Language of document : ECLI:EU:C:2021:503

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Tqegħid għad-dispożizzjoni u ġestjoni ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls – Responsabbiltà tal-operatur għal ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali mwettqa mill-utenti tal-pjattaforma tiegħu – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 3 u 8(3) – Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ – Direttiva 2000/31/KE – Artikoli 14 u 15 – Kundizzjonijiet sabiex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà – Assenza ta’ għarfien ta’ ksur konkret – Notifika ta’ tali ksur bħala kundizzjoni biex jinkiseb digriet ġudizzjarju”

Fil-Kawżi magħquda C‑682/18 u C‑683/18,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-13 ta’ Settembru 2018 u tal-20 ta’ Settembru 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2018, rispettivament, fil-proċeduri

Frank Peterson

vs

Google LLC,

YouTube LLC,

YouTube Inc.,

Google Germany GmbH (C‑682/18),

u

Elsevier Inc.

vs

Cyando AG (C‑683/18),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.-C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan u M. Ilešič (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Novembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Frank Peterson, minn P. Wassermann u J. Schippmann, Rechtsanwälte,

–        għal Elsevier Inc., minn K. Bäcker, U. Feindor-Schmidt u M. Lausen, Rechtsanwälte,

–        għal Google LLC, YouTube Inc., YouTube LLC u Google Germany GmbH, minn J. Wimmers u M. Barudi, Rechtsanwälte,

–        għal Cyando AG, minn H. Waldhauser u M. Junker, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u E. Lankenau, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères, A. Daniel u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf, S. L. Kalėda u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 230, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur”), tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), kif ukoll tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn Frank Peterson u Google LLC u YouTube LLC (Kawża C‑682/18) kif ukoll bejn Elsevier Inc. u Cyando AG (Kawża C‑683/18) dwar diversi ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali miżmuma minn F. Peterson u Elsevier imwettqa minn utenti tal-pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos operata minn YouTube u tal-pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls operati minn Cyando, rispettivament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (iktar ’il quddiem it-“TDA”) li ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208), u daħal fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fl-14 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 32, p. 1).

4        L-Artikolu 8 tad-TDA, intitolat “Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 11(1)(ii), 11bis(1)(i) u (ii), 11ter(1)(ii), 14(1)(ii) u 14bis(1) tal-Konvenzjoni ta’, [Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi ffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979], awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta’ kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fil jew mingħajr fili, inklużi t-tqegħid għad-disposizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu ikollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment.

5        Il-konferenza diplomatika tal-20 ta’ Diċembru 1996 adottat dikjarazzjonijiet komuni fir-rigward tat-TDA.

6        Id-dikjarazzjoni komuni li tikkonċerna l-Artikolu 8 tal-imsemmi trattat hija fformulata kif ġej:

“Hu[w]a mifhum illi s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi sabiex tkun tista’ ssir jew issir komunikazzjoni ma tammontax, fiha nnifisha, għal komunikazzjoni fis-sens ta’ dan it-Trattat jew tal-Konvenzjoni ta’ Berne. […]”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur

7        Skont il-premessi 4, 5, 8 sa 10, 16, 23, 27, 31 u 59 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur:

“(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda.

(5)      L-iżvilupp teknoloġiku kabbar u ddiversifika l-gwidi tal-kreazzjoni, il-produzzjoni u l-isfruttament. Filwaqt li m’huma meħtieġa l-ebda kunċetti ġodda għall-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi preżenti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tiġi adottata u miżjuda biex tirreaġixxi b’mod adekwat għar-realtajiet ekonomiċi bħal forom ġodda ta’ sfruttament.

[…]

(8)      Id-diversi implikazzjonijiet soċjali, komunali u kulturali tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-fatturi speċifiċi tal-kontenut tal-prodotti u servizzi.

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. […] Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(16)      […] Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f’perijodu ta’ żmien simili għal dak għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar kummerċ elettroniku, minħabba l-fatt li dik id-Direttiva tipprovdi qafas armonizzat ta’ prinċipji u disposizzjonijiet relevanti fost oħrajn għall-partijiet importanti ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet dwar ir-risponsabbiltà f’dik id-Direttiva.

[…]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. […]

[…]

(27)      Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[…]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. […]

[…]

(59)      Fl-ambitu diġitali, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjarji jistgħu jintużaw dejjem aktar minn partijiet terzi għal attivitajiet illegali. F’ħafna każi dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar posizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet illegali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għal kull sanzjoni u rimedji oħra disponibbli, detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarju li jibgħat f’network illegalità minn terza parti ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor. Din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli anke fejn l-atti mwettqa minn intermedjarju jkunu eżenti skond l-Artikolu 5. Il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet relatati dwar dawn l-inġunzjonijiet għandhom jitħallew skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.”

8        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jgħid, fil-paragrafu 1tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

9        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sanzjonijiet u Rimedji”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

2.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

 Id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku

10      Il-premessi 41 sa 46, 48 u 52 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jipprovdu kif ġej:

“(41)      Din id-Direttiva toħloq bilanċ bejn l-interessi differenti nvoluti u tistabbilixxi prinċipji li fuqhom ftehim u normi industrijali jkunu jistgħu jiġu ibbażati.

(42)      L-eżenzjonijiet mir-responsabbilità stabbilita f’din id-Direttiva jkopru biss każi meta l-attività ta’ dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni tkun limitata għall-proċess tekniku ta’ operat u tagħti aċċess għal qafas ta’ komunikazzjoni li fuqu informazzjoni disponibbli minn partijiet terzi tkun trasmessa jew temporanjament maħżuna, bl-iskop biss li tagħmel it-trasmissjoni aktar effiċjenti; din l-attività hija sempliċement teknika, awtomatika u passiva fin-natura, li timplika li dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni la jkollu tagħrif u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trasmessa jew maħżuna.

(43)      Dak li jipprovdi servizz jista’ jibbenefika mill-eżenzjonijiet għal “sempliċi konduttur” u għal “caching” meta hu bl-ebda mod ma jkun involut ma’ l-informazzjoni trasmessa; din tinħtieġ fost affarijiet oħra li hu ma jkunx jista’ jimmodifika l-informazzjoni li hu jittrasmetti; din il-ħtieġa ma tkoprix manipulazzjonijiet ta’ natura teknika li jseħħu waqt il-kors tat-trasmissjoni billi dawn ma jalterawx l-integrità ta’ l-informazzjoni li tkun tinstab fit-trasmissjoni.

(44)      Dak li jipprovdi servizz li jikkollabora apposta ma’ wieħed li jirċievi s-servizz tiegħu sabiex ikun kompliċi f’atti illegali jmur lil hinn mill-attivitajiet ta’ ‘sempliċi konduttur’ jew ‘caching’ u bħala riżultat ma jistax jibbenefika mill-eżenzjonijiet ta’ responsabbilità stabbilita għal dawn l-attivitajiet.

(45)      Il-limitazzjonijiet tar-responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz kif inhuma stabbiliti f’din id-Direttiva ma jaffettwawx il-possibilità ta’ inġunzjonijiet ta’ diversi tipi; inġunzjonijiet bħal dawn jistgħu partikolarment jikkonsistu f’ordnijiet mill-qrati jew awtoritajiet ta’ amministrazzjoni li jkunu jinħtieġu t-terminazzjoni jew il-prevenzjoni ta’ xi ksur, inkluża t-tneħħija ta’ informazzjoni illegali jew tat-twaqqif ta’ aċċess għaliha.

(46)      Sabiex jibbenefika mill-limitazzjoni ta’ responsabbilità, dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni, malli jakkwista’ t-tagħrif attwali jew isir konxju ta’ l-attivitajiet illegali għandu jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni kkonċernata; it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għandu jseħħ fl-osservanza tal-prinċipji ta’ libertà ta’ l-espressjoni u tal-proċeduri stabbiliti għal dan l-iskop f’livell nazzjonali; din id-Direttiva ma taffettwax il-possibilità ta’ Stati Membri milli jistabbilixxu ħtiġijiet speċifiċi li għandhom ikunu mwettqa mingħajr dewmien qabel it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ l-informazzjoni.

[…]

(48)      Din id-Direttiva ma taffetwax il-possibilità għall-Istati Membri li jkunu jinħtieġu li dawk li jipprovdu servizz, li jilqgħu informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, li japplikaw il-prekawzjonijiet li jistgħu raġonevolment ikunu mistennija minnhom u li huma speċifikati minn liġi nazzjonali, sabiex jintebħu bi u ma jħallux ċerti tipi ta’ attavitajiet illegali.

[…]

(52)      L-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet tas-suq intern huwa meħtieġ li jiggarantixxi lill-vittmi aċċess effettiv għal mezzi ta’ risoluzzjoni ta’ kwistjonijiet; ħsara li tista’ tinħoloq b’konnessjoni ma’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni hi karatterizzata kemm mill-ħeffa kif ukoll mill-medda ġeografika tagħha; b’dan il-għan il-karattru speċifiku u l-ħtieġa li tkun assigurata li l-awtoritajiet nazzjonali ma jipperikolawx il-fiduċja reċiproka li huma għandhom ikollhom f’xulxin, din id-Direttiva titlob lill-Istati Membri biex jassiguraw li azzjonijiet xierqa mill-qrati jkunu disponibbli; Stati Membri għandhom jeżaminaw il-ħtieġa li jipprovdu aċċess għal proċeduri ġudizzjarji b’mezzi elettroniċi xierqa.”

11      L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Hosting”, jipprovdi:

“1.      Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a)      dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti;

jew

(b)      dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux ikun applikabbli meta dak li jirċievi s-servizz ikun jaġixxi permezz ta’ l-awtorità jew tal-kontroll ta’ dak li jipprovdi.

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

12      L-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “L-ebda obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.”

13      L-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, intitolat “Azzjonijiet Ġudizzjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli permezz ta’ liġi nazzjonali li tikkonċerna l-attivitajiet ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri, inklużi miżuri interim, intiżi biex iwaqqfu il-ksur allegat u ma jħallux aktar xkiel għall-interessi involuti.”

 Id-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet

14      Skont il-premessi 17, 22 u 23 tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet:

“(17)      Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni.

[…]

(22)      Huwa essenzali wkoll li jsiru miżuri proviżorji għat-twaqqif immedjat tal-kontravvenzjonijiet, mingħajr stennija għal deċiżjoni fuq is-sostanza tal-każ, waqt li jkunu osservati d-drittijiet tad-difiża, jiġi assigurat li l-applikazzjoni tal-miżuri proviżorji hija proporzjonali għall-karatteristiċi tal-każ in kwestjoni u jipprovdu garanziji neċessarji biex jiġu koperti l-ispejjeż u l-ħsara kkawżata lid-difiża b’talba li ma tkunx ġustifikata. Dawn il-miżuri huma partikolarment ġustifikati fejn xi stennija tista’ toħloq ħsara irreparabbli fuq id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali.

(23)      Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri, proċeduri u rimedji oħra disponnibbli, il-proprjetarji tad-dritt għandhom ikollhom il-possibilità li japplikaw għall-mandat kontra xi intermedjarju li s-servizzi tiegħu qegħdin jiġu użati minn parti terza biex jiġi miksur id-dritt tal-proprjetà industrijali tad-detentur tad-drittijiet. Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri relatati ma’ dawn il-mandati għandhom jitħallew għal-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Safejn il-kontravvenzjonijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati huma konċernati, armoniżazzjoni ta’ livell komprensiv diġà jeżisti fid-Direttiva [dwar id-drittijiet tal-awtur]. L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [dwar id-drittijiet tal-awtur] m’għandux ikun affettwat b’din id-Direttiva.”

15      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu Ġenerali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

16      L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Mandati”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu joħorġu mandat kontra kontravventur bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni. Fejn hemm provvidament bil-liġi nazzjonali, nuqqas ta’ konformità mal-mandat għandu, fejn hu xierqa, ikun bla ħsara għall-pagament rikorrenti tal-penalità, bl-għan li jkun hemm konformità. L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [dwar id-drittijiet tal-awtur].”

17      L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet, intitolat “Id-danni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

(a)      Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni.

jew

b)      bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

2.      Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C682/18

18      F. Peterson huwa produttur tal-mużika u jsostni li huwa proprjetarju tal-kumpannija Nemo Studios.

19      YouTube topera l-pjattaforma tal-internet eponima li fuqha l-utenti jistgħu jtellgħu (upload) mingħajr ħlas il-vidjos tagħhom stess u jqegħiduhom għad-dispożizzjoni ta’ utenti tal-internet oħra. Google hija l-uniku soċju u r-rappreżentant legali ta’ YouTube. YouTube Inc. u Google Germany GmbH ma għadhomx parti fil-kawża.

