Language of document : ECLI:EU:C:2017:503

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

29 ta’ Ġunju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv – Artikolu 4(6) – Impenn tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxi l-piena skont id-dritt nazzjonali tiegħu – Implementazzjoni – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawża C‑579/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura rigward l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Daniel Adam Popławski,

fil-preżenza ta’

Openbaar Ministerie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D. A. Popławski, minn P. J. Verbeek, advocaat,

–        għall-Openbaar Ministerie, minn K. van der Schaft u J. Asbroek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u B. Koopman kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) maħruġ mis-Sąd Rejonowy w Poznaniu (qorti reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja) kontra Daniel Adam Popławski għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, fil-Polonja, ta’ piena ta’ priġunerija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

3        Il-premessi 6 u 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(6)      Il-[MAE] previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

[...]

(11)      Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-[MAE] għandu jibdel kull istrument ta’ qabel dwar l-estradizzjoni, inklużi d-disposizzjonijiet tat-Titolu III tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen [, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9)] li huma dwar l-estradizzjoni.”

4        L-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe [MAE] fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għall-obbligazzjoni li ma jiġix esegwit [MAE]”, jipprevedi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-[MAE]:

[...]

6)      jekk il-[MAE] ġie maħruġ għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta tal-Istat Membru li jesegwixxi u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi s-sentenza jew ordni ta’ detenzjoni skont il-liġi domestika tiegħu;

[...]”

 Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI

6        L-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni (ĠU 2008, L 327, p. 27), intitolat “Dispożizzjoni transitorja”, jipprevedi:

“1.      Talbiet riċevuti qabel il-5 ta’ Diċembru 2011 għandhom jibqgħu jiġu rregolati skond l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati. Talbiet li jaslu wara dik id-data għandhom jiġu rregolati minn regoli adottati mill-Istati Membri skont din id-Deċiżjoni Qafas.

2.      Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jagħmel dikjarazzjoni fejn jindika li, f’każijiet fejn is-sentenza finali tkun ġiet mogħtija qabel id-data li tispeċifika, bħala Stat emittenti u ta’ esekuzzjoni, hu jkompli japplika l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati applikabbli qabel il-5 ta’ Diċembru 2011. Jekk issir tali dikjarazzjoni, dawk l-istrumenti għandhom japplikaw f’tali każijiet fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-oħra kollha irrispettivament minn jekk ikunux għamlu l-istess dikjarazzjoni jew le. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011. Id-dikjarazzjoni msemmija għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.”

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

7        L-Artikolu 6 tal-Overleveringswet (liġi dwar il-konsenja), tad-29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, Nru 195), li tittrasponi fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fil-verżjoni tagħha applikabbli sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet Olandiżi rigward l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (iktar ’il quddiem l-“OLW”), kien jipprevedi:

“1.      Il-konsenja ta’ persuna Olandiża tista’ tiġi awtorizzata sakemm tintalab għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali mmexxija kontriha u, skont l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, sakemm jiġi ggarantit li, jekk tiġi kkundannata b’sentenza ta’ detenzjoni inkundizzjonata fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat minħabba l-fatti li għalihom tista’ tiġi awtorizzata l-konsenja, hija tista’ teħel din il-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2.      Il-konsenja ta’ persuna Olandiża ma hijiex permessa jekk din il-konsenja tintalab għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ detenzjoni li tkun ingħatat b’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.

3.      Fil-każ li l-konsenja tiġi rrifjutata esklużivament abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) [...], l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu jinforma lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat li huwa lest jieħu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sentenza skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tal-konvenzjoni fuq it-trasferimenti ta’ persuni kkundannati[, iffirmata fi Strasbourg fil-21 ta’ Marzu 1983] jew abbażi ta’ konvenzjoni applikabbli oħra.

4.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu jinforma immedjatament lill-Ministru tagħna [...] b’kull rifjut ta’ konsenja kkomunikata flimkien mad-dikjarazzjoni, prevista fil-paragrafu 3, li tipprovdi li l-Pajjiżi l-Baxxi huma disposti li jibdew l-eżekuzzjoni tas-sentenza barranija.

