Language of document : ECLI:EU:T:2021:153

Kawża T769/16

Maxime Picard

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal24 ta’ Marzu 2021

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2014 – Miżuri tranżitorji dwar ċerti modalitajiet ta’ kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni – Bidla fl-iskema wara l-iffirmar ta’ kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal bil-kuntratt – Kunċett ta’ ‘li wieħed ikun fil-kariga’”

Uffiċjali – Pensjonijiet – Modalitajiet ta’ kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni – Dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 1023/2013 – Applikazzjoni b’analoġija għall-membri tal-persunal fil-kariga fil31 ta’ Diċembru 2013 – Kunċett ta’ li wieħed ikun fil-kariga – Iffirmar minn membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ kuntratt ġdid, wara din id-data, li jemenda b’mod sostanzjali l-funzjonijiet tiegħu – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 21 u 22, kif emendati bir-Regolament Nru 1023/2013; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Anness, Artikoli 1(1) u 3a; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004, premessa 36)

(ara l-punti 65 sa 83, 90, 93)

Sunt

Ir-rikorrent, Maxime Picard, huwa membru tal-persunal bil-kuntratt fl-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea sa mill‑2008. Inizjalment huwa kien ġie rreklutat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fl-ewwel grupp ta’ funzjonijiet, bis-saħħa ta’ kuntratt iffirmat fl‑2008 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑2008”) li ġġedded tliet darbiet għal żmien determinat, qabel ma ġġedded għal żmien indeterminat fl‑2011.

Fis‑16 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent iffirma kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat bi klassifikazzjoni fit-tieni grupp ta’ funzjonijiet, wara li wera li kien wettaq kompiti li jaqgħu taħt dan l-aħħar grupp ta’ funzjonijiet. Dan il-kuntratt daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑2014”).

Sadanittant, ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, li seħħet fl‑2014 (1), introduċiet, minn naħa, rata annwali ġdida ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni ta’ 1.8 %, inqas favorevoli mir-rata preċedenti ta’ 1.9 %, u, min-naħa l-oħra, stabbilixxiet l-età tal-irtirar għal 66 sena, kontra t‑63 sena ta’ qabel (2). Madankollu, skont l-iskema tranżitorja prevista fiha, l-uffiċjali li jkunu “daħlu fis-servizz fil-perijodu bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013” ikomplu jiksbu drittijiet għall-pensjoni bir-rata annwali ta’ kisba ta’ 1.9 % (3). Barra minn hekk, “[l]-uffiċjali li fl‑1 ta’ Mejju 2014 ikollhom 35 sena jew aktar u li jkunu daħlu fis-servizz qabel l‑1 ta’ Jannar 2014 għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar fl-età [..] [ta’] 64 sena u 8 xhur” (4). Dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji huma applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013 (5).

Peress li ffirma l-kuntratt il-ġdid tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent talab spjegazzjonijiet lill-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-PMO dwar l-implikazzjonijiet tagħha fuq is-sitwazzjoni tiegħu. Bit-tweġiba tiegħu, l-amministratur ikkonferma li, minħabba t-tibdil fil-kuntratt, ir-rikorrent ma jibbenefikax, mill‑1 ta’ Ġunju 2014, mid-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar.

Peress li l-ilment imressaq mir-rikorrent kontra din it-tweġiba ġie miċħud, huwa ressaq rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tat-tweġiba tal-amministratur kif ukoll tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu. Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jgħid li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni, l-amministrazzjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, bħala d-data tad-dħul fis-servizz, id-data tal‑1 ta’ Lulju 2008, data li fiha huwa kien ġie inizjalment irreklutat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fl-ewwel grupp ta’ funzjonijiet, u mhux id-data tal-bidu tal-kuntratt il-ġdid tal‑2014.

Madankollu, dan ir-rikors huwa miċħud mill-Ewwel Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar, introdotti bir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt li kienu ffirmaw kuntratt ġdid wara l-imsemmija riforma (6).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tittratta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar, stabbiliti permezz tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal favur l-uffiċjali, “għandhom japplikaw b’analoġija għal ħaddiema impjegati [għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013” (7). Il-Qorti Ġenerali tfakkar, fl-ewwel lok, li d-dispożizzjonijiet tranżitorji għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta u li l-applikazzjoni tagħhom b’analoġija għall-membri tal-persunal l-oħra tippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal. F’dan ir-rigward, id-differenza bejn dawn iż-żewġ kategoriji tal-persunal tinsab, b’mod partikolari, fin-natura tal-kompiti mwettqa u fir-rabta ġuridika bejn l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal u l-amministrazzjoni tal-Unjoni. B’mod iktar preċiż, l-uffiċjal jidħol u jibqa’ fis-servizz tal-amministrazzjoni tal-Unjoni bis-saħħa ta’ rabta bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li membru tal-persunal bil-kuntratt jidħol u jibqa’ fil-kariga bis-saħħa ta’ rabta kuntrattwali (8). Għalhekk, sabiex jibbenefikaw mir-regoli tranżitorji, il-membri tal-persunal l-oħra għandhom “ikunu fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013”, jiġifieri jkollhom kuntratt mal-amministrazzjoni tal-Unjoni f’din id-data.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tippreċiża l-kunċett ta’ “li wieħed ikun fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013”. Skont il-Qorti Ġenerali, din is-sitwazzjoni tista’ tiġi stabbilita biss fil-każ fejn il-membru tal-persunal ma jiffirmax kuntratt ġdid li jimplika l-bidu ta’ relazzjoni ta’ xogħol ġdida mal-amministrazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri, fil-każ fejn l-imsemmi kuntratt ma jġibx emenda sostanzjali fil-funzjonijiet tiegħu, li tista’ tqiegħed inkwistjoni l-kontinwità funzjonali tal-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tranżitorji huma applikabbli b’analoġija għall-membri l-oħra tal-persunal fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013 u li jibqgħu hekk, wara din id-data, bis-saħħa ta’ kuntratt li ma jipproduċix nuqqas ta’ kontinwità fir-relazzjoni ta’ impjieg. Din l-interpretazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-valur legali tal-iffirmar ta’ kuntratt ġdid filwaqt li tippreżerva d-drittijiet miksuba u l-aspettattivi leġittimi tal-persunal.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-kuntratt il-ġdid iffirmat mir-rikorrent ippermettielu jaċċedi għal grupp ta’ funzjonijiet superjuri, fatt li ppreġudika l-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol li kellu mal-amministrazzjoni tal-Unjoni bis-saħħa tal-kuntratt tal‑2008. Konsegwentement, għalkemm ir-rikorrent kien fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013 bis-saħħa tal-kuntratt inizjali tal‑2008, il-kuntratt il-ġdid tal‑2014 wassal għal terminazzjoni ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol u għall-bidu ta’ waħda ġdida, b’tali mod li r-rikorrent ma jistax jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar.


1      Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126), daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Novembru 2013 u huwa applikabbli, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet rilevanti għal din il-kawża, mill‑1 ta’ Jannar 2014.


2      It-tieni u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), kif emendati bir-Regolament Nru 1023/2013.


3      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.


4      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.


5      Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.


6      Fir-rigward tal-uffiċjali, fis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il‑Kummissjoni (T‑128/17, EU:T:2018:969), il-Qorti Ġenerali interpretat il-kunċett ta’ “dħul fis-servizz” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar previsti fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.


7      Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013.


8      Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.