20      Fl-20 ta’ Mejju 1996, il-kumpannija Nemo Studio Frank Peterson ikkonkludiet mal-artista Sarah Brightman kuntratt ta’ artist esklużiv ta’ portata mondjali dwar l-użu ta’ reġistrazzjonijiet awdjo u vidjo tal-ispettakli tagħha. Dan il-kuntratt kien is-suġġett ta’ ftehim addizzjonali fl-2005. Fl-1 ta’ Settembru 2000, F. Peterson ikkonkluda f’ismu u f’isem il-kumpannija Nemo Studios ftehim ta’ liċenzja ma’ Capitol Records Inc. dwar id-distribuzzjoni esklużiva tar-reġistrazzjonijiet u tal-ispettakli ta’ Sarah Brightman minn Capitol Records.

21      Fix-xahar ta’ Novembru 2008, ġie kkummerċjalizzat l-album “A Winter Symphony”, kompost minn xogħlijiet interpretati mill-artista. Fl‑4 ta’ Novembru 2008, Sarah Brightman bdiet tour, imsejjaħ “Symphony Tour”, li matulu hija interpretat ix-xogħlijiet irreġistrati fl-album.

22      Fis-6 u fis-7 ta’ Novembru 2008, xi xogħlijiet minn dan l-album u reġistrazzjonijiet privati ta’ kunċerti ta’ dan it-tour kienu disponibbli fuq il-pjattaforma tal-internet YouTube u flimkien ma’ immaġni fissi kif ukoll immaġini animati. Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2008, indirizzata lil Google Germany, F. Peterson, filwaqt li pproduċa, insostenn tat-talba tiegħu, screenshots intiżi sabiex jistabbilixxu l-fatti li huwa jilmenta dwarhom, eżiġa li din tal-aħħar kif ukoll Google jipprovdu dikjarazzjonijiet ta’ astensjoni taħt piena ta’ sanzjoni. Sussegwentement, Google Germany kitbet lil YouTube, li fittxet manwalment, permezz ta’ screenshots trażmessi minn F. Peterson, l-indirizzi tal-internet (URL) tal-vidjos inkwistjoni u bblokkat l-aċċess għalihom. Il-partijiet ma humiex jaqblu dwar il-portata ta’ dawn il-miżuri ta’ bblokkar tal-aċċess.

23      Fid-19 ta’ Novembru 2008, reġistrazzjonijiet awdjo ta’ spettakli tal-artist, flimkien ma’ immaġni fissi u immaġini animati, setgħu jerġgħu jiġu kkonsultati fuq il-pjattaforma tal-internet YouTube.

24      Konsegwentement, F. Peterson ippreżenta quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) kontra Google u YouTube (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konvenuti fil-kawża prinċipali”) azzjoni għal waqfien, għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni u għal konstatazzjoni tal-obbligu tagħhom li jħallsu d-danni. Insostenn ta’ din l-azzjoni, huwa invoka d-drittijiet tiegħu stess bħala produttur tal-album “A Winter Symphony” kif ukoll id-drittijiet proprji u d-drittijiet li jirriżultaw minn dawk tal-artista marbuta mal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet li jinsabu f’dan l-album imwettaq bil-parteċipazzjoni artistika tiegħu bħala produttur u korista. Fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet tal-kunċerti tas-“Symphony Tour”, huwa jsostni wkoll li huwa l-kompożitur u l-awtur tat-testi ta’ diversi xogħlijiet tal-album. Barra minn hekk, huwa għandu, bħala editur, drittijiet idderivati minn dawk tal-awturi fir-rigward ta’ diversi xogħlijiet mużikali.

25      Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Settembru 2010, il-qorti adita laqgħet l-azzjoni sa fejn tirrigwarda tliet xogħlijiet mużikali u ċaħdet il-kumplament tagħha.

26      F. Peterson kif ukoll il-konvenuti fil-kawża prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja). F. Peterson talab li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jiġu pprojbiti milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f’verżjonijiet sinkronizzati jew konnessi b’mod ieħor ma’ kontenut ta’ terzi jew għal finijiet ta’ reklamar, tnax-il reġistrazzjoni awdjo jew interpretazzjonijiet li jidhru fl-album “A Winter Symphony” tal-artista Sarah Brightman, li huwa pproduċa, kif ukoll tnax-il xogħol mużikali tal-kompożizzjoni tiegħu meħuda minn kunċerti tas-“Symphony Tour”, jew sussidjarjament li tippermetti lil terzi li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħlijiet ikkonċernati. Huwa talab ukoll li jikseb informazzjoni dwar l-attivitajiet illegali u dwar id-dħul mill-bejgħ jew il-profitti magħmula permezz ta’ dawn l-attivitajiet. Huwa talab ukoll il-kundanna ta’ YouTube għall-ħlas ta’ danni u dik ta’ Google għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament. Sussidjarjament, huwa talab li jikseb informazzjoni dwar l-utenti tal-pjattaforma tal-internet YouTube li tellgħu t-titoli inkwistjoni billi użaw psewdonimi.

27      Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, l-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) bidlet parzjalment is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza u kkundannat lill-konvenuti fil-kawża prinċipali li ma jippermettux lil terzi, fir-rigward ta’ seba’ xogħlijiet mużikali, milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f’verżjonijiet issinkronizzati jew konnessi b’mod ieħor ma’ kontenut ta’ terzi jew għal finijiet pubbliċitarji, reġistrazzjonijiet awdjo jew interpretazzjonijiet mill-artist ibbażati fuq l-album “A Winter Symphony”. Barra minn hekk, hija kkundannat lill-konvenuti fil-kawża prinċipali sabiex jindikaw l-ismijiet u l-indirizzi postali tal-utenti tal-pjattaforma li jkunu tellgħu x-xogħlijiet mużikali fuqha billi użaw psewdonimu jew, fin-nuqqas ta’ indirizz postali, l-indirizz elettroniku ta’ dawn l-utenti. Il-qorti tal-appell ċaħdet il-kumplament tal-appell, bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

28      Fir-rigward tas-seba’ xogħlijiet mużikali meħuda mill-album “A Winter Symphony”, il-qorti tal-appell qieset li d-drittijiet ta’ F. Peterson inkisru minħabba l-fatt li dawn ix-xogħlijiet tqiegħdu mingħajr awtorizzazzjoni fuq il-pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos ta’ YouTube u marbuta ma’ immaġini animati, bħala films meħuda mill-vidjo promozzjonali tal-artista. Hija qieset li YouTube ma hijiex responsabbli għal dan il-ksur bħala awtur jew kompliċi, peress li hija ma kellha ebda rwol attiv fil-ħolqien jew fit-tqegħid tal-kontenut kontenzjuż fuq il-pjattaforma u lanqas ma għamlet tagħha dan il-kontenut li joriġina minn terzi. Barra minn hekk, hija ma wrietx l-intenzjoni neċessarja sabiex tkun responsabbli bħala kompliċi peress li hija ma kinitx taf bil-ksur konkret. YouTube hija madankollu responsabbli bħala “interferent” (Störerin), peress li hija kisret l-obbligi ta’ aġir tagħha. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija xogħlijiet, filwaqt li ġew indikati lilha attivitajiet illegali fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, hija ma ħassritx immedjatament il-kontenut inkriminat jew ibblokkat l-aċċess għal dan il-kontenut.

29      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet ta’ kunċerti tas-“Symphony Tour”, YouTube ma kisret l-ebda obbligu ta’ aġir. Il-vidjos li fuqhom hemm ix-xogħlijiet mużikali indikati ċertament tqiegħdu illegalment minn terzi fuq il-pjattaforma ta’ kondiviżjoni tal-vidjos. YouTube madankollu ma kinitx suffiċjentement informata dwar dan il-ksur jew ibblokkat fil-ħin il-kontenut inkwistjoni kif rikjest, jew saħansitra ma tistax tiġi kkritikata li kisret l-obbligu li tipproċedi immedjatament għall-ibblokkar ta’ dan il-kontenut.

30      Il-qorti tal-appell stabbilixxiet b’mod partikolari l-fatti li ġejjin:

–        Kważi 35 siegħa ta’ reġistrazzjonijiet vidjo jittellgħu kull minuta u diversi mijiet ta’ eluf ta’ vidjos jittellgħu kuljum fuq il-pjattaforma tal-internet YouTube. It-tlugħ tal-vidjos fuq is-servers ta’ Google jsir permezz ta’ proċess awtomatizzat, mingħajr viżjoni jew kontroll minn qabel mill-konvenuti fil-kawża prinċipali.

–        Sabiex wieħed itella’ vidjos online fuq il-pjattaforma tal-internet YouTube, ikun meħtieġ li jinħoloq kont, b’isem tal-utent u password, u li jiġu aċċettati l-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu ta’ din il-pjattaforma. L-utent li, wara li jkun irreġistra b’dan il-mod, itella’ vidjo online jista’ jagħżel li jħallih “privat” jew li jippubblikah fuq il-pjattaforma. Fit-tieni ipoteżi, il-vidjo inkwistjoni jkun jista’ jarah kull utent tal-internet fi fluss kontinwu (streaming) mill-imsemmija pjattaforma.

–        Skont il-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu ta’ YouTube, kull utent jagħtiha, fuq il-vidjos li huwa jtella’ online u sat-tneħħija tagħhom mill-pjattaforma, liċenzja dinjija, mhux esklużiva u mingħajr ħlas għall-użu, ir-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni, il-ħolqien ta’ xogħlijiet idderivati, l-espożizzjoni u l-eżekuzzjoni b’rabta mad-disponibbiltà tal-pjattaforma u mal-attivitajiet ta’ YouTube, inkluż ir-reklamar.

–        Meta jaċċetta dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, l-utent jikkonferma li huwa għandu d-drittijiet, il-ftehimiet, l-awtorizzazzjonijiet u l-liċenzji kollha neċessarji fuq il-vidjeos li huwa jqiegħed online. YouTube titlob lill-utenti tagħha, fil-“Linji gwida tal-komunità”, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, dawn jiġu informati, waqt kull tqegħid online, li ebda vidjo li jikser dawn id-drittijiet ma jista’ jiġi ppubblikat fuq il-pjattaforma.

–        YouTube implimentat diversi mezzi tekniċi sabiex twaqqaf u tipprevjeni l-ksur fuq il-pjattaforma tagħha. Kull persuna tista’ tinnotifikaha bil-preżenza ta’ vidjo illegali bil-miktub, permezz ta’ faks, posta elettronika jew formola tal-internet. Inħolqot buttuna ta’ notifika li permezz tagħha jista’ jiġi rrapportat il-kontenut indeċenti jew illegali. Id-detenturi tad-drittijiet għandhom ukoll il-possibbiltà, permezz ta’ proċedura speċjali ta’ twissija, li jaraw li mill-pjattaforma jiġu eliminati sa għaxar vidjos speċifikati b’mod konkret b’kontestazzjoni billi jindikaw l-indirizzi tal-internet (URL) korrispondenti tal-vidjos.

–        Barra minn hekk, YouTube implimentat programm ta’ verifika tal-kontenut (Content Verification Program) li jiffaċilita d-denominazzjoni tal-vidjos mid-detentur tad-drittijiet, billi jippermettilu jimmarka f’lista ta’ vidjos dawk li huwa jqis li jippreġudikaw id-drittijiet tiegħu. Dan il-programm jitqiegħed biss għad-dispożizzjoni tal-impriżi li huma speċifikament irreġistrati għal dan il-għan, u mhux sempliċi individwi. Jekk vidjo jiġi bblokkat minħabba tali senjalazzjoni mid-detentur tad-drittijiet, l-utent li tellgħu online jiġi mwissi li l-kont tiegħu jiġi bblokkat f’każ ta’ reċidiva.

–        Barra minn hekk, sabiex tidentifika l-kontenut illegali, YouTube żviluppat programm software tal-kontenut, imsejjaħ “Content ID” jew “YouTube Audio ID” u “YouTube Video ID”. Għal dan il-għan, id-detentur tad-drittijiet għandu jipprovdi fajl ta’ riferiment awdjo jew vidjo li jippermetti lil YouTube tidentifika fuq il-pjattaforma tagħha vidjos oħra li għandhom, kompletament jew parzjalment, l-istess kontenut. Jekk tali vidjo jiġi identifikat, id-detentur tad-drittijiet jiġi informat b’dan minn YouTube. Id-detentur tad-drittijiet jista’ għalhekk jew jibblokka l-kontenut inkwistjoni, jew jawtorizza dan il-kontenut u jipparteċipa fid-dħul mir-reklamar.

