Language of document : ECLI:EU:T:2012:516

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

3 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Talba għal aċċess għal xi dokumenti skambjati mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja matul kawża – Rifjut ta’ aċċess – Riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali – Riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali ”

Fil-Kawża T‑63/10,

Ivan Jurašinović, residenti f’Angers (Franza), irrappreżentat minn N. Amara‑Lebret, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn C. Fekete u K. Zieleśkiewicz, sussegwentement minn C. Fekete u J. Herrmann, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tas-7 ta’ Diċembru 2009, li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent l-aċċess għad-deċiżjonijiet dwar it-trasmissjoni lit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja, tad-dokumenti li tagħhom huwa kien talab il-komunikazzjoni fil-kuntest tal-kawża ta’ Ante Gotovina u dwar il-korrispondenza kollha skambjata f’dan il-kuntest mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u minn din il-qorti, inklużi l-eventwali annessi, b’mod partikolari t-talbiet inizjali ta’ dokumenti li joriġinaw kemm minn din il-qorti kif ukoll mingħand l-avukati ta’ A. Gotovina,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse, M. Prek, J. Schwarcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ posta tal-4 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrent, Ivan Jurašinović, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) talab lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea l-aċċess għar-rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni preżenti fil-Kroazja, fiż-żona ta’ Knin, mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995 (iktar ’il quddiem ir-“rapporti ta’ Awwissu 1995” u għal dokumenti bir-referenza “ECMM RC Knin Log reports”.

2        B’deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill irrisponda għall-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrent tas-27 ta’ Ġunju 2009 u ta aċċess parzjali għal tmien rapporti ta’ Awwissu 1995. F’din id-deċiżjoni, il-Kunsill indika b’mod partikolari li huwa kien ta l-aċċess għar-rapporti lill-partijiet fil-kawża ta’ A. Gotovina quddiem it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (iktar ’il quddiem it-“TKIJ”), skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni internazzjonali ma’ tribunal internazzjonali stabbilit mill-Kunsill ta’ Sigurtà tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU).

3        Permezz ta’ azzjoni introdotta fid-19 ta’ Novembru 2009 u li għandha r-referenza T‑465/09, ir-rikorrent, b’mod partikolari talab lill-Qorti Ġenerali l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Settembru 2009.

4        Permezz ta’ posta tal-1 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrent talab lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill l-aċċess għad-deċiżjonijiet dwar it-trasmissjoni, lit-TKIJ, tad-dokumenti li huwa kien talab li jiġu kkomunikati lilu matul il-kawża ta’ A. Gotovina u dwar il-korrispondenza kollha skambjata f’dan il-kuntest mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u t-TKIJ, inklużi l-eventwali annessi, b’mod partikolari t-talbiet inizjali kemm tat-TKIJ kif ukoll tal-avukati tad-difiża.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2009, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ċaħad it-talba għal aċċess tal-1 ta’ Ottubru 2009. Is-Segretarju Ġenerali indika li huwa ma kien identifika ebda dokument li jikkorrispondi għal deċiżjonijiet dwar it-trasmissjoni ta’ dokumenti lit-TKIJ u li l-korrispondenza bejnu u l-uffiċċju tal-prosekutur tat-TKIJ, dwar l-aċċess għall-arkivji tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem il-“MMKE”) għall-finijiet tal‑investigazzjoni, tal-preparazzjoni u tal-iżvolġiment tal-kawża ta’ A. Gotovina, kienet tagħmel parti mill-elementi ta’ proċedura ġudizzarja u ma setgħetx tiġi żvelata, skont l-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ. Huwa kkonkluda billi kkunsidra li huwa t-TKIJ, u mhux il-Kunsill, li għandu jiddeċiedi dwar jekk id-dokumenti għandhomx jiġu ppubblikati jew le.

6        Permezz ta’ posta tat-3 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrent ippreżenta applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess għal dokumenti (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja”).

7        B’deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill ċaħad l-applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

8        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill fakkar qabelxejn li xi dokumenti li jagħmlu parti mill-arkivji tal-MMKE kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-prosekutur tat-TKIJ, skont il-kooperazzjoni leali ma’ tribunal internazzjonali stabbilita mill-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u li huma kienu ġew ikkomunikati lill-uffiċċju tal-prosekutur b’mod kunfidenzjali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ. Imbagħad, il-Kunsill informa lir-rikorrent li huwa awtorizza li lid-difiża ta’ A. Gotovina jiġu kkomunikati verżjonijiet imnaddfa ta’ għadd ta’ dokumenti minn dawn l-arkivji. Fir-rigward tad-dokumenti mitluba mir-rikorrent, minn naħa, il-Kunsill ikkonferma li ma kinitx teżisti deċiżjoni dwar it-trasmissjoni ta’ dokumenti lit-TKIJ fil-kuntest tal-kawża ta’ A. Gotovina. Min-naħa l-oħra, huwa indika li huwa kien identifika 40 dokument li jinkludu ittri tas-Segretarju Ġenerali, rappreżentant għoli għall-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem is-“SĠRGħ”), tal-prosekutur u tal-awla tal-prim’istanza tat-TKIJ, kif ukoll tan-noti skambjati bejn A. Gotovina u s-SĠRGħ.

9        Sabiex jiċħad l-applikazzjoni konfermatorja, il-Kunsill ikkonfronta lir-rikorrent bl-eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali u tal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, previsti bit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u bit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 rispettivament. Skont dan, id-dokumenti mitluba jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar l-organizzazzjoni tal-kawża ta’ A. Gotovina, li r-responsabbiltà tagħhom hija tat-TKIJ, li huwa l-uniku wieħed li jista’ jibbilanċja l-interessi tal-partijiet inkawża u li jiddetermina jekk l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jistax jeffettwa ħażin lil waħda mill-partijiet fil-kawża u lin-natura ekwa tal-proċedura. Issa, it-TKIJ ikkunsidra li dawn id-dokumenti ma kinux aċċessibbli għall-pubbliku. Il-Kunsill kien tal-opinjoni li, jekk huwa jiżvela d-dokumenti, huwa jqiegħed f’periklu l-iżvolġiment xieraq ta’ proċedura ġudizzjarja li tkun għaddejja u l-kooperazzjoni leali ma’ qorti internazzjonali. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tar-rapporti stabbilitii mill-MMKE matul iż-żmien ta’ attività tagħha (iktar ’il quddiem ir-“rapporti”) kienet tqiegħed f’periklu r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri mal-pajjiżi kkonċernati tal-Balkani oċċidentali, peress li l‑informazzjoni li tinsab fir-rapporti dejjem ħa tibqa’ sensittiva, billi l-kunfidenzjalità ta’ dawn ir-rapporti hija fattur prinċipali tat-tisħiħ tal-fiduċja, tad-djalogu u tal-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun tal-Ewropa.

10      Annessi mad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill elenka 40 dokument li kienu s-suġġett tat-talba għal aċċess u indika jekk dawn kinux aċċessibbli fuq id-database ġudizzjarja tas-sit tal-internet tat-TKIJ jew le.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Frar 2010, ir-rikorrent introduċa din l-azzjoni.

12      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        iħallsu s-somma ta’ EUR 2 000 minbarra t-taxxi, jiġifieri EUR2 932 bit-taxxi kollha inklużi bħala spejjeż tal-istanza, b’interessi bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew mid-data tal-jum li fih ġie rreġistrat ir-rikors.