5.      Il-paragrafi 1 sa 4 japplikaw ukoll għal barrani li jkollu permess ta’ residenza għal terminu indeterminat, inkwantu huwa jista’ jiġi mħarrek fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-fatti li minħabba fihom joħroġ il-[MAE] u inkwantu huwa mistenni li l-persuna barranija ma titlifx id-dritt ta’ residenza tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi wara s-sentenza jew il-piena li tingħata wara l-konsenja.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Frar 2007, li saret definittiva fit-13 ta’ Lulju 2007, is-Sąd Rejonowy w Poznaniu (qorti reġjonali ta’ Poznań) ikkundannat lil D. A. Popławski, ċittadin Pollakk, għal sena priġunerija sospiża. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2010, l-istess qorti ordnat l-eżekuzzjoni tal-piena.

9        Fis-7 ta’ Ottubru 2013, l-imsemmija qorti ħarġet MAE kontra D. A. Popławski għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena.

10      Fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, rigward l-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE, ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) tistaqsi jekk għandhiex tapplika l-Artikolu 6(2) u (5) tal-OLW, li jipprevedi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE li tibbenefika, b’mod partikolari, lil persuni li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi, li huwa l-każ ta’ D. A. Popławski.

11      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, taħt l-Artikolu 6(3) tal-OLW, il-Pajjiżi l-Baxxi, meta jirrifjutaw li jeżegwixxu MAE, jiddikjaraw li huma “dispost[i]” li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena fuq il-bażi ta’ konvenzjoni li torbot lil dan l-Istat mal-Istat Membru emittenti. Hija tispeċifika li tali teħid ta’ responsabbiltà jiddependi, fil-kawża prinċipali, fuq talba fformulata f’dan is-sens mill-Polonja. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Pollakka tipprekludi tali talba fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun ċittadina Pollakka.

12      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, f’sitwazzjoni bħal din, rifjut ta’ konsenja jista’ jwassal għall-impunità tal-persuna kkonċernata mill-MAE. Fil-fatt, wara l-għoti tas-sentenza li tirrifjuta l-konsenja, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena jista’ jirriżulta impossibbli, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ talba f’dan is-sens li ġejja mill-Istat Membru emittenti, u din l-impossibbiltà ma jkollha l-ebda impatt fuq is-sentenza li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta.

13      Filwaqt li esprimiet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, dubji dwar il-konformità tal-Artikolu 6(2) sa (4) tal-OLW mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jippermetti r-rifjut tal-konsenja biss jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni “jimpenja ruħu” li jeżegwixxi l-piena b’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Stat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jimplementa [l-Artikolu 4(6) ta]d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt intern tiegħu b’tali mod li:

–        l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tiegħu jkollha l-obbligu pur u sempliċi li tirrifjuta l-konsenja ta’ ċittadin jew residenti tal-imsemmi Stat Membru għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza,

–        dan ir-rifjut għandu, ipso jure, l-effett li l-imsemmi Stat Membru huwa dispost li jieħu r-responsabbiltà li jeżegwixxi s-sentenza ta’ kustodja imposta kontra dan iċ-ċittadin jew resident,

–        iżda li d-deċiżjoni li jieħu r-responsabbiltà li jeżegwixxi s-sentenza tittieħed biss wara r-rifjut u li deċiżjoni pożittiva tiddependi fuq 1) l-eżistenza ta’ bażi legali f’konvenzjoni li torbot l-Istat Membru emittenti u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, 2) ir-rekwiżiti imposti f’din il-konvenzjoni, u 3) il-kollaborazzjoni tal-Istat Membru emittenti, permezz ta’, pereżempju, talba għal dan il-għan,

hekk li jeżisti riskju li l-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat ma jistax, wara rifjut ta’ konsenja, jieħu r-responsabbiltà li jeżegwixxi s-sentenza, peress li huwa intiż li tali riskju ma jaffettwax l-obbligu li tiġi rrifjutata l-konsenja għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda numru 1:

a)      il-qorti nazzjonali tista’ tapplika direttament id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584 anki jekk, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżittorji, [ĠU 2012, C 326, p. 322], l-effetti legali tal-imsemmija deċiżjoni qafas għandhom, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jinżammu fis-seħħ sakemm id-deċiżjoni qafas tiġi mħassra, annullata jew emendata, u

b)      f’każ ta’ risposta pożittiva, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni [Kwadru] Qafas 2002/584 huwa preċiż biżżejjed u mingħajr kundizzjoni sabiex jiġi applikat mill-qorti nazzjonali?