–        YouTube toffri funzjoni ta’ riċerka u twettaq evalwazzjoni tar-rilevanza ġeografika tar-riżultati ta’ riċerka miġbura fil-qosor fuq il-paġna prinċipali fil-forma ta’ “klassifikazzjoni” fit-taqsimiet “vidjos li qed jintwerew bħalissa”, “vidjos promossi” u “vidjos popolari”. Deskrizzjoni oħra tal-offerta hija disponibbli taħt it-titoli “vidjo” u “kanali” bis-subtaqsimiet “divertiment”, “mużika” jew “films u animazzjoni”. Jekk utent irreġistrat juża l-pjattaforma, jiġi ppreżentat deskrizzjoni tal-“vidjos irrakkomandati” li l-kontenut tagħhom ivarja skont il-vidjos li huwa jkun diġà ra.

–        Strixxuni pubbliċitarji ta’ fornituri terzi u li huma speċifiċi għar-reġjun inkwistjoni jinsabu fil-marġni tal-paġna prinċipali. Possibbiltà oħra ta’ marketing pubbliċitarju fuq YouTube hija kkostitwita minn messaġġi vidjo li l-inklużjoni tagħhom tippreżupponi l-konklużjoni ta’ kuntratt separat bejn l-utent li jtella’ l-vidjo u YouTube. Fir-rigward tal-vidjos inkwistjoni f’din il-kawża, ma jidhirx madankollu li hemm rabta mal-pubbliċità.

31      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) awtorizzat l-appell għal “Reviżjoni” mis-sentenza tal-appell limitatament għall-aggravji ddikjarati ammissibbli mill-qorti tal-appell. F. Peterson isostni l-aggravji tal-appell tiegħu fil-kuntest tal-appell għal reviżjoni tiegħu sa fejn il-qorti tal-appell ċaħdithom bħala infondati. Fl-appell tagħhom għal reviżjoni, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jitolbu li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

32      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-fondatezza tal-appell ta’ F. Peterson tiddependi, fl-ewwel lok, fuq il-punt dwar jekk l-aġir ta’ YouTube fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Hija tqis li dan jista’ jkun il-każ biss għas-seba’ xogħlijiet mużikali tal-album “A Winter Symphony” li YouTube ma rtiratx jew ma bblokkatx fil-pront, filwaqt li hija kienet ġiet informata bil-fatt, stabbilit mill-qorti tal-appell, li dawn ix-xogħlijiet tqiegħdu illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-pjattaforma tagħha.

33      Fil-fatt, billi topera l-pjattaforma tagħha, YouTube ma teżerċitax rwol indispensabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meħtieġ sabiex l-aġir tagħha jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala att ta’ komunikazzjoni, jekk, wara li tkun saret taf bit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur, hija tħassarhom jew tibblokkalhom immedjatament l-aċċess. Sabiex ikun jista’ jitqies li YouTube teżerċita tali rwol, huwa neċessarju li hija tkun taf kompletament il-konsegwenzi tal-aġir tagħha u b’mod partikolari tal-assenza ta’ awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet. Issa, peress it-tlugħ tal-vidjo jsir awtomatikament, YouTube ma jkollhiex għarfien tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur qabel ma d-detentur tad-drittijiet jinformaha b’dan. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li YouTube tinforma lill-utenti, fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu tagħha, u sussegwentement, matul il-proċess ta’ tlugħ, li huma pprojbiti milli jiksru d-drittijiet tal-awtur permezz tal-pjattaforma tagħha u tipprovdi lid-detenturi tad-drittijiet għodda li permezz tagħha dawn tal-aħħar jistgħu jaġixxu kontra tali ksur.

34      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, jekk l-aġir ta’ YouTube inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, ikun għalhekk neċessarju li jiġi ddeterminat, fit-tieni lok, jekk l-attività tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos, bħal dik ta’ YouTube, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, b’tali mod li dan l-operatur ikun jista’ jibbenefika minn eżenzjoni mir-responsabbiltà fir-rigward tal-informazzjoni maħżuna fuq il-pjattaforma tiegħu. Din il-qorti tirrileva li, kif jirriżulta mill-elementi kkonstatati mill-qorti tal-appell, YouTube ma rabtet ebda reklamar mal-vidjos li jiksru d-drittijiet tal-awtur ta’ F. Peterson. Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk YouTube kellhiex madankollu rwol attiv, billi ostakolat l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ, kif miġbura fil-qosor fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

35      Fl-ipoteżi fejn ir-rwol ta’ YouTube għandu jiġi kklassifikat bħala newtrali u fejn, għaldaqstant, l-attività tagħha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, tqum, fit-tielet lok, il-kwistjoni dwar jekk l-“għarfien effettiv tal-attività jew tal-informazzjoni illegali” u ċ-“ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhomx jikkonċernaw attivitajiet jew informazzjoni illegali konkreta. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv. Fil-fatt, mill-kliem u mill-istruttura tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li ma huwiex biżżejjed li l-fornitur ikun jaf, b’mod ġenerali, bil-fatt li s-servizzi tiegħu jintużaw sabiex jitwettqu kwalunkwe attivitajiet illegali. Għalhekk, ksur għandu jiġi indikat b’mod konkret u preċiż lill-fornitur sabiex dan ikun jista’ jikkonstata l-ksur mingħajr eżami legali u materjali fil-fond.

36      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, għalkemm l-aġir ta’ YouTube inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, tqum ukoll, fir-raba’ lok, il-kwistjoni dwar jekk huwiex kompatibbli mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur li d-detentur tad-drittijiet ikun jista’ jikseb digriet ġudizzjarju kontra operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos, li s-servizzi tiegħu intużaw minn terz sabiex jikser dritt tal-awtur jew drittijiet relatati, biss jekk, wara n-notifika ta’ ksur ċar ta’ tali dritt, l-operatur ma jkunx aġixxa fil-pront sabiex iħassar il-kontenut inkwistjoni jew jibblokka l-aċċess għalih u jiżgura li ksur bħal dan ma jerġax iseħħ. Skont dik il-qorti, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv, peress li mill-Artikolu 14(1) u mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jirriżulta li digriet ġudizzjarju kontra tali operatur jista’ jiġi previst fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri biss meta dan ikollu effettivament għarfien tal-attività jew tal-informazzjoni illegali.

37      Fil-ħames lok, fil-każ li l-aġir ta’ YouTube ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, tqum, fil-ħames lok, il-kwistjoni dwar jekk YouTube għandhiex, anki fl-assenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, titqies bħala “kontravventur” li, kuntrarjament għal “intermedjarju”, tista’, skont l-Artikoli 11 u 13 tad-Direttiva dwar ir-rispett tad-drittijiet, tkun is-suġġett ta’ mhux biss azzjoni għall-waqfien tal-ksur, iżda wkoll għall-ħlas tad-danni u għall-irkupru tal-profitti.

38      Dejjem fl-ipoteżi msemmija fil-punt preċedenti u fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi f’dan ir-rigward l-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, li skontha YouTube għandha titqies bħala persuna li wettqet ksur, tqum, fis-sitt u l-aħħar lok, il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ tali persuna li wettqet ksur li tħallas danni, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, jistax jiġi suġġett għall-kundizzjoni li din tkun aġixxiet deliberatament kemm fir-rigward tal-attività illegali tagħha kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-attività konkreta tat-terz.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-operatur ta’ pjattaforma vidjo fuq l-internet li permezz tagħha l-utenti jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku vidjos li jinkludu kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, iwettaq att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [dwar id-drittijiet tal-awtur] meta:

–        jagħmel dħul minn reklamar permezz tal-pjattaforma,

–        il-proċess ta’ uploading isir awtomatikament u mingħajr viżwalizzazzjoni jew kontroll minn qabel mill-operatur,

–        l-operatur jikseb skont il-kundizzjonijiet ta’ użu, liċenzja għall-vidjos li tkun dinjija, mhux esklużiva u mingħajr ħlas għat-tul tax-xandir tal-vidjos,

–        l-operatur jindika fil-kundizzjonijiet ta’ użu u fil-kuntest ta’ proċess ta’ uploading, li l-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur ma jistax jixxandar,

–        l-operatur jipprovdi għodda li permezz tagħhom id-detenturi ta’ drittijiet jistgħu jaġixxu sabiex jibblokkaw vidjos li jiksru d-drittiijet tagħhom,

–        fuq il-pjattaforma l-operatur iwettaq ipproċessar ta’ riżultati ta’ tfittxija fil-forma ta’ listi ta’ klassifikazzjoni u kategoriji ta’ kontenut u jippreżenta lill-utenti rreġistrati deskrizzjoni ġenerika li hija orjentata lejn vidjos rakkomandati abbażi ta’ vidjos li dawn l-utenti kienu diġà raw,

sa fejn ma jkollux għarfien konkret dwar id-disponibbiltà tal-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur jew iħassar immedjatament jew jibblokka immedjatament l-aċċess għal dan il-kontenut meta jikseb għarfien dwar dan?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-attività tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ vidjo fuq l-internet taqa’, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-[Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku]?

3)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

L-għarfien effettiv tal-attività jew tal-informazzjoni illegali jew il-konoxxenza tal-fatti jew taċ-ċirkustanzi li skont dawn l-attività jew l-informazzjoni illegali hija apparenti għandu, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [dwar il-kummerċ elettroniku], jikkonċerna attivitajiet jew informazzjoni illegali konkreti?

4)      Dejjem fl-ipoteżi ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

Huwa konformi mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [dwar id-drittijiet tal-awtur] li d-detentur ta’ dritt jista’ jikseb digriet ġudizzjarju kontra fornitur ta’ servizzi li s-servizz tiegħu jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn utent, u li l-utent kien uża dan is-servizz bi ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, biss meta dan il-ksur ikun seħħ għal darba oħra wara li tkun ingħatat notifika ta’ ksur manifest?

5)      Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda:

L-operatur ta’ pjattaforma ta’ vidjo fuq l-internet taħt iċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda għandu jitqies bħala persuna li wettqet ksur fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva [dwar l-infurzar tad-drittijiet]?

6)      F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ħames domanda?

L-obbligu ta’ tali persuna li twettaq ksur li tħallas danni skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [dwar l-infurzar tad-drittijiet] jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li wettqet il-ksur kienet aġixxiet intenzjonalment sa fejn jikkonċerna kemm l-attività li tikkontravjeni tagħha stess kif ukoll l-attività li tikkontravjeni ta’ terzi, u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-utenti jużaw il-pjattaforma sabiex iwettqu ksur konkret?”

 Il-Kawża C683/18

40      Elsevier hija dar ta’ pubblikazzjoni speċjalizzata internazzjonali, li għandha drittijiet ta’ operat esklużivi fuq ix-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41      Cyando topera l-pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, “Uploaded”, li għaliha jista’ jsir aċċess mis-siti tal-internet uploaded.net, uploaded.to u ul.to. Din il-pjattaforma toffri lill-utenti tal-internet spazju ta’ ħażna bla ħlas għat-tlugħ (upload) ta’ fajls irrispettivament mill-kontenut tagħhom. Sabiex ikunu jistgħu jittellgħu fajls fuq l-imsemmija pjattaforma, huwa neċessarju li jinħoloq kont, b’isem tal-utent u password, filwaqt li jiġi pprovdut b’mod partikolari indirizz elettroniku. It-tqegħid online ta’ fajl isir b’mod awtomatiku u mingħajr viżjoni jew kontroll minn qabel minn Cyando. Għal kull fajl imtella’, Cyando tistabbilixxi awtomatikament link għat-tniżżil (download-link) li tippermetti l-aċċess dirett għall-fajl ikkonċernat u tikkomunikah awtomatikament lill-utent li jkun tellgħu.

42      Cyando ma toffrix, għall-fajls maħżuna fuq il-pjattaforma tagħha, il-lista u lanqas funzjoni ta’ riċerka. L-utenti jistgħu madankollu jaqsmu fuq l-internet il-links ta’ tniżżil li ġew ikkomunikati lilhom minn Cyando, b’mod partikolari f’blogs, forums jew ukoll f’“kollezzjonijiet ta’ links”. Dawn il-kollezzjonijiet, li huma offruti minn terzi, jindikaw permezz ta’ indiċi dawn il-links, jipprovdu informazzjoni dwar il-kontenut tal-fajls li għalihom jirreferu l-imsemmija links u jippermettu għalhekk lill-utenti tal-internet ifittxu l-fajls li huma jixtiequ jniżżlu. B’dan il-mod, utenti tal-internet oħra jistgħu jaċċedu għall-fajls maħżuna fuq il-pjattaforma ta’ Cyando.

