsemmija operaturi huma obbligati jirreaġixxu fil-pront għal tali notifika, billi jirtiraw il-fajls ikkonċernati jew billi jagħmlu l-aċċess għalihom impossibbli. Fin-nuqqas ta’ dan, dawn l-istess operaturi jitilfu l-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni u jistgħu, jekk ikun il-każ, jinżammu responsabbli skont id-dritt nazzjonali applikabbli. Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn operatur jiffaċilita deliberatament it-twettiq ta’ atti illegali mill-utenti tal-pjattaforma tiegħu, l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni tkun, fil-fehma tiegħi, eskluża mill-bidu. Fl-aħħar nett, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu fi kwalunkwe każ jiksbu, abbażi tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, ordnijiet kontra l-operaturi tal-pjattaformi, li permezz tagħhom jistgħu jiġu imposti fuqhom obbligi addizzjonali sabiex iwaqqfu l-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom u sabiex jipprekludu tali ksur.

236. Għalhekk, id-detenturi tad-drittijiet ma jsibux, sabiex jasserixxu d-drittijiet tagħhom u jiġġieldu kontra t-tqegħid online illegali ta’ fajls li jinkludu x-xogħlijiet tagħhom permezz ta’ pjattaformi bħal YouTube u Uploaded, id-diffikultajiet li jkollhom f’dak li jirrigwarda l-kondiviżjoni ta’ fajls fuq network peer-to-peer, iffaċilitat minn pjattaforma bħal “The Pirate Bay”. Fil-fatt, f’din l-aħħar ipoteżi, fid-dawl tal-organizzazzjoni deċentralizzata inerenti għal tali network (217), il-miżuri previsti fil-punt preċedenti jitilfu l-effettività tagħhom. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il-fajls jinħażnu b’mod ċentralizzat, fuq is-servers ta’ YouTube u ta’ Cyando, b’mod li dawn tal-aħħar jistgħu jneħħuhom, kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 (218). Għaldaqstant, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” bħal dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”) hija inqas iġġustifikata f’dawn il-kawżi.

237. Id-detenturi tad-drittijiet jirreplikaw li d-drittijiet esklużivi li huma għandhom fuq ix-xogħlijiet tagħhom ma humiex irrispettati peress li l-miżuri inkwistjoni huma essenzjalment reattivi iktar milli proattivi — peress li ma jipprekludux ex ante kwalunkwe tqegħid online ta’ kontenut illegali, iżda jippermettu fuq kollox it-tneħħija u, f’ċerti każi, l-ibblokkar tal-kontenut a posteriori — u jeħtieġu l-kollaborazzjoni tagħhom. Fil-fehma tagħhom, livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tagħhom ikun żgurat biss kieku l-operaturi tal-pjattaformi kienu jipprovdu sistema, li ma teħtieġx tali kollaborazzjoni, u li tippermetti li tiġi vverifikata l-legalità tal-kontenut kollu qabel ma jitqiegħed online.

238. F’dan ir-rigward, infakkar li, b’mod ġenerali, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix loġika simplistika li teħtieġ li d-drittijiet esklużivi previsti fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29 jiġu neċessarjament interpretati b’mod wiesa’ (u illimitat), u lanqas ma tinterpreta l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, fi kwalunkwe każ, strettament. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-għan, meta tispeċifika kemm il-parametri ta’ dawn id-drittijiet (219) kif ukoll il-portata tal-imsemmija eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet (220), li tasal għal interpretazzjoni raġonevoli, li tiżgura l-għan imfittex minn dawk id-diversi dispożizzjonijiet u li tippreżerva l-“bilanċ ġust” li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimplimenta, fl-imsemmija direttiva, bejn diversi drittijiet fundamentali u interessi opposti. Għalhekk, l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva ma għandux neċessarjament jiġi interpretat b’mod li jiżgura protezzjoni massima għad-detenturi tad-drittijiet (221).

239. Bl-istess mod, għalkemm id-drittijiet tal-awtur huma protetti bħala dritt fundamentali, b’mod partikolari, fl-Artikolu 17(2) tal-Karta, dan id-dritt ma huwiex assolut, iżda għandu ġeneralment jiġi bbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali u interessi oħra.

240. Tali bbilanċjar huwa meħtieġ f’dan il-każ. Minn naħa, l-operaturi ta’ pjattaformi jistgħu jinvokaw il-libertà ta’ intrapriża ggarantita fl-Artikolu 16 tal-Karta, li jipproteġihom, bħala prinċipju, minn obbligi ta’ natura li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-attività tagħhom.

241. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ dawn il-pjattaformi ma jistgħux jiġu injorati. L-istess japplika għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta (222), li, infakkar, jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li wieħed jirċievi jew jagħti informazzjoni jew ideat. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u kif ukoll minn dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-internet għandu importanza partikolari f’dan ir-rigward (223). B’mod aktar speċifiku, din l-aħħar qorti nnotat li YouTube huwa mezz importanti sabiex tiġi eżerċitata din il-libertà (224). L-istess jgħodd għal-libertà tal-arti, iggarantit mill-Artikolu 13 tal-Karta u li huwa strettament marbut mal-libertà ta’ espressjoni, minħabba l-għadd ta’ nies li jużaw il-pjattaformi bħal YouTube sabiex jikkondividu l-kreazzjonijiet tagħhom online.

242. Issa, li wieħed jeżiġi li l-operaturi ta’ pjattaformi jikkontrollaw, b’mod ġenerali u astratt, il-fajls kollha li l-utenti tagħhom ikollhom l-intenzjoni li jippubblikaw qabel it-tqegħid online tagħhom sabiex ifittxu kull ksur tad-drittijiet tal-awtur, iwassal għal riskju sinjifikattiv ta’ ostakolu għal dawn id-diversi drittijiet fundamentali. Fil-fatt, fid-dawl tan-numru potenzjalment kunsiderevoli ta’ kontenut ospitat, minn naħa, ikun impossibbli li jsir tali kontroll manwali minn qabel u, min-naħa l-oħra, ir-riskju fil-qasam tar-responsabbiltà jkun sproporzjonat għal dawn l-operaturi. Fil-prattika, l-iżgħar fosthom jirriskjaw li ma jsalvawx min din ir-responsabbiltà u dawk li jkollhom riżorsi suffiċjenti jkunu kostretti jwettqu filtrazzjoni ġġeneralizzata u astratta tal-kontenut tal-utenti tagħhom, mingħajr stħarriġ ġudizzjarju, li jiġġenera riskju konsegwenti ta’ “tneħħija eċċessiva” ta’ dan il-kontenut.

243. F’dan ir-rigward, infakkar li fis-sentenza SABAM (225), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impożizzjoni fuq l-operatur ta’ pjattaforma ta’ obbligu ġenerali ta’ filtrazzjoni tal-informazzjoni li huwa jaħżen mhux biss ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31, iżda wkoll ma tiżgurax “bilanċ ġust” bejn il-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, li minnu jgawdu d-detenturi tad-drittijiet, u dik tal-libertà ta’ intrapriża li jibbenefikaw minnha l-fornituri ta’ servizzi skont l-Artikolu 16 tal-Karta. Fil-fatt, tali ordni twassal għal ksur ċar ta’ din il-libertà peress li tobbliga lil dan l-operatur jistabbilixxi sistema informatika kumplessa, għalja, permanenti u bi spejjeż tiegħu biss (226). Barra minn hekk, tali obbligu ta’ filtrazzjoni ġġeneralizzat jikser il-libertà ta’ espressjoni tal-utenti ta’ din il-pjattaforma, fis-sens tal-Artikolu 11 tal-Karta, peress li l-mekkaniżmu ta’ fitrazzjoni jirriskja li ma jagħmilx biżżejjed distinzjoni bejn kontenut illegali u kontenut legali, b’tali mod li l-użu tiegħu jista’ jkollu l-effett li jwassal għall-ibblokkar ta’ din l-aħħar kategorija ta’ kontenut (227). Inżid li tali riżultat iwassal għal riskju ta’ ostakolu għall-ħolqien online, kuntrarju għall-Artikolu 13 tal-Karta. Il-periklu, f’dan ir-rigward, huwa li protezzjoni massima ta’ ċerti kreazzjonijiet intellettwali ma ssirx bi ħsara għal forom oħra ta’ kreazzjoni daqstant soċjalment mixtieqa (228).

244. Fil-qosor, jidhirli li l-bilanċ li għandu jinħoloq huwa kunsiderevolment iktar delikat minn dak li jaffermaw id-detenturi tad-drittijiet (229).

245. F’dan il-kuntest, id-Direttivi 2000/31 u 2001/29 jirriflettu bilanċ bejn dawn id-diversi drittijiet u interessi, mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta ġew adottati. Permezz tad-Direttiva 2000/31, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiffavorixxi l-iżvilupp tal-intermedjarji li jipprovdu servizz, sabiex jistimula b’mod iktar ġenerali t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku u s-“servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni” fis-suq intern. Għalhekk, din kienet kwistjoni li ma jiġix impost fuq dawn il-fornituri responsabbiltà ta’ natura li tipperikola l-vijabbiltà tal-attività tagħhom. L-interessi tad-detenturi tad-drittijiet kellhom jiġu ssalvagwardati u bbilanċjati mal-libertà ta’ espressjoni tal-utenti tal-imsemmija servizzi essenzjalment fil-kuntest tal-proċeduri ta’ “notifika u ta’ tneħħija” (230). Il-leġiżlatur tal-Unjoni żamm dan il-bilanċ, fid-Direttiva 2001/29, billi kkunsidra li l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet jiġu ssalvagwardati suffiċjentement mill-possibbiltà li jiksbu ordnijiet kontra dawn l-intermedjarji li jipprovdu servizz (231).

246. Mingħajr ebda dubju, iċ-ċirkustanzi nbidlu mill-adozzjoni ta’ dawk id-direttivi. L-intermedjarji li jipprovdu servizz ma għandhomx iktar l-istess wiċċ, u dan il-bilanċ jista’ ma għadux iġġustifikat. Fi kwalunkwe każ, għalkemm tali bidliet fiċ-ċirkustanzi jistgħu, sa ċertu punt, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta hija teżerċita l-marġni ta’ interpretazzjoni li jagħtuha t-testi tad-dritt tal-Unjoni, huwa fuq kollox il-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jevalwahom u, jekk ikun il-każ, jibdel dawn it-testi, b’mod li jipprovdi bilanċ ġdid minflok dak li huwa kien inizjalment implimenta.

247. Issa, infakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni għadu, preċiżament, kemm evalwa mill-ġdid, għall-futur, il-bilanċ tad-drittijiet u l-interessi fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, matul dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2019/790 (232). L-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva issa jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprevedu li “fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online (233) jagħmel att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew f’att ta’ disponibbiltà għall-pubbliku għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva meta jagħti aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella’ mill-utenti tiegħu”. Konsegwentement, kif jippreċiża l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, tali “fornitur” għandu huwa stess jikseb awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-dritt, pereżempju bil-konklużjoni ta’ ftehim ta’ liċenzja, għax-xogħlijiet imqiegħda online mill-utenti tiegħu. Barra minn hekk, il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jippreċiża li, meta tali “fornitur” iwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-direttiva, l-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 ma tapplikax.

248. L-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 jipprovdi wkoll li, fin-nuqqas ta’ tali awtorizzazzjoni, il-“fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” huma responsabbli għall-atti illegali ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku mwettqa permezz tal-pjattaforma tagħhom. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprevedi li dawn il-“fornituri” ma humiex responsabbli jekk juru li (a) huma għamlu l-“aħjar sforzi” tagħhom sabiex jiksbu awtorizzazzjoni, u (b) “f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija, għamlu l-aħjar sforzi”, biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli xogħlijiet speċifiċi u materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta’ servizz; u fi kwalunkwe każ (ċ) huma “aġixxew malajr, malli rċevew notifika sostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għal, jew ineħħu, mis-siti web tagħhom ix-xogħlijiet jew materjal ieħor notifikati, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b)” (234). Il-paragrafi 5 u 6 tal-istess artikolu jipprevedu li l-intensità tal-obbligi medji li huma bbażati fuq l-imsemmija “fornituri” tvarja skont parametri differenti, fosthom it-“tip, l-udjenza u d-daqs tas-servizz”, filwaqt li l-fornituri “żgħar” jibbenefikaw ukoll minn obbligi mnaqqsa (235).

