Language of document : ECLI:EU:T:2023:618

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

11 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowance għal wild dipendenti – Allowances tal-edukazzjoni – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att – Ksur tat-terminu ta’ preskrizzjoni”

Fil-Kawża T‑529/22,

QT, irrappreżentata minn L. Levi, avukata,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn G. Faedo u J. Pawlowicz, bħala aġenti, assistiti minn A. Glavasevic u V. Wellens, avukati,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn J. Svenningsen, President, C. Mac Eochaidh, J. Laitenberger, J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur) u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑20 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrenti, QT, titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tat‑28 ta’ Settembru 2021 għall-irkupru tal-ammont ta’ EUR 61 186.61 imħallas indebitament bħala allowances tal-edukazzjoni, allowances għal wild dipendenti u vantaġġi relatati matul il-perijodu minn Lulju 2014 sa Ġunju 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rkupru”) kif ukoll tad-deċiżjoni tal-BEI tal‑20 ta’ Mejju 2022 li tiċħad l-appell amministrattiv tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-appell amministrattiv”) u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba dawn id-deċiżjonijiet.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti ilha membru tal-persunal tal-BEI mis‑16 ta’ Marzu 2006. Minn Lulju 2014 sa Ġunju 2017 inklużi, hija rċeviet, b’mod partikolari, allowances għal wild dipendenti u allowances tal-edukazzjoni (iktar ’il quddiem l-“allowances kontenzjużi”) għal binha għal taħriġ ta’ snorkelling f’apnea segwit minn dan tal-aħħar matul dan il-perijodu fi ħdan l-Apnea Academy West Europe, f’Adeje (Spanja).

3        Wara informazzjoni rċevuta mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) minn membru tal-persunal tal-BEI dwar irregolaritajiet potenzjali fl-għoti ta’ allowances tal-edukazzjoni u ta’ drittijiet idderivati fi ħdan il-BEI, f’Novembru 2017 dan fetaħ investigazzjoni li tikkonċerna 70 membru tal-persunal tal-BEI, fosthom ir-rikorrenti.

4        Fis‑16 ta’ April 2018, l-OLAF informa lir-rikorrenti bil-ftuħ ta’ investigazzjoni li tikkonċernaha.

5        Fis‑7 ta’ Diċembru 2020, l-OLAF ikkomunika lill-BEI r-rapport finali tiegħu, stabbilit fl‑4 ta’ Diċembru 2020, li kien jirrakkomanda lill-BEI jiftaħ, minn naħa, proċedura dixxiplinari fil-konfront tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, proċedura ta’ rkupru tal-allowances kontenzjużi kif ukoll vantaġġi derivati għall-perijodu minn Lulju 2014 sa Ġunju 2017.

6        Ir-rikorrenti ġiet informata bin-notifika lill-BEI tar-rapport tal-OLAF li jagħlaq l-investigazzjoni tiegħu u bir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Jannar 2021, li tindikalha wkoll li l-implementazzjoni taż-żewġ proċeduri kienet ser issir b’mod separat mill-BEI.

7        Permezz ta’ posta elettronika tal‑21 ta’ Ġunju 2021, il-BEI spjega fid-dettall is-somom li jikkostitwixxu l-ammont totali ta’ EUR 61 186.61 ikkalkolat mill-BEI bl-għan ta’ rkupru u stieden lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, li hija għamlet fis‑17 ta’ Awwissu 2021.

8        Fit‑28 ta’ Ġunju 2021, il-BEI nnotifika lir-rikorrenti bir-rapport finali tal-OLAF u kkonvokaha għal smigħ predixxiplinari.

9        Permezz ta’ posta elettronika tat‑28 ta’ Settembru 2021, il-BEI adotta d-deċiżjoni ta’ rkupru, permezz ta’ pjan ta’ clearance li permezz tiegħu s-somma ta’ EUR 565.79 għandha titnaqqas mis-salarju mensili tar-rikorrenti mix-xahar ta’ Settembru 2021 sax-xahar ta’ Diċembru 2030.