43      It-tniżżil (download) ta’ fajls mill-pjattaforma ta’ Cyando huwa bla ħlas. Il-kwantità u l-veloċità tat-tniżżil mill-internet huma madankollu limitati għall-utenti mhux irreġistrati kif ukoll għall-utenti li jibbenefikaw minn abbonament mingħajr ħlas. L-utenti li għandhom abbonament bi ħlas jibbenefikaw minn volum ta’ tniżżil ta’ kuljum ta’ 30 GB, akkumulat sa massimu ta’ 500 GB mingħajr limitu tal-veloċità tat-tniżżil. Huma jistgħu jagħmlu numru illimitat ta’ tniżżil simultanju u ma għandhom ibatu ebda ħin ta’ stennija bejn it-tniżżil differenti. Il-prezz ta’ tali abbonament huwa ta’ bejn EUR 4.99 għal jumejn u EUR 99.99 għal sentejn. Cyando tħallas lill-utenti li jtellgħu fajls remunerazzjoni skont in-numru ta’ tniżżil ta’ dawn il-fajls. B’hekk, sa EUR 40 jitħallsu għal 1 000 okkorrenza ta’ tniżżil.

44      Skont il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Cyando, huwa pprojbit li l-utenti tal-pjattaforma tagħha jiksru d-drittijiet tal-awtur.

45      Il-qorti tar-rinviju tesponi li din il-pjattaforma tintuża kemm għal applikazzjonijiet legali kif ukoll għal applikazzjonijiet li jiksru d-drittijiet tal-awtur. Cyando ġiet informata bil-fatt li iktar minn 9 500 xogħol kienu tniżżlu fuq il-pjattaforma tagħha, li għalihom, bi ksur tad-drittijiet tal-awtur, il-links ta’ tniżżil intgħażlu fuq l-internet fuq madwar 800 sit differenti (kollezzjonijiet ta’ links, blogs, forums).

46      B’mod partikolari, abbażi ta’ tfittxijiet imwettqa mill-11 sad-19 ta’ Diċembru 2013, din il-kumpannija nnotifikat lil Cyando, permezz ta’ żewġ ittri mibgħuta fl-10 ta’ Jannar 2014 u fis-17 ta’ Jannar 2014, li tlieta minn dawn ix-xogħlijiet li fuqhom hija kellha drittijiet ta’ operat esklużivi jiġifieri “Gray’s Anatomy for Students”, “Atlas of Human Anatomy” u “Campbell-Walsh Urology”, setgħu jiġu kkonsultati bħala fajl fuq il-pjattaforma Uploaded permezz tal-kollezzjonijiet tal-links rehabgate.com, avaxhome.ws u bookarchive.ws.

47      Elsevier ippreżentat rikors, kontra Cyando quddiem il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja). Elsevier talbet, b’mod partikolari, li Cyando tiġi kkundannata għall-waqfien, prinċipalment, bħala awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq fir-rigward tax-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sussidjarjament, bħala kompliċi f’dan il-ksur u, b’mod iktar sussidjarju, bħala “interferent” (Störerin). Elsevier talbet ukoll li Cyando tiġi kkundannata tipprovdilha ċerta informazzjoni kif ukoll tħallasha danni għal dan l-istess ksur.

48      Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Marzu 2016, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I) ikkundannat lil Cyando twaqqaf bħala kompliċi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq tlieta mix-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri dawk iċċitati fl-ittri tal-10 ta’ Jannar 2014 u tas-17 ta’ Jannar 2014.

49      Elsevier u Cyando t-tnejn appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja).

50      Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, il-qorti tal-appell bidlet is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. Din il-qorti kkundannat lil Cyando għall-waqfien bħala “interferent” fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq it-tliet xogħlijiet iċċitati fl-ittri tal-10 ta’ Jannar 2014 u tas-17 ta’ Jannar 2014 u ċaħdet il-kumplament tal-appell.

51      Il-qorti tal-appell ikkunsidrat b’mod partikolari li Elsevier ma setgħetx tipproċedi kontra Cyando bħala awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni. Fil-fatt, il-kontribuzzjoni ta’ Cyando hija limitata għall-provvista ta’ mezzi tekniċi li jippermettu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet inkwistjoni. Fl-assenza ta’ għarfien tal-eżistenza ta’ tali ksur imwettaq mill-utenti tal-pjattaforma tagħha, Cyando lanqas ma tista’ titqies li hija kompliċi għalihom. Cyando hija madankollu obbligata, bħala “interferent”, li twaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq it-tliet xogħlijiet iċċitati fl-ittri tal-10 ta’ Jannar 2014 u tal-17 ta’ Jannar 2014. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ xogħol ieħor, intitolat “Robbins Basic Pathology”, ukoll inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Cyando ma kisritx l-obbligi ta’ kontroll tagħha peress li pubblikazzjoni ġdida ta’ dan ix-xogħol seħħet biss sentejn u nofs wara l-konstatazzjoni tal-ewwel ksur li ta lok għal dawn l-obbligi ta’ kontroll. Barra minn hekk, bħala “interferent”, Cyando ma hijiex obbligata tħallas id-danni.

52      Fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-qorti tal-appell ikkonstatat b’mod partikolari li Cyando, permezz tal-iżvilupp tas-sistema ta’ remunerazzjoni tagħha, il-provvista ta’ links ta’ tniżżil li jippermettu l-aċċess dirett għall-fajls imtella’ u l-possibbiltà ta’ użu anonimu tal-pjattaforma tagħha, tinkoraġġixxi b’mod kunsiderevoli l-użu tagħha għal finijiet illegali. L-utenti ikkonċernati mit-tniżżil ta’ fajls iktar għandhom it-tendenza li jiksbu abbonament bi ħlas, li jagħtihom dritt għal kont ipprivileġġjat, meta jkunu jistgħu, permezz ta’ din il-pjattaforma, iniżżlu xogħlijiet attraenti protetti mid-drittijiet tal-awtur. Cyando tinkoraġġixxi lill-utenti tagħha itellgħu fajls li jista’ jiġi preżunt li jkunu ta’ spiss ser jitniżżlu, billi jirremunerawhom għat-tniżżil frekwenti tal-fajls li jkunu tellgħu u billi jagħmluhom parteċipi fid-dħul iġġenerat mill-akkwist ta’ utenti ġodda. Sa fejn din ir-remunerazzjoni tiddependi fuq in-numru ta’ tniżżil ta’ fajl u, għaldaqstant, l-attrazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-pubbliku, l-utenti jkunu mħeġġa jtellgħu kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur, u fin-nuqqas ta’ dan il-kontenut ikun aċċessibbli biss bi ħlas. Barra minn hekk, il-fatt li l-links ta’ tniżżil iwasslu għal aċċess dirett għall-fajls imtella’ jippermetti lill-utenti li jkunu wettqu tlugħ li jikkondividu faċilment dawn il-fajls, b’mod partikolari permezz ta’ kollezzjonijiet ta’ links, mal-utenti kkonċernati mit-tniżżil mill-internet. Fl-aħħar nett, l-anonimat fl-użu tal-pjattaforma jnaqqas ir-riskju għall-utenti li jiġu mħarrka fi proċeduri ġudizzjarji għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur.

53      Min-naħa l-oħra, u għalkemm Elsevier kienet allegat fl-appell li l-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur jirrappreżenta bejn 90 u 96 % tal-fajls li jistgħu jiġu kkonsultati fuq il-pjattaforma ta’ Cyando, fatt li huwa kkontestat minn din tal-aħħar, il-qorti tal-appell ma kkonstatatx il-parti rispettiva tal-użu legali ta’ din il-pjattaforma u tal-użu tagħha għal finijiet illegali.

54      Permezz tal-appell għal reviżjoni tagħha awtorizzat mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) u li Cyando titlob iċ-ċaħda tiegħu, Elsevier tippersisti fit-talbiet tagħha.

55      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-fondatezza tal-appell tiddependi, fl-ewwel lok, fuq il-punt dwar jekk l-aġir tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, bħal dik ta’ Cyando, jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Hija tqis li Cyando tista’ titqies li għandha rwol indispensabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meħtieġ sabiex l-aġir tagħha jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala att ta’ komunikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, ċertament, Cyando ma għandhiex għarfien tal-fatt li l-kontenut protett ikun sar illegalment disponibbli qabel ma d-detentur tad-drittijiet jinformaha bih, peress li dan il-kontenut jitniżżel minn terzi. Barra minn hekk, Cyando tinforma lill-utenti tagħha, fil-kundizzjonijiet tal-użu tal-pjattaforma tagħha, li huma pprojbiti milli jiksru d-drittijiet tal-awtur permezz tagħha. Cyando, madankollu, kellha għarfien tal-fatt li kwantitajiet kbar ta’ kontenut protett huma kkomunikati illegalment lill-pubbliku permezz tal-pjattaforma tagħha. Barra minn hekk, permezz tas-sistema ta’ remunerazzjoni tagħha, permezz tal-provvista ta’ links ta’ tniżżil li jippermettu l-aċċess dirett għall-fajls imtella’ u permezz tal-possibbiltà li l-pjattaforma tagħha tintuża b’mod anonimu, Cyando żżid b’mod sinjifikattiv ir-riskju li l-pjattaforma tagħha tintuża għal finijiet illegali.

56      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-aġir tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, bħal dik ta’ Cyando, ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, il-qorti tar-rinviju tagħmel, essenzjalment, l-istess domandi bħat-tieni sas-sitt domandi magħmula fil-Kawża C‑682/18.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      L-operatur ta’ [pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls] li fih l-utenti jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku fajls li jinkludu kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, iwettaq att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [dwar id-drittijiet tal-awtur], meta

–      il-proċess ta’ uploading isir awtomatikament u mingħajr viżwalizzazzjoni jew kontroll minn qabel mill-operatur,

–      l-operatur jindika fil-kundizzjonijiet ta’ użu, li l-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur ma jistax jixxandar,

–      jagħmel dħul mill-operat tas-servizz,

–      [il-pjattaforma] [t]intuża għal applikazzjonijiet legali, iżda l-operatur ikollu għarfien dwar id-disponibbiltà ta’ ammont kunsiderevoli ta’ kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur (iktar minn 9 500 xogħol),

–      l-operatur ma joffri ebda elenku u ebda funzjoni ta’ tfittxija, iżda l-links ta’ downloading mingħajr restrizzjoni li jagħmel disponibbli jitqiegħdu fuq l-internet minn terzi f’ġabra ta’ links li jinkludu informazzjoni dwar il-kontenut ta’ fajls u jippermettu t-tfittxija ta’ kontenut speċifiku,

–      permezz tat-tfassil ta’ remunerazzjoni għal downloads li titħallas skont it-talba, huwa joħloq inċentiva għal uploading ta’ kontenut li huwa protett mid-drittijiet tal-awtur li l-utenti jiksbu b’mod ieħor biss permezz ta’ ħlas,

u

–      billi joffri l-possibbiltà ta’ uploading ta’ fajls b’mod anonimu, il-probabbiltà li l-utenti ma jinżammux responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur ser tiżdied?

b)      Din l-evalwazzjoni tinbidel jekk l-offerti li jiksru d-drittijiet tal-awtur huma pprovduti minn servizz ta’ shared hosting u għandhom portata ta’ 90 sa 96 % tal-użu totali [tal-pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls]?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-attività tal-operatur [tal-pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls] taqa’, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [dwar il-kummerċ elettroniku]?

3)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

L-għarfien effettiv tal-attività jew tal-informazzjoni illegali jew il-konoxxenza tal-fatti jew taċ-ċirkustanzi li skont dawn l-attività jew l-informazzjoni illegali hija apparenti għandu, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [dwar il-kummerċ elettroniku], jikkonċerna attivitajiet jew informazzjoni illegali konkreti?

4)      Dejjem fl-ipoteżi ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

Huwa konformi mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [dwar id-drittijiet tal-awtur] li d-detentur ta’ dritt jista’ jikseb digriet ġudizzjarju kontra fornitur ta’ servizzi li s-servizz tiegħu jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn utent, u li l-utent kien uża dan is-servizz bi ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, biss meta dan il-ksur ikun seħħ għal darba oħra wara li tkun ingħatat notifika ta’ ksur manifest?

5)      Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda:

L-operatur ta’ [pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls] taħt iċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda għandu jitqies bħala persuna li wettqet ksur fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva [dwar l-infurzar tad-drittijiet]?

6)      F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ħames domanda?

L-obbligu ta’ tali persuna li twettaq ksur li tħallas danni skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [dwar l-infurzar tad-drittijiet] jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li wettqet il-ksur kienet aġixxiet intenzjonalment sa fejn jikkonċerna kemm l-attività li tikkontravjeni tagħha stess kif ukoll l-attività li tikkontravjeni ta’ terzi, u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-utenti jużaw il-pjattaforma sabiex iwettqu ksur konkret?”

58      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2018, il-Kawżi C‑682/18 u C‑683/18 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

59      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li d-domandi magħmula f’dawn il-kawżi jirrigwardaw id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku kif ukoll id-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet, applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali. L-interpretazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal dawn id-domandi ma jikkonċernawx is-sistema, li daħlet fis-seħħ wara dan iż-żmien, li ġiet stabbilita permezz tal-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019, L 130, p. 92).

