Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2010 - Ir-Renju ta' Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-67/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: M. Muñoz Pérez)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2(2009)9827 finali, tal-10 ta' Diċembru 2009, li tapplika korrezzjonijiet finanzjarji għall-parti tat-taqsima Gwida tal-FAEGG, allokata lill-programm operattiv CCI 2000.ES.16.1.PI.007 (Spanja, Castilla u León) skont il-miżura "titjib tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli" u

Tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Renju ta' Spanja jinvoka żewġ motivi li jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni:

L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur minħabba applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 1, minħabba li l-irregolaritajiet li mmotivaw il-korrezzjoni finanzjarja effettwata mill-Kummissjoni ma kinux eżistew, peress li l-awtoritajiet Spanjoli kienu sistematikament wettqu kontrolli f'waqthom tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għal għoti ta' sostenn previsti fl-Artikoli 26 u 28 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 2, u dan qabel l-għoti tal-imsemmi sostenn. Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-pjan ta' kontroll adottat mill-awtoritajiet Spanjoli wara ż-żjara ta' ispezzjoni ma kellux bħala għan li jikkumpensa a posteriori n-nuqqas ta' twettiq tal-kontrolli, iżda biss li jivverifika l-effettività tagħhom.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, fir-rigward tal-Linji gwida li jiddefinixxu l-prinċipji, il-kriterji u l-perċentwali indikattivi applikabbli mid-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jiġu stabbiliti l-korrezzjonijiet finanzjarji previsti fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 3, peress li l-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni, jekk kienu eżistew, ħaġa li l-Istat rikorrent jiċħad, jippermettu biss li tiġi imposta korrezzjoni finanzjarja proporzjonali għad-dannu li nħoloq għall-fondi tal-Unjoni, u, konsegwentement, inqas mir-rata ta' 5 % deċiża.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391).

3 - Dokument C(2001) 476 tat-2 ta' Marzu 2001.