10      Fl‑20 ta’ Mejju 2022, il-BEI adotta d-deċiżjoni li tiċħad l-appell amministrattiv ippreżentat mir-rikorrenti fid‑29 ta’ Novembru 2021.

 Ittalbiet talpartijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ rkupru u d-deċiżjoni li tiċħad l-appell amministrattiv (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);

–        tikkundanna lill-BEI għar-rimbors tas-somom irkuprati, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata tal-interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda b’żewġ punti;

–        tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.

12      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha.

 Iddritt

 Fuq lgħan tattalbiet għal annullament

13      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba prekontenzjuża li tikkontesta att li jikkawża preġudizzju għandhom l-effett li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali dan l-att meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, KL vs BEI (T‑651/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:512, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      Madankollu, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ talba prekontenzjuża jista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermattiva tal-att ikkontestat. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba prekontenzjuża tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, fid-dawl ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatti ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn l-ipoteżi, iċ-ċaħda tat-talba prekontenzjuża tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodhom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tqishom att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li t-talbiet tagħha kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-appell amministrattiv huma ammissibbli sa fejn dokument ġdid ġie kkomunikat lilha, jiġifieri n-nota tal-fajl tas‑26 ta’ April 2022, annessa ma’ din id-deċiżjoni, b’risposta għal ilment ibbażat fuq difett ta’ inkompetenza tal-awtriċi tad-deċiżjoni ta’ rkupru.

16      Minkejja li d-deċiżjoni li tiċħad l-appell amministrattiv ma tbiddilx id-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ rkupru f’dak li jirrigwarda l-ammont u l-modalitajiet tagħha, din madankollu ma hijiex kompletament nieqsa minn kontenut awtonomu. Fil-fatt, filwaqt li tikkonferma d-deċiżjoni ta’ rkupru, id-deċiżjoni li tiċħad l-appell amministrattiv tinkludi motivi addizzjonali, b’risposta għal dan l-appell amministrattiv, li jippreċiżaw u jiddeċiedu dwar l-ilmenti invokati mir-rikorrenti, b’mod partikolari dak ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtriċi tad-deċiżjoni ta’ rkupru.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma tagħmilx distinzjoni fl-argumenti tagħha skont kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑18 ta’ Settembru 2018, Dreute vs Il-Parlament, T‑732/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:582, punt 42).

 Fuq ilmertu

 Fuq lewwel kap tattalbiet tarrikorrenti

18      Insostenn tat-talbiet għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtriċi tad-deċiżjoni ta’ rkupru, it-tieni, fuq il-ksur tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin prevista fl-Artikolu 16.3 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem id-“DA”), it-tielet, fuq il-ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet meħtieġa għal irkupru u, ir-raba’, fuq il-ksur tal-Artikoli 2.2.3 u 2.2.4 tad-DA kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

–       Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq linkompetenza talawtriċi taddeċiżjoni ta’ rkupru

19      L-ewwel motiv jinkludi essenzjalment żewġ partijiet, l-ewwel parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ suddelegazzjoni ta’ setgħat regolari mogħtija lill-Kap tad-Diviżjoni “Drittijiet individwali u ħlas” (iktar ’il quddiem il-“Kap ta’ Diviżjoni”) fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru u, it-tieni waħda, fuq l-assenza ta’ firma doppja tal-imsemmija deċiżjoni.

20      Fl-ewwel lok, il-BEI jsostni li d-deċiżjoni ta’ rkupru effettivament ġiet adottata mill-Kap tad-Diviżjoni bis-saħħa ta’ suddelegazzjoni ta’ setgħat, ikkonfermata a posteriori min-nota fil-fajl tas‑26 ta’ April 2022. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-posta elettronika li tinkludi din id-deċiżjoni ntbagħtet barra mill-kuntest ta’ suddelegazzjoni ddefinit mir-regoli tagħha, li ma jsemmux id-deċiżjonijiet ta’ rkupru wara investigazzjonijiet tal-OLAF.

