Language of document : ECLI:EU:T:2022:19

(Kawża T-286/09 RENV)

Intel Corporation Inc.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas26 ta’ Jannar 2022

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tal-mikroproċessuri – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE – Tnaqqis għal fedeltà – Restrizzjonijiet ‘ovvji’ – Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva – Analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti – Strateġija komprensiva – Ksur uniku u kontinwu”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li torbot lill-Qorti Ġenerali – Kundizzjonijiet – Kawża mibgħuta lura wara appell – Punti ta’ liġi deċiżi definittivament mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell – Awtorità ta’ res judicata – Portata

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 215)

(ara l-punti 78 sa 86)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Motiv ibbażat fuq provi li joħorġu fil-mori tal-kawża – Punt ta’ liġi ġdid – Applikazzjoni lill-proċedura wara li kawża tintbagħat lura wara appell – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tibgħat lura l-kawża – Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 84(2) u 217)

(ara l-punti 105 sa 111)

3.      Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Tnaqqis għal esklużività jew għal fedeltà – Preżunzjoni ta’ effetti antikompetittivi – Prova kuntrarja – Analiżi li għandha titwettaq mill-Kummissjoni tal-kapaċità ta’ tali tnaqqis li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Applikazzjoni tal-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti

(Artikolu 102 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 54)

(ara l-punti 116 sa 122, 124 sa 126, 133, 144 sa 149, 492, 494, 499, 507 sa 521)

4.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Stħarriġ ġudizzjarju – Stħarriġ tal-legalità – Stħarriġ fid-dettall tal-provi kollha rilevanti – Għan u skop

(Artikoli 102 u 263 TFUE)

(ara l-punt 150)

5.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Grad ta’ preċiżjoni meħtieġ mill-provi li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni – Sensiela ta’ indizji – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata – Deċiżjoni li tħalli dubju għall-qorti – Osservanza tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

(Artikoli 101 u 102 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

(ara l-punti 160 sa 166, 210 sa 256, 307 sa 310, 319, 320, 335, 346 sa 350, 371 sa 373, 387 sa 390, 455 sa 457)

6.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Deċiżjoni li hija bbażata fuq provi suffiċjenti sabiex tintwera l-eżistenza tal-ksur – Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà tal-ksur

(Artikolu 102 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 54)

(ara l-punti 164 sa 166)

7.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Metodu ta’ prova – Kapaċità ta’ prattika tariffarja li tirrestrinġi l-kompetizzjoni u li tipproduċi effetti ta’ esklużjoni – Projezzjonijiet interni ta’ klijent – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 102 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 54; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

(ara l-punti 189 sa 193)

8.      Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Tnaqqis għal esklużività jew għal fedeltà – Kapaċità ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u ta’ produzzjoni ta’ effetti ta’ esklużjoni – Analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 102 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 54)

(ara l-punti 263 sa 271, 276, 282 sa 287, 410, 411, 433 sa 440)

9.      Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Ħlasijiet esklużivi – Kapaċità ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u ta’ produzzjoni ta’ effetti ta’ esklużjoni – Analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 102 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 54)

(ara l-punti 470 sa 482)

10.    Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Annullament parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur uniku u kontinwu tar-regoli tal-kompetizzjoni – Inċidenza fuq l-evalwazzjoni tal-multa globali imposta

(Artikoli 102 u 263 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 54; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

(ara l-punti 522 sa 531)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa ta’ EUR 1.06 biljun fuq Intel

L-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni hija inkompleta u ma tippermettix li jiġi stabbilit suffiċjentement skont il-liġi li t-tnaqqis inkwistjoni kien kapaċi jew seta’ jkollu effetti antikompetittivi

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2009 (1), il-Kummissjoni Ewropea imponiet multa ta’ EUR 1.06 biljuni fuq Intel, produttriċi ta’ mikroproċessuri, minħabba abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq dinji tal-proċessuri (2) tat-tip x86 (3), bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007, li kien jikkonsisti fl-implimentazzjoni ta’ strateġija maħsuba sabiex teskludi l-kompetituri tagħha mis-suq.