3)      Fil-każ li r-risposti għad-domandi 1 u 2(b) jkunu negattivi: Stat Membru li d-dritt intern tiegħu jissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà li jeżegwixxi s-sentenza ta’ kustodja deċiża f’pajjiż ieħor għall-eżistenza ta’ bażi legali f’konvenzjoni internazzjonali li tirregola din id-domanda jista’ jimplementa l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584 fid-dritt intern tiegħu billi jinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li hija tipprovdi hija stess il-bażi legali konvenzjonali meħtieġa, u dan sabiex tipprevjeni r-riskju ta’ impunità marbut mal-imsemmi rekwiżit ta’ bażi legali konvenzjonali, kif previst fid-dritt intern (ara d-domanda I)?

4)      Fil-każ li r-risposti għad-domandi 1 u 2(b) jkunu negattivi: Stat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jimplementa l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584 fid-dritt intern tiegħu b’mod li: huwa jimponi bħala rekwiżit għal rifjut tal-konsenja ta’ resident li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkollu ġurisdizzjoni jiddeċiedi dwar ksur imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew u li ma jkunx hemm ostakoli fil-prattika (bħar-rifjut tal-Istat Membru emittenti li jittrażmettilu l-proċess kriminali) sabiex tittieħed azzjoni [...] kontra dan ir-resident fit-territorju tiegħu minħabba f’dan il-ksur, filwaqt li huwa ma jimponix tali rekwiżit għar-rifjut ta’ konsenja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjoni preliminari

14      Id-domandi preliminari jirrigwardaw il-konformità, mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma għadhiex fis-seħħ minħabba li tħassret u ġiet issostitwita bil-miżuri nazzjonali intiżi għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

15      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tibqa’ applikabbli fil-kawża prinċipali fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, abbażi tal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għamel dikjarazzjoni li tindika, essenzjalment, li ser jibqa’ japplika għas-sentenzi li saru definittivi qabel il-5 ta’ Diċembru 2011, bħal dik iddikjarata kontra D. A. Popławski, l-istrumenti legali preċedenti għal din id-deċiżjoni qafas fil-qasam ta’ trasferiment ta’ persuni kkundannati. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tikkontesta l-validità ta’ din id-dikjarazzjoni kif ukoll id-dikjarazzjoni analoga magħmula mir-Repubblika tal-Polonja, u tqis li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kontra ta’ dak li tqis il-qorti tar-rinviju, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw id-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

16      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fil-prinċipju hija għandha tillimita l-eżami tagħha għall-elementi ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju tkun iddeċidiet li tissottomettilha fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. B’dan il-mod, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mas-sitwazzjoni li l-imsemmija qorti tqis bħala stabbilita (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck, C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minbarra dan, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata abbażi tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha.

 Fuq l-ewwel domanda

18      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplementa din id-dispożizzjoni, li, fil-każ fejn il-konsenja ta’ ċittadin barrani li jkollu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tintalab minn Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta fuq dan iċ-ċittadin permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva, minn naħa, ma tawtorizzax tali konsenja u, min-naħa l-oħra, sempliċement tipprevedi l-obbligu għall-awtoritajiet ġudizzjarji tal-ewwel Stat Membru li jgħarrfu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-tieni Stat Membru li huma lesti li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, mingħajr ma, fid-data tar-rifjut tal-konsenja, jiġi żgurat it-teħid ta’ responsabbiltà effettiv għall-eżekuzzjoni u mingħajr ma, barra minn hekk, fl-ipoteżi li dan it-teħid ta’ responsabbiltà jirriżulta sussegwentement li huwa impossibbli, tali rifjut ikun jista’ jiġi kkontestat.

19      F’dan ir-rigward, jirriżulta, qabel kollox, mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li din tistabbilixxi l-prinċipju li l-Istati Membri jeżegwixxu l-MAE kollha abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu, bħalma diġà ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti minn din id-deċiżjoni qafas, u l-eżekuzzjoni tal-MAE tista’ tiġi suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti mill-imsemmija deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 80 u 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-MAE tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett.

20      Imbagħad, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-MAE, li tgħid li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi “tista’” tirrifjuta li teżegwixxi MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija meta, b’mod partikolari, il-persuna rikjesta tirrisjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, u meta dan l-Istat “jintrabat” li jeżegwixxi din il-piena skont id-dritt nazzjonali tiegħu.