21      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet jaqblu li l-awtorità kompetenti fi ħdan il-BEI sabiex tadotta deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ somom indebiti hija, bħala prinċipju, id-Direttriċi Ġenerali tal-Persunal. Huwa wkoll paċifiku li l-awtriċi tad-deċiżjoni ta’ rkupru kkontestata ma hijiex id-Direttriċi Ġenerali tal-Persunal iżda l-Kap tad-Diviżjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-BEI, għal dan l-għan, din tal-aħħar irċeviet suddelegazzjoni ta’ setgħat regolari min-naħa tal-imsemmija direttriċi.

22      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-delega ta’ setgħat ma hijiex preżunta u li, anki jekk tkun awtorizzata li tiddelega s-setgħat tagħha, l-awtorità li tiddelega għandha tieħu deċiżjoni espliċita li tittrasferixxihom u d-delega tista’ tirrigwarda biss setgħat ta’ eżekuzzjoni, iddefiniti b’mod preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja, 9/56, EU:C:1958:7, p. 42 sa 44, 46 u 47, u tas‑26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, EU:C:2005:306, punt 43).

23      F’dan il-każ, il-BEI ppreċiża waqt is-seduta li s-suddelegazzjoni ta’ setgħat li bis-saħħa tagħha l-Kap ta’ Diviżjoni adottat id-deċiżjoni ta’ rkupru kienet suddelegazzjoni mhux bil-miktub. Madankollu, din is-suddelegazzjoni tirriżulta mill-ittra tad-Direttriċi Ġenerali tal-Persunal lir-rikorrenti tad‑29 ta’ Jannar 2021 li tħabbar lil din tal-aħħar l-intenzjoni tagħha li tipproċedi għall-irkupru kif ukoll il-qbil tal-imsemmija direttriċi msemmi espliċitament fid-deċiżjoni ta’ rkupru.

24      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi tal-proċess ma jippermettux li tiġi ssostanzjata l-eżistenza ta’ tali suddelegazzjoni.

25      Fil-fatt, il-kontenut tal-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2021 tad-Direttriċi Ġenerali tal-Persunal ma jurix li din tal-aħħar iddeċidiet li tissuddelega l-eżekuzzjoni materjali tal-irkupru tal-allowances kontenzjużi lis-servizzi taħt id-direzzjoni tagħha, li minnhom tifforma parti l-unità “Drittijiet individwali u ħlas”. Din l-ittra sempliċement tinforma lir-rikorrenti bir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF wara l-investigazzjoni tiegħu li tikkonċernaha, bl-intenzjoni tal-BEI li jieħu azzjoni kemm jista’ jkun malajr u li jimplementa dawn ir-rakkomandazzjonijiet b’mod separat.

26      Barra minn hekk, ir-riferiment, fid-deċiżjoni ta’ rkupru, għal qbil tad-Direttriċi Ġenerali tal-Persunal ma’ din id-deċiżjoni ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għal deċiżjoni espliċita, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, meħuda mill-imsemmija Direttriċi Ġenerali li tittrasferixxi lill-Kap tal-Diviżjoni s-setgħa li teżegwixxi l-proċedura ta’ rkupru rrakkomandata mill-OLAF. Barra minn hekk, din id-Direttriċi Ġenerali ma tinsabx fost id-destinatarji f’kopja tal-ittra elettronika li permezz tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ rkupru.

27      Fir-rigward tan-nota tal-fajl tas‑26 ta’ April 2022 li permezz tagħha d-Direttriċi Ġenerali tal-Persunal ikkonfermat li ssuddelegat lill-Kap ta’ Diviżjoni s-setgħa li tadotta d-deċiżjoni ta’ rkupru, il-BEI stess irrikonoxxa, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-seduta, li din ma setgħetx tikkostitwixxi suddelegazzjoni ta’ setgħat regolari, peress li din kienet ġiet stabbilita wara l-imsemmija deċiżjoni.

28      Għaldaqstant, sa fejn is-suddelegazzjoni ta’ setgħat ma hijiex stabbilita, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni ta’ rkupru ġiet adottata minn awtorità inkompetenti.