249. Punt finali għandu jiġi eżaminat. F. Peterson u l-Gvern Franċiż sostnew ukoll, waqt is-seduta, li, kif tindika l-premessa 64 tad-Direttiva 2019/790 (236), il-leġiżlatur tal-Unjoni ried sempliċement, billi adotta l-imsemmi Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, “jiċċara” l-mod kif il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 kellu dejjem jinftiehem u jiġi applikat fir-rigward tal-operaturi ta’ pjattaformi bħal YouTube. Mill-argument tagħhom niddeduċi li l-imsemmi Artikolu 17 sempliċement “jiċċara” l-fatt li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 qatt ma kien ikun applikabbli għal dawn l-operaturi. L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 jikkostitwixxi għalhekk tip ta’ “liġi interpretattiva”, u sempliċement jippreċiża s-sens li d-Direttivi 2000/31 u 2001/29 dejjem kellu jkollhom. Is-soluzzjonijiet li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 17 il-ġdid għandhom għalhekk japplikaw, saħansitra qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/790, stabbilit għas-7 ta’ Ġunju 2021 (237), b’mod retroattiv, inkluż għall-kawżi prinċipali.

250. Ma nistax naċċetta dan l-argument. Fil-fehma tiegħi, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali li wieħed jiddeduċi tali applikazzjoni retroattiva mis-sempliċi użu ta’ terminu ambigwu f’premessa nieqsa minn valur legali vinkolanti (238).

251. Mill-bqija, nosserva li, apparti l-premessa 64 tagħha, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2019/790 ma tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti interpretazzjoni retroattiva tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, u dan minkejja li, barra minn hekk, huwa ħa ħsieb li jippreċiża l-applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-Direttiva 2019/790 fir-rigward tax-xogħlijiet u oġġetti protetti (239), u li jipprevedi dispożizzjoni tranżitorja għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni oħra tal-ewwel direttiva (240). Mill-bqija, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 jippreċiża huwa stess, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu, li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li huwa jagħti japplika biss “għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva” u “skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva”. Ir-responsabbiltà diretta tal-“fornituri” imsemmija fih għall-atti ta’ komunikazzjoni mwettqa mill-utenti tal-pjattaformi tagħhom, prevista fl-imsemmi Artikolu 17, ma hijiex is-sempliċi konsegwenza tal-mod li bih l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 kellu dejjem jinftiehem, iżda “tirriżulta” mill-istess Artikolu 17 (241). Għalhekk, anki jekk wieħed jippreżupponi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ għalhekk, kważi 20 sena wara l-adozzjoni ta’ direttiva, jagħti l-interpretazzjoni awtentika tagħha, nemmen li din ma hijiex il-kwistjoni f’dan il-każ.

252. Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma “ċċarax” id-dritt, kif dejjem kellu jinftiehem. Huwa ħoloq sistema ġdida ta’ responsabbiltà għal ċerti intermedjarji online fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur. L-idea kienet li l-qafas tad-drittijiet tal-awtur attwali tal-Unjoni jiġi “adattat u ssupplimentat” (242). Bħalma enfasizzat din l-istituzzjoni, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 jirrifletti għażla politika tal-leġiżlatur tal-Unjoni favur industriji kreattivi (243).

253. Dan l-Artikolu 17 jagħmel parti minn sensiela ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi (244), komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni (245) u regolamenti settorjali ġodda (246) li, bil-ħsieb li “jadattaw” u “jimmodernizzaw” id-dritt tal-Unjoni għaċ-ċirkustanzi l-ġodda msemmija iktar ’il fuq, jeżiġu involviment iktar proattiv tal-intermedjarji sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ kontenut illegali online (247).

254. Barra minn hekk, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni retroattiva ssuġġerita minn F. Peterson u mill-Gvern Franċiż. Minħabba l-“kjarifika” magħmula mill-Artikolu 17(1) u (3) tad-Direttiva 2019/790, l-operaturi ta’ pjattaformi ġeneralment ikunu responsabbli mill-atti kollha ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku mwettqa mill-utenti tagħhom u ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 4 u dawk sussegwenti ta’ dan l-Artikolu 17, li jipprevedu b’mod partikolari, kif indikajt, sistema ta’ eżenzjoni għal dawn l-operaturi, ma japplikawx, min-naħa tagħhom, b’mod retroattiv. Issa, sa fejn ipprovda dawn il-paragrafi tal-aħħar, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, fil-fehma tiegħi, jiżgura bilanċ bejn id-diversi drittijiet u interessi involuti (248).

255. B’hekk, il-fatt li ssir applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 f’każijiet bħal dawk tal-kawżi prinċipali mhux biss ma josservax il-bilanċ mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-adozzjoni tad-Direttivi 2000/31 u 2001/29, iżda lanqas ma josserva dak mixtieq minnu fl-adozzjoni tal-imsemmija Direttiva 2019/790. Fir-realtà, din is-soluzzjoni ma tirrifletti, fil-fehma tiegħi, ebda bilanċ.

VI.    Konklużjoni

256. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) fil-Kawżi C‑682/18 u C‑683/18 kif ġej:

1)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos u l-operatur ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls ma jwettqux att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta utent tal-pjattaformi tagħhom iqiegħed online xogħol protett.

2)      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos u l-operatur ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls jistgħu, bħala prinċipju, jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għal kull responsabbiltà li tista’ tirriżulta mill-fajls li huma jaħżnu fuq it-talba tal-utenti tal-pjattaformi tagħhom.

3)      L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sitwazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri dik li fiha fornitur ta’ servizzi attwalment ikollu “tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali” u dik li fiha tali fornitur ikun “konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti”, jirreferu, bħala prinċipju, għal informazzjoni illegali konkreta.

4)      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jitolbu ordni fuq talba kontra fornitur li s-servizz tiegħu, li jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn utent, jintuża minn terzi sabiex jiksru d-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat, biss meta, wara li jkun ġie indikat ksur ċar, ikun hemm reċidiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 (ĠU 2019, L 130, p. 92).


6      Din hija ċ-ċifra stabbilita mill-Qorti tal-Appell fil-kawża prinċipali. Google tinvoka, min-naħa tagħha, iċ-ċifra ta’ 400 siegħa ta’ vidjo kull minuta.


7      B’mod iktar preċiż, F. Peterson jinvoka d-drittijiet tiegħu bħala produttur tal-album A Winter Symphony kif ukoll id-drittijiet tiegħu u d-drittijiet li jirriżultaw minn dawk tal-artista fir-rigward tal-eżekuzzjoni tas-siltiet ta’ dan l-album magħmula bil-parteċipazzjoni artistika tiegħu bħala produttur u korista. Barra minn hekk, huwa jsostni, fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet tal-kunċerti tas-“Symphony Tour”, li huwa l-kompożitur u l-awtur tat-testi ta’ diversi siltiet mill-imsemmi album. Barra minn hekk, huwa għandu, bħala editur, drittijiet idderivati minn dawk tal-awturi fir-rigward ta’ ħafna minn dawn is-siltiet.


8      Għalkemm F. Peterson kien ukoll ħarrek lil YouTube Inc. u Google Germany, il-qorti tar-rinviju indikat li dawn il-kumpanniji ma għadhomx partijiet fil-kawża prinċipali.


9      L-ammont eżatt huwa kkontestat bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali u ma ġiex stabbilit mill-qrati nazzjonali.


10      Ara, għal iktar dettalji, Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), “Participative Web: User-Created Content”, Working Party on the Information Economy, DSTI/ICCP/IE(2006)7/Final, 12 ta’ April 2007.


11      Kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż, YouTube tiġbor, bħal Facebook, ammont kunsiderevoli ta’ data personali fuq l-utenti tal-internet li jżuru l-pjattaforma tagħha, fuq il-mod kif jużawha, fuq il-preferenzi tagħhom f’termini ta’ kontenut, eċċ., u dan, b’mod partikolari, sabiex ir-reklamar imxandar fuq din il-pjattaforma jkun immirat skont l-utent. Il-mistoqsijiet imqajma minn dan il-ġbir iġġeneralizzat ta’ data u l-ipproċessar li tgħaddi minnu jmorru lil hinn madankollu mis-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Ara, għal iktar dettalji, Fontaine, G., Grece, C., Jimenez Pumares, M., “Online video sharing: Offerings, audiences, economic aspects”, European Audiovisual Observatory, Strasbourg, 2018.


13      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara, għal iktar dettalji, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Industrija Fonografika “Rewarding creativity: Fixing the value gap”, Global music report 2017, u Bensamoun A., “Le value gap ou le partage de la valeur dans la proposition de directive sur le droit d’auteur dans le marché unique numérique”, Rivista Entertainment, Bruylant, Nru 2018-4, p. 278 sa 287.


15      Ara l-premessi 4, 9 u 10 tad-Direttiva 2001/29.


16      Ser nuża t-terminu “komunikazzjoni lill-pubbliku” sabiex nindika, b’mod ġenerali, l-atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens strett u l-atti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Ser nirreferi b’mod iktar preċiż għal waħda jew għall-oħra minn dawn il-kategoriji meta dan ikun neċessarju. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 jirrikonoxxi wkoll, fil-paragrafu 2(a) u (b) tiegħu, dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, iżda mhux id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens strett, bħala dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur, rispettivament, lill-artisti interpreti jew eżekuturi, fir-rigward tal-iffissar tal-wirjiet tagħhom, u lill-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom. Din id-dispożizzjoni hija rilevanti wkoll fil-Kawża C-682/18 sa fejn F. Peterson għandu, fir-rigward ta’ ċerti fonogrammi mqiegħda online mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, drittijiet relatati bħala artist interpretu jew eżekutur u/jew produttur (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, peress li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, atti “li jagħmlu [oġġett] disponibbli għall-pubbliku”, u li dan il-kunċett għandu l-istess tifsira fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu 3, ser nillimita ruħi, għall-konvenjenza, li nsemmi d-drittijiet tal-awtur imsemmija fl-ewwel paragrafu, madankollu, l-analiżi tiegħi se tkun trasponibbli għad-drittijiet relatati li jinsabu fit-tieni paragrafu.


17      Jew, b’mod iktar ġenerali, tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħol inkwistjoni, li ma huwiex neċessarjament l-awtur. Ser nuża l-kunċetti ta’ “awtur” u ta’ “detentur tad-drittijiet” b’mod interkambjabbli f’dawn il-konklużjonijiet.


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, Spedidam et (C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara l-premessa 50 tad-Direttiva 2000/31 u l-premessa 16 tad-Direttiva 2001/29.


20      B’mod partikolari, għandha tiġi evitata, sa fejn huwa possibbli, sitwazzjoni li fiha fornitur ta’ servizzi jkun responsabbli, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, filwaqt li jkun eżentat minn din ir-responsabbiltà skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Ara, għal iktar dettalji, il-punti 137 sa 139 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21      F’dawn il-konklużjonijiet, ma iniex ser nindirizza l-kwistjoni tal-kopji ġġenerati mit-tqegħid online ta’ xogħol fuq pjattaformi bħal YouTube jew Uploaded u mill-konsultazzjoni tiegħu jew it-tniżżil tiegħu mill-pubbliku. Fil-fatt, din il-kwistjoni taqa’ taħt l-interpretazzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll taħt l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għal dan id-dritt previsti fl-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija dwarha. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni ta’ Cyando, li invokat l-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva, din il-kwistjoni ma ġietx diskussa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Stim u SAMI (C-753/18, EU:C:2020:268, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 8 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur, iffirmat fl-20 ta’ Diċembru 1996 f’Ġinevra u approvat f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208) (iktar ’il quddiem it-“TDA”), li l-ewwel dispożizzjoni għandha l-għan li timplimenta (ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2001/29).