Skont il-Kummissjoni, dan l-abbuż kien ikkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ aġir kummerċjali adottat minn Intel fir-rigward tas-sieħba kummerċjali tagħha, jiġifieri restrizzjonijiet ovvji u tnaqqis kundizzjonali. Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ dan tal-aħħar, Intel kienet allegatament tagħti tnaqqis lil erba’ manifatturi strateġiċi ta’ tagħmir informatiku (Dell, Lenovo, Hewlett-Packard (HP) u NEC), bil-kundizzjoni li dawn jixtru mingħandha l-proċessuri x86 tagħhom kollha jew kważi kollha. Bl-istess mod, Intel għamlet ħlasijiet lil distributur Ewropew ta’ tagħmir mikroelettroniku (Media-Saturn-Holding) bil-kundizzjoni li dan ibigħ esklużivament kompjuters mgħammra bi proċessuri x86 ta’ Intel. Dan it-tnaqqis u dawn il-ħlasijiet (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis kontenzjuż”) kienu jiżguraw, skont il-Kummissjoni, il-fedeltà tal-erba’ manifatturi u ta’ Media-Saturn u għalhekk naqqsu b’mod kunsiderevoli l-kapaċità tal-kompetituri ta’ Intel li jikkompetu abbażi tal-merti tal-proċessuri x86 tagħhom. L-aġir antikompetittiv ta’ Intel għalhekk ikkontribwixxa sabiex titnaqqas l-għażla disponibbli għall-konsumaturi kif ukoll sabiex jitnaqqsu l-inċentivi għall-innovazzjoni.

Ir-rikors ippreżentat minn Intel kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fl-intier tiegħu mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014 (4). Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, fuq appell ippreżentat minn Intel, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali (5).

Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tas-sentenza inizjali, Intel sostniet, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi minħabba li ma eżaminatx it-tnaqqis kontenzjuż fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ruħha, kif kienet għamlet il-Kummissjoni, fuq il-premessa li t-tnaqqis għal fedeltà mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti għandu, min-natura tiegħu stess, il-kapaċità li jkun ta’ restrizzjoni għall-kompetizzjoni, b’tali mod li ma kienx meħtieġ li jiġu analizzati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami u lanqas ma kien meħtieġ, b’mod partikolari, li jitwettaq test AEC (magħruf bl-Ingliż bħala “as efficient competitor test”) (6). Madankollu, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni xorta waħda wettqet eżami fid-dettall ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, eżami li wassalha għall-konklużjoni li kompetitur daqstant effiċjenti kien ikollu japplika prezzijiet li ma kinux ikunu vijabbli u li, għaldaqstant, l-applikazzjoni tat-tnaqqis kontenzjuż setgħet teskludi tali kompetitur. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li t-test AEC kellu importanza reali fl-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kapaċità tal-prattiki inkwistjoni li jipproduċu effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali kienet meħtieġa teżamina l-argumenti kollha mressqa minn Intel dwar dan it-test u l-implimentazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni. Peress li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet tali eżami, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżamina, fid-dawl tal-argumenti mressqa minn Intel, il-kapaċità tat-tnaqqis kontenzjuż li joħloq restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

Permezz tas-sentenza tagħha tas‑26 ta’ Jannar 2022, il-Qorti Ġenerali, b’deċiżjoni wara li l-kawża ntbagħtet lura quddiemha, annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn ikklassifikat it-tnaqqis kontenzjuż bħala abbuż, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, u sa fejn imponiet multa fuq Intel fir-rigward tal-aġir kollu tagħha kklassifikat bħala abbużiv.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat il-portata tat-tilwima wara li l-kawża ntbagħtet lura quddiemha. F’dan ir-rigward, hija osservat li l-annullament tas-sentenza inizjali kien iġġustifikat biss abbażi ta’ żball wieħed, marbut mal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fis-sentenza inizjali, tal-argumenti ta’ Intel intiżi li jikkontestaw l-analiżi AEC ippreżentata mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami tagħha, iċ-ċirkustanzi kollha li ma kinux ivvizzjati bl-iżball kif ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, dawn kienu, minn naħa, il-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza inizjali dwar ir-restrizzjonijiet ovvji u n-natura illegali tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma invalidatx, lanqas fuq livell ta’ prinċipju, id-distinzjoni stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata bejn il-prattiki li jikkostitwixxu tali restrizzjonijiet u l-aġir l-ieħor ta’ Intel li kien, waħdu, is-suġġett tal-analiżi AEC inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenza inizjali fis-sens li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kienet stabbilixxiet l-eżistenza tat-tnaqqis kontenzjuż.

