Language of document : ECLI:EU:C:2009:69

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Frar 2009 (*)

“Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin –Regolament (KE) Nru 44/2001– Kamp ta’ applikazzjoni – Ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tagħti deċiżjoni dwar ordni intiża li tipprojbixxi lil parti milli tibda jew tkompli proċeduri quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor għar‑raġuni li din il-proċedura tmur kontra ftehim ta’ arbitraġġ – Konvenzjoni ta’ New York”

Fil-Kawża C‑185/07,

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skont l‑Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mill-House of Lords (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit-2 ta’ April 2007, fil-proċedura

Allianz SpA, li qabel kienet Riunione Adriatica di Sicurtà SpA,

Generali Assicurazioni Generali SpA,

vs

West Tankers Inc.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u A. Ó Caoimh, Presidenti tal-Awla, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, J. Klučka (Relatur), E. Levits u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Allianz SpA, li qabel kienet Riunione Adriatica di Sicurta SpA, u Generali Assicurazioni Generali SpA, minn S. Males, QC, assistit minn S. Masters, barrister,

–        għal West Tankers Inc., minn I. Chetwood, solicitor, assistit minn T. Brenton, u D. Bailey, barristers,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit minn V. Jackson u S. Behzadi‑Spencer, bħala aġenti, assistiti minn V. Veeder u A. Layton, QC,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.‑L. During, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42-64).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Allianz SpA, li qabel kienet Riunione Adriatica Di Sicurtà SpA u Generali Assicurazioni Generali SpA, (iktar ’il quddiem, flimkien, “Allianz u Generali”) u West Tankers Inc. (iktar ’il quddiem “West Tankers”) dwar obbligi li jirriżultaw minn delitt ta’ West Tankers.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, iffirmata fi New York fl-10 ta’ Ġunju 1958 (Ġabra tat-Trattati tal-Ġnus Magħquda, Volum 330, p. 3, iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ New York”), tistipula fl-Artikolu II(3):

“Il-qorti tal-Istat kontraenti, meta quddiemha titressaq kawża dwar kwistjoni li fuqha l-partijiet ikunu kkonkludew konvenzjoni fl-ambitu tat-tifsira ta’ dan l‑artikolu, għandha, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tirrinvija l-partijiet għall‑arbitraġġ, sakemm ma ssibx li l-imsemmija konvenzjoni hija nulla u bla effett, mhux operattiva jew li ma tistax tiġi applikata.” 

 Id-dritt Komunitarju

4        Skont id-dispożizzjonijiet tal-ħamsa u għoxrin premessa tar‑Regolament Nru 44/2001:

“Ir-rispett għall-impennji internazzjonali li kienu daħlu għalihom l-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa konvenzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ materji speċifiċi li għalihom huma partijiet l-Istati Membri.”

5        L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament jistipula:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

d)      arbitraġġ.”

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

 Id-dritt nazzjonali

7        L-Artikolu 37(1) tal-Att dwar il-Qorti Suprema 1981 (Supreme Court Act 1981) jipprovdi:

“Il-High Court tista’, permezz ta’ digriet interlokutorju jew finali toħroġ ordni fil-każijiet kollha fejn jidher għall-qorti li huwa ġust u xieraq li jsir hekk […].”

8        Il-liġi tal-1996 dwar l-Arbitraġġ (Arbitration Act 1996), tipprovdi fl-Artikolu 44 tagħha, intitolat “Setgħat ġurisdizzjonali li jistgħu jiġu eżerċitati insostenn tal‑proċeduri ta’ arbitraġġ”:

“1) Sakemm ma jkunx hemm ftehim differenti bejn il-partijiet, il-qorti għandha, għall‑għanijiet u inkonnessjoni mal-proċedura ta’ arbitraġġ,, l-istess setgħa ta’ ordni, fil-materji elenkati hawn taħt, bħal kif għandha għall-għanjiet u inkonnessjoni mal‑proċeduri ġudizzjarji.

2) Dawn il-materji huma dawn li ġejjin:

[…]

e) il-ħruġ ta’ ordni provviżorja […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        F’Awwissu 2000, il-Front Comor, bastiment li huwa proprjetà ta’ West Tankers u li nkera lil Erg Petroli SpA (iktar ’il quddiem “Erg”), ħabat ma’ moll proprjetà ta’ Erg ġewwa Siracusa (l-Italja) u kkaġuna ħsarat. Il-kuntratt ta’ kera kien taħt il-liġi Ingliża u kien jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ arbitraġġ”) ġewwa Londra (ir-Renju Unit).