24      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C-263/18, EU:C:2019:1111, punti 49 u 62, u l-l-ġurisprudenza ċċitata).


26      B’mod iktar preċiż, id-destinatarji jingħataw il-possibbiltà li jipperċepixxu, bi kwalunkwe mod xieraq (bis-smigħ għal fonogramma, eċċ), l-elementi kollha li jikkomponu x-xogħol, jew uħud minnhom, u li huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess tiegħu. Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 47).


27      Il-forom “tradizzjonali” ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku bħalma huma r-rappreżentazzjonijiet u l-eżekuzzjonijiet diretti, pereżempju l-ispettakli diretti li jsiru quddiem pubbliku li jinsab f’kuntatt fiżiku mal-persuna li teżegwixxi x-xogħlijiet, ma jaqgħux taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Circul Globus Bucureşti (C‑283/10, EU:C:2011:772, punti 35 sa 41).


28      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punti 41 sa 44 u 63).


29      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C-263/18, EU:C:2019:1111, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Il-fatt li l-konsultazzjoni ta’ xogħol minn pjattaforma bħal YouTube issir bl-“istreaming” u li, għaldaqstant, ma jkunx hemm kopja permanenti għall-membru tal-pubbliku kkonċernat huwa irrilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (ara, b’mod partikolari, Walter, M. M., u von Lewinski, S., European Copyright Law – A Commentary, Oxford University Press, 2010 p. 983). Barra minn hekk, il-fatt li xogħol jista’ jitniżżel minn Uploaded u li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu għalhekk, bil-maqlub, jiksbu tali kopja ma jeskludix l-użu ta’ din id-dispożizzjoni favur id-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(1) ta’ dik id-direttiva (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punti 40 sa 45 u 51)).


31      Min-naħa l-oħra, ma jkunx hemm “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” meta utent jqiegħed xogħol online fuq YouTube, u jħallih “privat” u, jekk ikun il-każ, jikkondividih biss mal-familja tiegħu jew mal-ħbieb tiegħu. L-istess japplika meta utent ta’ Uploaded jqiegħed xogħol fiha online u ma jikkondividix id-download link tiegħu, jew jikkondividiha biss ma’ dawk il-persuni. Fil-fatt, dan ma huwiex “pubbliku”, iżda grupp privat (ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


32      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C-263/18, EU:C:2019:1111, punti 44, 67 u 68, u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 45). Huwa ovvju li, kemm f’każ kif ukoll fl-ieħor, il-“pubbliku” ma huwiex preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni. Barra minn hekk, huwa irrilevanti jekk dan il-“pubbliku” jikkonsultax jew iniżżilx effettivament ix-xogħol. Fil-fatt, l-att determinanti huwa dak li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol, u għaldaqstant l-offerta lilu ta’ xogħol fuq sit aċċessibbli għall-pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punti 63 u 64)).


34      Ara l-punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016 (C‑160/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza GS Media”, EU:C:2016:644).


36      Sentenza tas-26 ta’ April 2017 (C‑527/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Stichting Brein I (‘filmspeler’)”, EU:C:2017:300).


37      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017 (C‑610/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Stichting Brein II (‘The Pirate Bay’)”, EU:C:2017:456).


38      Din il-premessa tirriproduċi d-dikjarazzjoni konġunta dwar l-Artikolu 8 tat-TDA adottata mill-konferenza diplomatika fl-20 ta’ Diċembru 1996.


39      Din tista’ tkun persuna waħda jew iktar. Ser nuża s-singular għall-konvenjenza.


40      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 isegwi din il-loġika meta jirreferi għall-possibbiltà għad-detenturi tad-drittijiet li jiksbu ordni kontra “intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat”. Ara, wkoll, il-premessa 59 ta’ din id-direttiva.


41      Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006 (C‑306/05, EU:C:2006:764).


42      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, speċifikament, li l-lukandier jintervjeni “f’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-imġieba tiegħu” (ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 42). Din l-espressjoni hija, fil-fehma tiegħi, sinonima għal intervent volontarju (ara l-punt 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


43      Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awturi, meta jawtorizzaw ix-xandir tax-xogħlijiet tagħhom, huma kkunsidrati li jieħdu inkunsiderazzjoni biss lil dawk li għandhom apparati ta’ televiżjoni li jirċievu t-trażmissjonijiet individwalment jew fiċ-ċirkolu privat jew tal-familja tagħhom. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 41).


44      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 36 sa 44). Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet l-istess raġunament f’kuntesti simili. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 183 sa 207); tas-27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, EU:C:2014:110, punti 22 sa 36), kif ukoll tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 35 sa 65).


45      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 46). F’ċerti sentenzi, dan ir-raġunament huwa tradott f’żewġ kriterji: ir-rwol “indispensabbli” li għandha l-persuna li twettaq l-att ta’ komunikazzjoni u n-“natura deliberata tal-intervent tiegħu” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”)”, punt 26)). Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, fir-realtà dawn il-kriterji huma marbuta b’mod inseparabbli (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


46      Ara n-noti li jakkumpanjaw il-proposta tat-TDA, Nru 10.10, li jispjegaw li, f’termini ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni”, l-att determinanti huwa l-att inizjali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, u mhux il-provvista ta’ spazju ta’ ħażna jew ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika. Ara, ukoll, Koo, J., The Right of Communication to the Public in EU Copyright Law, Hart publishing, Oxford, 2019, p. 161 u 162.


47      Pereżempju, f’termini ta’ xandir, il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” issir permezz tal-organizzazzjoni tax-xandir li tiddeċiedi dwar ix-xogħlijiet trażmessi u li tibda b’mod attiv il-“komunikazzjoni” tagħhom, billi ddaħħalhom fil-proċess tekniku li jippermetti t-trażmissjoni tagħhom lill-“pubbliku” (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Stim u SAMI (C‑753/18, EU:C:2020:4, punt 23) u l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134)). Min-naħa l-oħra, ix-xandara, li jsegwu l-istruzzjonijiet ta’ dik l-organizzazzjoni, jagħmlu “sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi”.


48      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Stim u SAMI (C‑753/18, EU:C:2020:4, punti 32 sa 37).


49      Ara, fil-Ġermanja, il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichstof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), fil-qasam tad-dritt tal-midja, li jipprovdi li fornitur jadotta d-dikjarazzjoni ta’ terz meta jidentifika ruħu magħha u jintegraha fil-katina ta’ ħsieb tiegħu b’tali mod li tidher li hija tiegħu (ara, b’mod partikolari, il-Bundesgerichsthof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), 17 ta’ Diċembru 2013, VI ZR 211/12, punt 19). Dan l-approċċ kien intiż fir-rigward tal-proprjetà intellettwali (ara l-Bundesgerichsthof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), 30 ta’ April 2008, I ZR 73/05).


50      Ara, b’analoġija, fir-Renju Unit, l-Artikolu 6(3) tal-Copyright, Designs and Patents Act 1988 (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, id-Disinni u l-Privattivi tal-1988), li jindika, fil-qasam tax-xandir, li l-persuna jew il-persuni li jwettqu l-att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” huma “(a) […] the person transmitting the programme, if he has responsibility to any extent for its contents, and (b) […] any person providing the programme who makes with the person transmitting it the arrangements necessary for its transmission”.


51      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C-607/11, EU:C:2013:147). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li organizzazzjoni taqbad programm imxandar u tittrażmettih mill-ġdid b’mod simultanju, mhux mibdul u integrali permezz ta’ live streaming fuq l-internet jikkostitwixxi użu sussegwenti ta’ din ix-xandira ekwivalenti għal att awtonomu ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, minħabba li din it-trażmissjoni mill-ġdid tuża “metodu tekniku speċifiku”, li huwa differenti mix-xandir.


52      Kif ser nispjega fl-analiżi tiegħi tat-tieni domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 fis-sens li intermedjarju li jipprovdi servizz ma jistax jinvoka l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà previsti fiha meta jkun qed jaqdi “rwol attiv ta’ natura li jagħtih tagħrif jew kontroll” tad-data pprovduta mill-utenti tas-servizz tiegħu (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2010 (C‑236/08 sa C‑238/08, iktar ’il quddiem “is-sentenza Google France”, EU:C:2010:159, punti 112 sa 114), kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, iktar ’il quddiem “is-sentenza L’Oréal vs eBay”, EU:C:2011:474, punt 113)). L-approċċ li nissuġġerixxi għad-distinzjoni bejn “att ta’ komunikazzjoni” u “sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi” huwa qrib dan ir-raġunament u jippermetti li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jiġu interpretati b’mod konsistenti. Ara, fl-istess sens, Husovec, M., Injunctions Against Intermediaries in the European Union – Accountable But Not Liable?, Cambridge University Press, Cambridge, 2017, p. 55 sa 57.


53      Pereżempju, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764), il-lukandier ma llimitatx ruħu li jintervjeni b’mod passiv fi trażmissjoni deċiża mill-organizzazzjoni tax-xandir. Huwa kien iddeċieda, minn jeddu, li jagħmel użu sussegwenti, mhux previst minn din l-organizzazzjoni, tal-programm imxandar, billi jittrażmettih mill-ġdid lill-klijenti tiegħu. Bl-istess mod, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal (C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punti 74 sa 82), fornitur ta’ pakkett bis-satellita li jiġbor fih diversi trażmissjonijiet minn organizzazzjonijiet tax-xandir differenti għall-benefiċċju tal-klijenti tiegħu ma jillimitax ruħu għal “provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi” peress li huwa jinvolvi ruħu b’mod attiv sabiex joffri, lil pubbliku li huwa stess iddefinixxa, katalogu ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni magħżula minnu stess. Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913, punti 37 sa 51), il-fornitur li jirċievi programmi mxandra u jippermetti lill-utenti tas-servizz tiegħu jirreġistraw “fi sħaba” ix-xandiriet li huma jixtiequ lanqas ma jillimita ruħu għal tali “provvista”. Fil-fatt, dan il-fornitur jintervjeni b’mod attiv fil-“komunikazzjoni” peress li, b’mod partikolari, jagħżel l-istazzjonijiet li jaqgħu taħt is-servizz tiegħu.


54      Bl-istess mod, il-fatt li operaturi bħal YouTube u Cyando jospitaw, fuq is-servers tagħhom, ix-xogħlijiet protetti u jittrażmettuhom meta jirċievu talba f’dan is-sens minn membru tal-pubbliku ma huwiex determinanti.


55      YouTube għandha wkoll kanal li fuqu hija xxandar il-“kontenut” tagħha “stess”. Issa, dan l-operatur iwettaq il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ dan il-kontenut ladarba jkun ipproduċih u/jew għażlu.


56      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawża VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:649, punt 27).


57      Ara l-punti 16 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58      Il-kontroll li dawn l-operaturi jeżerċitaw a posteriori, b’mod partikolari, sabiex jirreaġixxu fil-pront għan-notifiki li huma jirċievu mid-detenturi tad-drittijiet, ma jistax a fortiori jitqies bħala għażla bħal din.


59      YouTube twettaq dan il-kontroll permezz tas-software tagħha Content ID (ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Nenfasizza li, fil-fehma tiegħi, il-fatt li kontroll minn qabel jitwettaq b’mod awtomatizzat ma huwiex l-element deċiżiv. Fil-fatt, b’mod assolut, huwa possibbli li wieħed jimmaġina proċess ta’ validazzjoni jew ta’ selezzjoni ta’ kontenut imwettaq minn software li jiddetermina, b’mod algoritmiku, il-kontenut li jikkorrispondi l-aħjar għal dak li l-operatur jixtieq ikollu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq il-pjattaforma tiegħu. Madankollu, dan ma huwiex il-każ ta’ sempliċi kontroll tal-legalità.


