Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Lulju 2011 - BP Products North America vs Il-Kunsill

(Kawża T-385/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BP Products North America, Inc. (Naperville, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: H.-J. Prieß u B. Sachs, avukati u C. Farrar, solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011 1 tal-5 ta' Mejju 2011, sa fejn dan jaffettwa lir-rikorrenti;

tannulla l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 444/2011 2 tal-5 ta' Mejju 2011, sa fejn dan jaffettwa lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

1.    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tar-regolamenti ta' bażi ta' dazji antidumping u kompensatorji peress li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 598/2009 u Nru 599/2009 li japplikaw għall-importazzjoni tal-bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka 3 ġew estiżi għal prodotti tal-bijodiżil mhux koperti oriġinarjament mir-regolamenti li jirrigwardaw dazji antidumping u kompensatorji, minflok twettqu investigazzjoni "de novo", minkejja li t-tipi ta' taħlita li s'issa kienu suġġetti għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 444/2011 kienu speċifikament esklużi mill-għan tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 598/2009 u Nru 599/2009.

2.    It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegati żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti, b'mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-prodotti ta' bijodiżil b'livell iktar baxx ta' taħlit (u li ma huma suġġetti għal ebda dazju) ma jistgħux jiġu kkonvertiti mill-ġdid f'taħlit ogħla (li huma suġġetti għad-dazju), b'mod li l-evitar attwalment ma hux possibbli, u fir-rigward tal-allegat evitar mir-rikorrenti billi żbalja manifestament il-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi għall-esportazzjoni mir-rikorrenti.

3.    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali billi naqas milli jipprovdi motivazzjoni adegwata fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 444/2011 għall-estensjoni tad-dazji definittivi għall-prodotti tal-bijodiżil ta' taħlit ta' 20 % jew inqas.

4.    Ir-raba' motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipji bażiċi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta' nondiskriminazzjoni u ta' amministrazzjoni tajba, billi ma jagħtix lir-rikorrenti r-rata tad-dazju applikabbli lil "kumpaniji li kkooperaw" minkejja l-fatt li r-rikorrenti kooperat bis-sħiħ.

____________

1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011, tal-5 ta' Mejju 2011, li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jwaqqaf l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor (ĠU L 122, p. 1)

2 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 444/2011, tal-5 ta' Mejju 2011, li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor (ĠU L 122, p. 12)

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 598/2009, tas-7 ta' Lulju 2009, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 179, p. 1)