 Fuq l-ewwel domanda magħmula fil-Kawżi C682/18 u C683/18

60      Permezz tal-ewwel domanda tagħha magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur għandux jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, li fuqha l-utenti jistgħu jqiegħdu illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kontenut protett, iwettaq huwa stess, f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ dan il-kontenut, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

61      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

62      Skont din id-dispożizzjoni, l-awturi għalhekk għandhom dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom jindaħlu bejn eventwali utenti tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li dan isir (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, VG Bild-Kunst, C‑392/19, EU:C:2021:181, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jinftiehem, kif tenfasizza l-premessa 23 ta’ din id-direttiva, f’sens wiesa’ li jkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni u, għalhekk, kwalunkwe tali trażmissjoni jew ritrażmissjoni ta’ xogħol lill-pubbliku, bil-fil jew mingħajr fil, inkluż ix-xandir. Fil-fatt, mill-premessi 4, 9 u 10 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din għandha bħala għan prinċipali l-istabbiliment ta’ livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari, fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, VG Bild-Kunst, C‑392/19, EU:C:2021:181, punti 26 u 27).

64      Fl-istess ħin, mill-premessi 3 u 31 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jirriżulta li l-armonizzazzjoni magħmula minn din hija intiża sabiex iżżomm, u dan b’mod partikolari fl-ambjent elettroniku, bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati għall-protezzjoni tad-dritt tagħhom ta’ proprjetà intellettwali, iggarantit mill-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti tal-oġġetti protetti, b’mod partikolari tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta, kif ukoll tal-interess ġenerali (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 31, kif ukoll is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C-476/17, EU:C:2019:624, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata)

65      Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, u b’mod partikolari tal-Artikolu 3(1) tagħha, dan il-bilanċ ġust għandu jitfittex, billi tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-importanza partikolari tal-internet għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 45).

66      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1), jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil pubbliku, u jimplika evalwazzjoni individwalizzata (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, VG Bild‑Kunst, C-392/19, EU:C:2021:181, punti 29 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji kumplimentari, ta’ natura mhux awtonoma u li huma interdipendenti. Peress li f’sitwazzjonijiet konkreti differenti, dawn il-kriterji jistgħu jkunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna, għandhom jiġu applikati kemm b’mod individwali kif ukoll fl-interazzjoni ma’ xulxin (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, VG Bild‑Kunst, C‑392/19, EU:C:2021:181, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Fost dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, l-ewwel nett, ir-rwol indispensabbli li għandu l-utent u n-natura deliberata tal-intervent tiegħu. Fil-fatt, dan l-utent iwettaq “att ta’ komunikazzjoni” meta jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, jew diffiċilment ikunu jistgħu, igawdu mix-xogħol imxandar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “pubbliku” ikopri numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, BY (Prova fotografika), C‑637/19, EU:C:2020:863, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi kklassifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, xogħol protett għandu jiġi kkomunikat b’mod tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi kkomunikat lil “pubbliku ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta jkun awtorizza il-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tiegħu lill-pubbliku (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-kontenut potenzjalment illegali jittella’ fuq il-pjattaforma kkonċernata mhux mill-operatur, iżda mill-utenti, li jaġixxu b’mod awtonomu u taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess.

72      Barra minn hekk, huma l-utenti tal-pjattaforma li jiddeterminaw jekk il-kontenut li huma jkunu tellgħu huwiex, permezz ta’ din il-pjattaforma, imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utenti tal-internet oħra, sabiex dawn ikollhom aċċess għalih, mill-post u fil-mument li huma jagħżlu individwalment.

73      Fil-fatt, fir-rigward tal-pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni Uploaded, huwa paċifiku li l-link ta’ tniżżil li tippermetti aċċess għal kontenut imtella’ hija kkomunikata esklużivament lill-utent li wettaq it-tlugħ u li din il-pjattaforma ma tipprovdix hija stess il-possibbiltà li tikkondividi din ir-rabta u, għaldaqstant, il-kontenut imtella’ ma’ utenti tal-internet oħra. Għalhekk, sabiex jikkondividi dan il-kontenut, l-utent għandu jew jikkomunika l-link ta’ tniżżil direttament lill-persuni li lilhom jixtieq jagħti aċċess għall-imsemmi kontenut jew jippubblika din il-link fuq l-internet, b’mod partikolari f’blogs, forums jew “kollezzjonijiet ta’ links”.

74      Fir-rigward tal-pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos YouTube, jidher li, jekk il-funzjoni prinċipali ta’ din il-pjattaforma tikkonsisti fil-kondiviżjoni pubblika ta’ vidjos mal-utenti kollha tal-internet, din tippermetti wkoll lill-utenti tagħha li jtellgħu kontenut b’mod “privat” u għalhekk li jagħżlu jekk, skont il-każ, jixtiqux jikkondividu dan il-kontenut.

75      Għaldaqstant, għandu jitqies, minn naħa, li l-utenti tal-pjattaformi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jwettqu “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, meta, mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, huma jagħtu lil utenti tal-internet oħra, permezz ta’ dawn il-pjattaformi, aċċess għal xogħlijiet protetti li dawn l-utenti tal-internet l-oħra ma setgħux igawdu fl-assenza tal-intervent ta’ dawn l-utenti. Min-naħa l-oħra, huwa biss fil-każ li l-imsemmija utenti jqiegħdu kontenut imxandar għad-dispożizzjoni tal-“pubbliku”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, billi jaqsmu dan il-kontenut ma’ kull utent tal-internet fuq il-pjattaforma YouTube jew billi jippubblikaw fuq l-internet il-links ta’ tniżżil li jagħtu aċċess għall-imsemmi kontenut fuq il-pjattaforma Uploaded, li dawn l-utenti u, konsegwentement, l-operatur tal-pjattaforma li jservi bħala intermedjarju għal dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jistgħu jwettqu “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.

76      Permezz tal-ewwel domanda tagħha magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls iwettaqx huwa stess “att ta’ komunikazzjoni” li jiżdied ma’ dak imwettaq, jekk ikun il-każ, mill-utent tagħha.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-operatur ta’ tali pjattaforma għandu rwol indispensabbli fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kontenut potenzjalment illegali, imwettaq mill-utenti tiegħu. Fil-fatt, fl-assenza ta’ provvista u ta’ ġestjoni ta’ tali pjattaforma, il-kondiviżjoni libera fuq l-internet ta’ dan il-kontenut jirriżulta impossibbli jew, tal-inqas, iktar kumpless (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punti 36 u 37).

78      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza, in-natura inevitabbli tar-rwol tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls ma huwiex l-uniku kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwalizzata li għandha titwettaq, iżda għandha, għall-kuntrarju, tiġi applikata fl-interazzjoni tiegħu ma’ kriterji oħra, b’mod partikolari dak tan-natura deliberata tal-intervent ta’ tali operatur.

79      Fil-fatt, jekk is-sempliċi fatt li l-użu ta’ pjattaforma huwa neċessarju sabiex il-pubbliku jkun jista’ effettivament igawdi mix-xogħol, jew saħansitra li jiffaċilita biss din it-tgawdija, iwassal b’mod awtomatiku sabiex l-intervent tal-operatur ta’ din il-pjattaforma jiġi kklassifikat bħala “att ta’ komunikazzjoni”, kull “provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi sabiex tkun tista’ sseħħ jew isseħħ komunikazzjoni” tikkostitwixxi tali att, dak li l-premessa 27 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, li tirriproduċi, essenzjalment, id-dikjarazzjoni komuni dwar l-Artikolu 8 tat-TDA, madankollu teskludi espressament.

80      Għaldaqstant, huwa kemm fid-dawl tal-importanza tar-rwol li jwettaq tali intervent tal-operatur ta’ pjattaforma fil-komunikazzjoni mwettqa mill-utent tagħha kif ukoll tan-natura deliberata ta’ dan l-intervent li għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl tal-kuntest speċifiku, l-imsemmi intervent għandux jiġi kklassifikat bħala att ta’ komunikazzjoni.

81      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huwa b’mod partikolari l-fatt li wieħed jintervjeni b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu bil-għan li l-pubbliku jingħata aċċess għal xogħlijiet protetti li jista’ jwassal għall-klassifikazzjoni ta’ dan l-intervent bħala “att ta’ komunikazzjoni”.

82      Skont din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni, fuq l-internet, tal-pjattaforma ta’ kondiviżjoni The Pirate Bay li, permezz tal-indiċjar ta’ metadata dwar xogħlijiet protetti u l-provvista ta’ mutur ta’ tfittxija, kienet tippermetti lill-utenti ta’ din il-pjattaforma li jillokalizzaw dawn ix-xogħlijiet u li jaqsmu bejniethom fil-kuntest ta’ netwerk ta’ pari għal pari (peer-to-peer), jikkostitwixxu komunikazzjoni lill-pubbliku. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari li l-amministraturi ta’ The Pirate Bay kienu intervjenew b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tagħhom, sabiex jagħtu aċċess għax-xogħlijiet protetti, li huma kienu wrew espressament, fuq il-blogs u l-forums disponibbli fuq l-imsemmija pjattaforma, l-għan tagħhom li jqiegħdu xogħlijiet protetti għad-dispożizzjoni tal-utenti u li huma kienu inċentivaw lil dawn tal-aħħar jagħmlu kopji ta’ tali xogħlijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punti 36, 45 u 48).

83      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls jintervjenix fil-komunikazzjoni illegali ta’ kontenut protett, imwettqa minn utenti tal-pjattaforma tiegħu, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu sabiex l-utenti tal-internet l-oħra jkollhom aċċess għal tali kontenut, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni u li jippermettu li jinsiltu, direttament jew indirettament, konklużjonijiet dwar in-natura deliberata jew le tal-intervent tiegħu fil-komunikazzjoni illegali tal-imsemmi kontenut.

84      F’dan ir-rigward, jikkostitwixxu elementi rilevanti, b’mod partikolari, il-fatt li tali operatur, minkejja li jaf jew għandu jkun jaf li, b’mod ġenerali, kontenut protett illegalment jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-pjattaforma tiegħu minn utenti ta’ din tal-aħħar, jastjeni milli jimplimenta l-miżuri tekniċi xierqa li huwa jista’ jistenna minn operatur li jkun normalment diliġenti fis-sitwazzjoni tiegħu sabiex jikkombatti b’mod kredibbli u effikaċi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq din il-pjattaforma, u l-fatt li dan l-operatur jipparteċipa fl-għażla ta’ kontenut protett ikkomunikat illegalment lill-pubbliku, li jipprovdi fuq il-pjattaforma tiegħu għodda maħsuba speċifikament għall-kondiviżjoni illegali ta’ tali kontenut jew li xjentement jippromwovi tali kondiviżjoni, li x’aktarx ikun evidenzjat mill-fatt li l-imsemmi operatur ikun adotta mudell ekonomiku li jħeġġeġ lill-utenti tal-pjattaforma tiegħu jikkomunikaw illegalment kontenut protett lill-pubbliku fuqha.

85      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-operatur jaf, b’mod ġenerali, bid-disponibbiltà illegali ta’ kontenut protett fuq il-pjattaforma tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li huwa jintervjeni bil-għan li jagħti lill-utenti tal-internet aċċess għalih. Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk dan l-operatur, meta jkun ġie avżat mid-detentur tad-drittijiet bil-fatt li kontenut protett ikun qiegħed jiġi kkomunikat illegalment lill-pubbliku permezz tal-pjattaforma tiegħu, jonqos milli jieħu l-miżuri neċessarji fil-pront sabiex jirrendi dan il-kontenut inaċċessibbli.

86      Barra minn hekk, jekk in-natura lukrattiva tal-intervent inkwistjoni ma hijiex irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), is-sempliċi fatt li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls isegwi skop ta’ lukru la jippermetti li tiġi kkonstatata n-natura deliberata tal-intervent tiegħu fil-komunikazzjoni illegali ta’ kontenut protett, imwettqa minn uħud mill-utenti tiegħu, u lanqas li tiġi preżunta tali natura. Fil-fatt, il-fatt li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bi skop ta’ lukru bl-ebda mod ma jfisser li l-fornitur ta’ tali servizzi jagħti l-kunsens tiegħu sabiex dawn jintużaw minn terzi sabiex jiksru d-drittijiet tal-awtur. F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod partikolari mill-istruttura tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari mill-paragrafu 3 ta’ dan tal-aħħar, moqri flimkien mal-premessa 27 ta’ din id-direttiva, li sempliċi fornituri ta’ installazzjonijiet intiżi sabiex jippermettu jew iwettqu komunikazzjoni u intermedjarji oħra li s-servizzi tagħhom huma użati minn terz sabiex jiksru d-drittijiet tal-awtur ma jistgħux jiġu preżunti li jwettqu huma stess att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, minkejja li jaġixxu, bħala regola ġenerali, bi skop ta’ lukru.