10      Erg għamlet talba lill-assiguraturi tagħha, Allianz u Generali, sabiex tingħata kumpens sal-limitu ta’ koperatura tal-assigurazzjoni tagħha, u bdiet, f’Londra, proċedura ta’ arbitraġġ kontra West Tankers għall‑bqija. West Tankers ikkontestat ir-responsabbiltà tagħha għad-danni kkawżati mill-kolliżjoni.

11      Wara li ħallsu lil Erg, skont il-poloz ta’ assigurazzjoni, il-kumpens għad-dannu li hija ġarrbet, Allianz u Generali ippreżentaw, fit-30 ta’ Lulju 2003, rikors kontra West Tankers quddiem it-Tribunale di Siracusa (l-Italja) sabiex jirkupraw l‑ammonti li huma ħallsu lil Erg. Huma bbażaw ruħhom fuq id-dritt legali tagħhom ta’ surroga fid-drittijiet ta’ Erg, skont l-Artikolu 1916 tal-Kodiċi Ċivili Taljan. West Tankers qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti bbażata fuq l-eżistenza tal‑ftehim ta’ arbitraġġ.

12      Parallelament, West Tankers bdiet, fl-10 ta’ Settembru 2004, proċedura quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (ir-Renju Unit), sabiex titlob li jiġi deċiż li l-kawża bejnha stess, minn naħa, u Allianz u Generali, min-naħa l-oħra, tiġi suġġetta għall-arbitraġġ skont l-imsemmi ftehim ta’ arbitraġġ. West Tankers talbet ukoll li jingħata ordni li tipprojbixxi lil Allianz u Generali milli jirrikorru għal proċedura li mhijiex dik ta’ arbitraġġ u sabiex titkompla l‑proċedura li nfetħet quddiem it-Tribunale di Siracusa (iktar ’il quddiem l-“anti‑suit injunction”).

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2005, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) laqgħet it-talbiet ta’ West Tankers u qatgħet l-“anti-suit injunction” mitluba kontra Allianz u Generali. Dawn tal-aħħar ippreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-House of Lords. Huma sostnew li l‑għoti ta’ din id-deċiżjoni jmur kontra r-Regolament Nru 44/2001.

14      Il-House of Lords l-ewwel nett irreferiet għas-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C-116/02, Ġabra p. I-14693), u tas-27 ta’ April 2004, Turner (C-159/02, Ġabra p. I‑3565), li kienu, fis-sustanza, iddeċidew li ordni li tipprojbixxi lil parti milli tibda jew tkompli proċeduri quddiem qorti ta’ Stat Membru ma tistax tkun kompatibbli mas‑sistema stabilita mir-Regolament Nru 44/2001, anki meta din tingħata mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament. Dan peress li l‑imsemmi regolament jagħti ġabra kompluta ta’ regoli uniformi fuq l‑attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri, li għandhom jagħtu fiduċja reċiproka fl‑implementazzjoni korretta tal‑imsemmija regoli.

15      Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax, skont il-House of Lords, jiġi estiż għall‑arbitraġġ, li huwa kompletament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 44/2001, skont l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu. F’dan il-qasam, m’hemmx ġabra ta’ regoli Komunitarji uniformi, kundizzjoni li hija meħtieġa sabiex il-fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal‑Istati Membri tista’ tiġi stabbilita u applikata. Barra minn hekk, mis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Rich (C‑190/89, Ġabra p. I-3855) jirriżulta li l-esklużjoni fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax biss għall-proċeduri ta’ arbitraġġ fihom infushom, iżda wkoll għall-proċeduri ġudizzjarji li s-suġġett tagħhom huwa l-arbitraġġ. Is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Van Uden (C-391/95, Ġabra p. I-7091) spjegat li l-arbitraġġ ikun is-suġġett ta’ proċedura meta hija tkun intiża li tipproteġi d-dritt ta’ soluzzjoni tal‑kawża permezz ta’ arbitraġġ, kif inhuwa l-każ fil-kawża prinċipali.

16      Il-House of Lords tkompli tgħid li, peress li s-suġġetti kollha ta’ arbitraġġ huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 44/2001, l-ordni li saret lil Allianz u Generali, li tipprojbixxihom milli jirrikorru għal proċedura li mhijiex dik ta’ arbitraġġ, u li jkomplu l-proċeduri quddiem it-Tribunale di Siracusa, ma tistax tikser l-imsemmi regolament.