13      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddeċiedi li ma fadalx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, dwar id-dokumenti Nri 13, 14, 16, 18, 24, 27, 30 u 31, li jinsabu fil-lista annessa mal-imsemmija deċiżjoni;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali sabiex titlob, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-produzzjoni tad-dokument li permezz tiegħu il-Kunsill kien ikkonsulta lit-TKIJ dwar il-possibbiltà li jikkomunika r-rapporti lir-rikorrent, kif ukoll ir-risposta tat-TKIJ lill-Kunsill.

15      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill intalab jipproduċi quddiem il-Qorti Ġenerali d-dokumenti kollha li r-rikorrent inċaħadlu l-aċċess għalihom permezz tad-deċiżjoni kkontestata. It-terminu sabiex jipproduċi dawn id-dokumenti, li, inizjalment, kien jiskadi fit-13 ta’ Ottubru 2011, ġie pospost tliet darbiet fuq talba tal-Kunsill, sas-16 ta’ Frar 2012, data li fiha d-dokumenti ġew prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali.

16      Minkejja li ġiet iffissata għas-16 ta’ Novembru 2011, is-seduta ġiet posposta tliet darbiet, fuq talba tal-Kunsill, għat-18 ta’ Diċembru 2011, għat-18 ta’ Jannar, u mbagħad għall-21 ta’ Marzu 2012 u darba, fuq talba tar-rikorrent, għall-25 ta’ April 2012.

17      Permezz ta’ posta tal-25 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-ewwel proroga tat-terminu għall-produzzjoni tad-dokumenti mitluba u dwar il-postponiment tad-data tas-seduta. Din il-posta ddaħħlet fil-proċess.

18      Permezz ta’ posta tas-7 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrent ipproduċa quddiem il-Qorti Ġenerali deċiżjoni tal-ewwel awla tal-prim’istanza tat-TKIJ tal-14 ta’ April 2011, Il-Prosekutur vs Ante Gotovina, Ivan Čermak u Mladen Markač, u talab lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi li l-aġenti tal-Kunsill jiġu esklużi mill-proċedura, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Billi l-posta u d-deċiżjoni tat-TKIJ iddaħħlu fil-proċess, fit-13 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

19      Permezz ta’ posta tal-31 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent ipproduċa quddiem il-Qorti Ġenerali sett ta’ ħames dokumenti li kiseb mir-Reġistru tat-TKIJ. Billi din il-posta u dawn id-dokumenti iddaħħlu fil-proċess, fis-27 ta’ Frar 2012, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tal-kawża

20      Fir-rikors, ir-rikorrent sostna li l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali ma setgħetx tintuża fir-rigward tat-talba tiegħu għal aċċess, fir-rigward tan-natura tad-dokumenti mitluba, jiġifieri d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar it-trasmissjoni, lit-TKIJ, tad-dokumenti li dan tal-aħħar talab li jiġu kkomunikati fil-kuntest tal-kawża ta’ A. Gotovina u l-korrispondenza kollha skambjata bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u t-TKIJ, inklużi l-annessi. Huwa kkonkluda billi asserixxa li l-komunikazzjoni tar-rapporti kienet is-suġġett tal-azzjoni bir-referenza T‑465/09, Jurašinović vs Il‑Kunsill.

21      Matul is-seduta, ir-rikorrent ġie mistoqsi jekk hu jaċċettax li jikkunsidra li huwa jrid l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss sa fejn il-Kunsill, fid-deċiżjoni, irrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kollha li ma humiex rapporti. Ir-rikorrent irrisponda li huwa xtaq li jiġu kkomunikati d-dokumenti kollha li għalihom huwa ġie miċħud l-aċċess u li mill-kamp tat-talbiet tiegħu għal annullament huwa ma eskludiex ir-rifjut li jiġu kkomunikati lilu r-rapporti inklużi fl-annessi għall-korrispondenzi skambjati bejn il-Kunsill u t-TKIJ.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

22      Fir-risposta, il-Kunsill sostna li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kienu parzjalment inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, sa fejn, fid-data li fiha ġiet introdotta l-azzjoni, tmienja mid-dokumenti li għalihom ir-rikorrent talab l-aċċess kienu ġew magħmula pubbliċi mit-TKIJ. Il-Kunsill fakkar li, fil-lista tad-dokumenti mitluba annessi mad-deċiżjoni kkontestata, huwa kien semma li dawn it-tmien dokumenti kienu aċċessibbli għall-pubbliku permezz tad-database ġuridika tat-TKIJ, li tista’ tiġi kkonsultata fuq l-internet.

23      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-istqarrija li d-dokumenti bin-numri 13, 14, 16, 18, 24, 27, 30 u 31 huma aċċessibbli, b’riferiment f’qiegħ il-paġna li jindika li huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mit-TKIJ permezz tad-database ġuridika tiegħu, kif ukoll l-indirizz tas-sit tal-internet tat-TKIJ.

24      Imbagħad, minkejja li fir-replika r-rikorrent isostni li d-diffużjoni, minn entità oħra, ta’ wħud mid-dokumenti li għalihom huwa jixtieq ikollu aċċess ma tikkonċernax lill-Unjoni u li, bl-eċċezzjoni tiegħu, il-Kunsill jixtieq jivvalida t-teżi li tgħid li huwa biss it-TKIJ li jista’ jiddeċiedi dwar l-iżvelar, għandu jitfakkar li ġie deċiż li rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti ma jifdallux suġġett meta d-dokumenti inkwistjoni jkunu ġew magħmula aċċessibbli minn terz, u min għamel it-talba jkun jista’ jaċċedi għal dawn id-dokumenti u jagħmel użu minnhom b’mod legali daqs li kieku huwa kien kisibhom wara t-talba tiegħu introdotta skont ir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2006, Weber vs Il‑Kummissjoni, T‑290/05, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 41).

25      Madankollu, minkejja l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), mill-proċess ma jirriżultax li d-dokumenti bin-numri 13, 14, 16, 18, 24, 27, 30 u 31 kienu aċċessibbli għall-pubbliku fid-data li l-azzjoni ġiet introdotta. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li ebda kopja ta’ dawn id-dokumenti ma ġiet prodotta minn xi waħda mill-partijiet u li ebda referenza preċiża dwar fejn dawn jinsabu fuq is-sit tal-internet tat-TKIJ ma ġiet ipprovduta. Barra minn hekk, matul is-seduta l-Kunsill indika li kien possibbli li xi dokumenti li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, kellhom status pubbliku, skont ir-regoli ta’ trasparenza tat-TKIJ, kienu ġew ikklassifikati mill-ġdid mit-tribunal sabiex isiru kunfidenzjali. Dan huwa b’mod partikolari l-każ bid-dokumenti msemmija bid-deċiżjoni Il-Prosekutur vs Ante Gotovina, Ivan Čermak u Mladen Markač (punt 18 iktar ’il fuq), li permezz tagħha l-ewwel awla tal-prim’istanza ordnat lir-Reġistru tat-TKIJ sabiex tikklassifika mill-ġdid 92 att li jikkundannaw, kif ukoll xi annessi, sabiex dawn isiru kunfidenzjali.

26      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mil-Kunsill għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda, peress li mill-proċess ma jirriżultax li d‑dokumenti bin-numri 13, 14, 16, 18, 24, 27, 30 u 31 kienu aċċessibbli għall-pubbliku fid-data li fih ġiet introdotta l-azzjoni.

