Language of document : ECLI:EU:T:2020:224

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

28 ta’ Mejju 2020 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti dwar l-osservanza u n-nuqqas ta’ osservanza mill-Irlanda tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/JAI, 2008/947/JAI u 2009/829/JAI – Rifjut ta’ aċċess – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità”

Fil-Kawża T-701/18,

Liam Campbell, residenti f’Dundalk (l-Irlanda), irrappreżentat minn J. MacGuill, solicitor, u E. Martin-Vignerte, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Spina u C. Ehrbar, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2018) 6642 final tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2018, li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti dwar l-osservanza jew in-nuqqas ta’ osservanza mill-Irlanda tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102), u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja (ĠU 2009, L 294, p. 20),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, A. M. Collins, V. Kreuschitz, G. De Baere (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent Liam Campbell, huwa ċittadin Irlandiż li ġie arrestat fl-Irlanda fit-2 ta’ Diċembru 2016 abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew relatat ma’ tliet ksur kriminali, maħruġ mill-awtoritajiet Litwani fis-26 ta’ Awwissu 2013. Ir-rikorrent ikkontesta quddiem il-qrati Irlandiżi t-talba ta’ konsenja magħmula mill-awtoritajiet Litwani.

2        Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrent għamel lill-Kummissjoni Ewropea talba ta’ aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Din it-talba tirrigwarda d-dokumenti kollha miżmuma mill-Kummissjoni li jikkonċernaw l-osservanza jew in-nuqqas ta’ osservanza tal-Irlanda tal-obbligi tagħha skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102), u skont itad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja (ĠU 2009, L 294, p. 20) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“Deċiżjonijiet Qafas”). Bħala anness għat-talba tiegħu, ir-rikorrent hemeż ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-ġustizzja mibgħuta lil diversi membri tal-Parlament Ewropew, tat-18 ta’ Jannar 2018, relatata mas-sitwazzjoni personali tiegħu u li kienet issemmi d-Deċiżjonijiet Qafas.

3        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni rrispondiet lir-rikorrent li hija ma kellha ebda dokument li jikkorrispondi għat-talba tiegħu.

4        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrent għamel talba konfermattiva intiża sabiex il-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha. Ir-rikorrent indika li, sa fejn l-ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-ġustizzja annessa mat-talba inizjali tagħha kienet issemmi li l-Irlanda ma kinitx għadha ttrasponiet id-Deċiżjonijiet Qafas fid-dritt nazzjonali, dan ifisser li l-Kummissjoni kellha tal-inqas dokument relatat mat-traspożizzjoni mill-Irlanda ta’ dawn id-Deċiżjonijiet Qafas.

5        Permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Settembru u tat-3 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni pprorogat għal darbtejn it-terminu ta’ risposta abbażi tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba. Il-Kummissjoni indikat li, wara eżami mill-ġdid tat-talba, hija kienet identifikat dokumenti relatati mat-traspożizzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas mill-Irlanda li jaqgħu taħt is-suġġett tat-talba tar-rikorrent. Hija sostniet dan li ġej:

“Dawn id-dokumenti jinkludu skambju bejn is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni u l-Irlanda u jagħmlu parti mill-fajls relatati mat-tliet proċeduri EU Pilot segwenti:

–        Proċedura EU Pilot bin-numru ta’ referenza EUP(2015)8138, relatata mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI;

–        Proċedura EU Pilot bin-numru ta’ referenza EUP(2015)8140, relatata mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI;

–        Proċedura EU Pilot bin-numru ta’ referenza EUP(2015)8147, relatata mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI.”

7        Il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li l-aċċess għad-dokumenti kkonċernati kien ġie rrifjutat lilu abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu.

8        Qabel xejn, il-Kummissjoni indikat li l-proċeduri EU Pilot kienu ngħalqu fis-16 ta’ Marzu 2018 u li ebda deċiżjoni li tikkonċerna l-ftuħ ta’ proċedura formali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE ma kienet għadha ġiet adottata, iżda li s-servizzi tagħha kienu għadhom qegħdin jiddiskutu l-possibbiltà li tinfetaħ tali proċedura. Hija qieset li, għal dawn il-motivi, investigazzjoni għal ksur kontra l-Irlanda, fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas, kienet għadha għaddejja. Il-Kummissjoni kkunsidrat li aċċess pubbliku għad-dokumenti mitluba mir-rikorrent għandu influwenza negattiva fuq id-djalogu bejna u bejn l-Istat Membru, li għalih hija neċessarja klima ta’ fiduċja, jimmina n-natura bilaterali tal-passi informali u formali tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE u jipprekludiha milli tieħu deċiżjoni dwar dawn it-tliet fajls ħielsa minn kull influwenza esterna indebita.

9        Il-Kummissjoni għalhekk qieset li d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajls kienu koperti mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, relatat mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, li jfisser li eżami konkret u individwali tal-kontenut ta’ kull dokument ma kienx neċessarju.

10      Sussegwentement, il-Kummissjoni rrilevat li r-rikorrent, fit-talba konfermattiva tiegħu, ma kien jirreferi għal ebda interess pubbliku superjuri partikolari li jiġġustifika l-iżvelar lill-pubbliku tat-tip speċifiku ta’ informazzjoni li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni u li kien jikkonvinċiha dwar in-neċessità li tipproteġi din l-informazzjoni fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001. Hija żiedet li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

11      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li aċċess parzjali kien impossibbli, sa fejn id-dokumenti mitluba kienu kompletament koperti mill-eċċezzjoni applikabbli.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att iddepożitat fil-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrent għamel talba għal għajnuna legali. Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Marzu 2019, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ammetta lir-rikorrent għall-benefiċċju tal-għajnuna legali.

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ April 2019, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

14      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

15      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

16      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2019.

17      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lil kull waħda mill-partijiet għall-ispejjeż proprji tagħha jew tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż jekk jintlaqa’ r-rikors.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem, essenzjalment, żewġ motivi, l-ewwel wieħed, ibbażat fuq l-applikazzjoni illegali ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità u, it-tieni wieħed, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri.

20      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jirreleva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li d-dokumenti mitluba kienu jinkludu skambji li jaqgħu taħt il-kuntest ta’ tliet proċeduri EU Pilot u rrifjutat l-aċċess għalihom abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi applikat preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. Madankollu, huwa jsostni li din il-preżunzjoni hija kontestabbli, li għandu l-effett li jgħaddi l-oneru tal-prova mill-istituzzjoni għal fuq ir-rikorrent, li għandu għalhekk juri li l-iżvelar tad-dokumenti allegatament koperti mill-preżunzjoni ma jimminax l-għanijiet tal-attività ta’ investigazzjoni.

21      Ir-rikorrent isostni li, f’dan il-każ, huwa għandu piż ta’ prova li huwa inġust, li ma huwiex f’pożizzjoni li jissodisfa, bi ksur tad-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq. L-ewwel nett, huwa jsostni li dan l-oneru tal-prova jimponilu li juri li l-iżvelar ta’ ċerti dokumenti speċifiċi, li huwa ma kienx jaf bl-eżistenza tagħhom, ma jippreżenta ebda riskju għall-għan tal-proċedura EU Pilot u li dawn id-dokumenti ma humiex koperti mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. Għalkemm l-ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2018 kienet tagħti x’tifhem li kienu jeżistu dokumenti relatati mal-assenza ta’ implementazzjoni tad-deċiżjonijiet qafas, ir-rikorrent ma kellu ebda ċertezza rigward l-eżistenza, in-natura, il-forma jew il-kontenut tagħhom. Ma huwiex realistiku li r-rikorrent ikun meħtieġ jippreżenta argumenti dwar il-merti ta’ dokument li ma jafx bl-eżistenza tiegħu.

22      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li ma huwiex possibbli li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità u jintwera li d-dokumenti li huwa talab ma jippreżentawx riskji għall-għanijiet tal-investigazzjoni meta huwa ma jafx liema huma dawn id-dokumenti jew x’fihom. Billi għaddiet fuqu l-oneru tal-prova impossibbli, li jwassal għall-istabbiliment ta’ preżunzjoni inkonfutabbli, kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi.

23      Il-Kummissjoni tfakkar li l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tfisser li, meta talba ta’ aċċess għal dokumenti tiġi ppreżentata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, hija ma hijiex obbligata twettaq evalwazzjoni speċifika u individwali tal-kontenut ta’ kull dokument mitlub. Għalhekk, l-argument li hija illegalment invokat preżunzjoni ġenerali hija infondata. Ir-rikorrent ma jikkontestax li, meta għamel it-talba ta’ aċċess, minn naħa, id-dokumenti mitluba kienu jagħmlu parti mill-proċeduri EU Pilot u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet deċiżjoni li teskludi l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ ksur kontra l-Irlanda. Il-Kummissjoni għalhekk ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta invokat preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità.

24      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma pproduċiex elementi speċifiċi u konkreti li jindikaw li, f’dan il-każ, l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati ma jpoġġix f’periklu l-interess tal-preżervazzjoni tal-kunfidenzjalità matul l-investigazzjonijiet li tista’ twassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur u li tippermetti li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. Hija tirreleva li, min-natura tagħha stess, preżunzjoni għandha bħala effett spostament tal-oneru tal-prova u li r-rikorrent, peress li ma jikkontestax li d-dokumenti mitluba jagħmlu parti mill-proċeduri EU Pilot, ma jinvoka ebda argument li juri li l-preżunzjoni ma hijiex raġonevoli jew mhux ġustifikata jew li huwa “inġust” li tiġi applikata. Ir-rikorrent ma jistax jirreferi għat-talba inizjali, meta t-talba ta’ aċċess tat lok għal eżami ġdid komplut fl-istadju tal-eżami tat-talba konfermattiva.

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li t-trasparenza tippermetti li tingħata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni f’sistema demokratika (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal dawn il-finijiet, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan huwa intiż sabiex jagħti dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkun l-ikbar possibbli. Mill-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll li dan id-dritt ta’ aċċess lanqas biss huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punti 51 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Diċembru 2018, Campbell vs Il-Kummissjoni, T‑312/17, EU:T:2018:876, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Madankollu, peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, dawn l-eċċezzjonijiet, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Diċembru 2018, Campbell vs Il-Kummissjoni, T‑312/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:876, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Bis-saħħa tal-eċċezzjoni invokata mill-Kummissjoni, jiġifieri dik inkluża fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, sakemm l-iżvelar tad-dokument imsemmi ma jkunx iġġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut għall-aċċess għal dokument li ntalab l-iżvelar tiegħu, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument jirrigwarda attività msemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tagħti spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’ċerti każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kien madankollu possibbli għal din l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Diċembru 2018, Campbell vs Il‑Kummissjoni, T‑312/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:876, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      L-għan ta’ dawn il-preżunzjonijiet jinsab fil-possibbiltà, għall-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernata, li tikkunsidra li l-iżvelar ta’ ċerti kategoriji ta’ dokumenti, bħala prinċipju, jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni li hija tinvoka, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina b’mod konkret u individwali kull wieħed mid-dokumenti mitluba (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Issa, bħala regola ġenerali, fil-kawżi li taw lok għad-deċiżjoni li jistabbilixxu preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità r-rifjut ta’ aċċess inkwistjoni kien dwar grupp ta’ dokumenti evidentement limitat mill-appartenenza komuni tagħhom għal fajl relatat ma’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja pendenti (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 81).

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 51 tas-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑562/14 P, EU:C:2017:356), irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità fil-każ ta’ dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot.

33      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura EU Pilot tikkostitwixxi proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li tippermetti li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex irrispettat u applikat korrettament fi ħdan dawn tal-aħħar. Din it-tip ta’ proċedura hija intiża li ssolvi eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni b’mod effikaċi billi jiġi evitat, sa fejn possibbli, il-ftuħ formali ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE. Il-funzjoni tal-proċedura EU Pilot hija għalhekk dik li tiġi ppreparata jew evitata proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punti 38 u 39).

34      Il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li, għalkemm, fil-punt 78 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), hija kienet speċifikat li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ma tapplikax għad-dokumenti li, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess, jkunu għadhom ma ġewx inklużi f’fajl relatat ma’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja pendenti, dan ir-raġunament ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għad-dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot, li huma evidentement limitati mill-appartenenza tagħhom għal proċedura amministrattiva pendenti (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 44).

35      Għalhekk, sakemm, matul il-fażi prekontenzjuża ta’ investigazzjoni magħmula fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot, jeżisti riskju li n-natura u l-iżvolġiment tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġu mibdula, jew li l-għanijiet ta’ din il-proċedura jiġu ppreġudikati, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat hija ġġustifikata, b’mod konformi mas-soluzzjoni magħżula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738). Dan ir-riskju jeżisti sal-mument tal-għeluq tal-proċedura EU Pilot u sal-mument li jiġi definittivament deċiż li l-proċedura formali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru ma tinfetaħx (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 45).

36      Il-kawżi kollha msemmija fil-punti 32 sa 35 iktar ’il fuq kienu kkaratterizzati mill-fatt li t-talba ta’ aċċess inkwistjoni kienet tirrigwarda mhux dokument wieħed, iżda diversi dokumenti. F’din it-tip ta’ sitwazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li, fil-prinċipju, l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ ċertu natura jippreġudika l-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, jippermetti l-istituzzjoni kkonċernata tittratta talba globali u twieġeb għaliha debitament (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Diċembru 2018, Arca Capital Bohemia vs Il-Kummissjoni, T‑440/17, EU:T:2018:898, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Din il-preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li, skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-11 ta’ Mejju 2017, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Settembru 2018, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-Ouest (port de Brest) vs Il-Kummissjoni, T‑39/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:560, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Min-naħa l-oħra, l-eżiġenza li timponi li jiġi vverifikat jekk il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplikax realment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha mitluba f’dan il-każ. Tali rekwiżit iċaħħad din il-preżunzjoni ġenerali mill-effett utli tagħha, jiġifieri jippermetti lill-Kummissjoni twieġeb għal talba għall-aċċess ġenerali b’mod ġenerali wkoll (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Settembru 2018, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-Ouest (port de Brest) vs Il-Kummissjoni, T‑39/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:560, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali għall-benefiċċju ta’ kategorija ġdida ta’ dokumenti jeħtieġ madankollu li jintwera minn qabel li l-iżvelar tat-tip ta’ dokumenti f’din il-kategorija jista’, b’mod raġonevolment prevedibbli, effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, il-preżunzjonijiet ġenerali li jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-obbligu ta’ eżami konkret u individwali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, ta’ kull dokument imsemmi fit-talba ta’ aċċess u, b’mod iżjed ġenerali, għall-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni u applikazzjoni stretta (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, meta istituzzjoni tikkunsidra li preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità hija applikabbli, hija tkun f’pożizzjoni li tirrispondi b’mod ġenerali għal talba ta’ aċċess, fis-sens li din il-preżunzjoni teħlisha mill-obbligu li tipprovdi spjegazzjonijiet rigward il-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dokument imsemmi f’din it-talba jippreġudika konkretament l-interess protett.

41      Madankollu, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-istituzzjoni li tirrispondi b’mod globali li d-dokumenti kollha msemmija fit-talba ta’ aċċess jaqgħu għal fajl kopert minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, mingħajr ma jkollha għalfejn tidentifikahom jew tistabbilixxi lista ta’ dawn id-dokumenti.

42      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali identifikazzjoni, min jagħmel it-talba ma jkunx f’pożizzjoni li jsostni li dokument ma huwiex kopert mill-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità u ma jkunx jista’ għalhekk jikkonfuta din il-preżunzjoni.

43      Issa, għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-preżunzjoni ġenerali skont liema l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv jippreġudika, fil-prinċipju, l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet tal-investigazzjoni ma hijiex inkonfutabbli u ma teskludix li wħud mid-dokumenti preċiżi fil-fajl tal-Kummissjoni relatati ma’ proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jiġu żvelati (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, AlzChem vs Il-Kummissjoni, C‑666/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:196, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      B’mod iktar ġenerali, għalkemm l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità teħles lill-istituzzjoni mill-obbligu li twettaq eżami individwali ta’ kull dokument, hija ma tistax, madankollu, teħlisha milli tindika lill-applikant liema huma d-dokumenti li hija identifikat bħala li jappartjenu għal fajl kopert mill-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni u tipprovdilu l-lista ta’ dawn id-dokumenti.

45      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss ladarba l-istituzzjoni tidentifika liema kienu d-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess li hija tista’ tikklassifika skont kategoriji minħabba l-karatteristiċi komuni tagħhom, mill-istess natura tagħhom jew minħabba li jappartjenu għall-istess fajl u li għalhekk tista’ tapplika għalihom preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità.

46      Fin-nuqqas ta’ tali identifikazzjoni, kif isostni r-rikorrent, il-preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità hija inkonfutabbli.

47      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fir-risposta inizjali tagħha, il-Kummissjoni kienet sostniet li hija ma kellha ebda dokument li jikkorrispondi għat-talba ta’ aċċess tar-rikorrent. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li s-segretarju ġenerali tagħha kien finalment identifika dokumenti relatati mal-implementazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas fl-Irlanda u li għalhekk jaqgħu fil-kamp tat-talba konfermattiva tar-rikorrent. Hija sempliċement semmiet li “dawn id-dokumenti [kienu] jinkludu skambji bejn […] is-servizzi [tagħha] u l-Irlanda relatati ma’ tliet proċeduri EU Pilot”. Minn dan hija tiddeduċi li d-dokumenti mitluba kienu koperti bl-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

48      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma identifikatx fid-deċiżjoni kkontestata liema kienu d-dokumenti koperti mit-talba tar-rikorrent. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tallega li identifikat id-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess tar-rikorrent, hija ma tippreċiżax liema tipi jew kategoriji ta’ dokumenti ġew identifikati mis-servizzi tagħha, u lanqas in-numru jew id-data tagħhom.

49      Il-Kummissjoni sostniet, matul is-seduta, li l-identifikazzjoni ta’ kull dokument kienet tirriskja li tippreġudika l-fiduċja bejna u bejn l-Istati Membri u dan jippreġudika l-protezzjoni tad-djalogu informali għaddej bejniethom fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot.

50      Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni tal-preżunzjonijiet ġenerali hija essenzjalment iddettata min-neċessità imperattiva li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-proċeduri inkwistjoni u li jiġi żgurat li l-għanijiet tagħhom ma jiġux kompromessi. Għalhekk, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali jista’ jkun ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-aċċess għal dokumenti ta’ ċerti proċeduri mal-iżvolġiment tajjeb tagħhom u fuq ir-riskju li dawn il-proċeduri jiġu ppreġudikati, fid-dawl tal-fatt li l-preżunzjonijiet ġenerali jippermettu li tiġi ppriżervata l-integrità tal-iżvolġiment tal-proċedura billi tiġi limitata l-interferenza ta’ terzi (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Daimler vs Il-Kummissjoni, T‑128/14, EU:T:2018:643, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma tistax tinjora li billi tinvoka, fid-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità marbuta mal-eżistenza ta’ proċedura EU Pilot, hija informat lir-rikorrent bl-eżistenza stess ta’ din il-proċedura u għalhekk bl-eżistenza ta’ djalogu bejn is-servizzi tagħha u l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas. Hija semmiet ukoll l-għeluq ta’ din il-proċedura fis-16 ta’ Marzu 2018 u l-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Irlanda.

52      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-provvista ta’ lista ta’ dokumenti identifikati bħala li huma d-dokumenti mitluba, li jindikaw, pereżempju, id-data tagħhom, in-natura tagħhom, l-istituzzjoni jew l-amministrazzjoni li hija l-awtur tagħhom, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut tagħhom, jikkostitwixxi żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

53      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ riskju li tinbidel in-natura tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jiġi emendat l-iżvolġiment tagħha u li jiġu ppreġudikati l-għanijiet ta’ din il-proċedura tikkonċerna biss ir-riskju marbut mal-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti, u mhux ir-riskju marbut mal-identifikazzjoni tagħhom.

54      F’dan ir-rigward, mis-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2017, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punti 11 u 12), u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Daimler vs Il-Kummissjoni (T‑128/14, EU:T:2018:643, punt 14), jirriżulta li l-Kummissjoni kienet identifikat dokumenti msemmija fit-talbiet ta’ aċċess għal dokumenti, qabel l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità marbuta mal-eżistenza ta’ proċedura EU Pilot.

55      Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-obbligu għall-Kummissjoni li tidentifika, fir-risposta għat-talba ta’ aċċess, id-dokumenti li hija tqis li jaqgħu taħt kategorija koperta minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità jċaħħad din il-preżunzjoni mill-effett utli tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tad-dokumenti mitluba ma tipprekludix li l-Kummissjoni, billi tqis li d-dokumenti huma relatati ma’ proċedura EU Pilot, tastjeni milli twettaq eżami konkret u individwali tagħhom.

56      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement affermat li d-dokumenti identifikati li huma korrispondenti għat-talba tar-rikorrent “[kienu] jinkludu skambji bejn […] is-servizzi [tagħha] u l-Irlanda dwar tliet proċeduri EU Pilot”. Issa, tali formulazzjoni ma tippermettix lir-rikorrent jevalwa jekk kinux jeżistu dokumenti oħra li jistgħu jkunu msemmija fit-talba tiegħu, u lanqas jekk id-dokumenti kollha msemmija f’din it-talba kinux relatati ma’ dawn il-proċeduri.

57      Barra minn hekk, minħabba s-suġġett tiegħu stess, fajl ta’ proċedura EU Pilot jinkludi neċessarjament skambji bejn l-Istat Membru kkonċernat u s-servizzi tal-Kummissjoni. Jidher li, fir-rigward tal-eżami tat-talba konfermattiva tar-rikorrent, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tikkonstata li kienu nfetħu proċeduri EU Pilot rigward it-traspożizzjoni mill-Irlanda tad-Deċiżjonijiet Qafas u li minn dan hija kkonkludiet li kienet applikabbli preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità. Issa, tali risposta tal-Kummissjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hija wettqet, preliminarjament, eżami konkret tat-talba tar-rikorrent, u lanqas li hija wettqet identifikazzjoni reali tad-dokumenti koperti mit-talba ta’ aċċess.

58      Minn dan jirriżulta li l-formulazzjoni użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati d-dokumenti koperti mit-talba ta’ aċċess tar-rikorrent.

59      Għandu jiġi rrilevat ukoll, f’dan il-każ, li t-talba ta’ aċċess tar-rikorrent ma tikkonċernax “id-dokumenti relatati ma’ dawn il-proċeduri EU Pilot”, iżda “id-dokumenti kollha relatati mal-osservanza jew man-nuqqas ta’ osservanza mill-Irlanda tal-obbligi tagħha skont id-Deċiżjonijiet Qafas”. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrent ma ammettiex li d-dokumenti koperti mit-talba tiegħu jaqgħu taħt il-fajls tat-tliet proċeduri EU Pilot.

60      Għalhekk, it-talba ta’ aċċess tar-rikorrent ma kinitx immirata biss għal dokumenti relatati mal-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ traspożizzjoni mill-Irlanda tad-Deċiżjonijiet Qafas, iżda kienet iktar wiesgħa mill-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni.

61      Barra minn hekk, il-Kummissjoni invokat, matul is-seduta, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2015, Sea Handling vs Il-Kummissjoni (T‑456/13, mhux ippubblikat, EU:T:2015:185), sabiex issostni li l-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità kienet identika għal dik magħmula f’dan il-każ u li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ivvalidat ir-rifjut tagħha li tibgħat lista ta’ korrispondenza bejnha u bejn lanjanti skambjata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

62      Madankollu, il-kawża li wasslet għas-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2015, Sea Handling vs Il-Kummissjoni (T‑456/13, mhux ippubblikat, EU:T:2015:185), ma hijiex komparabbli għal dik f’dan il-każ. Fil-fatt, f’din il-kawża, id-dokumenti msemmija, tal-inqas it-tip tagħhom, kienu jirriżultaw diġà mit-talba ta’ aċċess u l-applikant kellu, fil-prinċipju, il-possibbiltà li jsostni li dokument ma huwiex kopert bl-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità (sentenza tal-25 ta’ Marzu 2015, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, T‑456/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:185, punti 5, 74 u 75).

63      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tapplika l-preżunzjoni relatata mal-appartenenza tad-dokumenti mitluba ma’ proċedura EU Pilot, il-Kummissjoni kellha, qabel xejn, tidentifika fid-deċiżjoni kkontestata d-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess, sabiex imbagħad tikklassifikahom skont il-kategorija jew bħala li jaqgħu taħt fajl amministrattiv partikolari u, fl-aħħar nett, tikkonstata li kienu jaqgħu taħt proċedura EU Pilot, li jippermettilha b’hekk li tapplika preżunzjoni ġenerali.

64      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni sempliċement irrelevat li kienu jeżistu tliet proċeduri EU Pilot li jikkonċernaw it-traspożizzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas mill-Irlanda u li t-talba tar-rikorrenti kienet tikkonċerna għalhekk dokumenti li kienu jaqgħu taħt il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi sempliċement rifjut ta’ aċċess għal tliet proċeduri EU Pilot, iżda ma tinkludi ebda ġustifikazzjoni meta mqabbla mad-dokumenti mitluba mir-rikorrent.

65      Għalhekk, ir-rikorrent kellu raġun isostni li, sa fejn ma kienx jaf liema kienu d-dokumenti li l-Kummissjoni kienet identifikat bħala li jikkorrispondu għat-talba ta’ aċċess tiegħu, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità.

66      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-identifikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tad-dokumenti koperti mit-talba ta’ aċċess hija neċessarja sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha u tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx fondata tikkunsidra li d-dokumenti mitluba kienu jaqgħu taħt proċedura EU Pilot.

67      Għandu għalhekk jiġi konkluż li l-Kummissjoni, billi ma identifikatx id-dokumenti koperti mit-talba ta’ aċċess tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, applikat b’mod żbaljat il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità applikabbli għad-dokumenti marbuta mal-eżistenza ta’ proċedura EU Pilot u li għalhekk wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

68      Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ u li d-deċiżjoni kkontestata hija annullata, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrent.

 Fuq l-ispejjeż

69      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni C(2018) 6642 final tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’ Ottubru 2018, li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti dwar l-osservanza jew in-nuqqas ta’ osservanza mill-Irlanda tal-obbligi tagħha skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea, tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102), u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Collins

Kreuschitz

De Baere

 

      Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Mejju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.