Ladarba ppreċiżat dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali bdiet, fl-ewwel lok, l-eżami tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ preżentazzjoni tal-metodu ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ sistema ta’ tnaqqis li toħloq restrizzjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, għalkemm sistema ta’ tnaqqis ta’ esklużività stabbilita minn impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq tista’ tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni inkwantu, fid-dawl tan-natura tagħha, l-effetti restrittivi tagħha fuq il-kompetizzjoni jistgħu jiġu preżunti, hemm biss sempliċi preżunzjoni li fl-ebda każ ma teħles lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina l-effetti antikompetittivi ta’ din is-sistema. B’hekk, fil-każ li impriża f’pożizzjoni dominanti ssostni, matul il-proċedura amministrattiva u filwaqt li tipproduċi provi f’dan is-sens, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li joħloq restrizzjoni tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati fil-konfront ta’ dan l-aġir, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-kapaċità ta’ esklużjoni tas-sistema tat-tnaqqis. Fil-kuntest ta’ tali analiżi, il-Kummissjoni ma għandhiex tanalizza biss, minn naħa, l-importanza tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-għoti tat-tnaqqis inkwistjoni, it-tul u l-ammont tiegħu, iżda għandha tevalwa wkoll l-eventwali eżistenza ta’ strateġija intiża li jiġu esklużi l-kompetituri minn tal-inqas daqstant effiċjenti. Barra minn hekk, meta test AEC jitwettaq mill-Kummissjoni, huwa jagħmel parti mill-elementi li għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-kapaċità tas-sistema ta’ tnaqqis li toħloq restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali vverifikat qabel kollox jekk l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċità tat-tnaqqis kontenzjuż li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni kinitx ibbażata fuq il-metodu kif iddefinit. F’dan ir-rigward, hija osservat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, fid-deċiżjoni kkontestata, meta qieset li t-test AEC, minkejja li wettqitu, ma kienx meħtieġ sabiex tkun tista’ tistabbilixxi n-natura abbużiva tat-tnaqqis kontenzjuż ta’ Intel. B’dan premess, il-Qorti Ġenerali qieset li ma tistax taqbel ma’ din il-konstatazzjoni. Peress li s-sentenza fl-appell indikat li t-test AEC kellu importanza reali fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċità tal-prattika ta’ tnaqqis inkwistjoni li tipproduċi effett ta’ esklużjoni, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata teżamina l-argumenti mressqa minn Intel dwar l-imsemmi test.

Fit-tielet lok, peress li l-analiżi tal-kapaċità tat-tnaqqis kontenzjuż li joħloq restrizzjoni tal-kompetizzjoni taqa’ fil-kuntest tal-prova tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, f’dan il-każ ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-Qorti Ġenerali fakkret ir-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova kif ukoll dwar il-livell ta’ prova meħtieġ. B’hekk, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, applikabbli wkoll f’dan il-qasam, jeżiġi li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali ksur, jekk ikun meħtieġ permezz ta’ sensiela ta’ indizji preċiżi u konkordanti, b’tali mod li ma jkun jifdal ebda dubju f’dan ir-rigward. Meta l-Kummissjoni ssostni li l-fatti stabbiliti jistgħu jiġu spjegati biss b’aġir antikompetittiv, l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni għandha titqies li ma tkunx ġiet stabbilita b’mod suffiċjenti jekk l-impriżi kkonċernati jirnexxielhom jagħtu spjegazzjoni plawżibbli oħra għal dawn il-fatti. Għall-kuntrarju, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li bħala prinċipju jkunu ta’ natura li juru l-eżistenza tal-ksur, ikunu l-impriżi kkonċernati li jkollhom juru n-natura insuffiċjenti tal-valur probatorju ta’ dawn il-provi.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fid-dawl ta’ dawn ir-regoli, l-argumenti dwar l-iżbalji allegatament imwettqa mill-Kummissjoni fl-analiżi AEC tagħha. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fil-liġi l-kapaċità ta’ kull tnaqqis kontenzjuż li jipproduċi effett ta’ esklużjoni, fid-dawl tal-argumenti mressqa minn Intel dwar l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterji ta’ analiżi rilevanti.