87      Preżunzjoni f’dan is-sens ma tistax tinsilet mis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644).

88      Fil-fatt, permezz tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur mogħtija f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ir-responsabbiltà tal-persuni li jqiegħdu hyperlinks fuq ix-xogħlijiet protetti minħabba l-importanza partikolari li dawn il-links għandhom għall-iskambju ta’ opinjonijiet u ta’ informazzjoni fuq l-internet u minħabba diffikultajiet sabiex tiġi vverifikata l-legalità tal-pubblikazzjoni ta’ xogħol fuq sit internet ieħor. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-provvista ta’ hyperlink tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, meta l-persuna li poġġiet il-link kienet taf jew kellha tkun taf li dan jagħti aċċess għal xogħol illegalment ippubblikat fuq l-internet, li dan il-link jippermetti li jiġu evitati miżuri ta’ restrizzjoni meħuda mis-sit fejn jinsab ix-xogħol protett jew meta t-tqegħid tal-imsemmi link jitwettaq bi skop ta’ lukru, f’liema każ il-persuna li poġġiet il-link għandha twettaq għalhekk il-verifiki neċessarji sabiex tiżgura li x-xogħol ikkonċernat ma ġiex ippubblikat illegalment fuq is-sit internet li għalih twassal l-imsemmija hyperlink (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punti 44 sa 55).

89      Issa, is-sitwazzjoni ta’ persuna li tqiegħed hyperlink li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess u li, fil-mument ta’ dan it-tqegħid, għandha għarfien tal-kontenut li lejh għandha twassal din il-link ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls meta dan ma jkollux għarfien konkret tal-kontenut protett imniżżel minn utenti fuq din il-pjattaforma u ma jikkontribwixxix, lil hinn mis-sempliċi provvista tal-pjattaforma, sabiex jagħti lill-pubbliku aċċess għal tali kontenut bi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Konsegwentement, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza ma tistax tiġi trasposta għal tali operatur sabiex tiġi stabbilita n-natura deliberata tal-intervent tiegħu fil-komunikazzjoni illegali ta’ xogħlijiet protetti lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.

90      Fir-rigward tal-operaturi taż-żewġ pjattaformi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl b’mod partikolari tal-kriterji elenkati fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, jekk dawn l-operaturi jwettqux huma stess atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, tal-kontenut protett li jittella’ fuq il-pjattaforma tagħhom mill-utenti tagħha.

91      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdi lil din il-qorti xi kjarifiki fir-rigward b’mod partikolari tal-elementi fattwali msemmija fid-domandi.

92      Fil-Kawża C‑682/18, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li YouTube ma tintervjenix fil-ħolqien jew fl-għażla tal-kontenut imxandar mill-utenti tal-pjattaforma tagħha fuqha, u li hija la tara u lanqas tikkontrolla dan il-kontenut qabel it-tlugħ tiegħu fuq l-imsemmija pjattaforma, li jsir bi proċess awtomatizzat.

93      Minn dan jirriżulta wkoll li YouTube tinforma b’mod ċar lill-utenti tagħha, fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tagħha u waqt kull tlugħ, dwar il-projbizzjoni li jitqiegħed kontenut protett fuq din il-pjattaforma bi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Hija titlob ukoll lill-utenti tagħha, fil-“Linji gwida tal-komunità”, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, meta vidjo jiġi bblokkat minħabba senjalazzjoni mid-detentur tad-drittijiet, l-utent li jkun niżżilha, jiġi mwissi dwar il-fatt li l-kont tiegħu jiġi bblokkat fil-każ ta’ reċidiva.

94      Barra minn hekk, YouTube implimentat diversi dispożittivi tekniċi sabiex tipprevjeni u twaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-pjattaforma tagħha, bħal, b’mod partikolari, buttuna ta’ notifika u proċess speċjali ta’ twissija sabiex tindika u tneħħi kontenut illegali kif ukoll programm ta’ verifika tal-kontenut u tas-software ta’ rikonoxximent tal-kontenut li jiffaċilita l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ tali kontenut. Għalhekk jidher li dan l-operatur uża miżuri tekniċi intiżi sabiex jikkombattu b’mod kredibbli u effikaċi l-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-pjattaforma tiegħu.

95      Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, minkejja li YouTube, minn naħa, tipproċedi fuq il-pjattaforma tagħha għal trattament tar-riżultati ta’ riċerka fil-forma ta’ listi ta’ klassifikazzjoni u ta’ intestaturi ta’ kontenut u, min-naħa l-oħra, tippreżenta lill-utenti rreġistrati ħarsa ġenerali ta’ vidjos irrakkomandati fuq il-bażi ta’ vidjos li dawn l-utenti jkunu diġà raw, dawn il-listi ta’ klassifikazzjoni, dawn l-intestaturi tal-kontenut u dawn il-vidjos irrakkomandati ma humiex intiżi sabiex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni illegali tal-kontenut protett u lanqas sabiex jippromwovu tali kondiviżjoni.

96      Barra minn hekk, għalkemm YouTube tikseb dħul mir-reklamar mill-pjattaforma tagħha u tippermetti lill-utenti li jkunu tellgħu kontenut kif ukoll lid-detenturi ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur jipparteċipaw f’dan id-dħul, ma jidhirx li l-mudell ekonomiku ta’ din il-pjattaforma huwa bbażat fuq il-preżenza ta’ kontenut illegali fuqha jew li dan il-mudell huwa intiż li jinkoraġġixxi lill-utenti jtellgħu tali kontenut, u lanqas li l-għan jew l-użu prinċipali ta’ YouTube jikkonsisti fil-kondiviżjoni illegali ta’ kontenut protett.

97      Fil-Kawża C‑683/18, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Cyando, l-operatur tal-pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls Uploaded, lanqas ma twettaq il-ħolqien, l-għażla, il-viżjoni u l-kontroll tal-kontenut imtella’ fuq il-pjattaforma tagħha. Barra minn hekk, hija tinforma lill-utenti tagħha, fil-kundizzjonijiet tal-użu tal-pjattaforma tagħha, li huma pprojbiti milli jiksru d-drittijiet tal-awtur permezz tagħha.

98      Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, it-tlugħ ta’ kontenut protett minn utenti fuq il-pjattaforma Uploaded ma jippermettilhomx iqiegħdu dan il-kontenut direttament għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, peress li huwa possibbli li jkun hemm aċċess għall-kontenut imtella’ biss permezz ta’ link ta’ tniżżil li tiġi kkomunikata biss lill-utent li jkun wettaq it-tlugħ fil-pjattaforma. Huwa paċifiku wkoll li din il-pjattaforma ma tippermettix hija stess il-kondiviżjoni ta’ din il-link u, għalhekk, il-kontenut imtella’ ma’ utenti tal-internet oħra. Għalhekk, Cyando mhux biss ma tipprovdix għodda intiżi speċifikament sabiex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni illegali, fuq il-pjattaforma tagħha, ta’ kontenut protett jew sabiex tippromwovi tali kondiviżjoni, iżda, b’mod iktar ġenerali, din ma tipprovdi ebda għodda li tippermetti lill-utenti tal-internet l-oħra li jkunu jafu bil-kontenut maħżun fiha u li jaċċedu għalih. Barra minn hekk, Cyando ma tipparteċipax fl-eventwali tqegħid tal-links ta’ tniżżil fuq sorsi terzi, bħal blogs, forums jew “kollezzjonijiet ta’ links”. Barra minn hekk, pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls bħal Uploaded toffri lill-utenti tagħha possibbiltajiet differenti ta’ użu legali.

99      Madankollu, Elsevier issostni li l-fajls li fihom kontenut illegali jirrappreżentaw bejn 90 sa 96 % tal-fajls li jistgħu jiġu kkonsultati fuq Uploaded, fatt li huwa kkontestat minn Cyando li ssostni li huma biss 1.1 % tal-fajls kollha effettivament ikkonsultati li jikkonċernaw kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur, li jikkorrispondi għal 0.3 % tal-volum totali tad-data maħżuna.

100    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, kif ġie rrilevat fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, huwa biss meta l-utent tal-pjattaforma jiddeċiedi li jqiegħed il-kontenut imtella’ għad-dispożizzjoni tal-“pubbliku” li dan l-utent u, konsegwentement, l-operatur tal-pjattaforma li sservi bħala intermedjarju jista’ jwettaq “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, kieku kellu jirriżulta li l-użu prinċipali jew predominanti tal-pjattaforma operata minn Cyando jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod illegali ta’ kontenut protett, dan il-fatt jidher fost l-elementi rilevanti sabiex tiġi ddeterminata n-natura deliberata tal-intervent ta’ dan l-operatur. Ir-rilevanza ta’ tali fatt tkun iktar u iktar importanti jekk l-imsemmi operatur jastjeni milli jimplimenta l-miżuri tekniċi xierqa li wieħed jistenna minn operatur normalment diliġenti fis-sitwazzjoni tiegħu sabiex jikkombatti b’mod kredibbli u effikaċi l-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-pjattaforma tiegħu.

101    Fl-aħħar nett, indipendentement mill-fondatezza tal-allegazzjoni ta’ Elsevier fir-rigward tal-parti għolja tal-kontenut protett, ikkomunikat illegalment lill-pubbliku permezz ta’ Uploaded, in-natura deliberata tal-intervent tal-operatur ta’ din il-pjattaforma tista’ tirriżulta mill-fatt, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li l-mudell ekonomiku adottat minn dan l-operatur huwa bbażat fuq id-disponibbiltà ta’ kontenut illegali fuq il-pjattaforma tiegħu u huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-utenti tiegħu jikkondividu tali kontenut permezz tagħha.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, li fuqha l-utenti jistgħu jqiegħdu illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kontenut protett, ma jwettaqx “komunikazzjoni lill-pubbliku” tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm ma jikkontribwixxix, lil hinn mis-sempliċi provvista tal-pjattaforma, fl-għoti lill-pubbliku ta’ aċċess għal tali kontenut bi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta dan l-operatur ikollu għarfien konkret tal-provvista illegali ta’ kontenut protett fuq il-pjattaforma tiegħu u jastjeni milli jħassarha jew jibblokka l-aċċess għaliha b’mod immedjat, jew meta l-imsemmi operatur, minkejja li jaf jew għandu jkun jaf li, b’mod ġenerali, kontenut protett ikun tqiegħed illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-pjattaforma tiegħu minn utenti tagħha, jastjeni milli jimplimenta l-miżuri tekniċi xierqa li wieħed jistenna minn operatur normalment diliġenti fis-sitwazzjoni tiegħu sabiex jikkombatti b’mod kredibbli u effettiv il-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq din il-pjattaforma, jew meta jipparteċipa fl-għażla ta’ kontenut protett ikkomunikat illegalment lill-pubbliku, jipprovdi fuq il-pjattaforma tiegħu għodod speċifikament maħsuba għall-kondiviżjoni illegali ta’ tali kontenut jew xjentement jippromwovi tali kondiviżjoni, li jista’ jidher mill-fatt li l-operatur adotta mudell ekonomiku li jinkoraġġixxi lill-utenti tal-pjattaforma tiegħu jikkomunikaw illegalment lill-pubbliku kontenut protett fuqha.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda magħmula fil-Kawżi C682/18 u C683/18

103    Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-attività tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, sa fejn din l-attività tikkonċerna l-kontenut trażmess fuq il-pjattaforma tiegħu minn utenti tagħha. Fl-affermattiv, din il-qorti tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi eskluż, skont din id-dispożizzjoni, mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista f’dan l-Artikolu 14(1), dan l-operatur għandu jkun jaf bl-atti illegali konkreti tal-utenti tiegħu relatati ma’ kontenut protett li jkun ġie mtella’ fuq il-pjattaforma tiegħu.

104    Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta’ provvista ta’ servizz minn soċjetà tal-informazzjoni li tikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni pprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, il-fornitur ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni maħżuna fuq talba ta’ destinatarju tas-servizz, bil-kundizzjoni li l-fornitur ma jkunx effettivament jaf bl-attività jew bl-informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ talba għad-danni, ma jkollux għarfien ta’ fatti jew ċirkustanzi li minnhom tidher l-attività jew l-informazzjoni illegali, jew li l-fornitur tas-servizz, mill-mument li jkollu tali għarfien, jaġixxi fil-pront sabiex jirtira l-informazzjoni jew jirrendi l-aċċess għaliha impossibbli.

