Language of document : ECLI:EU:F:2010:140

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

28 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-92/09

U

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Deċiżjoni ta’ tkeċċija — Dmir ta’ premura — Inkompetenza professjonali — Raġunijiet mediċi”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu r-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tas-6 ta’ Lulju 2009, li permezz tagħha huwa tkeċċa mix-xogħol b’effett mill-1 ta’ Settembru 2009 u l-ħlas ta’ somma ta’ EUR 15 000, taħt kull riżerva, bħala kumpens għad-danni morali li huwa jikkunsidra li sofra.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Parlament, tas-6 ta’ Lulju 2009, dwar it-tkeċċija tar-rikorrent hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju


Uffiċjal — Tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali — Dmir ta’ premura


Id-dmir ta’ premura jimponi fuq l-amministrazzjoni, meta jkun hemm dubju dwar l-oriġini medika tad-diffikultajiet li jkun qed isib uffiċjal biex iwettaq il-kompiti tiegħu, li tagħmel kull sforz biex tneħħi dan id-dubju qabel ma tkun adottata deċiżjoni dwar it-tkeċċija tal-imsemmi uffiċjal.

Dan ir-rekwiżit huwa rifless fir-Regoli Interni tal-Parlament stess, li jirrigwardaw il-proċedura ta’ titjib applikata fil-kuntest tal-identifikazzjoni, tal-ġestjoni u tar-riżoluzzjoni ta’ każijiet potenzjali ta’ inkompetenza professjonali tal-uffiċjali, peress li l-Artikolu 8 tal-imsemmija regoli jipprevedi li għandu jkun l-evalwatur finali, f’ċerti ċirkustanzi, li jsejjaħ lis-servizz mediku tal-Parlament jekk ikun jaf b’fatti li jistgħu jindikaw li l-imġiba kkritikata tal-uffiċjal jista’ jkollha oriġini medika.

Barra minn hekk, l-obbligi li d-dmir ta’ premura jimponi fuq l-amministrazzjoni huma sostanzjalment imsaħħa meta s-sitwazzjoni inkwistjoni tkun is-sitwazzjoni partikolari ta’ uffiċjal li fir-rigward tiegħu jeżistu xi dubji dwar is-saħħa mentali tiegħu u, konsegwentement, dwar il-kapaċità tiegħu li jiddefendi, b’mod adegwat, l-interessi tiegħu.

Meta uffiċjal ma jkunx kapaċi jaġixxi f’ismu u jevalwa l-eżistenza stess tal-marda tiegħu, din is-sitwazzjoni tista’ timplika, jekk ikun il-każ, obbligu pożittiv min-naħa tal-istituzzjoni u dan iktar u iktar meta l-uffiċjal inkwistjoni jkun taħt theddida li jitkeċċa u b’hekk f’sitwazzjoni vulnerabbli. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest partikolari, huwa l-kompitu tal-amministrazzjoni li tinsisti mar-rikorrent biex dan jaċċetta li joqgħod għal eżami mediku supplimentari, b’mod partikolari billi tagħmel użu mid-dritt li istituzzjoni għandha li tara li l-uffiċjal ikun eżaminat mill-uffiċjal mediku, abbażi tal-Artikolu 59(5) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermetti li uffiċjal jista’ jkun meħtieġ jieħu l-leave jekk l-istat ta’ saħħa tiegħu jeżiġi dan.

Issa, tali eżami mediku tal-parti kkonċernata għandu jsir qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija prevista, li tista’, skont il-każ, tkun iġġustifikata jekk it-tabib hekk ikkonsultat ikun fil-fatt eskluda kull raġuni medika li tista’ tkun il-kawża tal-imġiba kkritikata tal-parti kkonċernata.

(ara l-punti 65 sa 67, 85 u 88)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Frar 2003, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑145/01, ĠabraSP p. I‑A‑59 u II‑337, punt 93; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni, F‑17/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑577, punt 72