Language of document : ECLI:EU:C:2021:471

Kawża C65/20

VI

vs

KRONE - Verlag Gesellschaft mbH & Co KG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal10 ta’ Ġunju 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Direttiva 85/374/KEE – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘prodott difettuż’ – Kopja ta’ gazzetta stampata li fiha parir ineżatt fuq is-saħħa – Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni”

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Direttiva 85/374 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ “prodott difettuż” – Kopja ta’ gazzetta stampata li fiha parir ineżatt fuq is-saħħa – Esklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 85/374, is-sitt premessa, Artikoli 1, 2 u 6)

(ara l-punti 33 sa 42, u d-dispożittiv)

Sunt

Artiklu f’gazzetta stampata, li jagħti parir ineżatt fuq is-saħħa dwar l-użu ta’ pjanta, li l-konformità miegħu kkawżat dannu lis-saħħa ta’ qarrej, ma jikkostitwixxix prodott difettuż fis-sens tad-dritt tal-Unjoni

Għaldaqstant tali artiklu ma jistax jistabbilixxi r-responsabbiltà mingħajr ħtija tal-pubblikatur jew tal-istampatur tal-imsemmija gazzetta skont id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi

KRONE - Verlag hija kumpannija tal-istampa stabbilita fl-Awstrija. Hija l-proprjetarja ta’ mezzi ta’ kommunikazzjoni u l-pubblikatriċi ta’ edizzjoni reġjonali tal-gazzetta KronenZeitung. Fil‑31 ta’ Diċembru 2016, hija ppubblikat fiha artiklu dwar il-benefiċċji ta’ applikazzjoni ta’ saff għerq il-mustarda maħkuk, iffirmat minn membru ta’ ordni reliġjuż li, fil-kapaċità tiegħu ta’ espert fil-qasam tal-ħxejjex mediċinali, jagħti pariri b’xejn f’kolonna ppubblikata kuljum minn din il-gazzetta.

It-test tal-artiklu kien jaqra hekk:

“Taffi l-uġigħ rewmatiku

Għerq il-mustarda frisk maħkuk oħxon jista’ jgħin sabiex inaqqas l-uġigħ li wieħed iħoss minħabba r-rewmatiżmu. L-ewwel, ogħrok żejt veġetali xaħmi jew xaħam fuq iż-żoni affettwati qabel ma tapplika saff għerq il-mustarda maħkuk fuqhom u agħfas fuqhom. Tista’ tħalli dan is-saff bejn sagħtejn u ħames sigħat qabel ma tneħħih. L-applikazzjoni tiegħu jkollha effett pożittiv ta’ tbattil.”

Madankollu, it-tul ta’ żmien, ta’ bejn sagħtejn u ħames sigħat, indikat fl-artiklu, li matulu kellha tiġi applikata s-sustanza, kien ineżatt, peress li ntużat il-kelma “sigħat” minflok il-kelma “minuti”. Ir-rikorrenti, ċittadina Awstrijaka, segwiet it-tul ta’ żmien ta’ trattament imsemmi fl-artiklu, applikat din is-sustanza fuq il-ġog tal-għaksa ta’ sieqha, għal madwar tliet sigħat u neħħietha biss wara li ħasset uġigħ qawwi dovut għal reazzjoni tossika tal-ġilda.

Peress li kienet tqis li sofriet dannu, ir-rikorrenti ressqet talba għall-kumpens għad-dannu fiżiku kontra KRONE - Verlag. Peress li din it-talba ġiet miċħuda fl-ewwel istanza u fl-appell, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija).

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari minn din il-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li kopja ta’ gazzetta stampata li, meta tittratta suġġett paramediku, tagħti parir ineżatt fuq is-saħħa dwar l-użu ta’ pjanta, li l-konformità miegħu tikkawża dannu lis-saħħa ta’ qarrej ta’ din il-gazzetta, ma tikkostitwixxix “prodott difettuż” fis-sens tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi (1).

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza qabel kollox li prodott ikun difettuż, fis-sens tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi (2), meta ma jipprovdix is-sigurtà li tista’ leġittimament tiġi mistennija. In-natura difettuża tiegħu tiġi ddeterminata abbażi ta’ ċerti elementi li huma intrinsiċi għall-prodott innifsu u li huma marbuta, b’mod partikolari, mal-preżentazzjoni tiegħu, mal-użu tiegħu kif ukoll mal-mument tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tiegħu.

Sussegwentement, filwaqt li tfakkar li l-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’din id-direttiva fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal prodotti difettużi għad-danni kkawżati minn servizz li l-prodott jikkostitwixxi biss il-mezz fiżiku tiegħu tirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, f’dan il-każ, il-parir ineżatt ma huwiex relatat mal-gazzetta stampata li tikkostitwixxi l-mezz tiegħu. B’mod partikolari, dan is-servizz la jirrigwarda l-preżentazzjoni u lanqas l-użu ta’ din tal-aħħar, b’mod li l-imsemmi servizz ma jagħmilx parti mill-elementi li huma intrinsiċi għall-gazzetta stampata li, waħedhom, jippermettu li jiġi evalwat jekk dan il-prodott huwiex difettuż.

Fl-aħħar nett, filwaqt li tenfasizza li r-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi u r-responsabbiltà tal-manifatturi ta’ prodotti lesti jikkostitwixxu żewġ sistemi ta’ responsabbiltà distinti, inkwantu l-attività tal-fornituri ta’ servizzi ma hijiex assimilata ma’ dik tal-produtturi, tal-importaturi u tal-fornituri, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi, is-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur għandha tkun is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni distinta (3).

Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, parir ineżatt fuq is-saħħa, li jiġi ppubblikat f’gazzetta stampata u li jirrigwarda l-użu ta’ oġġett tanġibbli ieħor, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi u ma huwiex ta’ natura li jirrendi din il-gazzetta difettuża u li jistabbilixxi, abbażi ta’ din id-direttiva, ir-responsabbiltà mingħajr ħtija tal-“produttur”, kemm jekk dan ikun il-pubblikatur jew l-istampatur tal-imsemmija gazzetta jew anki l-awtur tal-artiklu.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, għalkemm ir-responsabbiltà mingħajr ħtija għal prodotti difettużi, prevista minn din id-direttiva, ma hijiex applikabbli għall-kawża preżenti, sistemi oħra ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali msejsa fuq bażijiet differenti, bħall-garanzija fir-rigward ta’ difetti moħbija jew il-ħtija, jistgħu jkunu applikabbli.


1      Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257), kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147), moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.


2      Artikolu 6 tad-Direttiva.


3      Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi COM (90) 482 final (ĠU 1991, C 12, p. 8), ippreżentata mill-Kummissjoni fid‑9 ta’ Novembru 1990.