17      Fl-aħħar nett, il-House of Lords irrilevat li l-qrati tar-Renju Unit għamlu użu mill-“anti-suit injunctions” għal diversi snin. Din il-prattika hija fil-fehma tagħhom mezz effettiv għall-qorti li jkollha s-sede tal-arbitraġġ, li teżerċita l-kontroll tagħha fuqu, peress li tippromwovi ċ-ċertezza legali billi tnaqqas il-possibbiltajiet ta’ kunflitt bejn id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali. Barra minn hekk, kieku l-imsemmija prattika kienet adottata wkoll mill-qrati tal-Istati Membri oħra, hija tgħin il-kompetittività tal-Komunità Ewropea fir-rigward ta’ ċentri dinjija ta’ arbitraġġ bħal New York, Bermuda u Singapore.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-House of Lords iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt, għal qorti ta’ Stat Membru, li tadotta deċiżjoni li tipprojbixxi lil persuna milli tibda jew tkompli proċedura legali fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il‑proċedura tikser ftehim ta’ arbitraġġ, huwa kompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 44/2001?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-House of Lords titlob, essenzjalment, jekk l‑adozzjoni, minn qorti ta’ Stat Membru, ta’ ordni intiża li tipprojbixxi lil persuna milli tibda jew issegwi proċedura quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il-proċedura tmur kontra ftehim ta’ arbitraġġ, hijiex inkompatibbli mar-Regolament Nru 44/2001, għalkemm l-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan ir-regolament jeskludi l-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

20      “Anti-suit injunction”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi indirizzata lejn awtur attwali jew potenzjali ta’ rikors barra mill-pajjiż. Kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 14 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-każ fejn id-destinatarju ta’ din l-ordni ma jkunx konformi magħha, huwa jkun jista’ jiġi suġġett għal proċeduri ta’ disprezz tal-qorti, u jista’ jiġi ppenalizzat permezz tar‑restrizzjoni tal-libertà tiegħu jew tal-qbid tal-beni tiegħu.

21      Kemm West Tankers kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidraw li din l‑ordni ma tistax tkun inkompatibbli mar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn l‑Artikolu 1(2)(d) tiegħu jeskludi l-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmi regolament.

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li sabiex jiġi deċiż jekk kawża taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s‑suġġett tal-proċedura biss (sentenza Rich, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). B’mod iktar preċiż, l-appartenenza għall-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament 44/2001 hija ddeterminata min-natura tad-drittijiet li l-proċedura inkwistjoni tiżgura l-protezzjoni (sentenza Van Uden, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

23      Proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għall-adozzjoni ta’ “anti‑suit injunction”, ma tistax għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 44/2001.

24      Madankollu, għalkemm proċedura ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 44/2001, xorta jista’ jkollha konsegwenzi li jikkawżaw ħsara għall-effett utli tiegħu, jiġifieri li timpedixxi t-twettiq tal-għanijiet tal‑unifikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll il‑moviment liberu tad-deċiżjonijiet f’din l-istess materja. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta din il-proċedura timpedixxi lil qorti ta’ Stat Membru milli teżerċita l-ġurisdizzjoni li ġiet assenjata lilha taħt ir-Regolament Nru 44/2001.

25      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-proċeduri li saru minn Allianz u Generali kontra West Tankers quddiem it-Tribunale di Siracusa jaqgħux ukoll taħt ir‑Regolament Nru 44/2001 u wara, liema huma l-effetti tal-“anti-suit injunction” fuq dawn il-proċeduri.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tagħha, li, jekk, minħabba s-suġġett tal‑kawża, jiġifieri n‑natura tad-drittijiet li għandhom jiġu protetti fi proċedura, bħal ma hija talba għad-danni, din il-proċedura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, kwistjoni preliminari dwar l-applikazzjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, inkluż b’mod partikolari dwar il-validità tiegħu, taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-punt 35 tar-Rapport dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika Ellenika għall‑Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), ippreżentat minn Evrigenis u Kerameus (ĠU 1986, C 298, p. 1, punt 35). Dan jindika li l‑verifika inċidentali tal‑validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, mitluba minn parti, sabiex tikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li quddiemha qed titressaq, għandha titqies, skont il‑Konvenzjoni ta’ Brussell, li taqa’ fl-ambitu tal-iskop tagħha.

27      Isegwi li l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, imqajma minn West Tankers quddiem it-Tribunale di Siracusa u bbażata fuq l-eżistenza ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, inkluża l-kwistjoni tal-validità ta’ dan tal-aħħar, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 44/2001 u li għalhekk hija din il‑qorti biss li għandha tiddeċiedi fuq din l-eċċezzjoni kif ukoll fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess skont l-Artikoli 1(2)(d) u 5(3) ta’ dan ir‑regolament.