29      Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta, ċertament, li deċiżjoni meħuda minn awtorità li ma għandhiex kompetenza minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ tqassim tas-setgħat mogħtija lilha tista’ tiġi annullata biss jekk in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija regoli jippreġudika waħda mill-garanziji mogħtija lill-uffiċjali mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea jew mir-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal (sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 1973, Drescig vs Il-Kummissjoni, 49/72, EU:C:1973:58, punt 13; tas‑7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il-Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, EU:T:2007:37, punt 68, u tas‑17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs BĊE, T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817, punt 52).

30      Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li r-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal jirrikjedu b’mod partikolari li t-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan l-istituzzjonijiet ikun iddefinit u ppubblikat b’mod ċar. L-istess obbligu japplika għall-organi tal-BEI, li bl-ebda mod ma jinsabu f’sitwazzjoni distinta minn dik li jinsabu fiha l-organi ta’ tmexxija tal-korpi u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni oħrajn fir-relazzjonijiet tagħhom mal-aġenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs BĊE (T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Issa, kif jirriżulta mill-punti 22 sa 28 iktar ’il fuq, l-allegata kompetenza tal-awtriċi tad-deċiżjoni ta’ rkupru ma kinitx ġiet iddefinita b’mod ċar, u lanqas ippubblikata.

32      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni ta’ rkupru hija vvizzjata b’difett ta’ inkompetenza li ppreġudika r-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal, u li l-imsemmija deċiżjoni għandha tiġi annullata fl-intier tagħha. Konsegwentement, id-deċiżjoni li tiċħad l-appell amministrattiv tar-rikorrenti hija wkoll ivvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn din ikkonkludiet li l-Kap ta’ Diviżjoni kienet kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni ta’ rkupru.

33      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’ mingħajr ma hemm bżonn li tiġi analizzata t-tieni parti dwar l-iffirmar doppju.

34      Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq, sabiex tiġi ggarantita amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jiġi eżaminat ukoll it-tieni motiv.

–       Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talpreskrizzjoni ta’ ħames snin

35      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-BEI kiser it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 16.3 tad-DA meta pproċeda għall-irkupru tal-allowances kontenzjużi li tħallsu lilu minn Lulju 2014 sa Ġunju 2017. Fil-fatt, skont il-preskrizzjoni ta’ ħames snin imsemmija iktar ’il fuq, l-irkupru ma setax jirrigwarda s-somom imħallsa qabel it‑28 ta’ Settembru 2016, jiġifieri ħames snin qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru.

36      Il-BEI jsostni, għall-kuntrarju, li l-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-OLAF neċessarjament wassal għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-allowances kontenzjużi, mid-data li fiha r-rikorrenti ġiet informata bil-ftuħ ta’ investigazzjoni fir-rigward tagħha, fis‑16 ta’ April 2018, u sar-rapport finali tal-OLAF, fl‑4 ta’ Diċembru 2020, li ġie nnotifikat lilha fis‑7 ta’ Diċembru 2020.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, b’mod analogu għal dak li jipprevedi l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), l-Artikolu 16.3 tad-DA jipprovdi dan li ġej:

“16.3 Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament

L-ammonti mħallsa indebitament lil membru tal-persunal jew lill-aventi kawża tiegħu taħt dawn id-[DA] jagħtu lok għal irkupru jekk il-benefiċjarju kien jaf bl-irregolarità tal-ħlas jew jekk din l-irregolarità kienet tant evidenti li ma setax ma jindunax biha.

L-irkupru jista’ jitqassam fuq diversi xhur. Ma għandux ikun iktar minn ħamsa tas-salarju bażiku tal-membru tal-persunal fix-xahar.

L-irkupru għandu jiġi implimentat fi żmien ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun tħallas indebitament, sakemm il-[BEI] ma jkunx jista’ jistabbilixxi li l-benefiċjarju jkun deliberatament qarraq bl-amministrazzjoni bl-għan li jikseb il-ħlas tal-ammont ikkunsidrat. F’dan il-każ, anki jekk ikun għadda l-perijodu ta’ ħames snin, it-talba għall-irkupru ma tistax tiġi invalidata.”

