Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2011 - ZZ vs Il-Kunsill

(Kawża F-23/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentanti: E. Boigelot u S. Woog, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Suġġett

Annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jinkludix lir-rikorrent fil-lista tal-uffiċċjali promossi għall-grad ta' AST 9 bis-saħħa tal-proċedura ta' promozzjoni 2010 u l-kumpens tad-dannu morali subit.

Talbiet tar-rikorrent

Jannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill, ippubblikata fil-21 ta' Mejju 2010 permezz tal-Komunikazzjoni lill-persunal Nru 82/10, li ma jinkludix lir-rikorrent fil-lista tal-uffiċjali promossi mill-grad ta' AST 8 għall-grad ta' AST 9 bis-saħħa tal-proċedura ta' promozzjoni 2010;

bħala konsegwenza ta' dan l-annullament, iwettaq eżami ġdid komparattiv tal-merti tar-rikorrent u ta' dawk tal-kandidati l-oħra bis-saħħa tal-proċedura ta' promozzjoni 2010 u jippromwovi lir-rikorrent b'żieda fil-grad ta' AST 9 b'effett retroattiv mill-1 ta' Jannar 2010 bil-ħlas tal-interessi fuq l-arretrati tar-remunerazzjoni bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament, mill-1 ta' Jannar 2010, miżjuda b'żewġ punti, mingħajr madankollu ma tiġi kkontestata l-promozzjoni tal-uffiċċjali l-oħra promossi;

sussidjarjament, jekk it-Tribunal jiddeċiedi li l-promozzjoni tar-rikorrent fil-grad ta' AST 9 ma tistax issir b'żieda retroattivament, jannulla mhux biss id-deċiżjoni li ma jinkludix lir-rikorrent fil-lista tal-uffiċjali promossi mill-grad ta' AST 8 għall-grad ta' AST 9 bis-saħħa tal-proċedura ta' promozzjoni 2010 iżda jannulla wkoll d-deċiżjonijiet ta' promozzjoni li wasslu sabiex tiġi stabbilita l-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad ta' AST 9, ippubblikata fil-21 ta' Mejju 2010;

iktar sussidjarjament, jekk it-Tribunal jiddeċiedi li l-annullament tad-deċiżjonijiet ta' promozzjoni mitlub sussidjarjament, jikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva tal-illegalità kkonstatata, jikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas ta' kumpens li jkopri d-dannu għall-karriera li jirriżulta mid-dewmien tal-promozzjoni bejn l-1 ta' Jannar 2010 u d-data li fiha tingħata l-promozzjoni;

jikkundanna lill-Kunsill iħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 3 500 bħala kumpens għad-dannu morali subit minħabba n-nuqqas ta' promozzjoni fl-1 ta' Jannar 2010, mingħajr preġudizzju għal żieda matul il-proċedura

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

____________