60      Irrid nenfasizza li l-kriterji tal-“pubbliku ġdid” u tal-“metodu tekniku speċifiku” huma rilevanti biss fir-rigward tal-użu sussegwenti ta’ komunikazzjoni inizjali. Dawn il-kriterji jippermettu li jiġu identifikati, fost dawn l-użi sussegwenti, dawk li għandhom jitqiesu bħala “komunikazzjonijiet sekondarji” (jew “trażmissjonijiet mill-ġdid”) li jeħtieġu awtorizzazzjoni speċifika (pereżempju, it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandira bil-cable). Dawn l-ipoteżijiet ma jistgħux jiġu konfużi ma’ dik li fiha xogħol, li kien is-suġġett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fil-passat, jagħti lok għal komunikazzjoni ġdida lill-pubbliku, indipendenti minn dik preċedenti. F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2001/29, kull waħda minn dawn il-komunikazzjonijiet lill-pubbliku għandha tiġi awtorizzata, anki jekk it-tnejn li huma huma mmirati lejn l-istess pubbliku jew jużaw l-istess metodu tekniku. Konsegwentement, ma huwiex importanti li jsir magħruf jekk xogħlijiet imqiegħda online fuq YouTube jew Uploaded humiex legalment disponibbli fuq sit tal-internet ieħor. Kull wieħed minn dawn l-okkorrenzi ta’ tqegħid online huwa indipendenti mill-ieħor u t-tnejn li huma jeħtieġu awtorizzazzjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C-161/17, EU:C:2018:634).


61      Din il-kwistjoni ma tqumx fir-rigward ta’ pjattaforma bħal Uploaded, li ma għandhiex funzjonijiet ta’ tfittxija jew indiċi tal-fajls ospitati. F’dan il-kuntest, m’iniex konvint mill-argument imressaq minn Elsevier u l-Gvern Ġermaniż li l-assenza ta’ dawn il-funzjonijiet ma hijiex determinanti minħabba li siti terzi, li jaġixxu bħala kollezzjonijiet ta’ links, jippermettu lill-pubbliku jsib, fost il-kontenut hekk ospitat, ix-xogħlijiet li huma jixtiequ jniżżlu. Minbarra li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija funzjonijiet ma humiex, fil-fehma tiegħi, rilevanti għall-finijiet li jsir magħruf jekk fornitur ta’ servizzi jwettaqx “komunikazzjoni lill-pubbliku”, jidhirli li, f’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-atti ta’ dan il-fornitur, u mhux għal dawk ta’ terzi li magħhom ma għandu ebda relazzjoni.


62      Għall-kuntrarju, l-iffaċilitar tal-inkontru bejn terzi li jixtiequ jikkomunikaw kontenut u l-pubbliku huwa x-xogħol ta’ intermedjarju. Ara OECD, The Economic and Social Role of Internet Intermediaries, April 2010, p. 15.


63      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Elsevier, il-fatt li operatur bħal YouTube jikkonverti f’diversi formati l-vidjos imqiegħda online sabiex jadattahom għal diversi qarrejja u għal veloċitajiet ta’ konnessjoni, fil-fehma tiegħi ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, dawn huma operazzjonijiet tekniċi intiżi sabiex jippermettu u jiffaċilitaw it-trażmissjoni tad-data u, għaldaqstant, il-qari ta’ dawn il-vidjos mill-membri tal-pubbliku fuq il-browser tagħhom (jew l-applikazzjoni ddedikata). Tali operazzjonijiet tekniċi ma jistgħux jiġu assimilati ma’ bidla fil-kontenut mill-fornitur. Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Airfield et Canal Digitaal (C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punti 60 u 61).


64      Skont ir-riċerki tiegħi, fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu tal-pjattaformi online spiss ikun hemm tali stipulazzjoni. Ara, b’mod partikolari, dawk ta’ Facebook (verżjoni tal-31 ta’ Lulju 2019, punt 3.3 “The permissions you give us” aċċessibbli fl-indirizz https://m.facebook.com/terms?locale=mt_MT).


65      Wieħed jista’ jistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali stipulazzjoni u dwar il-liċenzja operattiva ġeneruża li hija tipprevedi ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-proprjetà intellettwali jew, fir-rigward tal-utenti mhux professjonali, mad-dritt tal-konsum tal-Unjoni. Madankollu, din il-kwistjoni tmur lil hinn mis-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ser nillimita ruħi sabiex nindika li, fir-rigward tal-utenti professjonali, issa huma previsti regoli f’dan il-qasam fl-Artikolu 3(1)(e) tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU 2019, L 186, p. 57).


66      Qed naħseb b’mod partikolari dwar il-kumpilazzjonijiet tat-tip “YouTube Rewind”.


67      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, minn darba għal oħra, l-ewwel nett irriżervat il-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” tiddependix min-natura lukrattiva tagħha (ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 44)); it-tieni nett iddeċidiet, bi prudenza, li dan l-element “ma huwiex irrilevanti” (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 204 sa 206)); it-tielet nett ikkunsidrat, b’mod ċar, li n-natura lukrattiva hija “kriterju” tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, peress li l-assenza tagħha teskludi tali “komunikazzjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 97 sa 99)), qabel, ir-raba’ nett, ma affermat li n-natura lukrattiva “ma hijiex neċessarjament kundizzjoni indispensabbli” u “ma hijiex determinanti” f’dan ir-rigward (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147, punti 42 u 43)).


68      Sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016 (C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 49 u 62 sa 64).


69      Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 huwa indifferenti mill-fatt dwar jekk il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” għandhiex jew le natura lukrattiva. Kif indikajt, l-eżistenza ta’ tali komunikazzjoni hija fatt oġġettiv. Barra minn hekk, peress li din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi dritt esklużiv lill-awtur, kull “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ xogħol imwettqa minn terz mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu tikser, bħala prinċipju, dan id-dritt, irrispettivament minn jekk dan it-terz għandux skop ta’ lukru jew le. L-Artikolu 5(3)(a), (b) u (j) ta’ din id-direttiva madankollu jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu eċċezzjonijiet għal ċerti “komunikazzjonijiet” imwettqa mingħajr skop ta’ lukru.


70      Pereżempju, il-fatt li persuna xxandar xogħlijiet bi skop ta’ lukru jindika li hija tagħmel dan mhux għal grupp privat, iżda għal persuni inġenerali, jiġifieri għal “pubbliku”. Dan l-istatus ta’ sempliċi indizju jispjega, fil-fehma tiegħi, il-fatt li, f’diversi sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkaratterizzat ċerti atti bħala “komunikazzjonijiet lill-pubbliku” mingħajr ma qajmet il-kwistjoni tan-natura lukrattiva. Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76); tas-27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, EU:C:2014:110); tad-29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913); tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634), kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111).


71      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Stim u SAMI (C‑753/18, EU:C:2020:4, punti 43 u 44).


72      Barra minn hekk, id-dħul mir-reklamar irċevut minn pjattaforma bħal YouTube jiddependi mill-popolarità tal-pjattaforma, f’kull użu possibbli tagħha. Bl-istess mod, l-abbonamenti bħal dawk proposti minn Cyando joffru diversi vantaġġi fil-qasam ta’ tniżżil ta’ kontenut, iżda wkoll, milli jidher, f’termini ta’ kapaċità ta’ ħażna. F’tali kuntest, jidhirli li l-linja li tissepara l-“korrispettiv għas-servizz” u l-“korrispettiv għall-kontenut” hija rqiqa ħafna. Għall-kuntrarju, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal (C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punt 80), il-prezz tal-abbonament imħallas mill-pubbliku lil fornitur ta’ pakkett bis-satellita huwa (bla dubju) il-korrispettiv tal-aċċess għax-xogħlijiet ikkomunikati bis-satellita.


73      Ara s-sentenza Google France, punti 50 sa 57 kif ukoll 104.


74      Ara s-sentenza L’Oréal vs eBay, punti 98 sa 105. Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Coty Germany (C‑567/18, EU:C:2020:267, punti 34 sa 48).


75      Ara s-sentenza Google France, punt 25.


76      Ara s-sentenza L’Oréal vs eBay, punti 28 u 110.


77      Mill-bqija, b’analoġija, fis-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, b’mod partikolari l-punti 27 u 40), il-Qorti tal-Ġustizzja telqet mill-premessa li tgħid li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ network soċjali sempliċement jipprovdi servizz li jippermetti lill-utenti tiegħu jikkomunikaw xogħlijiet lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Ma narax għalfejn għandi nitbiegħed minn dan l-approċċ hawnhekk.


78      Ara, b’analoġija, is-sentenza Google France, punt 57, is-sentenza L’Oréal vs eBay, punt 104, u s-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Coty Germany (C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 49).


79      Sentenza tat-13 ta’ Frar 2014 (C‑466/12, EU:C:2014:76).


80      Ara s-sentenza GS Media, punti 40 sa 51.


81      Ara s-sentenza Stichting Brein I (“ filmspeler”), punti 41 sa 51.


82      Ara s-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), punti 35 sa 46.


83      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 193); tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 38), kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019,Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punti 49 u 62). Fis-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Circul Globus Bucureşti (C‑283/10, EU:C:2011:772, punt 40), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jkoprix atti li ma jinvolvux it-“trażmissjoni” jew it-“trażmissjoni mill-ġdid” ta’ xogħol.


84      Nippreċiża li r-responsabbiltà tal-utenti ta’ netwrok peer-to-peer skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 hija s-suġġett tal-kawża pendenti C‑597/19, M.I.C.M.


85      Il-kwistjoni tal-hyperlinks tmur lil hinn mis-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-okkażjoni li teżamina din il-kwistjoni mill-ġdid fil-kawża pendenti C‑392/19, VG Bild-Kunst.


86      Ara, f’dan il-kuntest, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:221, punti 54 sa 61). Barra minn hekk, fil-punt 26 tas-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), il-Qorti tal-Ġustizzja emendat id-definizzjoni inizjali tar-“rwol indispensabbli”, issa mifhum bħala l-fatt, għal persuna, “[li tintervjeni] b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir [tagħha], sabiex [t]agħti lill-klijenti [tagħha] aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, jew diffiċilment ikunu jistgħu, igawdu mix-xogħol imxandar” (enfasi miżjuda minni).


87      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 42); tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 194); tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 91 u 94), kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 26).


88      It-trażmissjoni aċċidentali ta’ xogħol lil pubbliku, pereżempju, mużika mxandra f’dar privata fuq loudspeakers irregolati b’volum għoli, li tinstema’ minn persuni li jkunu għaddejjin fit-triq, ma tikkostitwixxix għaldaqstant “komunikazzjoni lill-pubbliku”. In-natura volontarja ta’ komunikazzjoni hija dedotta minn elementi oġġettivi li jirrigwardaw in-natura stess tal-intervent tal-persuna inkwistjoni. Dan jispjega li, apparti s-sentenzi GS Media, Stichting Brein I (“Filmspeler”) u Stichting Brein II(“The Pirate Bay”), il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma wettqet eżami separat ta’ din il-kwistjoni u ppreżentatha, ġustament, bħala marbuta b’mod inseparabbli ma’ dik tar-“rwol indispensabbli” tal-persuna inkwistjoni.


89      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2016:938, punt 71).


90      Barra minn hekk, uħud mill-miżuri previsti mid-Direttiva 2004/48 huma previsti biss għall-atti mwettqa fuq skala kummerċjali, bl-esklużjoni tal-atti li jitwettqu minn konsumaturi finali li jaġixxu in bona fide. Ara l-premessa 14 kif ukoll l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 9(2) ta’ dik id-direttiva.


