Language of document : ECLI:EU:T:2018:471

Kawża T-768/16

BNP Paribas

vs

Banque centrale européenne

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 4(1)(d), u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva – Rifjut tal-BĊE li jawtorizza lill-parti rikorrenti teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva l-iskoperturi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet – Artikolu 429(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 – Setgħa diskrezzjonali tal-BĊE – Żbalji ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tat-13 ta’ Lulju 2018

1.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew – Implimentazzjoni deċentralizzata mill-awtoritajiet nazzjonali – Evalwazzjoni tal-importanza ta’ entità – Kompetenza esklużiva tal-BĊE

[Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4(1)(d)), u 6(4)]

2.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-impriżi ta’ investiment – Rekwiżiti ta’ likwidità – Proporzjon tal-effett ta’ lieva – Kalkolu – Possibbiltà li jiġu esklużi ċerti skoperturi għal entitajiet tas-settur pubbliku – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li tirrifjuta l-għoti tal-benefiċċju tad-deroga – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 575/2013, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/62, Artikolu 429(14))

3.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-impriżi ta’ investiment– Rekwiżiti ta’ likwidità – Proporzjon tal-effett ta’ lieva – Kalkolu – Possibbiltà li jiġu esklużi ċerti skoperturi għal entitajiet tas-settur pubbliku – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li tirrifjuta l-għoti tal-benefiċċju tad-deroga – Rifjut ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet inerenti fl-iskoperturi kkonċernati mid-deroga u l-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-Istat ikkonċernat mingħajr eżami tal-probabbiltà tar-riskju – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 575/2013, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/62, Artikolu 429(14))

4.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-impriżi ta’ investiment – Rekwiżiti ta’ likwidità – Proporzjon tal-effett ta’ lieva – Kalkolu – Possibbiltà li jiġu esklużi ċerti skoperturi għal entitajiet tas-settur pubbliku – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 575/2013, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/62, Artikolu 429(14))

5.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-impriżi ta’ investiment – Rekwiżiti ta’ likwidità – Proporzjon tal-effett ta’ lieva – Rilevanza tal-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma’ dawk ta’ istituzzjoni finanzjarja pubblika – Limiti

[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 575/2013, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/62, premessa 90 u Artikolu 4(1), punt 94, u Artikolu 412(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikolu 4(1)(d)); Regolament tal-Kummissjoni 2015/61, Artikolu 26]

6.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-impriżi ta’ investiment – Rekwiżiti ta’ likwidità – Proporzjon tal-effett ta’ lieva – Kalkolu – Possibbiltà li jiġu esklużi ċerti skoperturi għal entitajiet tas-settur pubbliku – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li tirrifjuta l-għoti tal-benefiċċju tad-deroga – Rifjut ibbażat fuq ir-riskju kkostitwit mill-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma’ dawk ta’ istituzzjoni finanzjarja pubblika – Assenza ta’ eżami tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 575/2013, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/62, Artikolu 4(1), punt 94, u Artikoli 412(1), u 429(14))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 19)

2.      Sa fejn il-Bank Ċentrali Ewropew għandu setgħa diskrezzjonali u, konsegwentement, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-għażla li jagħti jew ma jagħtix il-benefiċċju tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/62, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita fuq il-fondatezza tal-motivi ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-benefiċċju tal-imsemmija dispożizzjoni ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-BĊE, iżda huwa intiż biex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti sostantivament ineżatti u li ma tkun ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew b’xi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punt 30)

3.      Għalkemm il-Bank Ċentrali Ewropew huwa liberu fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li jagħtih l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/62, li jagħti jew ma jagħtix id-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni, din il-libertà tiġi eżerċitata bil-kundizzjoni li ma jiġux injorati l-għanijiet imfittxija permezz ta’ din id-deroga u bil-kundizzjoni li din ma titneħħilhiex l-effettività tagħha. Minn dan jiġi dedott neċessarjament li l-BĊE ma jistax jibbaża ruħu fuq motivi li jirrendu kważi inapplikabbli fil-prattika l-possibbiltà offruta mill-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, mingħajr ma jneħħi l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni u jmur kontra l-għanijiet li għalihom kienet introdotta.