21      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta, bħalma osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, meta Stat Membru jkun għażel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu madankollu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi l-eżekuzzjoni tal-MAE. F’dan ir-rigward, din l-awtorità għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-għan segwit permezz tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiġi permessa tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà ta’ żieda fl-opportunitajiet ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tal-persuna rikjesta mal-iskadenza tal-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge, C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta wkoll li kull rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE jippreżupponi impenn reali mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxi l-piena ta’ priġunerija ddikjarata kontra l-persuna rikjesta, b’tali mod li, f’kull każ, is-sempliċi fatt li dan l-Istat jiddikjara ruħu “dispost” li jeżegwixxi din il-piena ma jistax jitqies tali li jiġġustifika tali rifjut. Minn dan jirriżulta li kull rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE għandu jkun ippreċedut mill-verifika, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-possibbiltà tal-eżekuzzjoni reali tal-piena b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tagħha. Fil-każ fejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun jinsab fl-impossibbiltà li jintrabat li jeżegwixxi effettivament il-piena, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha teżegwixxi l-MAE u, għaldaqstant, tikkonsenja l-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti.

23      Għaldaqstant, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplementa l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 billi tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tiegħu huma f’kull każ obbligati li jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ MAE fil-każ li l-persuna rikjesta tkun tirrisjedi f’dan l-Istat Membru, mingħajr ma dawn l-awtoritajiet ikollhom l-ebda tip ta’ marġni ta’ diskrezzjoni u mingħajr ma l-imsemmi Stat Membru jintrabat sabiex jeżegwixxi effettivament il-piena ta’ priġunerija ddikjarata kontra din il-persuna rikjesta, u b’hekk toħloq riskju ta’ impunità tal-imsemmija persuna rikjesta, ma tistax titqies li hija konformi mal-imsemmija deċiżjoni qafas.

24      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplementa din id-dispożizzjoni, li, fil-każ fejn il-konsenja ta’ ċittadin barrani li jkollu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tintalab minn Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta fuq dan iċ-ċittadin permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva, minn naħa, ma tawtorizzax tali konsenja u, min-naħa l-oħra, sempliċement tipprevedi l-obbligu għall-awtoritajiet ġudizzjarji tal-ewwel Stat Membru li jgħarrfu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-tieni Stat Membru li huma lesti li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, mingħajr ma, fid-data tar-rifjut tal-konsenja, jiġi żgurat it-teħid ta’ responsabbiltà effettiv għall-eżekuzzjoni u mingħajr ma, barra minn hekk, fl-ipoteżi li dan it-teħid ta’ responsabbiltà jirriżulta sussegwentement li huwa impossibbli, tali rifjut ikun jista’ jiġi kkontestat.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

25      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhomx effett dirett u jekk, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, id-dritt Olandiż jistax ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni fis-sens li, meta Stat Membru jissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għall-eżistenza ta’ bażi legali f’konvenzjoni internazzjonali, l-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas jikkostitwixxi fih innifsu l-bażi konvenzjonali meħtieġa mid-dritt nazzjonali.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma għandhiex effett dirett. Fil-fatt, din id-deċiżjoni qafas ġiet adottata abbażi tat-tielet pilastru preċedenti tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, b’applikazzjoni tal-Artikolu 34(2)(b) UE (fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona). Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi li d-deċiżjonijiet qafas ma jistgħux iwasslu għal effett dirett (ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 56).

27      Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, l-effetti legali tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni adottati fuq il-bażi tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu ppreżervati biss sakemm dawn l-atti jiġu rrevokati, jew jiġu annullati jew emendati b’applikazzjoni tat-Trattati. Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma kinitx is-suġġett ta’ tali revoka, annullament jew emenda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

28      Għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jistgħux għaldaqstant iwasslu għal effett dirett, jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 34(2)(b) UE, din torbot lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi (ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 56).

29      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 19 sa 24 ta’ din is-sentenza, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jiġux issodisfatti, l-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jobbliga lill-Istati Membri sabiex jeżegwixxu kull MAE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

30      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jieħu l-miżuri ġenerali jew speċifiċi kollha li huma xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom taħt deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, b’mod analogu, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 42).