38      F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi ppreċiżat li l-BEI ma jsostnix li l-każ inkwistjoni jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16.3(3) tad-DA. Min-naħa l-oħra, il-BEI ifakkar fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti deliberatament qarrqitx bih sabiex tikseb il-ħlas tal-allowances kontenzjużi għandha tiġi deċiża fil-kuntest ta’ eventwali proċedura dixxiplinari li ser tiġi mmexxija b’mod separat minn dik għall-irkupru. Waqt is-seduta, huwa indika lill-Qorti Ġenerali li kien fetaħ tali proċedura, li kienet għadha pendenti f’din id-data.

39      Min-naħa l-oħra, il-BEI jikkunsidra li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li japplika f’dan il-każ ġie interrott matul il-perijodu tal-investigazzjoni tal-OLAF. Tali interruzzjoni tista’ tiġi dedotta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), b’mod partikolari mill-Artikolu 5(3) tiegħu. Huwa jsostni li, abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, sakemm l-OLAF ikun qiegħed iwettaq investigazzjoni interna, il-korpi u l-organi ma għandhomx jiftħu investigazzjoni parallela fuq l-istess fatti. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-OLAF ordnalu formalment, permezz ta’ posta elettronika tal‑14 ta’ Ġunju 2018, li jastjeni milli jwettaq investigazzjonijiet paralleli sakemm l-imsemmija investigazzjoni ma tkunx ingħalqet. B’hekk, huwa jallega li kien fl-inkapaċità totali li jaġixxi, b’tali mod li l-preskrizzjoni ma setgħetx tiddekorri fil-konfront tiegħu.

40      Il-BEI jsostni wkoll li l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin bil-ftuħ ta’ investigazzjoni tal-OLAF hija meħtieġa skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 13 TUE. Fil-fehma tiegħu, soluzzjoni kuntrarja twassal sabiex iċċaħħdu minn kull possibbiltà li jirkupra somom imħallsa indebitament lill-aġenti tiegħu kull darba li l-imsemmija somom ikunu s-suġġett ta’ investigazzjoni twila u kumplessa tal-OLAF.

41      Fl-aħħar nett, il-BEI jikkunsidra li l-prinċipju ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin f’każ ta’ investigazzjoni tal-OLAF ġie milqugħ mill-ġurisprudenza abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”. Fil-fehma tiegħu, għalhekk ftit jimporta jekk huwa kellux jew le regola ta’ dritt pożittiv li tipprevedi tali interruzzjoni.

42      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont il-ġurisprudenza, terminu ta’ preskrizzjoni għandu l-funzjoni li jiżgura ċ-ċertezza legali u li dan ir-rekwiżit fundamentali jipprekludi lill-amministrazzjoni milli ddum indefinittivament biex teżerċita s-setgħat tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, DI vs BĊE, T‑514/19, EU:T:2021:332, punt 58).

43      Issa, sabiex jissodisfa l-funzjoni tiegħu li jiżgura ċ-ċertezza legali, terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi ffissat minn qabel u l-iffissar tat-tul tiegħu kif ukoll tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu jaqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, EU:C:1970:71, punti 19 u 20; ara, ukoll, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, EJ vs BEI, T‑585/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:142, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-verità, il-preskrizzjoni, billi ma tħallix li sitwazzjonijiet li jkunu ġew ikkonsolidati bil-mogħdija taż-żmien jiġu suġġetti għal stħarriġ b’mod indefinit issaħħaħ iċ-ċertezza legali, hija tista’ wkoll tippermetti li jiġu kkonsolidati sitwazzjonijiet li kienu, tal-inqas fiż-żmien meta seħħew, kontra l-liġi. Għaldaqstant, il-portata tal-użu tal-preskrizzjoni tirriżulta minn ibbilanċjar bejn ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali u dawk tal-legalità, li jiddependi miċ-ċirkustanzi storiċi u soċjali prevalenti fis-soċjetà fi żmien partikolari. Għal din ir-raġuni, hija taqa’ taħt l-għażla tal-leġiżlatur biss, u, ladarba terminu ta’ preskrizzjoni jkun ġie stabbilit minnu, il-qorti ma tistax tissostitwixxih b’terminu ieħor f’kawża partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, ON vs Il-Kummissjoni (T‑730/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:155, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 16.3 tad-DA jirriżulta li l-BEI għandu jipproċedi għall-irkupru ta’ somom imħallsa indebitament lil wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu f’terminu ta’ ħames snin mill-ħlas tagħhom, ħlief fejn tiġi stabbilita l-intenzjoni tal-membru tal-persunal inkwistjoni li jqarraq bih sabiex jikseb dan il-ħlas.