91      Fil-Ġermanja, ir-responsabbiltà għall-kompliċità hija prevista fl-Artikolu 830 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili) (iktar ’il quddiem il-“BGB”) (ara, dwar is-suġġett, l-analiżi tiegħi dwar il-ħames u s-sitt domandi preliminari). Fir-Renju Unit, il-fatt li wieħed jawtorizza, jikseb il-mezzi jew iħeġġeġ ksur jikkostitwixxi reat (tort) (ara Arnold, R., u Davies, P. S., “Accessory liability for intellectual property infringement: the case of authorisation”, Law Quarterly Review, Nru 133, 2017, p. 442-468). Ara, mill-ġdid, b’analoġija, fl-Istati Uniti, ir-regoli ta’ contributory infringement (ara Ginsburg, J.C., “Separating the Sony Sheep from the Grokster Goats: Reckoning the Future Business Plans of Copyright-Dependent Technology Entrepreneurs”, Arizona Law Review, Vol. 50, 2008, p. 577 sa 609).


92      Ara, b’mod partikolari, Leistner, M., “Copyright law on the internet in need of reform: hyperlinks, online platefomes and aggregators”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, 2017, Vol. 12, Nru 2, p. 136 sa 149; Angelopoulos, C., “Communication to the public and accessory copyright infringement”, Cambridge Law Journal, 2017, Vol. 76, Nru 3, p. 496 sa 499; Koo, J., op. cit., p. 117, kif ukoll Ohly, A., “The broad concept of “communication to the public” in recent CJEU judgments and the liability of intermediaries: primary, secondary or unitary liability?”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, 2018, Vol. 13, Nru 8, p. 664 sa 675.


93      Bl-eċċezzjoni, madankollu, tar-regoli dwar l-ordnijiet kontra l-intermedjarji previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 (ara l-analiżi tiegħi tar-raba’ domandi preliminari).


94      Diversi direttivi jinkludu artikolu li jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu bħala reat il-fatt li wieħed jinkoraġġixxi t-twettiq, jipparteċipa jew ikun kompliċi tal-atti li huma għandhom l-għan ewlieni li jrażżnu. Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1); l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU 2013, L 218, p. 8); l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (Direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU 2014, L 173, p. 179); l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29); l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2018, L 284, p. 22).


95      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi magħquda Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2009:569, punt 48); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2010:757, punti 55 u 56), u kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:99, punt 3).


96      Ara s-sentenza Google France, punt 57, u s-sentenza L’Oréal vs eBay, punt 104.


97      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stichting Brein I (“Filmspeler”), punti 41 u 42, kif ukoll is-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), punti 26, 34, 36 u 37. Ara, dwar il-kunċett ta’ “rwol indispensabbli”, kif huwa mifhum, fil-fehma tiegħi, fis-sentenzi l-oħrajn tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


98      Fil-fatt, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq iżżomm kriterju ta’ għarfien tal-illegalità fil-kuntest tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, hija għandha ssegwi l-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, sakemm ma tassumix ir-riskju li tasal għas-sitwazzjoni, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li fiha l-fornitur ta’ servizz ikun responsabbli skont l-ewwel dispożizzjoni, iżda eżentat fuq il-bażi tat-tieni waħda.


99      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:99, punti 51 u 52), u, b’analoġija, is-sentenza GS Media, punt 49.


100      Għalhekk, fuq dawn il-punti, nirreferi għall-analiżi tiegħi tat-tielet domandi preliminari. Madankollu, nippreċiża li l-idea ta’ “konoxxenza” (li tirreferi għall-kliem tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31, li jipprovdi li “dak li jipprovdi [il-fornitur] […] [ikun] konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti;) tikkorrispondi għall-idea, imsemmija fil-punt 49 tas-sentenza GS Media, li persuna hija responsabbli meta “kellha tkun taf” li hija kienet qiegħda tiffaċilita komunikazzjoni illegali.


101      Ara s-sentenza GS Media, punt 51.


102      Fil-punt 49 tas-sentenza Stichting Brein I (“Filmspeler”), il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet il-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza GS Media. Madankollu, għalkemm il-bejgħ tal-multimedia player inkwistjoni sar bi skop ta’ lukru, fil-verità hija ma applikatx din il-preżunzjoni. Barra minn hekk, fis-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma invokat l-imsemmija preżunzjoni.


103      Ara s-sentenza GS Media, punt 51.


104      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:99, punt 52). Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-limiti li jimponi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 fir-rigward ta’ ordnijiet ġudizzjarji li jistgħu jinħarġu kontra fornitur li jaħżen informazzjoni pprovduta mill-utenti tas-servizz tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza L’Oréal vs eBay, punt 139). Fil-fehma tiegħi, dik id-dispożizzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni lil hinn mill-kwistjoni ta’ dawn l-ordnijiet. Fil-fatt, ma tistax tiġi adottata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-effett li timponi ex ante tali obbligu fuq tali fornitur. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fil-kuntest tat-tieni domandi preliminari, li operaturi bħal YouTube jew Cyando ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 14 u 15 ta’ dik id-direttiva, obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ u ta’ tfittxija attiva jkun irrikonċiljabbli ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni (ara Taqsima F ta’ dawn il-konklużjonijiet).


105      Ara Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema, l-Istati Uniti), Sony Corp. of America v. Universal City Studios Inc., 464 US 417 (1984). Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, id-detenturi tad-drittijiet fittxew li jistabbilixxu r-responsabbiltà sekondarja ta’ Sony għall-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tar-reġistratur tal-vijdokażetts “Betamax” għar-raġuni li din il-kumpannija kienet tipprovdi lit-terzi, permezz ta’ dan ir-reġistratur tal-vidjokażetts, il-mezzi sabiex iwettqu ksur tad-drittijiet tal-awtur (b’mod partikolari l-kopja illegali ta’ programmi televiżivi) u li hija setgħet raġonevolment tkun taf li kien ser iseħħ tali ksur. Madankollu, l-azzjoni tagħhom ġiet miċħuda minħabba li l-imsemmi reġistratur tal-vidjokażetts, għalkemm seta’ jintuża b’mod illegali, seta’ jagħti lok ukoll għal numru sinjifikattiv ta’ użi legali.


106      F’dan ir-rigward, nosserva li għalkemm YouTube ċertament tibbenefika mill-fatt li l-pjattaforma tagħha tospita xogħlijiet popolari, bħalma huma programmi televiżivi, films jew vidjos mużikali ta’ artisti kbar, il-preżenza tagħhom fuqha ħafna drabi ma jkollha xejn illegali. Fil-fatt, hekk kif Google sostniet mingħajr ma ġiet kontradetta, numru kbir ta’ fornituri ta’ kontenut u ta’ detenturi ta’ drittijiet jippubblikaw kontenut fuq YouTube. Barra minn hekk, Google sostniet, mill-ġdid mingħajr ma ġiet kontradetta, li YouTube tagħti aċċess għal kontenut kulturali, informattiv u edukattiv, maħluq mill-utenti, li huwa, fih innifsu, attraenti (ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


107      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stichting Brein I (“Filmspeler”), punt 50.


108      Ara s-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), punt 45.


109      Ara s-sentenza Stichting Brein I (“Filmspeler”), punti 18 u 50, kif ukoll is-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), punt 45. Kif ser nispjega fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tat-tielet domandi preliminari, fornitur online li juri tali intenzjoni jitlef ukoll, fil-fehma tiegħi, il-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31. Ara, b’analoġija, Supreme Court of the United States, MGM Studios Inc. v Grokster Ltd., 545 US 913, 2005, b’mod partikolari p. 17 sa 24. F’dik is-sentenza, żewġ kumpanniji, li jipprovdu software li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ fajls fuq network peer-to-peer, ġew meqjusa responsabbli tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq mill-utenti ta’ dan is-software, peress li kienu ppromovew apertament l-użu illegali tiegħu.


110      Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


111      Elsevier tirreferi, fir-realtà, għar-responsabbiltà li għandhom il-fornituri ta’ kontenut “tradizzjonali”, li jagħżlu l-kontenut li huma jittrażmettu. Issa, kif ippruvajt nuri, il-pjattaformi ma għandhomx l-istess rwol.


112      Nirrepeti li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li operaturi bħal YouTube jew Cyando ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31, dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu tali soluzzjoni.


113      Meta jaġixxi b’dan il-mod, il-fornitur ta’ servizzi jitlef, barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, il-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31.


114      Ara, fl-istess sens, E. Stallings, “Improving secondary Liability Standards in copyrights by Examining intent: Why Courts Should Consider Creating a Good-Faith Standard for Secondary Liability”, Journal of the Copyright Society of the U.S.A., Vol. 57, Nru 4, 2010, p. 1017 sa 1038.


115      Ara s-sentenza Stichting Brein II (“The Pirate Bay”), punti 36 u 38.


116      Infakkar li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-vidjos inkwistjoni fil-Kawża C‑682/18 ma kinux jinkludu a priori tali reklami.


117      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


118      Ara l-punti 21 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


119      Nenfasizza li din l-interpretazzjoni ma tfissirx li kull fornitur għandu jimplimenta tali software u li, fin-nuqqas ta’ dan, huwa għandu jiġi akkużat b’għama volontarja. Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, xejn ma jobbligah jagħmel dan, bla ħsara, madankollu, għall-possibbiltà li fornitur ta’ servizzi, taħt kundizzjonijiet iddefiniti sewwa, jiġi obbligat, permezz ta’ ordni, skont ir-riżorsi tiegħu, juża għodda ta’ filtrazzjoni (ara l-analiżi tiegħi tar-raba’ domandi preliminari).


120      Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) dwar id-drittijiet inkwistjoni, ara, f’qasam viċin, il-premessi 9, 33, 34, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).


121      Ara l-Kunsill tal-Ewropa, Dikjarazzjoni dwar il-Libertà tal-Komunikazzjoni fuq l-Internet, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fit-28 ta’ Mejju 2003, waqt it-840 Laqgħa tad-Delegati tal-Ministri, Prinċipju 7; Office of the Special Rapporteur for Freedom of Expression, Inter-American Commission on Human Rights, Freedom of expression and the Internet, punti 130 sa 136, kif ukoll, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, Assemblea Ġenerali, Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Promozzjoni tal-Protezzjoni tad-Dritt għal-Libertà tal-Opinjoni u tal-Espressjoni, A/HRC/29/32, 29 ta’ Mejju 2015, p. 12, 16 u 56.


122      Elsevier issostni li l-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur jirrappreżenta bejn 90 u 96 % tal-fajls ospitati fuq Uploaded, raġuni li għaliha l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tad-domanda 1(b) tagħha fil-Kawża C‑683/18, dwar ir-rilevanza ta’ tali ċirkustanza. Dik il-qorti tispjega, barra minn hekk, li fil-każ li dan ikun effettivament element rilevanti, din l-affermazzjoni għandha tintwera minn Elsevier fil-kuntest ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ appell. Min-naħa tagħha, Cyando ssostni li huwa biss perċentwali żgħir ħafna (madwar 1.1 %) tal-fajls kollha effettivament ikkonsultati li jikkonċerna t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur, li jikkorrispondi għal 0.3 % tal-volum totali tad-data maħżuna.


123      Madwar diversi għexieren ta’ euro għal kull elf tniżżil. Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


124      Ara, b’analoġija, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), 15 ta’ Awwissu 2013, I ZR 80/12 (File-Hosting Service), GRUR 1030, punt 38. Programm bħal dan ivarja b’mod sinjifikattiv mill-kondiviżjoni tad-dħul mir-reklamar magħmul minn pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos bħal YouTube. Minn naħa, għalkemm il-kondiviżjoni tad-dħul tista’ tagħmel sens fil-kuntest ta’ tali pjattaforma, programm ta’ “sħubija” jidher li huwa iktar stramb fil-kuntest ta’ pjattaforma intiża sabiex tospita fajls. Min-naħa l-oħra, infakkar li, fil-kuntest ta’ YouTube, din il-kondiviżjoni tad-dħul hija implimentata b’mod sigur.


125      L-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31 huma ispirati mid-Digital Millennium Copyright Act (DMCA) (il-Liġi dwar id-Dirttijiet tal-Awtur tal-Millenju Diġitali), adottata mil-leġiżlatur Federali Amerikan fl-1998, li stabbilixxa eżenzjonijiet mir-responsabbiltà simili li jikkonċernaw speċifikament id-drittijiet tal-awtur (li jinsabu fit-Titolu 17, Kapitolu 5, Taqsima 512 tal-United States Code (il-Kodiċi tal-Istati Uniti)).