 Fuq il-fondatezza tat-talbiet għall-annullament

27      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem erba’ motivi, ibbażati rispettivament fuq l-iżball ta’ liġi li jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba, fuq in-nuqqas ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali, fuq in-nuqqas ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali u fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

28      Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, hekk kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet l-iktar wiesa’ possibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 33).

29      Madankollu, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limitazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 62).

30      B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi, bl-Artikolu 4 tiegħu, li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar ikun ta’ preġudizzju għal wieħed mill-interessi mħarsa minn dan l-artikolu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 71).

31      Imbagħad, meta l-izvelar ta’ dokument jintalab lil istituzzjoni, din għandha l-obbligu li tevalwa, f’kull każ ineżami, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, punt 28 iktar ’il fuq, punt 35). B’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu interpretati u applikati b’mod strett (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, punt 28 iktar ’il fuq, punt 36).

32      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet il-fatt li n-natura partikolarment sensittiva u essenzjali tal-interessi mħarsa bl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, flimkien man-natura mandatorja tar-rifjut ta’ aċċess li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-istituzzjoni għandha tagħti meta l-iżvelar ta’ dokument ikollu effett ħażin fuq dawn l-interessi, tagħti lid-deċizjoni li għandha tittieħed mill-istituzzjoni natura kumplessa u delikata li teħtieġ grad ta’ prudenza partikolari ħafna. Għalhekk, tali deċiżjoni tirrikjedi marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 29 iktar ’il fuq, punt 35).

33      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma ġenerali ħafna, u rifjut ta’ aċċess għandu fil-fatt jingħata, hekk kif jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat “jdgħajjef [ikollu effett ħażin fuq]” il-ħarsien tal-“interess pubbliku” f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-“relazzjonijiet internazzjonali” (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 29 iktar ’il fuq, punt 36).

34      Konsegwentement, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjonijet li jirrifjutaw l-aċċess għal xi dokumenti minħabba eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku previsti bl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 29 iktar ’il fuq, punt 34).

35      Madankollu, il-Qorti tal-Ġusitzzja ddeċidiet li mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u mill-għanijiet tal-leġizlazzjoni tal-Unjoni dwar il-qasam jirriżulta li l-attività ġudizzjarja kienet, bħala tali, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit b’din il-leġizlazzjoni (sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 79).

36      Barra minn hekk, mir-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-limitazzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza fir-rigward tal-attività ġudizzjarja għandhom l-għan li jiggarantixxu li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjoni jkun ezerċitat mingħajr ma jikkawża preġudizzju għall-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji (sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 84).

37      L-esklużjoni tal-attività ġudizzjarja mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn l-istadji differenti tal-proċedura, hija ġġustifikata minħabba l-ħtieġa li jiġi ggarantit, matul il-proċedura ġudizzjarja kollha, li l-argumenti bejn il-partijiet kif ukoll id-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata dwar il-kawża inkwistjoni, jiżvolġu mingħajr problemi (sentenza L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 92).

38      Meta l-Kunsill iqis li l-iżvelar ta’ dokument jeffettwa ħażin il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa jkollu jivverifika li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-effett ħazin li jirriżulta minnu fir-rigward tal-iżvolġiment mingħajr problemi tal-argumenti u tad-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata dwar il-kawża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 28 iktar ’il fuq, punt 44).

39      F’dan il-kuntest, huwa l-Kunsill li għandu l-obbligu li jwieżen l-interess speċifiku li għandu jiġi mħares permezz tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri, parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll amministrazzjoni li tgawdi minn iktar leġittimità, effikaċità u responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 28 iktar ’il fuq, punt 45).

40      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-diversi motivi tar-rikors għandhom jiġu eżaminati.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi li jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba

41      Ir-rikorrent isostni li huma d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 biss li jistgħu jkunu ta’ bażi għal rifjut ta’ aċċess għal dokumenti u li l-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ ma huwiex referenza legali rilevanti. Dan ir-regolament, li la jikkonċerna lill-Kunsill u lanqas lir-rikorrent, huwa nieqes minn kull valur normattiv fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ta’ dokumenti lit-TKIJ ma jxekkilx lill-Kunsill milli jikkomunikahom lil ċittadin Ewropew abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba l-klassifikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala dokumenti sensittivi.

42      Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

43      Ir-rikorrent jibbaża l-ewwel motiv tiegħu fuq parti mid-deċizjoni kkontestata, li fiha l-Kunsill jistqarr ir-relazzjonijiet tiegħu mat-TKIJ u l-komunikazzjoni, lil dan tal-aħħar, ta’ dokumenti li jagħmlu parti mill-arkivji tal-MMKE. Għaldaqstant, fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jippreċiza li tali dokumenti, “skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma’ tribunal internazzjonali stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti”, tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-prosekutur tat-TKIJ, “sabiex issir struzzjoni tal-fajls relattivi għall-proċedura kontra l-persuni allegatament responsabbli ta’ ksur serju tad-dritt internazzjonali umanitarju fit-territorju tal-ex Jugoslavja”. Il-Kunsill jindika wkoll li dawn id-dokumenti “ġew ikkomunikati lill-uffiċċju tal-prosekutur tat-TKIJ b’mod kunfidenzjali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ”, u jikkwota l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu.

44      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 sa 31 iktar ’il fuq jirriżulta li, meta istituzzjoni, li ssirilha talba ta’ aċċess għal dokumenti ppreżentata skont ir-Regolament Nru 1049/2001, ikollha l-intenzjoni li tillimita jew tirrifjuta l-aċċess inkwistjoni, hija għandha tibbaża ruħha esklużivament fuq waħda jew għadd ta’ eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess li huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

45      Issa, mill-qari tal-punti 8 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jirrifjuta kull aċċess tar-rikorrent għad-dokumenti mitluba, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju ta’ effett ħazin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, previst bit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, u fuq ir-riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali, previst bit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, rispettivament.

46      Ir-riferiment li sar mill-Kunsill fil-punt 5 tad-deċizjoni kkontestata għall-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ serva biss sabiex jispjega l-kuntest li fih id-dokumenti li jagħmlu parti mill-arkivji tal-MMKE kienu ġew ikkomunikati lill-korpi tat-TKIJ u sabiex jiġi enfasizzat l-istatus kunfidenzjali li għalih dawn kienu suġġetti matul il-proċedura quddiem dan it-tribunal. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li d-dokumenti li saret referenza għalihom ma jikkorrispondux għad-dokumenti mitluba mir-rikorrent. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dokumenti li joriġinaw mill-arkivji tal-MMKE, dawn jistgħu ċertament jinkludu r-rapporti, iżda mhux il-korrispondenza bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u t-TKIJ, b’mod partikolari t-talbiet inizjali magħmula kemm mit-TKIJ kif ukoll mill-avukati ta’ A. Gotovina.

47      Għaldaqstant, l-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ bl-ebda mod ma jikkostitwixxi l-bażi legali li l-Kunsill uża sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

48      Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq l-impossibbiltà għall-Kunsill li jirrifjuta l-aċċess għal dokumenti minħabba n-natura kunfidenzjali tal-komunikazzjoni tagħhom lit-TKIJ, minħabba li ġew klassifikati bħala sensittivi fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa jibbaża ruħu wkoll fuq il-premessa li r-rifjut ta’ aċċess huwa bbażat fuq l-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ. Issa, hekk kif għadu kif intqal, dan ma huwiex il-każ, peress li barra minn hekk il-Kunsill bl-ebda mod ma mmotiva d-deċiżjoni tiegħu ta’ rifjut ta’ aċċess bil-fatt li d-dokumenti li r-rikorrent xtaq ikollu aċċess għalihom kienu ġew ikkomunikati lit-TKIJ b’mod kunfidenzjali.