Għaldaqstant, il-Bank Ċentrali Ewropew ma jistax jeskludi mill-benefiċċju tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 l-iskoperturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fir-rigward ta’ istituzzjoni finanzjarja pubblika abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet li huma inerenti fl-iskoperturi kkonċernati b’din id-dispożizzjoni. Dan jgħodd għal kunsiderazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-iskoperturi ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu fir-rigward tal-imsemmija istituzzjoni finanzjarja jinsabu fl-attiv tal-bilanċ tal-kontijiet tagħha. Fil-fatt, inkwantu l-iskoperturi li fir-rigward tagħhom l-imsemmija dispożizzjoni tikkontempla l-possibbiltà li ma jitteħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva ta’ istituzzjoni ta’ kreditu huma, min-natura tagħhom, intiżi li jitniżżlu fl-attiv tal-karta tal-bilanċ tal-imsemmija istituzzjoni, il-kunsiderazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-iskoperturi għal istituzzjoni finanzjarja pubblika jinsabu fl-attiv tal-bilanċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ma tistax validament tiġġustifika r-rifjut li tingħata d-deroga mitluba. L-istess japplika, u għal raġunijiet simili, għal kunsiderazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-imsemmija skoperturi jikkostitwixxu parti mill-ammonti ddepożitati għand l-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu bħala tfaddil irregolat, li tibqa’ fil-passiv tal-karta tal-bilanċ tagħha.

Bl-istess mod, peress li l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 jikkonċerna biss skoperturi li jirrigwardaw entitajiet tas-settur pubbliku li għandhom il-garanzija ta’ Stat, ir-rifjut immotivat mill-kunsiderazzjoni fundamentali li Stat jista’ jkun f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħlas, mingħajr eżami tal-probabbiltà ta’ tali eventwalità fir-rigward tal-Istat ikkonċernat, ikun ifisser li tiġi reża kważi inapplikabbli fil-prattika l-possibbiltà prevista mill-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk u bħala konsegwenza, peress li l-Bank Ċentrali Ewropew ma eżaminax il-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas, enfażi fid-deċiżjoni ta’ rifjut tal-għoti tal-benefiċċju tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 fuq il-volum tal-iskoperturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għal istituzzjoni finanzjarja pubbliku lanqas ma jista’, minnu nnifsu, jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija skoperturi fil-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva. Fil-fatt, l-imsemmi volum jista’ jkun rilevanti biss fl-eventwalità fejn, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas mill-Istat kkonċernat, l-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx tista’ tikseb mingħand din l-istituzzjoni finanzjarja l-ammonti ttrasferiti bħala tfaddil irregolat u jkollha tirrikorri għal bejgħ forzat tal-attiv.

(ara l-punti 39, 52-54, 56, 57, 61, 63)

4.      Permezz tad-deroga prevista fl-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/62, il-Kummissjoni, bl-approvazzjoni tal-leġiżlatur, ikkontemplat il-possibbiltà li ċerti skoperturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fir-rigward ta’ entitajiet tas-settur pubbliku li, minħabba garanzija mill-Istat, jippreżentaw l-istess livell ta’ riskju baxx bħall-iskoperturi għal dan l-Istat u li ma jikkorrispondux għal għażla ta’ investiment min-naħa tagħha – inkwantu l-istituzzjoni ta’ kreditu hija suġġetta għal obbligu ta’ trasferiment tal-ammonti kkonċernati – ma jkunux rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u jistgħu, għaldaqstant, jiġu esklużi minnu. Huma affettwati mill-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 biss l-iskoperturi li, fl-implimentazzjoni tal-approċċ standard ta’ kalkolu tar-rekwiżiti minimi ta’ fondi proprji, jibbenefikaw minn koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ riskju ta’ 0 %.

Konsegwentement, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 429(14) tal-imsemmi regolament timplika l-konċiljazzjoni ta’ żewġ għanijiet: minn naħa, ir-rispett tal-loġika tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva li timplika li l-kalkolu ta’ dan il-proporzjon jinkludi l-miżura tal-iskopertura totali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, mingħajr korrezzjoni skont ir-riskju u, min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-Kummissjoni, approvat mil-leġiżlatur, fis-sens li, jekk ikun il-każ, ċerti skoperturi li jippreżentaw profil ta’ riskju partikolarment baxx u li ma jirriżultawx minn għażla ta’ investiment tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma jkunux rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u jistgħu jkunu esklużi minnu. F’dan ir-rigward, l-għoti ta’ setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet kompetenti fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 jippermettilhom isibu kompromess bejn dawn iż-żewġ għanijiet fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull każ.