126      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2010:757, punt 153).


127      Nosserva li din id-domanda saret espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi pendenti C‑442/19, Stichting Brein, u C‑500/19, Puls 4 TV.


128      Ara l-premessa 16 tad-Direttiva 2001/29; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Mc Fadden (C‑484/14, EU:C:2016:170, punt 64); il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti legali tal-kummerċ elettroniku fis-suq intern (COM(1998) 586 final (ĠU 1999, C 30, p. 4)), p. 27 u 29, kif ukoll ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-21 ta’ Novembru 2003, L-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni tad-[Direttiva 2000/31] [COM(2003) 702 final], p. 13. L-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 tapplika madankollu bla ħsara għall-possibbiltà, irriżervata fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li tinkiseb ordni kontra fornitur ta’ servizzi (ara l-analiżi tiegħi tar-raba’ domandi preliminari).


129      L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija wkoll eskluża, bħala prinċipju, fl-ipoteżi fejn l-utent li pprovda l-informazzjoni inkwistjoni jkun aġixxi taħt l-awtorità jew il-kontroll tal-fornitur (ara l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2000/31).


130      B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” b’riferiment għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8). Id-Direttiva 98/34 ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), li l-Artikolu 1(1)(b) tagħha jirriproduċi l-istess definizzjoni.


131      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punti 47 u 48). F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2000/31, “dak li jirċievi s-servizz” huwa “kull persuna naturali jew legali li, għal skopijiet professjonali jew mod ieħor, tagħmel użu minn servizz għas-soċjetà [tas-soċjetà] ta’ l-informazzjoni, partikolarment bl-iskop li tfittex informazzjoni jew li tagħmilha aċċessibbli”. Dan il-kunċett ikopri għalhekk kemm l-utent li jqiegħed fajl online kif ukoll dak li jikkonsultah jew li jniżżlu.


132      Madankollu, wieħed ma jistax jitkellem dwar servizz “bla ħlas” għall-utenti. Kif indikajt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet, YouTube tiġbor ammont kunsiderevoli ta’ data personali dwar l-utenti tagħha, li fiha nnifisha tirrappreżenta prezz. Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 24, l-Artikolu 2(7) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU 2019, L 136, p. 1).


133      Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31 u s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Papasavvas (C‑291/13, EU:C:2014:2209, punti 26 sa 30).


134      Il-kunċett ta’ “informazzjoni” previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, għandu jinftiehem b’mod wiesa’ (ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti legali tal-kummerċ elettroniku fis-suq intern, p. 27).


135      Ara, f’dan is-sens, Montero, E., “Les responsabilités liées au web 2.0.”, Revue du droit des technologies de l’information, 2008, Nru 32, p. 368, u Van Eecke, P., “Online Service Providers and Liability: A Plea for a Balances Approach”, Common Market Law Review, 2011, Vol. 47, p. 1473. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mir-rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, p. 13, li jirreferi, b’mod wiesa’, għal “każijiet differenti fejn ikun hemm ħażna ta’ kontenut ta’ partijiet terzi” [traduzzjoni libera].


136      Ara s-sentenza Google France, punti 110 u 111.


137      Ara s-sentenza Google France, punti 112 sa 114 u 120 (enfasi miżjuda minni).


138      Ara s-sentenza L’Oréal vs eBay, punti 110, 112 u 113.


139      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden (C‑484/14, EU:C:2016:689, punti 61 sa 64). Din il-konstatazzjoni wasslet lill-Avukat Ġenerali Jääskinen, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża L’Oréal vs ebay (C‑324/09, EU:C:2010:757, punti 139 sa 142), sabiex jikkonkludi li, fil-fehma tiegħu, il-premessa 42 tad-Direttiva 2000/31, li l-Qorti tal-Ġustizzja ispirat ruħha minnha fis-sentenza Google France sabiex tistabbilixxi r-rekwiżit tar-“rwol newtrali” tal-fornitur fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mill-utenti tas-servizz tiegħu, ma tirrigwardax l-attività ta’ hosting, iżda biss is-sempliċi trasport u l-caching.


140      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza L’Oréal vs eBay, punt 115.


141      F’dan is-sens, fis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Papasavvas (C‑291/13, EU:C:2014:2209, punti 45 u 46), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li editur tal-istampa li jippubblika fuq is-sit tal-internet tiegħu l-verżjoni elettronika ta’ gazzetta għandu għarfien tal-informazzjoni li huwa jippubblika u jeżerċita kontroll fuqha, peress li huwa jagħżilha, b’tali mod li dan l-editur ma jistax jitqies bħala “intermedjarju li jipprovdi servizz” fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31.


142      Ara, f’dan l-istess sens, Husovec, op. cit., p. 56 u 57.


143      Ara s-sentenza Google France, punt 117.


144      Elsevier tenfasizza li, f’post tas-suq online bħal eBay, ma huwiex l-operatur, iżda l-utent bejjiegħ li jagħti lill-pubbliku l-aċċess għall-prodotti mibjugħa, peress li dan tal-aħħar jikkunsinna dawn il-prodotti lill-xerrejja. B’mod kuntrarju, fir-rigward ta’ YouTube, huwa l-operatur lijagħti aċċess għall-vidjos. Dan l-argument huwa bbażat, fil-fehma tiegħi, fuq konfużjoni. L-“informazzjoni” maħżuna fuq talba tal-utenti ta’ post tas-suq ma hijiex il-prodotti proposti għall-bejgħ, iżda l-offerti tal-bejgħ innifishom. eBay tagħti aċċess għal din l-“informazzjoni” tal-aħħar bl-istess mod bħalma YouTube tagħti aċċess għall-“informazzjoni” kkostitwita mill-vidjos imqiegħda online mill-utenti tagħha. Fiż-żewġ każijiet, din l-“informazzjoni” differenti hija pprovduta mill-utenti.


145      Infakkar li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-pjattaforma Uploaded.


146      Ara s-sentenza L’Oréal vs eBay, punti 114 u 116.


147      Ara s-sentenza L’Oréal vs eBay, punt 31.


148      Ara, fl-istess sens, is-sentenza Google France, punt 118, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala rilevanti r-“rwol ta’ Google fir-redazzjoni tal-messaġġ kummerċjali li jakkompanja l-link pubbliċitarju jew fl-istabbiliment jew l-għażla tal-kliem prinċipali”.


149      Prova ta’ dan hija li l-Qorti tal-Ġustizzja ffokat fuq l-idea tat-titjib tal-“preżentazzjoni tal-offerti għall-bejgħ inkwistjoni” (sentenza L’Oréal vs Ebay, punt 116) (enfasi miżjuda minni). Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tirreferi għall-istrutturazzjoni u l-organizzazzjoni ġenerali tal-offerti għall-bejgħ imressqa fis-suq, hija ma kinitx tipprovdi tali speċifikazzjoni, u lanqas ma kienet tirreferi lill-qorti nazzjonali l-kompitu li tivverifika jekk eBay kellhiex “rwol attiv” “inkonnessjoni mal-offerti għall-bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali” (punt 117 ta’ dik is-sentenza). Fil-fatt, eBay kellha “rwol attiv” fir-rigward ta’ kwalunkwe offerta ta’ bejgħ, peress li kollha jagħmlu parti minn din l-istruttura ġenerali.


150      Pereżempju, billi jibdlu ċerti siltiet tal-vidjos inkwistjoni, billi jagħżlu mużika ta’ sfond aħjar, billi jtejbu l-editjar, eċċ.


151      Ara s-sentenza L’Oréal et, punt 113.


152      Ara, b’analoġija, is-sentenza Google France, punti 115 u 117.


153      Sentenza L’Oréal vs eBay, punt 116.


154      Ara s-sentenza L’Oréal vs eBay, punti 38, 39 u 114.


155      Hemm ukoll, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha f’moħħha dawn it-tip ta’ rakkomandazzjonijiet, hija ma kinitx tirreferi lill-qorti nazzjonali l-kompitu li tivverifika jekk eBay kellhiex “rwol attiv” “inkonnessjoni mal-offerti għall-bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali” (sentenza L’Oréal vs eBay, punt 117). Fil-fatt, dan ir-“rwol attiv” kien jeżisti għall-offerti kollha fil-post tas-suq, peress li kwalunkwe waħda minnhom setgħet tkun irrakkomandata, skont il-programmazzjoni tal-algoritmu, lil utent partikolari.


156      Ara, b’analoġija, is-sentenza Google France, punt 115. Dan huwa bla ħsara għall-possibbiltà, għal fornitur ta’ servizzi, ladarba għandu l-kontroll ta’ tali algoritmu, li jinżamm responsabbli għad-danni kkawżati mill-funzjonament ta’ dan l-algoritmu fih innifsu. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk l-imsemmi algoritmu kien jiddiskrimina illegalment fir-rigward ta’ ċertu kontenut jew ċerti utenti. Nerġa’ nirrepeti, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 tikkonċerna biss ir-responsabbiltà li tirriżulta mill-informazzjoni maħżuna.


157      Ara, b’analoġija, Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), l-Ewwel Awla Ċivili, sentenza Nru 165 tas-17 ta’ Frar 2011, Carion vs Société Dailymotion, Nru 09–67.896.


158      Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31.


159      Ara s-sentenza Google France, punt 116, u s-sentenza L’Oréal vs eBay, punt 115.


160      Ara s-sentenza Google France, punt 25.


161      Ara s-sentenza L’Oréal vs eBay, punti 28 u 110


162      Dan huwa iktar notevoli peress li l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2009:569, punti 144 u 145), kien issuġġerixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja l-approċċ oppost.


163      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 26 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/334 tal-1 ta’ Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali online (ĠU 2018, L 63, p. 50). Mill-bqija, jirriżulta impliċitament, iżda neċessarjament, mis-sentenza L’Oréal vs eBay li fornitur ta’ servizzi jista’ jagħmel ir-riċerki tiegħu mingħajr ma jitlef, minħabba f’hekk, ir-“rwol newtrali” tiegħu (ara l-punti 46 u 122 ta’ din is-sentenza).


164      Sentenza tas-16 ta’ Frar 2012 (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 27).


165      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019 (C‑18/18, EU:C:2019:821, punt 22).


166      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punti 16 sa 26).


167      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu jidher li jikkunsidra li operatur ta’ pjattaforma bħal YouTube jista’ jibbenefika mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 peress li diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprevedu l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għal tali operatur. Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 28a(5) tad-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva), fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbiddlu (ĠU 2018, L 303, p. 69), li jindika li “[…] l-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE għandhom japplikaw għall-fornituri ta’ pjattaformi ta’ video-sharing meqjusa li huma stabbiliti fi Stat Membru” (ara wkoll l-Artikolu 28b ta’ din id-direttiva).


168      Bla ħsara, madankollu, għal-limitu mfakkar fil-punt 146 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


169      Għall-konvenjenza, f’dawn il-konklużjonijiet ser nuża l-kunċett ta’ “għarfien attwali” sabiex nirreferi għall-ipoteżi msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31 u l-kunċett ta’ “konoxxenza” sabiex nirreferi għall-ipoteżi msemmija fit-tieni inċiż ta’ dik id-dispożizzjoni.


170      Dan huwa wkoll il-każ fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn tad-Direttiva 2000/31. F. Peterson u Elsevier jirribattu li l-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ dik id-direttiva tappoġġa l-interpretazzjoni opposta. Jiena miniex konvint. Ċertament, f’din il-verżjoni, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva ma jinkludix artiklu definit (“[…] the provider does not have actual knowledge of illegal activity or information […]”). Madankollu, it-tieni inċiż juża, min-naħa tagħha, artiklu definit (“[…] is not aware of facts or circumstances from which the illegal activity or information is apparent […]”) (enfasi miżjuda minni)


171      Ara l-premessi 40, 41 u 46 tad-Direttiva 2000/31.


172      Ara l-premessa 40 u l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31. Kuntrarjament għat-Taqsima 512 introdotta minn DMCA, id-Direttiva 2000/31 ma tipprovdix għalhekk għal proċedura ta’ notifika u ta’ tneħħija armonizzata.