105    Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex il-fornitur ta’ servizz fuq l-internet ikun jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, huwa essenzjali li jkun “intermedjarju li jipprovdi servizz” fis-sens mixtieq mil-leġiżlatur fil-kuntest tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku. Mill-premessa 42 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti b’din id-direttiva jkopru biss il-każijiet meta l-attività tal-fornitur tas-servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni tkun sempliċement teknika, awtomatika u passiva, u dan jimplika li l-imsemmi fornitur la jkollu tagħrif u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trażmessa jew maħżuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punti 112 u 113).

106    Għalhekk, sabiex jiġi vverifikat jekk l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls jistax jiġi eżentat, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, mir-responsabbiltà tiegħu għall-kontenut protett li l-utenti jikkomunikaw illegalment lill-pubbliku permezz tal-pjattaforma tiegħu, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rwol eżerċitat minn dan l-operatur huwiex newtrali, jiġifieri jekk l-aġir tiegħu huwiex purament tekniku, awtomatiku u passiv, li jimplika l-assenza ta’ għarfien jew ta’ kontroll tal-kontenut li huwa jaħżen jew jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmi operatur għandux rwol attiv tali li jagħtih għarfien jew kontroll ta’ tali kontenut (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, li YouTube jew Cyando jikkontribwixxu, lil hinn mis-sempliċi provvista tal-pjattaforma tagħha, sabiex tagħti aċċess lill-pubbliku għal kontenut protett bi ksur tad-drittijiet tal-awtur, l-operatur ikkonċernat ma jkunx jista’ jinvoka l-eżenzjoni mir-responsabbiltà, prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

108    Ċertament, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 138 sa 140 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-punt dwar jekk tali operatur iwettaqx “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ma huwiex, fih innifsu, determinanti sabiex jiġi evalwat jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku japplikax. Xorta jibqa’ l-fatt li tali operatur li jikkontribwixxi, lil hinn mis-sempliċi provvista tal-pjattaforma, sabiex jagħti lill-pubbliku aċċess għal tali kontenut bi ksur tad-drittijiet tal-awtur, ma jistax jitqies li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni stabbiliti minn din l-aħħar dispożizzjoni, imfakkra fil-punti 105 u 106 ta’ din is-sentenza.

109    Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għal konstatazzjoni kuntrarja għal dik imsemmija fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi rrilevat, lil hinn mill-fatt, imsemmi fil-punti 92 u 97 ta’ din is-sentenza, li l-operaturi tal-pjattaformi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jipproċedux bil-ħolqien, bl-għażla, bil-viżjoni u bil-kontroll tal-kontenut imtella’ fuq il-pjattaforma tagħhom, li l-fatt, imsemmi minn dik il-qorti, li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos, bħal YouTube, jimplimenta miżuri tekniċi mmirati sabiex jiġi identifikat, fost il-vidjos ikkomunikati lill-pubbliku permezz tal-pjattaforma tiegħu, il-kontenut li jista’ jikser id-drittijiet tal-awtur, ma jimplikax li, meta jagħmel dan, dan l-operatur ikollu rwol attiv li jagħtih għarfien jew kontroll tal-kontenut ta’ dawn il-vidjos, taħt il-piena li jiġu esklużi mis-sistema ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku l-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jadottaw miżuri intiżi preċiżament sabiex jikkombattu ksur bħal dan.

110    L-operatur inkwistjoni għandu wkoll josserva l-kundizzjonijiet li għalihom din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-eżenzjoni mir-responsabbiltà tiegħu.

111    Fir-rigward tal-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, din ma tistax titqies li ma hijiex issodisfatta għas-sempliċi raġuni li dan l-operatur huwa konxju, b’mod ġenerali, mill-fatt li l-pjattaforma tiegħu tintuża wkoll sabiex tikkondividi kontenut li jista’ jikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li għalhekk huwa għandu għarfien astratt tal-provvista illegali ta’ kontenut protett fuq il-pjattaforma tiegħu.

112    Fil-fatt, kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 172 sa 190 u 196 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni, mill-għan u mill-istruttura tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku kif ukoll mill-kuntest ġenerali tiegħu jirriżulta li l-ipoteżijiet previsti minn dan l-Artikolu 14(1)(a), jiġifieri dik li fiha l-fornitur tas-servizzi kkonċernat “attwalment ikollu tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali” u dik li fiha tali fornitur ikun “konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti”, jirreferu għal attivitajiet u informazzjoni illegali konkreti.

113    F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li, skont il-kliem tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, in-natura illegali tal-attività jew tal-informazzjoni għandha tirriżulta minn għarfien effettiv jew tkun apparenti, jiġifieri li għandha tiġi stabbilita jew faċilment identifikabbli, għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 14(1) jikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-premessi 41 u 46 ta’ din id-direttiva, l-espressjoni tal-bilanċ li din tal-aħħar hija intiża li tistabbilixxi bejn id-diversi interessi involuti, li fosthom hemm l-espressjoni ggarantita permezz tal-Artikolu 11 tal-Karta. B’hekk, minn naħa, ma jistax jiġi impost fuq dawn il-fornituri, skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, l-obbligu ġenerali li jissorveljaw l-informazzjoni li huma jittrażmettu jew jaħżnu, jew l-obbligu ġenerali li jfittxu attivament il-fatti jew iċ-ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, dawn il-fornituri għandhom, hekk kif effettivament jieħdu konjizzjoni ta’ informazzjoni illegali, jaġixxu fil-pront sabiex jirtiraw din l-informazzjoni jew jirrendu l-aċċess għaliha impossibbli, u dan b’osservanza tal-prinċipju ta’ libertà tal-espressjoni. Issa, kif enfasizzat ukoll il-qorti tar-rinviju, huwa biss fir-rigward ta’ kontenut konkret li tali fornitur jista’ jissodisfa dan l-obbligu.

114    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jagħmel indiċjar awtomatiku tal-kontenut imtella’ fuq din il-pjattaforma, li l-imsemmija pjattaforma tinkludi funzjoni ta’ riċerka u li hija tirrakkomanda vidjos skont il-profil jew il-preferenzi tal-utenti ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li dan l-operatur għandu għarfien “konkret” ta’ attivitajiet illegali mwettqa fuq din l-istess pjattaforma jew ta’ informazzjoni illegali maħżuna hemmhekk.

115    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tieni ipoteżi previsti fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, jiġifieri dik li tirrigwarda l-“għarfien tal-fatti jew taċ-ċirkustanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li huwa biżżejjed li l-fornitur tas-servizzi kkonċernat isir jaf, b’mod jew ieħor, bil-fatti jew biċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom operatur ekonomiku diliġenti kellu jikkonstata l-illegalità inkwistjoni u jaġixxi skont dan l-Artikolu 14(1)(b). Huma hekk intiżi wkoll, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni fejn tali fornitur jiskopri l-eżistenza ta’ attività jew informazzjoni illegali wara eżami mwettaq fuq l-inizjattiva tiegħu, kif ukoll dik fejn huwa jiġi nnotifikat bl-eżistenza ta’ tali attività jew ta’ tali informazzjoni. F’dan it-tieni każ, għalkemm notifika ċertament ma tistax tiċħad b’mod awtomatiku l-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà previst fl-imsemmi Artikolu 14, peress li n-notifiki ta’ attivitajiet jew ta’ informazzjoni allegatament illegali jistgħu jirriżultaw insuffiċjentement preċiżi u sostnuti, xorta jibqa’ l-fatt li din tikkostitwixxi bħala regola ġenerali element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tevalwa, fid-dawl tal-informazzjoni trażmessa lill-operatur, ir-realtà tal-għarfien ta’ dan tal-aħħar ta’ fatti jew ċirkustanzi li abbażi tagħhom operatur ekonomiku diliġenti kellu jikkonstata l-illegalità (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 122).

116    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li n-notifika ta’ kontenut protett li ġie kkomunikat illegalment lill-pubbliku permezz ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls għandha tinkludi biżżejjed elementi li jippermettu lill-operatur ta’ din il-pjattaforma jiżgura, mingħajr eżami ġuridiku fil-fond, in-natura illegali ta’ din il-komunikazzjoni u l-kompatibbiltà tal-eventwali rtirar ta’ dan il-kontenut mal-libertà tal-espressjoni.

117    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm dan l-operatur ma għandux rwol attiv ta’ natura li jagħtih għarfien jew kontroll tal-kontenut imtella’ fuq il-pjattaforma tiegħu.

118    L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi eskluż, skont din id-dispożizzjoni, mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista f’dan l-Artikolu 14(1), tali operatur għandu jkun jaf bl-atti illegali konkreti tal-utenti tiegħu relatati ma’ kontenut protett li jkun ġie mtella’ fuq il-pjattaforma tiegħu.

 Fuq ir-raba’ domanda magħmula fil-Kawżi C682/18 u C683/18

119    Permezz tar-raba’ domanda tagħha magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-detentur tad-drittijiet ikun jista’ jikseb digriet ġudizzjarju kontra intermedjarju li s-servizzi tiegħu jkunu użati minn terz sabiex jippreġudika dawn id-drittijiet biss wara li tali ksur ikun ġie indikat lil dan l-intermedjarju u jerġa’ jseħħ.

120    Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tal-applikazzjoni, għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tas-sistema ta’ “responsabbiltà tal-interferent” (Störerhaftung), prevista fid-dritt Ġermaniż, fil-każ fejn għandu jiġi kkonstatat li YouTube u Cyando ma jwettqux, huma stess, komunikazzjoni lill-pubbliku tal-kontenut illegali mtella’ mill-utenti tal-pjattaformi rispettivi tagħhom u li huma jaqgħu fl-ambitu tas-sistema ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

121    Il-qorti tar-rinviju tesponi, f’dan ir-rigward, li, skont il-ġurisprudenza tagħha, l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom huma użati minn terz sabiex jiksru dritt tal-proprjetà intellettwali jistgħu jiġu mħarrka b’azzjoni għall-waqfien tal-ksur bħala “interferenti”. B’hekk, fil-każ ta’ tali ksur, jista’ jiġi mħarrek bħala “interferent” dak li, mingħajr ma jkun l-awtur jew kompliċi ta’ dan il-ksur, jikkontribwixxi, b’xi mod, deliberatament għalih u b’rabta kawżali adegwata, meta huwa kellu legalment u materjalment il-possibbiltà li jipprevjeni l-imsemmi ksur. L-istabbiliment tar-“responsabbiltà tal-interferent” jippreżupponi għalhekk il-ksur tal-obbligi ta’ aġir li l-portata tagħhom tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk u sa fejn l-“interferent” jista’ raġonevolment jintalab li jikkontrolla jew jissorvelja terzi sabiex jipprekludi li jseħħ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

122    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-każ fejn l-“interferent” huwa fornitur li s-servizz tiegħu jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni pprovduta minn utent, jista’, bħala prinċipju, ikun is-suġġett ta’ ordni ta’ waqfien tal-ksur biss jekk, wara n-notifika ta’ ksur ċar ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, dan id-dritt jinkiser mill-ġdid jew ikompli, minħabba l-fatt li dan il-fornitur ma jkunx intervjena fil-pront wara din in-notifika sabiex ineħħi l-kontenut inkwistjoni jew jibblokka l-aċċess għalih u sabiex jiżgura li dan il-ksur ma jerġax iseħħ.

123    Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li din is-sistema hija intiża li tapplika biss meta l-fornitur tas-servizzi ma kellux, sad-data tan-notifika ta’ tali ksur, “għarfien” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

124    Minn dan jirriżulta li, permezz tar-raba’ domandi magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li ssir taf jekk l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, skont id-dritt nazzjonali, id-detentur tad-drittijiet ikun jista’ jikseb digriet ġudizzjarju kontra l-intermedjarju, li s-servizz tiegħu jkun intuża minn terz sabiex jippreġudika d-drittijiet tiegħu mingħajr ma dan l-intermedjarju kellu għarfien ta’ dan, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, biss jekk, qabel il-bidu tal-proċedura ġudizzjarja, dan il-ksur kien preċedentement innotifikat lill-imsemmi intermedjarju u dan tal-aħħar ma intervjeniex fil-pront sabiex ineħħi l-kontenut inkwistjoni jew jibblokka l-aċċess għalih u sabiex jiżgura li tali ksur ma jerġax iseħħ.

125    Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’pożizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat”.