49      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali, previst bit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

50      Fit-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent jippreżenta argument maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, huwa jsostni li l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, prevista bit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tikkonċerna biss il-proċeduri quddiem it-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri u mhux dawk li jiżvolġu quddiem qrati internazzjonali. Fit-tieni parti, ir-rikorrent huwa tal-opinjoni li l-Kunsill ma setax, sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba, jiddeċiedi dwar in-natura ekwa tal-proċedura ġudizzjarja quddiem it-TKIJ minħabba li huwa kkomunika lil dan tal-aħħar l-imsemmija dokumenti b’mod kunfidenzjali. Fl-aħħar nett, fit-tielet parti, ir-rikorrent isostni li d-deċizjoni kkontestata twassal sabiex iċċaħdu minn kull dritt ta’ azzjoni rilevanti, peress li l-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba tiddependi minn deċiżjoni tat-TKIJ.

51      Sabiex tingħata risposta għal dan il-motiv, hemm lok li l-Qorti Ġenerali tiddetermina, l-ewwel nett, jekk l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji setgħetx tiġi applikata għall-proċedura li kienet qed tiżvolġi quddiem it-TKIJ, it-tieni nett, liema dokumenti setgħu, f’dan il-każ, jiġu mħarsa mill-imsemmija eċċezzjoni, it-tielet nett, jekk il-Kunsill setax jiddeċiedi dwar in-natura ekwa tal-kawża quddiem it-TKIJ u, ir-raba’ nett, jekk ir-rikorrent huwiex imċaħħad minn kull azzjoni rilevanti sabiex jikseb id-dokumenti mitluba.

–       Fuq l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji għall-proċedura li tiżvolġi quddiem it-TKIJ

52      Skont ir-rikorrent, l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tkopri biss il-proċeduri ġudizzjarji li jiżvolġu quddiem il-qrati tal-Unjoni jew tal-Istati Membri u mhux dawk quddiem il-qrati internazzjonali, peress li dan ir-Regolament ma jipprevediehx. Il-proċedura quddiem it-TKIJ ma tistax tiġi mħarsa b’dan il-mod peress li l-Unjoni, billi ma hijiex membru tal-ONU, ma hijiex suġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ dan it-tribunal.

53      L-argument ippreżentat mir-rikorrent jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li huma biss il-proċeduri ġudizzjarji li jiżvolġu quddiem qorti tal-Unjoni, jiġifieri l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali jew it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, jew quddiem qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri li jistgħu jiġu mħarsa bl-eċċezzjoni prevista bid-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

54      Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

55      Għandu jitfakkar li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet segwiti bir-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet li dan jipprovdi għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 28 iktar ’il fuq, punt 36). Madankollu, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jippreċiżax, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2), liema huma l-qrati li l-proċeduri tagħhom jistgħu jiġu mħarsa mir-riskju ta’ effett ħażin li l-iżvelar ta’ wieħed jew iktar dokumenti jista’ jikkawżalhom.

56      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, bħala regola ġenerali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprevedu l-eċċezzjonijiet li fid-dawl tagħhom l-istituzzjoni li quddiemha tiġi ppreżentata talba għal aċċess għal xi dokumenti li hija għandha tista’ tirrifjuta li tiżvelahom, ma jistabbilixxu ebda rabta bejn l-interessi li għandhom jiġu mħarsa f’każ ta’ riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tagħhom u l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha. Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 biss jipprovdi b’mod espliċitu li l-aċċess għandu jiġi rrifjutat meta l-iżvelar ikun jeffettwa ħażin il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna l-politika finanzjarja, monetarja u ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru. Fir-rigward tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dan ukoll jirrigwarda l-Unjoni, peress li huwa għandu l-għan li jħares il-proċess deċiżjonali ta’ istituzzjoni.

57      Jekk l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 proposta mir-rikorrent kellha tintlaqa’, din tkun trasponibbli għal kull eċċezzjoni prevista bl-Artikolu 4. Per eżempju, meta jiġi invokat il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna s-sigurtà pubblika, dan jista’ jkun biss tas-sigurtà pubblika fl-Unjoni jew f’wieħed jew iktar Stati Membri. L-istess iseħħ meta tkun kwistjoni ta’ ħarsien tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, li skont dan ir-raġunament, ma jinkludux l-interess tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew huma stabbiliti barra l-Unjoni.

58      Issa, tali interpretazzjoni kontestwali tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tintlaqa’. Ebda argument ibbażat fuq it-test ta’ dan l-artikolu ma jista’ jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-proċeduri ġudizzjarji, li jissemmew fit-tieni inċiż tal-paragrafu (2) tiegħu, huma biss dawk li jiżvolġu quddiem il-qrati tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha.

59      Tali konstatazzjoni hija msaħħa mill-qari tar-Regolament Nru 1049/2001 kollu, li jistabbilixxi rabta mal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha biss għal ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni li huwa jiddetermina. Fl-Artikolu 1(a) tiegħu, huwa jistabbilixxi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma obbligati jagħtu l-aċċess għad-dokumenti tagħhom. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li l-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess huma ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru, madankollu l-istituzzjonijiet jistgħu jawtorizzaw l-aċċess għad-dokumenti lil persuni oħra, skont l-Artikolu 2(2). Fir-rigward tad-dokumenti li għalihom japplika r-Regolament Nru 1049/2001, dawn huma, skont l-Artikolu 2(3) tiegħu, dawk kollha miktuba mill-istituzzjoni jew dawk riċevuti minnha fl-oqsma ta’ attività kollha tal-Unjoni, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, skont il-premessa 7 tiegħu.

60      Konsegwentement, xejn fir-Regolament Nru 1049/2001 ma jopponi li l-proċedura ġudizzjarja, li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) hija intiża li tipproteġi, tiżvolġi quddiem qorti li la taqa’ taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u lanqas taħt l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri tagħha.

61      Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrent ma jippermetti li din il-konklużjoni tinbidel.

62      L-ewwel nett, il-fatti li l-Unjoni ma hijiex membru tal-ONU u ma hijiex suġġetta għall-ġurisdizzjoni tat-TKIJ ma għandhomx effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni intiża li tħares il-proċeduri ġudizzjarji bl-ebda mod ma tiddependi mir-rabta li teżisti bejn l-istituzzjoni li quddiemha titressaq talba għal aċċess għal dokumenti, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, u l-qorti li quddiemha tiżvolġi l-imsemmija proċedura, u b’mod partikolari ma tiddependix mir-rabta maħluqa mill-fatt li istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tkun jew ma tkunx parti mill-proċedura li tiżvolġi quddiem din il-qorti. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet għandu jiġi eżerċitat mingħajr ma jsir preġudizzju lill-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 84), mingħajr ma tkun imposta xi kundizzjoni oħra. Fi kwalunkwe każ, l-istess jgħodd għall-argument li, għall-Kunsill, it-TKIJ għandu biss eżistenza fattwali u mhux ġuridika jew għall-argument li l-Kunsill ma jurix li, jekk jikkomunika d-dokumenti mitluba mir-rikorrent, huwa jeħel xi sanzjoni mit-TKIJ. Ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jista’ jikkontesta l-possibbiltà li tiġi implementata l-eċċezzjoni li tkopri l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji favur il-proċedura li tiżvolġi quddiem it-TKIJ.

