Language of document : ECLI:EU:T:2019:237

Kawża T388/11

Deutsche Post AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal10 ta’ April 2019

“Għajnuna mill-Istat – Qasam postali – Finanzjament tal-ispejjeż addizzjonali ta’ salarji u tal-ispejjeż ta’ natura soċjali li jirrigwardaw parti mill-persunal ta’ Deutsche Post permezz ta’ sussidji u ta’ allokazzjoni ta’ dħul mir-remunerazzjoni tas-servizzi b’tariffi rregolati – Deċiżjoni li tiġi estiża l-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida wara l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjoni finali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali li qed tiġi implimentata u li hija kklassifikata provviżorjament bħala għajnuna ġdida – Inklużjoni

(Artikoli 108(2) u (3) u 263 TFUE)

(ara l-punti 41 sa 46)

2.      Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Interess ġuridiku – Eżami ex officio mill-qorti

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 47)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-estensjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali – Annullament mill-qorti tal-Unjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ u tal-għeluq ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni formali preċedenti – Riskju ta’ rkupru tal-għajnuna allegata mill-Kummissjoni – Żamma tal-interess ġuridiku

(Artikolu 108(3) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 48 sa 50, 54, 58 sa 62)

4.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Portata – Adozzjoni ta’ att ġdid fuq il-bażi tal-atti preparatorji preċedenti – Ammissibbiltà

(Artikolu 266 TFUE)

(ara l-punt 53)

5.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-motivi tas-sentenza kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni – Retroattività tal-annullament – Obbligu li jiġi evitat li l-att annullat jiġi ssostitwit b’att ivvizzjat bl-istess difett

(Artikolu 266 TFUE)

(ara l-punti 55 sa 57)

6.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu

(Artikoli 263 u 296(2) TFUE)

(ara l-punt 65)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali kklassifikata provviżorjament bħala għajnuna ġdida – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Artikolu 107(1), Artikoli 108(2) u 296(2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(c); Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 4(2) u (4))

(ara l-punti 67 sa 73, 79 sa 84, 88)

Sunt

Permezz tas-sentenza Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑388/11, EU:T:2019:237), mogħtija fl‑10 ta’ April 2019, bħala kulleġġ ġudikant estiż ta’ ħames Imħallfin, il-Qorti Ġenerali annullat, għal nuqqas ta’ motivazzjoni, deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha hija kienet estendiet proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuniet mill-Istat mogħtija lil Deutsche Post bħala kumpens għall-obbligi tagħha ta’ servizz universali, għas-sussidji mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex ikopru l-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-persuni impjegati bl-istatus ta’ uffiċjal.

Il-kawża odjerna hija parti minn sensiela ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ċerti miżuri favur Deutsche Post u ta’ sentenzi suċċessivi tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja li jannullaw dawn id-deċiżjonijiet. Skont l-obbligi tagħha previsti fl-Artikolu 266 TFUE, il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu l-miżuri li kienet tinvolvi l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi li kisbu l-awtorità tar-res judicata.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, qabel xejn, qieset li l-Kummissjoni dejjem kellha l-possibbiltà li tkompli l-proċedura fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li Deutsche Post baqgħet, konsegwentement, esposta għar-riskju ta’ rkupru tal-għajnuna allegata mill-Kummissjoni li kien jirriżulta minn din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, Deutsche Post kien għad kellha interess li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li tara li din id-deċiżjoni ma tibqax fl-ordinament ġuridiku, sa fejn, fil-każ tal-annullament tagħha, il-Kummissjoni tkun kostretta, fl-ipoteżi li hija tiddeċiedi, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ annullament, li tieħu deċiżjoni ġdida ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni l-ġdida ma hijiex ivvizzjata bl-istess irregolaritajiet bħad-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha li ġew qabilha. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kumplessità proċedurali eċċezzjonali marbuta mal-eżistenza ta’ diversi deċiżjonijiet amministrattivi u ġuridiċi dwar l-istess miżuri ta’ għajnuna, Deutsche Post kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali partikolari li setgħet tiġi kkjarifikata biss bl-investigazzjoni fil-mertu tal-kawża odjerna u l-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li kien isaħħaħ l-interess ġuridiku tagħha kontra din id-deċiżjoni.

Fid-dawl ta’ dan il-kuntest proċedurali partikolari tal-kawża, jiġifieri l-fatt li hemm diversi proċeduri ta’ investigazzjoni formali miftuħa mill-Kummissjoni li jidħlu f’xulxin, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet suġġetta, meta hija kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata, għal obbligu ta’ motivazzjoni speċifiku fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-obbligu ta’ motivazzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv fil-konfront ta’ Deutsche Post, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kien impost diġà fuq il-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u mhux biss għall-finijiet tad-deċiżjoni meħuda wara tali proċedura.