Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Settembru 2008 - Artisjus Magyar Szerzői Jogvédő Iroda Egyesület vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-411/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Artisjus Magyar Szerzői Jogvédő Iroda Egyesület (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentanti: Z. Hegymegi-Barakonyi u P. Vörös, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 3 u 4(2) tad-deċiżjoni safejn jirrigwardaw lir-rikorrenti kif ukoll l-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni safejn jirreferi għall-Artikolu 3;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3435 finali tas-16 ta' Lulju 2008 (Każ COMP/C2/38/698 - CISAC) li tistabilixxi li l-membri ŻEE taċ-CISAC2 kienu involuti fi prattika miftiehma bi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 ŻEE, billi kkoordinaw id-delimitazzjonijiet territorjali tal-mandati ta' rappreżentazzjoni reċiproka mogħtija lil xulxin b'mod li jillimita liċenzja għat-territorju domestiku ta' kull soċjetà ta' ġestjoni kollettiva.

Ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tal-Artikoli 3 u 4(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw tliet forom speċifiċi ta' użu (internet, trażmissjoni bis-satellita u ritrażmissjoni bil-kejbil) sa fejn jikkonstataw li r-rikorrenti hija responsabbli għall-ksur tal-Artikolu 81 KE billi kkoordinat ma' membri oħra taċ-CISAC il-klawsoli ta' delimitazzjoni territorjali ta' ftehim ta' rappreżentazzjoni reċiproka b'mod li llimita liċenzja għat-territorju domestiku ta' kull soċjetà ta' ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ("SĠKD").

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta' erba' motivi, jiġifieri, nuqqas ta' kompetenza, ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali, il-ksur tat-Trattat KE u abbuż ta' poter mill-Kummissjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi adottat id-deċiżjoni kkontestata u billi tbegħdet fundamentalment mill-pożizzjoni tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 253 KE, minħabba li mhijiex immotivata kif jixraq u tonqos milli tidentifika l-punt tat-tluq tal-allegata prattika miftiehma.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 minħabba li l-Kummissjoni ma ressqitx provi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta' prattika miftiehma sal-istandard legali meħtieġ u konsegwentement naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova.

Ir-raba' nett, qiegħed jiġi sostnut li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 86(2) KE, minħabba li r-rikorrenti hija impriża li hija responsabbli għat-tħaddim ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u l-applikazzjoni tad-dritt tal-KE dwar il-kompetizzjoni kif prevista fid-deċiżjoni kkontestata tostakola l-qadi tad-doveri partikolari assenjati lilha.

Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni abbużat mill-poteri tagħha taħt l-Artikolu 81 KE billi evitat proċedura speċjalment prevista mit-Trattat KE sabiex tittratta ċ-ċirkustanzi tal-każ. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 151(4) KE minħabba li ma tirrispettax id-diversità kulturali. Fl-aħħar nett, qiegħed jiġi sostnut li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta' ċertezza legali sa fejn tirrikjedi komportament partikolari li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi.

____________

1 - Konfederazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta' Awturi u Kompożituri ("CISAC")

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003 L 1, p. 1)