173      Irrid infisser b’dan: tinġieb għall-attenzjoni ta’ impjegat tal-fornitur. Wieħed ma jistax jikkunsidra li fornitur ikollu “għarfien” jew ikun “konxju” ta’ informazzjoni illegali li huwa jaħżen, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 minħabba, pereżempju, li huwa pproċessa b’mod awtomatizzat din l-informazzjoni. Tali interpretazzjoni ċċaħħad lil dik id-dispożizzjoni minn kull effett utli, peress li kull fornitur li jospita informazzjoni irid neċessarjament iwettaq tali pproċessar.


174      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2010:757, punti 162 u 163).


175      Sentenza L’Oréal vs eBay, rispettivament punti 120, 121 u 122.


176      Ara s-sentenza L’Oréal vs eBay, punt 122.


177      Ara, fl-istess sens, Riordan, J., The Liability of Internet Intermediaries, Oxford University Press, Oxford, 2016, p. 407 u 408. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 139 tas-sentenza L’Oréal vs eBay, li l-miżuri li jistgħu jintalbu minn fornitur ta’ servizz online bħal eBay “ma jistgħux jikkonsistu f’sorveljanza attiva tad-data kollha ta’ kull wieħed mill-klijenti tiegħu bil-għan li jiġi evitat kull ksur futur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali permezz tas-sit ta’ dak l-operatur”. Bl-istess mod, l-indikazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 120 ta’ dik is-sentenza, li fornitur jista’ jiskopri fatti u ċirkustanzi li minnhom l-illegalità tkun apparenti fil-kuntest tar-riċerki tiegħu stess sempliċement tindika li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jawtorizza lil fornitur iwettaq tali riċerki. Jekk ikun il-każ, dan il-fornitur ikollu ċertament iħassar l-informazzjoni illegali li jiskopri. Dan ma jfissirx li huwa jkun, b’mod ġenerali, obbligat li jwettaq tali riċerki.


178      Ara Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza), deċiżjoni Nru 2004-496 tal-10 ta’ Ġunju 2004.


179      Nirreferi, pereżempju, għall-istampi pedopornografiċi. Għal din it-tip ta’ informazzjoni li hija, fiha nnifisha, manifestament u indiskutibbilment illegali, id-Direttiva 2000/31 ma tipprekludix, fil-fehma tiegħi, li wieħed jeżiġi li l-fornitur ikun proattiv fir-rigward tat-tneħħija tagħha. Ara, f’dan is-sens, il-premessa 48 ta’ din id-direttiva u, li tirrigwarda speċifikament il-pedopornografija, il-premessa 47 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/92.


180      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 50).


181      Pereżempju, it-tqegħid online, minn utent mhux magħruf, ta’ kopja ta’ kwalità fqira ta’ film li ħareġ reċentement fiċ-ċinema, iffilmjat b’kamkorder.


182      Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑682/18 jirriżulta li parti sinjifikattiva mis-sentenza tal-appell hija ddedikata għall-kwistjoni ta’ jekk F. Peterson għandux drittijiet fuq ix-xogħlijiet ikkonċernati u sa liema punt.


183      Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29.


184      Nirrileva b’mod partikolari li d-Direttiva 2000/31 ma tipprevedi ebda garanzija lill-utenti, bħal proċedura ta’ “kontronotifika” li tippermetti li tiġi kkontestata t-“tneħħija eċċessiva” tal-informazzjoni tagħhom. Il-premessa 46 ta’ din id-direttiva sempliċement tindika li l-Istati Membri jistgħu “jistabbilixxu ħtiġijiet speċifiċi li għandhom ikunu mwettqa mingħajr dewmien qabel it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ l-informazzjoni”.


185      Ara, f’dan is-sens, Riordan, J. op. cit., p. 406. B’mod ġenerali, il-kwistjoni dwar jekk il-“fatti u ċirkustanzi” miġjuba għall-attenzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi kinux suffiċjenti sabiex jingħata “għarfien” ta’ informazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31, tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ, b’mod partikolari mil-livell ta’ preċiżjoni tan-notifika, mill-kumplessità tal-analiżi neċessarja sabiex tinftiehem l-illegalità ta’ din l-informazzjoni u tar-riżorsi li għandu dan il-fornitur. L-istess japplika fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-fornitur aġixxiex “mingħajr dewmien”, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva.


186      Għal din il-kwistjoni, nirreferi lill-qarrej għall-punti 120 sa 131 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


187      Fil-fatt, fil-fehma tiegħi huwa inkonċepibbli li, pereżempju, l-amministraturi tal-pjattaforma “The Pirate Bay” jistgħu jinvokaw l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 sabiex jevitaw ir-responsabbiltà sekondarja tagħhom, skont id-dritt nazzjonali, għall-informazzjoni maħżuna fuq dik il-pjattaforma. Kif isostni l-Gvern Franċiż, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipproteġi lill-fornituri ta’ servizzi li ġeneralment ikunu in bona fide, mhux lill-fornituri li l-intenzjoni stess tagħhom hija dik li jiffaċilitaw il-ksur tad-drittijiet tal-awtur.


188      Min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 hemm obbligu ta’ stay down. Madankollu nosserva li l-leġiżlatur ippreveda eċċezzjoni għall-fornituri “żgħar”, li ma għandhomx ir-riżorsi jew it-teknoloġija neċessarja sabiex jimplimentaw tali obbligu.


189      Ara, ukoll, il-premessa 45 tad-Direttiva 2000/31.


190      Dan l-obbligu jinsab ukoll fit-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, li tapplika għall-ksur ta’ drittijiet differenti ta’ proprjetà intellettwali, fosthom id-drittijiet tal-awtur (ara l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva). Madankollu, din id-dispożizzjoni hija, kif tispeċifika hija stess, “mingħajr preġudizzju” għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. Fi kwalunkwe każ, peress li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 huma fformulati b’mod kważi identiku u dawn id-direttivi jsegwu l-istess għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali (ara l-premessa 9 tal-ewwel direttiva u l-premessa 10 tat-tieni waħda), dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fil-fehma tiegħi, jingħataw l-istess interpretazzjoni.


191      Ir-“responsabbiltà tal-interferent” tippermetti li tinkiseb ordni. Għaldaqstant, din ma tikkostitwixxix bażi għall-għoti ta’ danni, kuntrarjament għar-responsabbiltà primarja tal-awtur ta’ ksur u għar-responsabbiltà tal-kompliċi, prevista fl-Artikolu 830 tal-BGB.


192      Ara, b’mod partikolari, Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2012, I ZR 18/11, GRUR 2013, 370 – Alone in the Dark, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2015, I ZR 94/13, GRUR 2015 1129 - Hotelbewertungsportal. Konformement mal-ġurisprudenza ta’ dik il-qorti, operaturi bħal YouTube u Cyando ma humiex, bħala regola ġenerali, direttament responsabbli għall-okkorrenzi ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettqa permezz tal-pjattaformi tagħhom sa fejn dawn ma jwettqux il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet li jitqiegħdu online. Dawn l-operaturi lanqas ma huma, bħala prinċipju, miżmuma responsabbli bħala kompliċi f’dan il-ksur, fis-sens tal-Artikolu 830 tal-BGB, peress li kundanna fuq din il-bażi timplika li trid tintwera intenzjoni u għarfien dwar ksur konkret (ara l-analiżi tiegħi tal-ħames u s-sitt domandi preliminari). Huwa għalhekk essenzjalment fil-kuntest tal-ordnijiet ibbażati fuq ir-“responsabbiltà tal-interferent” li dik il-qorti tirregola l-aġir ta’ tali operaturi. Fil-kawżi prinċipali, il-qrati tal-appell għalhekk ikkundannaw lil YouTube u Cyando bħala “interferenti”, talli ma osservawx l-obbligi ta’ aġir tagħhom.


193      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Tommy Hilfiger Licensing et (C‑494/15, EU:C:2016:528, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


194      Ara s-sentenza L’Oréal vs eBay, punt 136.


195      L-obbligi ta’ aġir li huma bbażati konkretament fuq il-fornituri ta’ servizzi li jwettqu attività li tikkonsisti b’mod partikolari fil-hosting ta’ fajls ipprovduti minn terzi, konformement mal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), jirriflettu l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2000/31. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn l-obbligi jmorru lil hinn minn din id-dispożizzjoni: dik il-qorti timponi li l-fornitur ikun mhux biss neħħa l-informazzjoni nnotifikata, iżda wkoll ibblokka din l-informazzjoni, f’loġika ta’ stay down.


196      Ara l-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll Husovec, op. cit., p. XV, XVI, 8 u 10 sa 13. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-intermedjarji jibbenefikaw finanzjarjament, sa ċertu punt, mill-użu illegali tas-servizzi tagħhom jiġġustifika wkoll li huma jkollhom joqogħdu għal tali ordnijiet.


197      Ara, fl-istess sens, Nordemann, J. B., “Liability for Copyright Infringements on the Internet: Host Providers (Content Providers) – The German Approach”, Journal of Intellectual Property, Information Technology and Electronic Commerce Law, Vol. 2, Nru 1, 2011, p. 40.


198      Ara, fl-istess sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tad-29 ta’ Novembru 2017, Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (COM(2017) 708 final), p. 19: “l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ma jistgħux jeħtieġu lill-applikanti juru li l-intermedjarju huwa responsabbli, anki b’mod indirett, għal ksur (allegat), bħala kundizzjoni biex jinħareġ il-mandat.”


199      Ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal vs eBay, punt 131.


200      Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 u, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal vs eBay, punti 140 sa 144. Infakkar li din id-direttiva tapplika wkoll fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet ġenerali tagħha għandhom jiġu osservati fil-kuntest ta’ ordni maħruġa skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.


201      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 31 sa 33).


202      Ara l-punt 194 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


203      Sentenza tas-16 ta’ Frar 2012 (C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 35 sa 38).


204      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019 (C-18/18, EU:C:2019:821, punti 33 sa 47).


205      Ara l-premessa 47 tad-Direttiva 2000/31.


206      Ara, ukoll, is-sentenza L’Oréal vs eBay, punt 139.


207      F’dan ir-rigward, il-kopji tal-istess fajl jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ filters MD5 (jew hash filters), li jidhru li huma komuni.


208      Pereżempju, fir-rigward ta’ xogħol ċinematografiku, diversi varjazzjonijiet huma possibbli f’termini ta’ format jew ta’ kwalità ta’ immaġni, ta’ tul, eċċ.


209      Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Google, ladarba fajl ta’ referenza għal xogħol ikun iddaħħal fid-database tal-Content ED, dan is-software jirrikonoxxi awtomatikament (kważi) il-fajls kollha li jinkludu dan ix-xogħol meta jitqiegħdu online.


210      Skont l-informazzjoni mogħtija minn Google, hija nefqet iktar minn 100 miljun dollaru (madwar 88 miljun euro) sabiex tiżviluppa Content ID.


211      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 50). B’mod partikolari, ordni ma tistax toħloq ostakli għall-possibbiltà, għall-utenti ta’ pjattaforma, li jagħmlu użu minn xogħlijiet protetti li jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet u l-limiti previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. Fir-rigward ta’ pjattaforma bħal YouTube, dan jirrigwarda b’mod partikolari li l-utenti jtħallew jikkondividu vidjos li jużaw xogħlijiet għal finijiet ta’ kritika, ta’ studju jew ukoll ta’ parodija, taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3(d) u (k) ta’ dan l-Artikolu 5. Fir-rigward ta’ Cyberlocker, dan jirrigwarda b’mod partikolari li l-utenti ma jkunux imċaħħda mid-dritt għall-kopja privata msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva (ara, fuq dan il-punt, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:649, punti 23 sa 28)).