(ara l-punti 48-51)

5.      Mid-definizzjoni tar-riskju tal-effett ta’ lieva eċċessiv li tinsab fil-punt 94 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/62, jirriżulta li r-riskji kkontemplati bħala lieva eċċessiva jokkorru f’sitwazzjoni ta’ insuffiċjenza ta’ likwidità. Fil-fatt, huwa sabiex tinkiseb likwidità li istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tkun obbligata tieħu miżuri mhux previsti fil-pjan kummerċjali, inkluż bejgħ b’urġenza ta’ assi li jkollu l-konsegwenzi speċifikati mill-imsemmija dispożizzjoni, kif tfakkar il-premessa 90 tar-Regolament Nruo575/2013.

Peress li l-konsegwenzi negattivi ta’ effett ta’ lieva eċċessiv jimmanifestaw ruħhom fil-każ ta’ nuqqas ta’ likwidità, il-fatt li l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ma’ dawk ta’ istituzzjoni finanzjarja pubblika jikkonċerna r-riskju ta’ likwidità ma jirrendix l-imsemmi perijodu irrilevanti fl-evalwazzjoni tar-riskju marbut mal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tagħha. Madankollu, dan il-perijodu ta’ aġġustament ma jwassalx għal riskju ta’ likwidità fl-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità li jinsabu fl-Artikolu 412 tar-Regolament Nru 575/2013 u fir-Regolament Nru 2015/61, li jissupplimenta r-Regolament Nru 575/2013 rigward ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu. Fil-fatt, l-għoti tal-benefiċċju tal-Artikolu 26 tar-Regolament 2015/61 – li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u, konsegwentement, lill-BĊE li jpaċu d-dħul u l-ħruġ ta’ likwidità interdipendenti, jekk, minħabba l-eżistenza ta’ garanzija mill-amministrazzjoni ċentrali ta’ Stat Membru u minħabba l-qosor tal-perijodu li jisseparahom, huma jidhrilhom li l-imsemmi perijodu ma jwassalx għal riskju ta’ likwidità – mill-Bank Ċentrali Ewropew għad-dħul u l-ħruġ ta’ likwidità marbutin mal-iskoperturi għal istituzzjoni finanzjarja huwa ekwivalenti għal rikonoxximent mill-BĊE tal-fatt li l-perijodu li jista’ jisseparahom ma jirrappreżentax riskju ta’ likwidità.

(ara l-punti 70-73, 76, 77)

6.      Il-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma’ dawk ta’ istituzzjoni finanzjarja pubblika jista’ jkun rilevanti għar-riskju tal-effett ta’ lieva, fis-sens tal-punt 94 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/62, filwaqt li ma jkunx rilevanti għar-riskju ta’ likwidità, fil-każ biss fejn il-ġbid tad-depożiti marbutin mat-tfaddil irregolat ikun ta’ daqs tali li jmur lil hinn mit-“tensjonijiet severi” kkontemplati fil-kuntest tal-kalkolu tal-proporzjon ta’ likwidità skont l-Artikolu 412(1) tar-Regolament Nru 575/2013.

F’dan ir-rigward, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali eventwalità sabiex tiġi miċħuda talba ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tibbenefika mill-Artikolu 429(14) tal-imsemmi regolament ma jistax isir mingħajr eżami fid-dettall mill-Bank Ċentrali Ewropew tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat. Dan l-eżami jkollu, b’mod partikolari, iwassal lill-BĊE jeżamina jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu – u b’mod partikolari tal-garanzija mill-Istat assoċjata mat-tfaddil irregolat – , huwiex prevedibbli li l-ġbid tat-tfaddil irregolat ikun f’volum tali, u għall-għarrieda b’mod, li l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata jkollha tirrikorri għall-miżuri kkontemplati fil-punt 94 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 mingħajr ma tkun tista’ tistenna t-trasferimenti ta’ fondi provenjenti mill-istituzzjoni finanzjarja pubblika fil-kuntest tal-aġġustament tal-pożizzjonijiet. Fil-fatt, huwa fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull każ li l-Bank Ċentrali Ewropew għandu, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 429(14) tal-imsemmi regolament, isib kompromess bejn l-għanijiet tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u l-eventwalità li ċerti skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jinsabu f’din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu esklużi mill-kalkolu tal-imsemmi proporzjon.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-Bank Ċentrali Ewropew ma jagħmilx eżami ddettaljat tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat, u jillimita ruħu li jsemmi b’mod astratt ir-riskji involuti minħabba l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u dawk tal-istituzzjoni finanzjarja pubblika, huwa jonqos milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jeżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

(ara l-punti 80-84)