126    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ġurisdizzjoni attribwita lill-qrati nazzjonali, skont dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tippermettilhom jordnaw lill-imsemmija intermedjarji jadottaw miżuri intiżi mhux biss sabiex jintemm il-ksur li diġà twettaq tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali permezz tas-servizzi tagħhom tas-soċjetà tal-informazzjoni, iżda wkoll sabiex jiġi evitat ksur ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM, C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    Kif jirriżulta mill-premessa 59 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, il-modalitajiet tal-digrieti ġudizzjarji li għandhom jipprovdu l-Istati Membri skont l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, bħal dawk dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti u l-proċedura li għandha tiġi segwita, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM, C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Ir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri, l-istess bħall-applikazzjoni tagħhom mill-qrati nazzjonali, għandhom madankollu jirrispettaw l-għanijiet tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Tommy Hilfiger Licensing et, C‑494/15, EU:C:2016:528, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u l-limitazzjonijiet li jirriżultaw minnha kif ukoll mis-sorsi ta’ dritt li għalihom tirreferi din id-direttiva. Għalhekk, skont il-premessa 16 tal-imsemmija direttiva, dawn ir-regoli ma jistgħux jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku li jirrigwardaw ir-responsabbiltà u, b’mod iktar preċiż, l-Artikoli 12 sa 15 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM, C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

129    Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-kundizzjoni imposta mid-dritt Ġermaniż, li tipprovdi li d-detentur tad-drittijiet, li jqis li jkun seħħ ksur tad-drittijiet tal-awtur tiegħu jew tad-dritt tiegħu relatat bil-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol tiegħu fuq spazju ta’ ħażna ta’ fornitur ta’ servizzi, għandu l-ewwel nett jinforma lil dan il-fornitur sabiex jagħtih il-possibbiltà li jtemm dan il-ksur u sabiex jipprevjeni r-repetizzjoni tiegħu, mingħajr ma jkun espost b’mod partikolari għal spejjeż legali, hija intiża preċiżament li tqis il-loġika inerenti għall-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku kif ukoll il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva li timponi fuq tali fornitur obbligu ġenerali li jissorvelja l-informazzjoni li huwa jaħżen jew ifittex b’mod attiv fatti jew ċirkustanzi li jikxfu attivitajiet illegali.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku ma jeħtieġx li l-Istati Membri jipprevedu tali kundizzjoni.

131    Fil-fatt, mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, moqri fid-dawl tal-premessa 45 tagħha, jirriżulta li l-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista minn dan l-Artikolu 14(1) hija bla ħsara għall-possibbiltà li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali jeħtieġu li l-fornitur ikkonċernat itemm ksur jew li jipprevjeni ksur, inkluż billi jneħħi l-informazzjoni illegali jew jirrendi l-aċċess għaliha impossibbli. Minn dan isegwi li fornitur jista’ jkun id-destinatarju ta’ ordnijiet adottati abbażi tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, anki jekk jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 14(1), jiġifieri anki fil-każ fejn ma huwiex meqjus bħala responsabbli (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Glawischnig‑Piesczek, C‑18/18, EU:C:2019:821, punti 24 u 25).

132    B’dan premess, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jistabbilixxi wkoll il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jipprevedu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija ta’ informazzjoni illegali jew l-azzjonijiet sabiex jirrendu l-aċċess għaliha impossibbli. Għalhekk, filwaqt li huma obbligati, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, li jiggarantixxu lid-detenturi tad-drittijiet previsti minn din id-direttiva dritt għal azzjoni legali kontra l-fornituri li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terzi sabiex jiksru dawn id-drittijiet, l-Istati Membri jistgħu madankollu jipprevedu proċedura qabel l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal azzjoni legali, li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fornitur ikkonċernat ma jkunx responsabbli għall-ksur inkwistjoni, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

133    Fil-kuntest ta’ tali proċedura preliminari, Stat Membru jista’ jipprevedi kundizzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 129 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali kundizzjoni, filwaqt li tippermetti l-irtirar jew l-ibblokkar ta’ informazzjoni illegali, hija intiża sabiex tobbliga lid-detentur tad-drittijiet, inizjalment, li jagħti lill-fornitur ta’ servizzi l-possibbiltà li jtemm fil-pront il-ksur ikkonċernat u li jipprevjeni r-repetizzjoni tiegħu, mingħajr ma dan il-fornitur, li ma jkunx responsabbli mill-ksur fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, jiġi indebitament espost għal spejjeż legali u mingħajr ma d-detentur tad-drittijiet ma jiġi mċaħħad, sussegwentement, mill-fakultà li jitlob, fil-każ li l-imsemmi fornitur ma jissodisfax l-obbligi tiegħu, li jingħata digriet ġudizzjarju kontra l-istess fornitur fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.

134    F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, dan jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu fuq fornitur ta’ servizzi obbligu ġenerali li jissorvelja l-informazzjoni li huwa jaħżen jew li jfittex attivament fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali.

135    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li miżuri li jikkonsistu f’li fornitur jiġi ordnat jimplimenta, bl-ispejjeż esklużivi tiegħu, sistemi ta’ filtrazzjoni li jinvolvu monitoraġġ ġenerali u permanenti sabiex jiġi evitat kull ksur futur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kienu inkompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C‑70/10, EU:C:2011:771, punti 36 sa 40, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM, C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 34 sa 38).

136    Issa, kundizzjoni bħal dik imposta mid-dritt Ġermaniż għall-adozzjoni ta’ digrieti ġudizzjarji għandha preċiżament l-effett li tevita li fornitur bħal operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jiġi espost għal tali digrieti u għall-ispejjeż ġudizzjarji relatati meta, qabel il-ftuħ tal-proċedura ġudizzjarja, huwa ma jkunx ġie informat bi ksur imwettaq minn utent ta’ din il-pjattaforma għal dritt tal-proprjetà intellettwali u għalhekk ma kellux il-possibbiltà li jirrimedja tali ksur u li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jipprevjeni ksur ġdid. Fl-assenza ta’ tali kundizzjoni, tali operatur ikun obbligat, sabiex jipprevjeni ksur ta’ dan it-tip u jevita li jiġi espost, minħabba fih, għal dawn id-digrieti u għal dawn l-ispejjeż, li jissorvelja attivament il-kontenut kollu mniżżel mill-utenti tal-imsemmija pjattaforma.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li kundizzjoni, bħal dik imposta mid-dritt nazzjonali fil-kawżi prinċipali, hija kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

138    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ kundizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, għandu jitfakkar li mill-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom, fil-kuntest tal-miżuri adottati sabiex jipproteġu d-detenturi tad-drittijiet, jiżguraw bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, li minnhom igawdu dawn id-detenturi skont l-Artikolu 17(2) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, dik tal-libertà ta’ intrapriża li jgawdu l-fornituri tas-servizzi skont l-Artikolu 16 tal-Karta kif ukoll dik tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantita lill-utenti tal-Internet mill-Artikolu 11 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C‑70/10, EU:C:2011:771, punti 45 u 46, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM, C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 43 u 44).

139    Issa, kundizzjoni bħal dik imposta mid-dritt Ġermaniż għall-adozzjoni ta’ digrieti ġudizzjarji ma tmurx kontra dan il-bilanċ.

140    B’mod partikolari, tali kundizzjoni, filwaqt li tipproteġi lill-fornitur ta’ servizzi mill-konsegwenzi esposti fil-punt 136 ta’ din is-sentenza, ma ċċaħħadx lid-detentur tad-drittijiet mill-possibbiltà li jwaqqaf b’mod effettiv il-ksur minn terzi tad-drittijiet tal-awtur tiegħu jew tad-dritt relatat tiegħu permezz tas-servizz inkwistjoni u li jipprevjeni ksur ġdid. Għalhekk, huwa biżżejjed li d-detentur tad-drittijiet jinnotifika l-eżistenza ta’ tali ksur lill-fornitur ta’ servizzi sabiex dan ikun obbligat ineħħi mingħajr dewmien il-kontenut inkwistjoni jew jibblokka l-aċċess għalih u jieħu l-miżuri adegwati sabiex jipprevjeni t-twettiq ta’ ksur ġdid, u fin-nuqqas ta’ dan id-detentur tad-drittijiet ikun intitolat jitlob li jingħata digriet ġudizzjarju.

141    Madankollu, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw, fl-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni u, b’mod partikolari, fl-interpretazzjoni tal-avverbju “fil-pront”, li l-imsemmija kundizzjoni ma twassalx sabiex il-waqfien effettiv ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt relatat jiġi mdewwem b’tali mod li jikkawża danni sproporzjonati lid-detentur tad-drittijiet, billi jieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, il-ħeffa u l-portata ġeografika li bihom tali danni jistgħu, kif enfasizzat fil-premessa 52 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, iseħħu fil-qafas tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

142    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli fid-dritt nazzjonali li jirrigwardaw l-attivitajiet ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri, inklużi miżuri provviżorji, intiżi sabiex itemmu kull ksur allegat u sabiex jipprevjenu kwalunkwe ksur ġdid għall-interessi kkonċernati.

143    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi għandha tkun li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, id-detentur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt relatat ikun jista’ jikseb digriet ġudizzjarju kontra l-intermedjarju, li s-servizz tiegħu jkun intuża minn terz sabiex jikser id-drittijiet tiegħu mingħajr ma dan l-intermedjarju jkun jaf b’tali ksur, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, biss jekk, qabel il-ftuħ tal-proċeduri ġudizzjarji, dan il-ksur ikun ġie nnotifikat minn qabel lill-intermedjarju msemmi u dan tal-aħħar ma jkunx aġixxa fil-pront sabiex ineħħi l-kontenut inkwistjoni jew jibblokka l-aċċess għalih u sabiex jiżgura li tali ksur ma jerġax iseħħ. Madankollu, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw, fl-applikazzjoni ta’ tali kundizzjoni, li din ma twassalx sabiex il-waqfien effettiv tal-ksur jiġi mdewwem b’mod li jikkawża danni sproporzjonati lil dan id-detentur.

 Fuq il-ħames u s-sitt domanda magħmula fil-Kawżi C682/18 u C683/18

144    Peress li dawn id-domandi qegħdin isiru biss fil-każ li tingħata risposta negattiva kemm għall-ewwel kif ukoll għat-tieni domanda magħmula, ma hemmx lok li tingħata risposta għalihom.

 Fuq l-ispejjeż

145    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, li fuqha l-utenti jistgħu jqiegħdu illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kontenut protett, ma jwettaqx “komunikazzjoni lill-pubbliku” tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm ma jikkontribwixxix, lil hinn mis-sempliċi provvista tal-pjattaforma, fl-għoti lill-pubbliku ta’ aċċess għal tali kontenut bi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta dan l-operatur ikollu għarfien konkret tal-provvista illegali ta’ kontenut protett fuq il-pjattaforma tiegħu u jastjeni milli jħassarha jew jibblokka l-aċċess għaliha b’mod immedjat, jew meta l-imsemmi operatur, minkejja li jaf jew għandu jkun jaf li, b’mod ġenerali, kontenut protett ikun tqiegħed illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-pjattaforma tiegħu minn utenti tagħha, jastjeni milli jimplimenta l-miżuri tekniċi xierqa li wieħed jistenna minn operatur normalment diliġenti fis-sitwazzjoni tiegħu sabiex jikkombatti b’mod kredibbli u effettiv il-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq din il-pjattaforma, jew meta jipparteċipa fl-għażla ta’ kontenut protett ikkomunikat illegalment lill-pubbliku, jipprovdi fuq il-pjattaforma tiegħu għodod speċifikament maħsuba għall-kondiviżjoni illegali ta’ tali kontenut jew xjentement jippromwovi tali kondiviżjoni, li jista’ jidher mill-fatt li l-operatur adotta mudell ekonomiku li jinkoraġġixxi lill-utenti tal-pjattaforma tiegħu jikkomunikaw illegalment lill-pubbliku kontenut protett fuqha.

2)      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm dan l-operatur ma għandux rwol attiv ta’ natura li jagħtih għarfien jew kontroll tal-kontenut imtella’ fuq il-pjattaforma tiegħu.

L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi eskluż, skont din id-dispożizzjoni, mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista f’dan l-Artikolu 14(1), tali operatur għandu jkun jaf bl-atti illegali konkreti tal-utenti tiegħu relatati ma’ kontenut protett li jkun ġie mtella’ fuq il-pjattaforma tiegħu.

3)      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, id-detentur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt relatat ikun jista’ jikseb digriet ġudizzjarju kontra l-intermedjarju, li s-servizz tiegħu jkun intuża minn terz sabiex jikser id-drittijiet tiegħu mingħajr ma dan l-intermedjarju jkun jaf b’tali ksur, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31 dwar il-kummerċ elettroniku, biss jekk, qabel il-ftuħ tal-proċeduri ġudizzjarji, dan il-ksur ikun ġie nnotifikat minn qabel lill-intermedjarju msemmi u dan tal-aħħar ma jkunx aġixxa fil-pront sabiex ineħħi l-kontenut inkwistjoni jew jibblokka l-aċċess għalih u sabiex jiżgura li tali ksur ma jerġax iseħħ. Madankollu, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw, fl-applikazzjoni ta’ tali kundizzjoni, li din ma twassalx sabiex il-waqfien effettiv tal-ksur jiġi mdewwem b’mod li jikkawża danni sproporzjonati lil dan id-detentur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż