Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Novembru 2016 – Hércules Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-766/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Hércules Club de Fútbol, SAD (Alicante, Spanja) (rappreżentanti: S. Rating u Y. Martínez Mata, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni C (2016) 4060 finali tal-Kummissjoni Ewropea; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar Hércules CF tirrigwarda self li jammonta għal EUR 18-il miljun mogħti minn entità privata lill-Fundación de la Comunidad Valenciana Hércules de Alicante, entità privata oħra li użat parti sinjifikattiva mill-ammont misluf sabiex tissottoskrivi għal azzjonijiet ta’ Hércules CF meta kien hemm żieda fil-kapital tagħha. Dan is-self ġie ggarantit minn entità finanzjarja pubblika, l-Institut Valencià de Finances.

Il-Kummissjoni tafferma li, b’riżultat ta’ din it-tranżazzjoni, Hércules CF ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat, li tikkonsisti fid-differenza bejn l-ispiża reali tas-self iggarantit u l-ispiża li hija kienet sostniet f’allegati kundizzjonijiet tas-suq, attwalizzata mid-data tal-għoti sa’ dik tad-deċiżjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji.

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tafferma li hija ma kinitx “impriża f’diffikultà” skont il-linji gwida tal-2004, u li l-garanzija mogħtija kienet tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas u l-kollateralizzazzjoni tas-self.

It-tieni motiv, invokat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq l-assenza ta’ effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

F’dan ir-rigward, Hércules CF tafferma li hija ma setgħetx tikkompeti fl-Ewropa u li l-allegata għajnuna ma kient tatha ebda benefiċċju kompetittiv.

It-tielet motiv, ukoll invokat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-kwantifikazzjoni żbaljata ta’ għajnuna ipotetika.

____________