45      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 16.3 tad-DA ma jinkludi ebda riferiment dwar l-interruzzjoni jew is-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex jitwettaq irkupru fil-każ ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni mill-OLAF dwar il-fatti li wasslu għal dan l-irkupru.

46      Għaldaqstant, iċ-ċertezza legali tipprekludi li l-BEI jkun jista’ jinvoka l-ftuħ tal-investigazzjoni tal-OLAF fir-rigward ta’ membru tal-persunal sabiex isostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni ġie interrott jew sospiż.

47      Fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 883/2013, dan jipprovdi li “waqt li l-[OLAF] qed iwettaq investigazzjoni interna, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji kkonċernati ma għandhomx jiftħu investigazzjoni parallela dwar l-istess fatti, sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor mal-[OLAF]”.

48      Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ somom imħallsa indebitament ma tistax titqies li hija investigazzjoni.

49      F’dak li jirrigwarda l-argument tal-BEI bbażat fuq il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kooperazzjoni leali u b’mod iktar partikolari l-allegata ordni magħmula lill-BEI mill-OLAF fil-posta elettronika tal‑14 ta’ Ġunju 2018, għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut ta’ din il-posta elettronika ma jippermettix li jiġi dedott li l-OLAF kien espressament talab lill-BEI sabiex ma jibdiex proċedura għall-irkupru tal-allowances kontenzjużi. Barra minn hekk, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-BEI indika li ma kienx ikkonsulta lill-OLAF f’dan ir-rigward.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma kien jipprekludi lill-BEI milli jipproċedi għall-irkupru tas-somom li huwa qies li kien ħallas indebitament lir-rikorrenti qabel it-tmiem tal-investigazzjoni tal-OLAF li tikkonċernaha.

51      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BEI, l-assenza ta’ effett interruttiv jew sospensiv tal-investigazzjonijiet tal-OLAF fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 16.3 tad-DA ma għandux l-effett li jċaħħad lill-BEI minn kull possibbiltà ta’ rkupru ta’ somom imħallsa indebitament fil-każ ta’ investigazzjoni twila u kumplessa tal-OLAF dwar ir-regolarità ta’ tali ħlasijiet u ma jiksirx ir-rekwiżit li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

52      Fi kwalunkwe każ, il-BEI kellu jadotta regola li tipprevedi tali interruzzjoni jew tali sospensjoni fil-kuntest leġiżlattiv tiegħu.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, ħlief bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-BEI li l-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba jiġġustifikaw li huwa jipproċedi għall-irkupru tal-allowances kontenzjużi lil hinn mit-terminu ta’ ħames snin previst mill-Artikolu 16.3 tad-DA.

54      Konsegwentement, fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru, il-BEI, bħala prinċipju, ma kellux iktar id-dritt li jirkupra s-somom li kienu tħallsu lir-rikorrenti, bħala allowances kontenzjużi, sat‑28 ta’ Settembru 2016. L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma humiex tali li jikkontestaw din il-konklużjoni.

55      Fil-fatt, għandu jiġi miċħud l-argument tal-BEI li r-rikorrenti kienet konxja, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, li l-eliġibbiltà tagħha għall-benefiċċju tal-allowances kontenzjużi kienet ikkontestata mill-amministrazzjoni, peress li l-Artikolu 16.3 tad-DA ma jipprevedix interruzzjoni jew sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni f’tali ipoteżi. Barra minn hekk, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta mingħajr ambigwità li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ħames snin għall-irkupru ta’ somom indebiti huwa l-ħlas tagħhom u mhux id-data li fiha l-benefiċjarju sar jaf bin-natura irregolari tagħhom.