212      Infakkar li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 għandhom jiġu interpretati b’mod konsistenti. B’mod partikolari, ir-“rwol indispensabbli”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel dispożizzjoni, għandu jikkorrispondi, fil-prattika, għall-intermedjarji li jipprovdu servizz u li jaħżnu informazzjoni pprovduta mill-utenti tas-servizzi tagħhom, għar-“rwol attiv” imsemmi fil-ġurisprudenza tagħha dwar it-tieni dispożizzjoni. Għaldaqstant, jiena ser nirrispondi għall-ħames u s-sitt domandi preliminari biss fil-qosor u sussidjarjament.


213      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48 li jispeċifika li “[l]-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f’dan il-kapitolu: a) id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;” (enfasi miżjuda minni). Dawn jistgħu jkunu regoli sostantivi previsti kemm fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dritt nazzjonali (ara l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva).


214      Ara l-premessa 15 u l-Artikolu 2(3)(a) tad-Direttiva 2004/48.


215      Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48.


216      Ara l-Artikolu 8(1)(c) u (2) tad-Direttiva 2004/48. Ara, ukoll, dwar is-suġġett, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Constantin Film Verleih (C‑264/19, EU:C:2020:261).


217      Infakkar li x-xogħlijiet kondiviżi huma maħżuna fuq il-kompjuters tal-utenti differenti tan-network, peress li pjattaforma bħal “The Pirate Bay” sempliċement tospita l-fajls torrent li jippermettu li dawn ix-xogħlijiet jinstabu fuq dan in-network.


218      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:99, punti 19 u 20).


219      Ara s-sentenzi GS Media, punti 44 u 45, kif ukoll tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 41).


220      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punti 22 sa 27); tad-29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punti 51, 58 u 65 sa 76), kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punti 36, 38 u 50 sa 59).


221      B’mod partikolari, il-fatt li d-detenturi tad-drittijiet ma għandhomx protezzjoni massima tal-proprjetà intellettwali tagħhom jimplika, fil-fehma tiegħi, li tista’ tintalab minnhom ċerta viġilanza fir-rigward tal-użu tax-xogħlijiet tagħhom online u kollaborazzjoni mal-operaturi ta’ pjattaformi. Ara, b’analoġija, fil-qasam tad-dritt tat-trade marks, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Backaldrin Österreich The Kornspitz Company (C‑409/12, EU:C:2013:563, punt 83).


222      Infakkar li dan l-Artikolu 11 jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u li l-ewwel artikolu għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatata mat-tieni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 73).


223      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza GS Media, punt 45, u l-Qorti EDB, 18 ta’ Diċembru 2012, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, CE:ECHR:2012:1218JUD000311110, punt 54; Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2015, Cengiz et vs It-Turkija, CE:ECHR:2015:1201JUD004822610, punt 49. Ara, ukoll, fl-istess sens, il-Qorti EDB, 10 ta’ Marzu 2009, Times Newspapers Ltd vs Ir-Renju Unit (Nri 1 u 2), CE:ECHR:2009:0310JUD000300203, punt 27, u Qorti EDB, 10 ta’ Jannar 2013, Ashby Donald et vs Franza, CE:ECHR:2013:0110JUD003676908, punt 34.


224      Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2015, Cengiz et vs It-Turkija, CE:ECHR:2015:1201JUD004822610, punti 51 u 52. Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Buivids (C‑345/17, EU:C:2019:122, punti 56 u 57).


225      Sentenza tas-16 ta’ Frar 2012 (C‑360/10, EU:C:2012:85).


226      Nirrepeti, f’dan ir-rigward, li l-fornituri kollha ta’ servizzi ma għandhomx l-istess kapaċitajiet u riżorsi bħal YouTube.


227      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 44 sa 52). Għalhekk, anki jekk jitqies li l-operaturi ta’ pjattaformi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31, l-obbligu li jikkontrollaw ex ante l-fajls kollha mqiegħda online mill-utenti jkun, fi kwalunkwe każ, kuntrarju għad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.


228      Dan huwa l-każ ta’ vidjos bħalma huma l-lezzjonijiet online u vidjos oħra divertenti jew informattivi, li bħala prinċipju jistgħu jużaw xogħlijiet protetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, skont ċerti eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. F’dan ir-rigward, ninnota li hemm mistoqsijiet fir-rigward tas-software Content ID ta’ YouTube, li jidher li diġà qies vidjos innoċenti bħala xogħlijiet protetti mqiegħda online illegalment u bblokka vidjos għall-użu ta’ estratti ta’ xi sekondi minn tali xogħol (ara b’mod partikolari, Signoret, P., “Sur YouTube, la détection automatique des contenus soumis à droit d’auteur ne satisfait personne”, Le Monde, blog Pixels, 5 ta’ Lulju 2018). F’dan ir-rigward, YouTube tirrikonoxxi li Content ID ma jidentifikax l-eventwali applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur (ara vidjo YouTube Creators, “Content ID sur YouTube”, aċċessibbli fuq l-indirizz https://youtu.be/9g2U12SsRns).


229      Barra minn hekk, il-kumplessità ta’ din il-kwistjoni hija msaħħa, fil-fehma tiegħi, min-natura ambivalenti tal-internet, u b’mod iktar speċjali tal-pjattaformi bħal YouTube, fir-rigward tal-ksur. Fil-fatt, għalkemm YouTube toffri għodod li jistgħu jintużaw sabiex jinkisru d-drittijiet tal-awtur, dawn l-għodod, b’mod partikolari l-mutur ta’ tfittxija tagħha, jiffaċilitaw fl-istess ħin l-iskoperta ta’ dan il-ksur.


230      Ara l-premessi 40, 41, 45 sa 49 tad-Direttiva 2000/31 kif ukoll il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti legali tal-kummerċ elettroniku fis-Suq Intern, p. 4, 12, 16.


231      Ara l-premessi 16 u 59 kif ukoll l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.


232      Ara l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2019/790.


233      L-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2019/790 jipprovdi li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “fornitur ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” huwa “fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tiegħu huwa li jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku għal ammont sinifikanti ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett mtellgħin mill-utenti tiegħu, li s-servizz jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta’ qligħ”. Ara, ukoll, il-premessi 62 u 63 ta’ din id-direttiva.


234      Kif indikajt, filwaqt li l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi, fil-fehma tiegħi, obbligu ta’ take down, l-Artikolu 17(4)(c) tad-Direttiva 2019/790 issa jimponi, b’mod ġenerali u ex ante, obbligu ta’ stay down.


235      B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 17(6) tad-Direttiva 2019/790 jirriżulta, essenzjalment, li, għall-“fornituri” li ilhom inqas minn tliet snin joperaw u li għandhom fatturat annwali ta’ inqas minn EUR 10 miljun, dawn għandhom biss jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom sabiex jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet u għandhom biss obbligu ta’ take down.


236      Skont din il-premessa: “Huwa opportun li f’din id-Direttiva jiġi ċċarat li l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online iwettqu att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku meta jagħtu aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella’ mill-utenti tagħhom. […]”


237      Ara l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2019/790.


238      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-bqija, għalkemm, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali premessa tista’ tippreċiża l-kontenut tal-att li tagħmel parti minnu, f’dan il-każ hija kwistjoni ta’ kjarifika tas-sens mhux tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/790, iżda ta’ dawk tad-Direttivi 2000/31 u 2001/29.


239      Ara l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2019/790, li jippreċiża li din għandha tapplika fir-rigward tax-xogħlijiet u materjal ieħor kollu li huma protetti mil-liġi nazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fis-7 ta’ Ġunju 2021 jew wara, u li hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att konkluż u kwalunkwe dritt miksub qabel din id-data.


240      Ara l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2019/790, li jippreċiża li l-ftehimiet għal-liċenzja jew it-trasferiment tad-drittijiet tal-awturi u l-artisti għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu tat-trasparenza stabbilit fl-Artikolu 19 ta’ dik id-direttiva sa mis-7 ta’ Ġunju 2022.


241      Ara l-premessa 65 tad-Direttiva 2019/790.


242      Ara l-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2019/790.


243      Billi pprovda li l-operaturi bħal YouTube iwettqu “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ xogħlijiet li l-utenti tal-pjattaformi tagħhom iqiegħdu online, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirrimedja għall-value gap imressaq mid-detenturi tad-drittijiet (ara l-punt 47 tad’ dawn il-konklużjonijiet). Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 3 u 61 tad-Direttiva 2019/790 kif ukoll il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali [COM(2016) 593 final], p. 2 u 3.


244      Ara, b’mod partikolari, fl-2010, “Public Consultation on the Future of Electronic Commerce in the Internal Market and the Implementation of the Directive on Electronic Commerce (2000/31/EC)”; fl-2012, “A Clean and Open Internet: Public Consultation on Procedures for Notifying and Acting on Illegal Content Hosted by Online Intermediaries ” u, fl-2015 “Public Consultation on the Regulatory Environment for Platforms, Online Intermediaries, Data and Cloud Computing and the Collaborative Economy”. Bl-istess mod, fl-Istati Uniti, il-United States Copyright Office (l-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Awtur tal-Istati Uniti), wara konsultazzjoni pubblika mnedija fl-2015, ħareġ, fil-21 ta’ Mejju 2020, rapport li jirrakkomanda lill-United States Congress (il-Kungress tal-Istati Uniti) jimmodernizza d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 512 introdotta mid-DMCA (ara United States Copyright Office, Section 512 Study, aċċessibbli fuq l-indirizz https://www.copyright.gov/policy/section512/).


245      Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-11 ta’ Jannar 2012, “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” [COM(2011) 942 final], p. 13 sa 16; tas-6 ta’ Mejju 2015, “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” [COM(2015) 192 final], p. 4, 8 u 12 sa 14; tad-9 ta’ Diċembru 2015, “Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur” [COM(2015) 626 final], p. 2, 3 u 10 sa 12; tal-25 ta’ Mejju 2016, “Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa” [COM(2016) 288 final], p. 8 sa 10.


246      Ara d-Direttiva 2018/1808, li ddaħħal il-pjattaformi ta’ kondiviżjoni tal-vidjos fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-“servizzi tal-media awdjoviżiva” u tobbliga lill-operaturi ta’ tali pjattaformi jieħdu miżuri xierqa, fattibbli u proporzjonati, sabiex jipproteġu lill-minuri mill-vidjos li jistgħu jippreġudikaw l-iżvilupp tagħhom u l-pubbliku inġenerali mill-vidjos li jinkludu inċitament għall-vjolenza, għall-mibegħda jew għat-terroriżmu (ara l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikoli 28(a) u 28(b) tad-Direttiva 2010/13, miżjuda mid-Direttiva 2018/1808). Ara, ukoll, ir-Rakkomandazzjoni 2018/334 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali online. Ara, ukoll, il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online [COM (2018) 640 final].


247      Ara, ukoll, għal żviluppi f’dan is-sens, il-Kunsill tal-Ewropa, Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)2 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-intermedjarji tal-internet (adottata mill-Kumitat tal-Ministri fis-7 ta’ Marzu 2018, matul l-1309 laqgħa tad-Delegati tal-Ministri), kif ukoll il-Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2015, Delfi AS vs L-Estonja, CE:ECHR:2015:0616JUD006456909.


248      B’mod partikolari, jidher li r-regoli previsti fil-paragrafu 4 u dawk sussegwenti tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 huma intiżi sabiex jagħtu ċerti garanziji lill-operaturi kkonċernati u kif ukoll lill-utenti tal-pjattaformi tagħhom. Nenfasizza, madankollu, li d-dettalji tas-sistema l-ġdida ta’ responsabbiltà prevista fl-imsemmi Artikolu 17 imorru lil hinn mis-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet. Lanqas ma nixtieq nesprimi, f’dawn il-konklużjonijiet, opinjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din is-sistema l-ġdida mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’rikors għal annullament (ara r-rikors fil-Kawża C‑401/19, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill) li ser tagħtiha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.