63      It-tieni nett, għandhom ukoll jiġu ddikjarati inoperattivi l-argumenti li ġejjin, li, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata turi r-rieda tal-Kunsill li jissuġġetta ruħu għall-ġurisdizzjoni tat-TKIJ, li ma hija prevista minn ebda trattat, u, min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli li tingħata prijorità lil relazzjonijiet internazzjonali mhux vinkolanti fuq id-drittijiet li d-dritt primarju jirrikonoxxi liċ-ċittadini Ewropej. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta ħa d-deċiżjoni kkontestata, kulma għamel il-Kunsill kien li applika r-Regolament Nru 1049/2001 u, b’mod partikolari, is-sistema ta’ eċċezzjonijiet li huwa jipprevedi (ara l-punt 45 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, xejn ma jippermetti li jiġi sostnut li, meta għamel hekk, il-Kunsill issuġġetta l-awtorità jew l-atti tiegħu għall-ġurisdizzjoni tat-TKIJ jew li huwa ta prijorità lir-relazzjonijiet internazzjonali allegatament mhux vinkolanti fuq drittijiet li joħorġu mid-dritt primarju. Jekk b’dan l-ilment jiġi presuppost li r-rikorrent jargumenta n-nuqqas ta’ konformità, ma’ dan tal-aħħar, tat-trażmissjoni ta’ dokumenti mill-Kunsill lit-TKIJ, għandu jitfakkar li din il-kawża ma tirrigwardax il-legalità tal-atti li permezz tagħhom il-Kunsill ittrasmetta jew skambja xi informazzjoni mat-TKIJ jew l-avukati ta’ A. Gotovina.

64      It-tielet nett, lanqas l-argumenti mressqa bħala replika ma għandhom effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ dak indikat fil-punti 60 sa 63 iktar ’il fuq. Billi l-eċċezzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tista’ titqajjem anki meta l-proċedura ġudizzjarja tiżvolġi quddiem it-TKIJ, l-argumenti li jgħidu li ma huwiex possibbli li, mis-sottomissjoni tal-Istati Membri għar-regoli tal-ONU, tinsilet is-sottomissjoni tal-Unjoni għal dawn l-istess regoli u li l-obbligu impost fuq il-kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni sabiex jikkooperaw mat-TKIJ ma jikkostitwixxix regola ta’ dritt li torbot lir-rikorrent, ma għandhom l-ebda effett fuq id-deċiżjoni kkontestata.

65      Minn dak kollu premess jirriżulta li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tista’ tħares il-proċedura ġudizzjarja li tiżvolġi quddiem it-TKIJ u li, konsegwentement, l-ewwel ilment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq id-dokumenti li jistgħu jiġu mħarsa bl-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji

66      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li ġie deċiż li l-frażi “proċeduri fil-qorti [proċeduri ġudizzjarji]” għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ħarsien tal-interess pubbliku jopponi l-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti redatti għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari biss (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 78).

67      Bl-istess mod, fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna l-Kummissjoni ġie deċiż li, permezz tal-kliem “dokumenti bil-miktub [redatti] intiżi għal proċedura ġuridika [ġudizzjarja] partikolari” wieħed għandu jifhem in-noti u l-atti ppreżentati, id-dokumenti interni li jikkonċernaw l-istruzzjoni tal-kawża li tkun għaddejja, il-komunikazzjonijiet relattivi għall-kawża bejn id-direzzjoni ġenerali kkonċernata u d-dipartiment legali jew kamra tal-avukati, b’din id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni fl-imsemmija kawża jkollha l-għan li tiggarantixxi, minn naħa, il-ħarsien tax-xogħol intern tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-kunfidenzjalità u l-ħarsien tal-prinċipju ta’ sigriet professjonali tal-avukati (sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 90).

68      Fit-tieni lok, mill-punti 10 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kunsill irrifjuta, abbażi tal-eċċezzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għall-korrispondenza bejn, minn naħa, il-prosekutur tat-TKIJ jew l-ewwel awla tal-prim’istanza tat-TKIJ u, min-naħa l-oħra, is-SĠRGħ, kif ukoll għad-dokumenti annessi għaliha, fosthom ir-rapporti. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni intiża sabiex tipproteġi l-proċeduri ġudizzjarji ġiet applikata sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti kollha mitluba.

69      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali saret taf, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ struzzjoni, bid-dokumenti kolha li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat.

70      Id-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali huma magħmula minn 40 posta: 19-il posta li joriġinaw mis-SĠRGħ, 15 mill-prosekutur tat-TKIJ u 6 mill-ewwel awla tal-prim’istanza. Annessi ma’ 37 mill-posta skambjata jinsabu dokumenti li jikkonsistu, għal 10 minnhom, f’lista ta’ dokumenti li ma humiex annessi u, għal 27 oħra, f’dokumenti li l-biċċa l-kbira tagħhom jikkonsistu f’rapporti, iżda wkoll f’rikorsi jew noti mid-difiża ta’ A. Gotovina u deċiżjonijiet u digrieti mogħtija mit-TKIJ.

71      F’dan l-istadju, għandu jiġi kkonstatat li, kemm fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod iktar partikolari fil-punt 12 tagħha, kif ukoll fir-risposta tiegħu, il-Kunsill wettaq żewġ żbalji. Huwa sostna li, l-ewwel nett, mal-posta skambjata mal-prosekutur tat-TKIJ jew l-ewwel awla tal-prim’istanza tat-TKIJ kien hemm annessi rapporti biss u, it-tieni nett, li dawn ir-rapporti kienu annessi mal-posta li toriġina mingħand is-SĠRGħ. Issa, mill-eżami tad-dokumenti prodotti mill-Kunsill jirriżulta li xi rapporti huma wkoll annessi ma’ sebgħa mill-posta li toriġina mill-prosekutur tat-TKIJ (dokumenti bin-numri 1, 2, 8, 15, 17, 22 u 23 fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata) u ma’ tnejn mill-posta li toriġina mill-ewwel awla tal-prim’istanza (dokumenti bin-numri 4 u 16 fl-anness għad-deċiżjoni kkontestata).

72      Fir-rigward tad-dokumenti minbarra rapporti, annessi mal-posta skambja, dawn jinsabu fl-anness ta’ ħames posta li toriġina mit-TKIJ (dokumenti bin-numri 4, 13, 16, 24 u 27 fl-anness għad-deċiżjoni kkontestata). Hekk kif diġà ssemma fil-punt 70 iktar ’il fuq, dawn huma deċiżjonijiet jew digrieti adottati mill-ewwel awla tal-prim’istanza tat-TKIJ. Huma jikkonsistu, l-ewwel nett, f’ordni lis-SĠRGħ sabiex jipproduċi dokumenti jew informazzjoni, akkumpanjata minn talbiet f’dan is-sens li jirriżultaw mid-difiża ta’ A. Gotovina, it-tieni nett, notifika lis-SĠRGħ ta’ rikors tad-difiża, li jitlob il-komunikazzjoni ta’ rapporti u li huwa akkumpanjat minn annessi, u stedina sabiex jirrispondi, it-tielet nett, notifika lis-SĠRGħ ta’ replika tad-difiża u stedina sabiex jiġi ppreżentat duplikat, li jikkonċernaw dejjem il-komunikazzjoni ta’ rapporti, ir-raba’ nett, notifika lis-SĠRGħ ta’ din l-istess replika u stedina sabiex jiġi ppreżentat duplikat, iżda tradotti bil-lingwa Franċiża, u l-ħames nett, stedina lis-SĠRGħ sabiex ifittex ċerti rapporti, allegatament eżistenti skont ċerti indizji, u sabiex jipprovdi r-raġunijiet li għalihom huma jkunu neqsin mill-arkivji tal-MMKE, jekk dan ikun il-każ.