Fil-fatt, l-ewwel, fir-rigward tal-applikazzjoni tat-test AEC għal Dell, il-Qorti Ġenerali qieset li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, huwa minnu li l-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża ruħha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-“sehem kontestabbli” (7), fuq data magħrufa dwar operaturi ekonomiċi differenti mill-impriża dominanti. Madankollu, wara li eżaminat il-provi prodotti minn Intel f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dawn tal-aħħar kienu tali li joħolqu dubju f’moħħ il-qorti dwar ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni u għalhekk iddeċidiet li l-elementi, li fuqhom straħet il-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li t-tnaqqis mogħti lil Dell kien kapaċi jipproduċi effett ta’ esklużjoni matul il-perijodu rilevanti kollu, kienu insuffiċjenti. It-tieni, l-istess japplika, skont il-Qorti Ġenerali, għall-analiżi tat-tnaqqis mogħti lil HP, sa fejn l-effett ta’ esklużjoni kkonstatat, b’mod partikolari, ma ġiex stabbilit fir-rigward tal-perijodu kollu tal-ksur. It-tielet, fir-rigward tat-tnaqqis mogħti, taħt kundizzjonijiet differenti, lill-kumpanniji li kienu jagħmlu parti mill-grupp NEC, il-Qorti Ġenerali kkonstatat żewġ żbalji li vvizzjaw l-analiżi tal-Kummissjoni. Wieħed minn dawn l-iżbalji kien jikkonċerna l-valur tat-tnaqqis kundizzjonali u l-ieħor kien jikkonċerna l-estrapolazzjoni, mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti, tar-riżultati marbuta ma’ trimestru wieħed għall-perijodu kollu tal-ksur. Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ukoll li ma kienx hemm provi suffiċjenti fir-rigward tal-kapaċità tat-tnaqqis mogħti lil Lenovo li jipproduċi effett ta’ esklużjoni, u dan minħabba żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni f’termini ta’ ċifri tal-vantaġġi inkwistjoni mogħtija in natura. Il-ħames, il-Qorti Ġenerali waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-analiżi AEC dwar Media-Saturn u qieset, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma spjegat ruħha dwar ir-raġunijiet li wassluha twettaq estrapolazzjoni, fl-analiżi tal-ħlasijiet magħmula lil dan id-distributur, tar-riżultati miksuba, għall-finijiet tal-analiżi tat-tnaqqis mogħti lil NEC, għal perijodu ta’ trimestru fuq il-perijodu kollu tal-ksur.

Fil-ħames u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha li jippermettu li tiġi stabbilita l-kapaċità ta’ prattiki tariffarji li jipproduċu effett ta’ esklużjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, f’dan ir-rigward, hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma eżaminatx debitament il-kriterju dwar ir-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata u lanqas ma wettqet analiżi korretta tat-tul tat-tnaqqis.

Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha rriżulta li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni kienet inkompleta u, fi kwalunkwe każ, ma kinitx tippermetti li jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fil-liġi, li t-tnaqqis kontenzjuż kellu l-kapaċità li jkollu jew seta’ jkollu effetti antikompetittivi, u għalhekk il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni sa fejn qieset li dawn il-prattiki kienu jikkostitwixxu abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-impatt ta’ tali annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata fuq l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq Intel, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika l-ammont tal-multa marbut unikament mar-restrizzjonijiet ovvji. Konsegwentement, hija annullat fl-intier tiegħu l-artikolu tad-deċiżjoni kkontestata li impona fuq Intel multa fl-ammont ta’ EUR 1.06 biljuni minħabba l-ksur ikkonstatat.


1        Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3726 final tat‑13 ta’ Mejju 2009, dwar proċediment taħt l-Artikolu [102 TFUE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/C‑3/37.990 – Intel)


2      Il-proċessur huwa komponent essenzjali ta’ kull kompjuter, kemm fir-rigward tal-prestazzjoni ġenerali tas-sistema kif ukoll fir-rigward tal-ispiża globali tal-apparat.


3       Il-mikroproċessuri użati fil-kompjuters jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji, jiġifieri l-proċessuri x86 u l-proċessuri bbażati fuq arkitettura differenti. L-artkitettura x86 hija standard żviluppat minn Intel li jippermetti l-funzjonament tas-sistemi ta’ operazzjoni Windows u Linux.


4      Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Intel vs Il-Kummissjoni (T‑286/09, EU:T:2014:547, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”).


5      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, iktar ’il quddiem is-“sentenza fl-appell”).


6      B’hekk, f’dan il-każ, l-analiżi ekonomika kienet indirizzat il-kapaċità tat-tnaqqis kontenzjuż li jeskludi kompetitur daqstant effiċjenti daqs Intel mingħajr ma jkollu madankollu pożizzjoni dominanti. B’mod konkret, l-analiżi kienet intiża li tistabbilixxi l-prezz li bih kompetitur daqstant effiċjenti daqs Intel u li jġarrab l-istess spejjeż bħal din tal-aħħar seta’ jipproponi l-proċessuri tiegħu sabiex jikkumpensa lil manifattur ta’ tagħmir informatiku jew lil distributur ta’ apparat mikroelettroniku għat-telf tat-tnaqqis inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’tali każ, dan il-kompetitur kienx għadu kapaċi jkopri l-ispejjeż tiegħu.


7      F’din is-sitwazzjoni din l-espressjoni tirreferi għas-sehem tas-suq li fir-rigward tiegħu l-klijenti ta’ Intel kienu lesti u kapaċi jittrasferixxu l-provvista tiegħu għal għand fornitur ieħor, sehem dan li huwa neċessarjament limitat minħabba, b’mod partikolari, in-natura tal-prodott u l-immaġni tad-ditta u l-profil ta’ Intel.