28      Għalhekk il-fatt li, permezz ta “anti-suit injunction”, qorti ta’ Stat Membru, li normalment għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kawża skont l‑Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tiġi prekluża milli tiddeċiedi kawża skont l-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan ir-regolament, dwar l-applikabbiltà stess ta’ dan ir-regolament għall-kawża li titressaq quddiemha, ifisser neċessarjament li tkun tneħħiet is-setgħa lil din il-qorti li tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess skont ir-Regolament Nru 44/2001.

29      Isegwi li, l-ewwel nett, “anti-suit injunction”, bħal dik fil-kawża prinċipali, ma tosservax, kif ukoll irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal‑konklużjonijiet tagħha, il-prinċipju ġenerali li huwa dedott mill‑ġurispudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jgħid li kull qorti li quddiemha titressaq il-kawża tiddeċiedi hija stess, skont ir‑regoli applikabbli għaliha, jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża li titressaq quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49). F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 44/2001 ma jawtorizzax, minbarra xi eċċezzjonijiet limitati, li mhumiex rilevanti f’din il-kawża prinċipali, ir-reviżjoni tal‑ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru minn qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1991, Overseas Union Insurance et, C‑351/89, Ġabra p. I-3317, punt 24, kif ukoll Turner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). Din il‑ġurisdizzjoni hija stabbilita direttament mir‑regoli li jinsabu f’dan ir-regolament, fosthom dawk li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Qorti ta’ Stat Membru għalhekk qatt ma tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tiddeċiedi dwar il‑ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Overseas Union Insurance et, punt 23, u Gasser, punt 48).

30      Għalhekk, meta l-qorti ta’ Stat Membru ieħor tiġi ostakolata fl‑eżerċizzju tas‑setgħat li r-Regolament Nru 44/2001 jagħtiha, jiġifieri, li tiddeċiedi, skont ir‑regoli li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir‑regolament, fosthom l‑Artikolu 1(2)(d) tiegħu, jekk l‑imsemmi regolament huwiex applikabbli, din l‑“anti-suit injunction” fl‑istess ħin tmur kontra l-fiduċja li l-Istati Membri jagħtu reċiprokament lis-sistemi legali tagħhom kif ukoll lill‑istituzzjonijiet ġuridiċi tagħhom, u li fuqhom hija bbażata s-sistema ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Turner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

31      Fl-aħħar nett, jekk, permezz ta’ “anti-suit injunction”, it-Tribunale di Siracusa kien prekluż milli jeżamina huwa stess il-kwistjoni preliminari dwar il-validità jew l‑applikazzjoni tal-ftehim ta’ arbitraġġ, parti tista’ tevita l-proċeduri sempliċement billi teċċepixxi l-imsemmija konvenzjoni u r-rikorrent, li jikkunsidra li din tal-aħħar hija nulla u bla effett, mhux operattiva jew li ma tistax tiġi applikata, isib ruħu mingħajr aċċess għall-qorti tal-Istat li jkun ippreżenta rikors quddiemha skont l-Artikolu 5(3) tar‑Regolament 44/2001 u b’hekk jiġi mċaħħad mill-protezzjoni ġuridika li għandu dritt għaliha.

32      Għalhekk, “anti-suit injunction”, bħal dik fil-kawża prinċipali, mhijiex kompatibbli mar-Regolament Nru 44/2001.

33      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-Artikolu II(3) tal-Konvenzjoni ta’ New York, li jgħid li hija l-qorti ta’ Stat kontraenti, li quddiemha titressaq kawża dwar kwistjoni li fuqha l-partijiet ikkonkludew ftehim ta’ arbitraġġ, li tirrinvija lill‑partijiet għall-arbitraġġ, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, sakemm ma tistabbilixxix li l‑imsemmi ftehim huwa null u bla effett, mhux operattiv jew li ma jistax jiġi applikat.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, id-domanda għandha tingħatalha r-risposta li l-adozzjoni, minn qorti ta’ Stat Membru, ta’ ordni intiża li tipprojbixxi lil persuna milli tibda jew tkompli proċedura quddiem il‑qrati ta’ Stat Membru ieħor, għar-raġuni li din il-proċedura tmur kontra ftehim ta’ arbitraġġ, hija inkompatibbli mar-Regolament Nru 44/2001.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-adozzjoni, minn qorti ta’ Stat Membru, ta’ ordni intiża li tipprojbixxi lil persuna milli tibda jew tkompli proċedura quddiem il‑qrati ta’ Stat Membru ieħor, għar-raġuni li din il-proċedura tmur kontra ftehim ta’ arbitraġġ, hija inkompatibbli mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.