73      Fir-rigward tal-posta skambjata bejn il-prosekutur tat-TKIJ u s-SĠRGħ, għandu jiġi kkonstatat li dawn kollha jikkonċernaw il-possibbiltà li r-rapporti jintużaw fil-kuntest tal-proċedura mibdija, b’mod partikolari, kontra A. Gotovina quddiem dan it-tribunal. Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-eżami magħmul mill-Qorti Ġenerali ta’ din il-posta diversa, il-prosekutur tat-TKIJ talab ripetutament lis-SĠRGħ il-permess sabiex jiżvela rapporti lid-difiża ta’ A. Gotovina u għal dawk taż-żewġ akkużati l-oħra, sabiex ikunu jistgħu jużaw l-informazzjoni li seta’ jkun fihom bħal per eżempju atti li jinkriminaw fir-rigward tagħhom, jew, għall-kuntrarju, elementi li jiskaġunaw. Permezz tal-posta tiegħu, il-prosekutur tat-TKIJ talab ukoll lis-SĠRGħ sabiex jidentifika r-rapporti koperti bir-regola ta’ kunfidenzjalità prevista fl-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ, li għaliha huma kienu suġġetti matul il-kommunikazzjoni tagħhom lil dan it-tribunal. Il-posta li toriġina mis-SĠRGħ tinkludi r-risposti għat-talbiet tal-prosekutur, li permezz tagħhom is-SĠRGħ jippermetti l-iżvelar tar-rapporti fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja quddiem it-TKIJ, billi jissottometti lill-prosekutur tat-TKIJ verżjonijiet imnaddfa tar-rapporti li għandhom jiġu kkomunikati lid-difiża ta’ A. Gotovina u lil dawk taż-żewġ akkużati l-oħra. Għadd ta’ skambji ta’ posta jirrigwardaw il-possibbiltà, mitluba mill-prosekutur tat-TKIJ lis-SĠRGħ, li jiġi permess, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja quddiem it-TKIJ, l-iżvelar ta’ verżjonijiet ġodda tar-rapporti, li jinkludu inqas siltiet moħbija.

74      Mill-punti 70 sa 73 iktar ’il fuq jirriżulta li d-dokumenti li għalihom l-aċċess ġie miċħud huma dokumenti li, minbarra r-rapporti, ġew redatti għall-finijiet biss ta’ proċedura ġudizzjarja. Fil-fatt, huma kollha kellhom bħala għan il-produzzjoni ta’ provi, li jinkriminaw kif ukoll li jiskaġunaw, meqjusa bħala neċessarji mill-prosekutur tat-TKIJ jew l-ewwel awla tal-prim’istanza tat-TKIJ għall-iżvolġiment tal-proċedura kriminali mibdija kontra A. Gotovina, I. Čermak u M. Markač. Tali dokumenti għaldaqstant jirrigwardaw aspett tal-organizzazzjoni ta’ proċess kriminali u jiżvelaw il-mod li bih il-korpi ġudizzjarji tat-TKIJ iddeċidew li jwettqu l-iżvolġiment tal-proċedura, kif ukoll ir-reazzjonijiet tad-difiża u ta’ terz, b’dan tal-aħħar ikun dak li minnu joriġinaw il-provi mitluba, għall-miżuri meħuda mill-imsemmija korpi sabiex jinkisbu l-provi neċessarji għall-iżvolġiment xieraq tal-kawża.

75      Konsegwentement, dawn id-dokumenti, redatti biss għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari, fil-prinċipju jistgħu jiġu mħarsa minn kull żvelar, mitlub skont ir-Regolament Nru 1049/2001, b’applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

76      F’dak li jikkonċerna r-rapporti, huwa paċifiku li huma ġew redatti matul is-snin 1991 sa 1995, jiġifieri iktar minn għaxar snin qabel il-bidu tal-kawża kontra A. Gotovina, I. Čermak u M. Markač, u li b’dan il-fatt biss, huma ma jistgħux jitqiesu bħala li ġew redatti biss għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari (ara s-sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ċertament, matul is-seduta l-Kunsill sostna li r-rapporti jaqgħu taħt l-eċċezzjoni intiża għall-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, peress li l-posta skambjata bejn, minn naħa, il-prosekutur tat-TKIJ jew l-ewwel awla tal-prim’istanza u, min-naħa l-oħra, is-SĠRGħ kienu jagħmlu parti integrali mid-dokumenti stabbiliti fil-kuntest ta’ tali proċedura u li r-rapporti kellhom isegwu l-istess proċess bħal tal-imsemmija posta. Madankollu, tali evalwazzjoni ma tippermettix li jiġi stabbilit fid-dawl ta’ liema kriterji jew kundizzjonijiet dokumenti li, fid-data li ġew redatti, ma kinux iddestinati esklużivament għal proċedura ġudizzjarja partikolari, setgħu madankollu jiġu mħarsa permezz tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

77      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fir-rigward tat-tieni u tat-tielet partijiet tat-tieni motiv, id-dokumenti li ma humiex rapporti, li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat permezz tad-deċiżjoni kkontestata, setgħu, f’dan il-każ, jiġu mħarsa minn kull żvelar għar-raġunijiet imressqa mill-Kunsill.

–       Fuq l-impossibbiltà għall-Kunsill li jiddeċiedi dwar in-natura ekwa tal-kawża quddiem it-TKIJ

78      F’din il-parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent jippreżenta għadd ta’ lmenti marbuta mill-qrib.

79      L-ewwel nett, ir-rikorrent itenni l-argument imressaq fil-kuntest tal-ewwel motiv, li jgħid li l-Kunsill kien ikkunsidra b’mod illegali li d-dokumenti mitluba kellhom natura kunfidenzjali mingħajr ma kklassifikahom skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni nett, il-Kunsill iddeċieda dwar in-natura ekwa tal-proċedura li żvolġiet quddiem it-TKIJ, filwaqt li dan tal-aħħar, bħala korp ġudizzjarju indipendenti, għandu prerogattivi li jippermettulu li jipproteġi l-informazzjoni tiegħu u d-dokumenti tiegħu, bħalma huwa l-Artikolu 53 tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ, u din hija xi ħaġa li huwa ma għamilx. It-tielet nett, ir-rikorrent jirrileva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill għandu t-tendenza li jissottometti l-possibbiltà li jikkomunika d-dokumenti mitluba għad-deċiżjoni tat-TKIJ biss, u dan iwassal sabiex istituzzjoni tabbanduna parti mill-prerogattivi tagħha, li jirriżultaw mid-dritt primarju, għall-benefiċċju ta’ entità terza. Minkejja li dan l-ilment ġie mqajjem fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv, mir-replika jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrent kellu l-intenzjoni li jtih portata li tmur lil hinn mil-limiti tal-imsemmija tielet parti. Ir-raba’ nett, ir-rikorrent huwa tal-opinjoni li l-Kunsill uża r-regoli tat-TKIJ sabiex jevita l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

80      Qabelxejn għandu jiġi eżaminat it-tielet ilment, li jirrigwarda l-fatt li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-possibbiltà ta’ aċċess għad-dokumenti li ma humiex rapporti (ara l-punt 79 iktar ‘il fuq), tiddependi biss mid-deċiżjoni tat-TKIJ.