31      B’mod partikolari, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni qafas twassal sabiex, fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati nazzjonali, ikun hemm obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali. Meta japplikaw id-dritt nazzjonali, dawn il-qrati, li huma mitluba jinterpretawh, għandhom jagħmlu dan, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-deċiżjoni qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minnha. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti fis-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu t-tilwimiet li jkunu aditi bihom (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 58 u 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Huwa minnu li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. B’dan il-mod, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ deċiżjoni qafas meta hija tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali tagħha huwa limitat bil-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari, b’dawk ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività. Dawn il-prinċipji jipprekludu, b’mod partikolari, li dan l-obbligu jkun jista’ jwassal sabiex tiġi ddeterminata jew aggravata, abbażi ta’ deċiżjoni qafas u indipendentement minn liġi adottata għall-implementazzjoni ta’ din tal-aħħar, ir-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 62 sa 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Minbarra dan, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ, C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni qafas inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge, C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ deċiżjoni qafas (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ fejn qorti nazzjonali tqis li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi ma’ deċiżjoni qafas, minħabba li hija marbuta bl-interpretazzjoni mogħtija ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali mill-qorti suprema nazzjonali f’sentenza interpretattiva, hija għandha tiżgura l-effett sħiħ tad-deċiżjoni qafas u tħalli, jekk hemm bżonn, mhux applikata, fuq inizjattiva tagħha stess, l-interpretazzjoni adottata mill-qorti suprema nazzjonali, ladarba din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 69 u 70).

37      Wara li saru dawn il-kjarifiki, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, għalkemm l-obbligu li għandha l-qorti nazzjonali li tiżgura l-effettività sħiħa tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 twassal għal obbligu tal-Istat Olandiż li jeżegwixxi l-MAE inkwistjoni jew, fil-każ ta’ rifjut, obbligu li jiggarantixxi l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena ddikjarata fil-Polonja, huwa ma għandu l-ebda effett fuq id-determinazzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ D. A. Popławski, li tirriżulta mis-sentenza mogħtija fil-5 ta’ Frar 2007 kontrih mis-Sąd Rejonowy w Poznaniu (qorti reġjonali ta’ Poznań), u ma jistax a fortiori jitqies li jwassal sabiex din ir-responsabbiltà tiġi aggravata.

38      Għandu jiġi osservat ukoll li l-qorti tar-rinviju tqis li, bil-kontra ta’ dak li ssuġġerixxa l-Openbaar Ministerie (uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) waqt is-seduta, id-dikjarazzjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar jgħarraf lill-awtorità ġudizzjarja emittenti li huwa lest, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-OLW, li jieħu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena lili fuqha huwa bbażat l-MAE kkonċernat ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi impenn reali tal-Istat Olandiż li jeżegwixxi din il-piena, sakemm l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jikkostitwixxix bażi legali konvenzjonali fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-OLW għall-eżekuzzjoni effettività ta’ tali piena fil-Pajjiżi l-Baxxi.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li din ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Agro Foreign Trade & Agency, C‑507/15, EU:C:2017:129, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Hija għaldaqstant biss il-qorti tar-rinviju li tista’ tevalwa jekk id-dritt Olandiż jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa jassimila d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għal tali bażi legali konvenzjonali fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-OLW.

40      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tagħti lill-qorti nazzjonali risposti utli fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ tagħti indikazzjonijiet, ibbażati fuq il-fajl tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali sottomessi lilha, li jkunu tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Leone, C‑173/13, EU:C:2014:2090, punt 56).

41      F’din il-perspettiva, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, skont il-premessa 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-MAE għandu jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn Stati Membri, l-istrumenti preċedenti kollha li jirrigwardaw l-estradizzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim Schengen, imsemmija fil-punt 3 ta’ din is-sentenza, li huma dwar din il-materja. Sa fejn l-imsemmija deċiżjoni qafas għaldaqstant issostitwixxiet il-konvenzjonijiet kollha li eżistew f’dan ir-rigward bejn id-diversi Stati Membri u sa fejn hija tikkoeżisti, filwaqt li għandha ordinament ġuridiku proprju ddefinit mid-dritt tal-Unjoni, mal-konvenzjonijiet ta’ estradizzjoni li jorbtu lid-diversi Stati Membri mal-Istati terzi, assimilazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas għal tali konvenzjoni ma tidhirx, mal-ewwel daqqa t’għajn, eskluża.

