Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2008 - M6 vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-568/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Métropole Télévision SA (M6) (Neuilly-sur-Seine, Franza) (rappreżentanti: O. Freget u N. Chahid-Nouraï, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta' Lulju 2008, fil-Każ N 279/2008-Franza (Għoti ta' kapital lil France Télévisions);

tobbliga lill-Kummissjoni tibda proċedura formali ta' eżami tal-għajnuna, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3506 finali, tas-16 ta' Lulju 2008, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat l-għajnuna taħt il-forma ta' għoti ta' kapital ta' EUR 150 miljun lil France Télévisions kumpatibbli mas-suq komuni. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti titlob il-ftuħ ta' proċedura formali ta' eżami skont l-Artikolu 88(2) KE.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi li jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata bbażati fuq:

-     ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, inkwantu l-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, u b'mod partikolari, dik dwar ir-rabta kawżali diretta bejn id-dikjarazzjoni tal-President tar-Repubblika Franċiża tat-8 ta' Jannar 2008 dwar it-tneħħija tar-reklamar kummerċjali fuq l-istazzjonijiet tal-grupp France Télévisions u t-telf ta' dħul subit minnhom, joħolqu diffikultajiet ta' tali natura li jiġġustifikaw il-ftuħ ta' proċedura formali ta' eżami skont l-Artikolu 88(2) KE sabiex il-kompetituri tal-grupp France Télévisions ikunu jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom;

-     il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed tagħrif dwar l-oriġini tat-tnaqqis tad-dħul pubbliċitarju u dwar l-użu tal-kapital mogħti lil France Télévisions, inkwantu l-Kummissjoni ma aċċertatx ruħha bin-newtralità, l-imparzjalità u l-ħtieġa ta' analiżi profonda mitluba mir-realtà u l-affidabbiltà tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha dwar il-kawżi reali tat-telf pubbliċitarju ta' France Télévisions u l-għoti finali tal-ammonti mħallsa mir-Repubblika Franċiża lil France Télévisions;

-    nuqqas ta' motivazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni i) ma mmotivatx biżżejjed l-importanza mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata lill-effett tad-dikjarazzjoni Presidenzjali tat-8 ta' Jannar 2008 li rreferiet għat-tneħħija tal-pubbliċità mill-istazzjonijiet pubbliċi, ii) ma kkunsidratx l-influwenza, fuq il-ġestjoni pubbliċitarja, tal-"iffokkar" tal-attivitajiet ta' France Télévisions fuq attivitajiet tas-servizz pubbliku u iii) ma kkunsidratx ir-reazzjonijiet tal-operaturi privati, fosthom ir-rikorrenti.

____________