81      Wara li fakkar, fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura li matulha kienu seħħew l-iskambji bejn is-SĠRGħ u l-prosekutur tat-TKIJ jew l-ewwel awla tal-prim’istanza tat-TKIJ, il-Kunsill eżamina jekk l-iżvelar tad-dokumenti mitluba joħloqx ir-riskju li l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji jiġi effettwat ħażin. Fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa osserva li d-“dokumenti kkonċernati [kienu] jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar l-organizzazzjoni tal-kawża Gotovina”, li r-responsabbiltà tagħha kienet tat-TKIJ. Il-Kunsill kompla billi sostna li, fil-kuntest ta’ tali proċedura, it-TKIJ biss “seta’ jibbilanċja l-interessi involuti u seta’ jiddetermina jekk l-iżvelar ta’ dokumenti joħloqx preġudizzju irreparabbli lil xi waħda mill-partijiet jew jeffettwax ħażin in-natura ekwa tal-proċedura ġudizzjarja”. Skont il-Kunsill, “mill-konsultazzjoni tat-TKIJ [...] [jirriżulta] li l-kommunikazzjonijiet tas-[SĠRGħ] mal-prosekutur tat-TKIJ ma [kinux] aċċessibbli għall-pubbliku skont ir-regoli ta’ trasparenza tal-attivitajiet tat-TKIJ” u li, fir-rigward tal-korrispondenza bejn l-ewwel awla tal-prim’istanza tat-TKIJ u s-SĠRGħ, u min-noti skambjati bejn id-difiża ta’ A. Gotovina u s-SĠRGħ fil-kuntest tal-kawża ta’ dan tal-aħħar, “it-TKIJ [kien] qiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b’applikazzjoni tar-regoli rilevanti dwar it-trasparenza tal-attivitajiet tiegħu, id-dokumenti mhux kunfidenzjali ta’ din il-korrispondenza permezz ta’ database ġudizzjarja”, iżda li “parti oħra minn din il-korrispondenza [kienet] baqgħet protetta minn kull żvelar”.

82      Għaldaqstant, fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ikkonkluda li l-iżvelar ta’ “dokumenti, mhux aċċessibbli, tal-proċedura kontenzjuża li tkun għaddejja quddiem it-TKIJ jikxef informazzjoni kunfidenzjali dwar l-organizzazzjoni tal-kawża Gotovina u jeffettwa ħażin l-iżvolġiment tajjeb ta’ proċedura ġudizzjarja [...] li tkun għaddejja quddiem it-TKIJ, kif ukoll il-kooperazzjoni leali ma’ tribunal internazzjonali stabbilit mill-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti”.

83      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terz, l-istituzzjoni għandha tikkonsultah sabiex tistabbilixxi jekk eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) jew (2) hijiex applikabbli, sakemm ma jkunx ċar li d-dokument għandu jew ma għandux jiġi żvelat. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati jikkonsultaw lit-terz ikkonċernat inkwistjoni jekk jirriżulta b’mod ċar li d-dokument għandu jiġi żvelat jew ma għandux jiġi żvelat. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw it-terzi inkwistjoni. Għaldaqstant, il-konsultazzjoni tat-terz ikkonċernat tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, kundizzjoni minn qabel għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għall-aċċess previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terzi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il‑Kummissjoni, T‑380/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 54).

84      Minkejja li l-Kunsill, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fin-noti tiegħu fl-istanza, ma semma li huwa segwa l-proċedura prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta kkonsulta lit-TKIJ qabel ma ddeċieda jekk huwa għandux jagħti l-aċċess għad-dokumenti mitluba, madankollu għandu jiġi kkonstatat li dan huwa l-każ, hekk kif jirriżulta b’mod impliċitu mill-punti 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li wħud minn dawn id-dokumenti ma kinux joriġinaw mit-TKIJ.

85      Fit-tieni lok, mir-raġunijiet esposti fil-punti 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 81 iktar ’il fuq) jirriżulta li r-riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jirriżulta, f’dan il-każ, mill-fatt biss li d-dokumenti mitluba ma kinux aċċessibbli skont ir-regoli tat-TKIJ. Fil-fatt, mill-konsultazzjoni tat-TKIJ mill-Kunsill jirriżulta li l-posta bejn is-SĠRGħ u l-prosekutur tat-TPIY “ma hijiex aċċessibbli għall-pubbliku skont ir-regoli ta’ trasparenza tal-attivitajiet tat-TKIJ” u li parti mill-posta bejn is-SĠRGħ u l-ewwel awla tal-prim’istanza tat-TKIJ tibqa’ mħarsa minn kull żvelar b’applikazzjoni tal-istess regoli. Issa, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jikxef informazzjoni li tirriskja li teffettwa ħażin l-iżvolġiment ta’ proċedura ġudizzjarja li tkun għaddejja, u dan għaliex huma ma humiex aċċessibbli għat-terzi fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża quddiem it-TKIJ.

86      Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li, kemm fin-noti tiegħu tal-istanza kif ukoll matul is-seduta, il-Kunsill insista b’mod partikolari fuq il-fatt li huwa kien ikkonsulta lit-TKIJ sabiex ikun jaf x’kien l-istatus tad-dokumenti mitluba fir-rigward tar-regoli ta’ trasparenza applikabbli għal dan it-tribunal. Għaldaqstant, fir-risposta l-Kunsill jenfasizza l-fatt li 32 mill-40 dokument mitlub ma kinux aċċessibbli skont ir-regoli ta’ traspsarenza applikabbli għat-TKIJ u jqis li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet b’osservanza sħiħa tal-imsemmija regoli.

87      Fit-tielet lok, għandu wkoll jitfakkar li l-konsultazzjoni ta’ terz li ma huwiex Stat Membru, prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma torbotx lill-istituzzjoni iżda għandha tippermettilha li tevalwa jekk eċċezzjoni prevista fil-paragrafu (1) jew (2) ta’ dan l-Artikolu għandhiex tiġi applikata (sentenza Terezakis vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 60).

88      Filwaqt li jibbaża ruħu fuq il-fatt biss li d-dokumenti mitluba ma kinux aċċessibbli skont ir-regoli ta’ trasparenza tat-TKIJ, li, barra minn hekk, ma humiex identifikati b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex jikkunsidra li kien jeżisti riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, il-Kunsill f’dan il-każ għandu jitqies bħala li kkunsidra lilu nnifsu marbut mill-unika spjegazzjoni pprovduta mit-TKIJ. Għaldaqstant, il-Kunsill irrinunzja għas-setgħa diskrezzjonali li huwa kellu jeżerċita sabiex jikkonstata l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti previsti bir-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod iktar partikolari fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) (sentenza Terezakis vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 64).

89      Tali konklużjoni hija iktar u iktar iġġustifikata peress li mill-eżami tal-posta bejn is-SĠRGħ u l-prosekutur tat-TKIJ jew l-ewwel awla tal-prim’istanza tat-TKIJ (ara l-punti 72 u 73 iktar ’il fuq) jirriżulta li, minkejja li kollha kemm huma jirrigwardaw aspetti tal-organizzazzjoni tal-kawża ta’ A. Gotovina, I. Čermak u M. Markač, fihom infushom huma jiżvelaw biss l-identifikazzjoni tal-provi li jistgħu jintużaw bħala dokumenti li jinkriminaw jew elementi li jiskaġunaw mill-prosekutur tat-TKIJ u kkomunikati lid-difiża ta’ A. Gotovina, mingħajr ma l-kontenut ta’ dawn il-provi jiġi żvelat. Fil-fatt, l-imsemmija provi jinsabu inklużi fir-rapporti, li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 76 iktar ’il fuq).