42      Min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li hija tipprekludi li l-kliem “konvenzjoni applikabbli oħra”, li jinsab fl-Artikolu 6(3) tal-OLW, jiġi interpretat fis-sens li huwa jkopri wkoll l-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas, ladarba tali interpretazzjoni tippermetti li jiġi ggarantit li l-fakultà tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE tiġi eżerċitata biss bil-kundizzjoni li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-piena ddikjarata kontra D. A. Popławski u li twassal b’dan il-mod għal soluzzjoni konformi mal-għan segwit permezz tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma għandhomx effett dirett. Madankollu, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ din id-deċiżjoni qafas, u dan jimplika, f’dan il-każ, li, fil-każ ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ għall-konsenja ta’ persuna li kienet is-suġġett, fl-Istat Membru emittenti, ta’ sentenza definittiva li tikkundannaha għal piena ta’ priġunerija, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom l-obbligu li jiggarantixxu huma nfushom l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena ddikjarata kontra din il-persuna.

 Fuq ir-raba’ domanda

44      Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jawtorizza lil Stat Membru jirrifjuta li jeżegwixxi MAE maħruġ għall-konsenja ta’ persuna, li tkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, u li kienet is-suġġett ta’ sentenza definittiva li tikkundannaha għal piena ta’ priġunerija, għas-sempliċi raġuni li l-ewwel Stat Membru għandu l-intenzjoni li jibda kontra din il-persuna proċeduri li jikkonċernaw l-istess fatti bħal dawk li fuqhom ingħatat din is-sentenza, meta dan l-Istat Membru jirrifjuta b’mod sistematiku l-konsenja taċ-ċittadini proprji tiegħu għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi li jikkundannawhom għal pieni ta’ priġunerija.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jinkludi l-ebda element li jippermetti li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tirrifjuta li teżegwixxi MAE fil-każ fejn proċeduri kriminali ġodda, għall-istess fatti bħal dawk li huma s-suġġett tas-sentenza kriminali definittiva ddikjarata kontra l-persuna rikjesta, jistgħu jinbdew kontra din tal-aħħar fit-territorju tagħha.

46      Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jsemmi bl-ebda mod din il-possibbiltà, għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni tidħol f’kunflitt mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi, b’mod partikolari, li l-ebda persuna ma tista’ tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali għal ksur li fir-rigward tiegħu tkun diġà nħelset jew ġiet ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza kriminali definittiva skont il-liġi.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li din l-interpretazzjoni, f’kull każ, ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, ma huwiex neċessarju li tittieħed pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk hija twassalx għal eventwali diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi u ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, ukoll mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni.

48      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jawtorizzax lil Stat Membru jirrifjuta li jeżegwixxi MAE maħruġ għall-konsenja ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ sentenza definittiva li tikkundannaha għal piena ta’ priġunerija, għas-sempliċi raġuni li dan l-Istat Membru għandu l-intenzjoni li jibda kontra din il-persuna proċeduri li jikkonċernaw l-istess fatti bħal dawk li fuqhom ingħatat din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplementa din id-dispożizzjoni, li, fil-każ fejn il-konsenja ta’ ċittadin barrani li jkollu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tintalab minn Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta fuq dan iċ-ċittadin permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva, minn naħa, ma tawtorizzax tali konsenja u, min-naħa l-oħra, sempliċement tipprevedi l-obbligu għall-awtoritajiet ġudizzjarji tal-ewwel Stat Membru li jgħarrfu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-tieni Stat Membru li huma lesti li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, mingħajr ma, fid-data tar-rifjut tal-konsenja, jiġi żgurat it-teħid ta’ responsabbiltà effettiv għall-eżekuzzjoni u mingħajr ma, barra minn hekk, fl-ipoteżi li dan it-teħid ta’ responsabbiltà jirriżulta sussegwentement li huwa impossibbli, tali rifjut ikun jista’ jiġi kkontestat.

2)      Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma għandhomx effett dirett. Madankollu, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ din id-deċiżjoni qafas, u dan jimplika, f’dan il-każ, li, fil-każ ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-konsenja ta’ persuna li kienet is-suġġett, fl-Istat Membru emittenti, ta’ sentenza definittiva li tikkundannaha għal piena ta’ priġunerija, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom l-obbligu li jiggarantixxu huma nfushom l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena ddikjarata kontra din il-persuna.

3)      L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jawtorizzax lil Stat Membru jirrifjuta li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-konsenja ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ sentenza definittiva li tikkundannaha għal piena ta’ priġunerija, għas-sempliċi raġuni li dan l-Istat Membru għandu l-intenzjoni li jibda kontra din il-persuna proċeduri li jikkonċernaw l-istess fatti bħal dawk li fuqhom ingħatat din is-sentenza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.