56      L-istess jgħodd għall-analoġija magħmula mill-BEI mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Permezz ta’ dan l-argument, il-BEI jirreferi għas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il-Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155), li aċċettat il-prinċipju ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin fil-każ ta’ investigazzjoni tal-OLAF, mingħajr ma ġie direttament ikkontestat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Diċembru 2021, HG vs Il-Kummissjoni (T‑693/16 P RENV-RX, EU:T:2021:895). Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx applikabbli għat-tilwima fl-imsemmija kawża. Fil-fatt, l-oriġini ta’ din il-kawża ma kinitx tinsab fil-ħlas ta’ somom indebiti lill-uffiċjal inkwistjoni iżda fid-dannu finanzjarju li huwa kien ikkawża lill-amministrazzjoni bl-aġir tiegħu. Barra minn hekk, mill-imsemmija sentenza jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-Qorti Ġenerali qieset li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin applikabbli għall-krediti tal-Unjoni lejn terzi skont ir-Regolament Finanzjarju, li jibda jiddekorri mill-konstatazzjoni ta’ tali kreditu u huwa interrott minn kull att intiż għall-irkupru tiegħu, ma setax japplika, kemm jekk b’applikazzjoni diretta kif ukoll bħala parametru tat-terminu raġonevoli. Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-preskrizzjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tikkonċerna biss fażi sussegwenti għall-konstatazzjoni tal-kreditu, u mhux fażi preċedenti, bħall-perijodu li matulu seħħew il-fatti li taw lok għal dan il-kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2021, HG vs Il-Kummissjoni, T‑693/16 P RENV-RX, EU:T:2021:895, punti 129 u 130).

57      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati bi ksur tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 16.3 tad-DA, fir-rigward tas-somom imħallsa lir-rikorrenti sat‑28 ta’ Settembru 2016.

58      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li t-tieni motiv għandu wkoll jiġi miċħud. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq ittieni kap tattalbiet tarrikorrenti

59      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tas-somom irkuprati skont id-deċiżjonijiet ikkontestati, miżjuda bl-interessi moratorji stabbiliti bir-rata tal-BĊE stess miżjuda b’żewġ punti. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-talba tagħha kienet intiża sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija mill-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

60      Il-BEI jikkontesta n-natura neċessarja tal-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sa fejn il-miżuri li jinkludu annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżultaw fir-rimbors tas-somom irkuprati skont l-imsemmija deċiżjonijiet.

61      Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, li l-Qorti Ġenerali ma tistax teżerċita l-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma tneħħi l-effett utli tal-obbligu tal-BEI li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE. Fil-fatt, bħala konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, huwa l-BEI li għandu jieħu deċiżjoni ġdida, li tista’ tieħu forom differenti, fatt li l-Qorti Ġenerali ma tistax tippreġudika billi tiddeċiedi dwar it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-talba għad-danni tar-rikorrenti tiġi miċħuda.

 Fuq lispejjeż

63      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

64      Peress li l-BEI tilef fil-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż f’konformità mat-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tat28 ta’ Settembru 2021 għall-irkupru tal-ammont ta’ EUR 61 186.61, imħallsa indebitament lil QT bħala allowances tal-edukazzjoni, allowances għal wild dipendenti u vantaġġi relatati matul il-perijodu li jmur lil hinn minn Lulju 2014 sa Ġunju 2017 kif ukoll id-deċiżjoni tal-BEI tal20 ta’ Mejju 2022 li tiċħad l-appella amministrattiv tagħha huma annullati.

2)      It-talba għal kumpens hija miċħuda.

3)      Il-BEI hija kkundannata għall-ispejjeż.

Svenningsen

Mac Eochaidh

Laitenberger

J. Martín y Pérez de Nanclares

 

      Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑11 ta’ Ottubru 2023.

Firem


*