90      Konsegwentement, u mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ilmenti l-oħra tat-tieni parti tat-tieni motiv, u lanqas dwar it-tielet parti tal-istess motiv, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi meta rrinunzja għas-setgħa diskrezzjonali tiegħu biex jiddeċiedi jekk l-aċċess għal dokumenti li ma humiex ir-rapporti setax jiġi rrifjutat minħabba riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, previst bit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

91      Ir-rikorrent isostni li r-raġuni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali hija żbaljata, fir-rigward tan-natura u tal-kontenut tad-dokumenti li tagħhom huwa jitlob il-komunikazzjoni.

92      Essenzjalment, ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill talli kkonfrontah bl-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li d-dokumenti li għalihom huwa talab l-aċċess ma jaqgħux taħt din l-eċċezzjoni, peress li dawn huma deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar it-trasmissjoni ta’ dokumenti lit-TKIJ fil-kuntest tal-kawża ta’ A. Gotovina u l-korrispondenza kollha skambjata f’dan il-kuntest bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u t-TKIJ.

93      Wara li analizza jekk l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jirriskjax li jiġi effettwat ħażin il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kunsill eżamina jekk kienx jeżisti riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, kif protett mid-dispożizzjonijet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant huwa kkunsidra, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-pubblikazzjoni tar-rapporti [...], annessi mal-ittri tas-[SĠRGħ] lill-prosekutur tat-TKIJ, tipperikola r-relazzjonijet internazzjonali tal-[Unjoni] u tal-Istati membri tagħha mal-pajjiżi kkonċernati tal-Balkani oċċidentali sa fejn jiġu żvelati b’mod dettaljat l-osservazzjonijet, evalwazzjonijiet u analiżi skambjati bejn id-diversi atturi tal-[MMKE], b’mod kunfidenzjali, dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun fuq il-pjan politiku, militari u tas-sigurtà”. Il-Kunsill kompla, u osserva li “[d]in l-informazzjoni dejjem baqgħet sensittiva, kif muri bl-interess li hija [qajmet] fil-kuntest tal-proċeduri quddiem it-TKIJ” u li “l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni joħloq preċedent li jmur kontra l-għan intiż sabiex l-Unjoni tkompli twettaq il-politika tagħha fir-rigward tal-Balkani oċċidentali”. Huwa kkonkluda l-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata billi kkunsidra li “l-kunfidenzjalità tar-rapporti [kienet] fattur prinċipali tat-tisħiħ tal-fiduċja, tad-djalogu u tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi tar-reġjun”.

94      Għandu jiġi kkonstatat, kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill fir-risposta u matul is-seduta, li l-eċċezzjoni intiża sabiex tħares l-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali hija msemmija biss fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata u hija tkopri biss ir-rapporti annessi mal-posta skambjata bejn is-SĠRGħ u l-prosekutur tat-TKIJ jew l-ewwel awla tal-prim’istanza tat-TKIJ.

95      Fir-rigward tar-riskju ta’ effett ħażin fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali minħabba li l-iżvelar tad-dokumenti li ma humiex ir-rapporti jikkawża preġudizzju lill-kooperazzjoni leali tal-Unjoni mat-TKIJ, stabbilit mill-Kunsill ta’ Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti, huwa ċertament minnu li l-kunċett ta’ kooperazzjoni leali ssemma fil-punti 12 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, mill-formulazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ma jirriżultax li dan il-kunċett isostni l-implementazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tar-relazzjonijet internazzjonali. Fil-fatt, il-kooperazzjoni leali tissemma fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna r-riskju ta’ effett ħażin fuq l-iżvolġiment xieraq ta’ proċedura ġudizzjarja li kienet għaddejja dak iż-żmien quddiem it-TKIJ. Fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill isostni li l-obbligu ta’ kooperazzjoni mat-TKIJ, ippreżentat bħala prova permezz tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa vinkolanti fuq l-Istati Membri kollha tal-Unjoni u li l-kooperazzjoni internazzjonali hija waħda mill-għanijiet tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, li jissemmew fl-Artikolu 11(1) TUE. Permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kunsill irrisponda għall-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrent, li, permezz ta’ argumenti li essenzjalment huma identiċi għal dawk imsemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, huwa kkontesta l-possibbiltà li l-Kunsill jinvoka l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji fil-każ ta’ proċedura li tiżvolġi quddiem it-TKIJ. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li huwa biss fl-istadju tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kunsill invoka għall-ewwel darba r-riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif isostni r-rikorrent, fid-deċiżjoni kkontestata huma biss ir-rapporti li huma mħarsa bl-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, tali konstatazzjoni ma għandha ebda effett fuq il-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni, peress li fiha, il-Kunsill jiċħad l-aċċess għar-rapporti. Fil-fatt, fir-rikors tiegħu r-rikorrent ma żviluppa ebda raġuni jew argument li permezz tiegħu huwa sostna li l-Kunsill ma kienx wera li l-iżvelar tar-rapporti jirriskja li jeffettwa ħażin l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali jew li l-Kunsill ma kienx wettaq eżami konkret u individwali tar-rapporti.

97      Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

98      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn fiha ġie miċħud l-aċċess għad-dokumenti li ma humiex rapporti. Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun hemm bżonn la li tittieħed deċiżjoni dwar ir-raba’ motiv tiegħu u lanqas li tintlaqa’ l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrent, fil-posta tiegħu tas-6 ta’ Diċembru 2010.

99      Fir-rigward tat-talba għal esklużjoni tar-rappreżentanti tal-Kunsill mill-proċedura, b’applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 41(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi kkonstatat li l-aġir imputabbli għall-imsemmija aġenti, jiġifieri li ma infurmawx lill-Qorti Ġenerali bl-eżistenza tad-deċiżjoni Il-Prosekutur vs Ante Gotovina, Ivan Čermak u Mladen Markač (punt 18 iktar ’il fuq), f’dan il-każ ma jistax jikkostitwixxi raġuni ta’ esklużjoni mill-proċedura.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

101    Peress li kemm ir-rikorrent u l-Kunsill tilfu parzjalment, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta’ Diċembru 2009, li tirrifjuta li tagħti lil Ivan Jurašinović l-aċċess għad-deċiżjonijiet dwar it-trasmissjoni lit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja, tad-dokumenti li tagħhom huwa kien talab il-komunikazzjoni fil-kuntest tal-kawża ta’ Ante Gotovina u għall-korrispondenza kollha skambjata f’dan il-kuntest mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u din il-qorti, inklużi l-eventwali annessi, b’mod partikolari t-talbiet inizjali ta’ dokumenti li joriġinaw kemm minn din il-qorti kif ukoll mingħand l-avukati ta’ A. Gotovina, hija annullata sa fejn fiha, l-aċċess għall-korrispondenza skambjata mill-Kunsill u mill-imsemmija qorti, kif ukoll għad-dokumenti li ma humiex ir-rapporti stabbiliti mill-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Komunità Ewropea, annessi ma’ din il-korrispondenza, huwa rrifjutat.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Forwood

Dehousse

Prek

Schwarcz

 

       Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Ottubru 2012.

Firem


*  Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.