Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Settembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof - il-Ġermanja) – Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. vs TC Medical Air Ambulance Agency GmbH

(KawżaC-633/20) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Suq uniku tal-assigurazzjoni – Direttiva 2002/92/KE – Kunċett ta’ ‘intermedjarju tal-assigurazzjoni’ – Attività ta’ ‘medjazzjoni fl-assigurazzjoni’ – Direttiva (UE) 2016/97 – Attività ta’ ‘distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni’ – Kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi – Sħubija f’assigurazzjoni ta’ grupp – Trasferiment tad-drittijiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni – Servizzi ta’ assigurazzjoni fil-każ ta’ mard jew inċident barra mill-pajjiż – Remunerazzjoni mħallsa mill-membru bħala korrispettiv għall-kopertura tal-assigurazzjoni miksuba – Protezzjoni tal-konsumaturi – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-intermedjarji tal-assigurazzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

Konvenut: TC Medical Air Ambulance Agency GmbH

Dispożittiv

Il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014, u l-punti 1, 3 u 8 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

taqa’ taħt il-kunċett ta’ “intermedjarju tal-assigurazzjoni” u, għaldaqstant, dak ta’ “distributur tal-assigurazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, persuna ġuridika li l-attività tagħha tikkonsisti fil-proposta lill-klijenti tagħha li jissieħbu fuq bażi volontarja, bħala korrispettiv għal remunerazzjoni li hija tirċievi mingħandhom, ma’ assigurazzjoni ta’ grupp li hija tkun issottoskriviet għaliha minn qabel ma’ kumpannija tal-assigurazzjonijiet, fejn din is-sħubija tagħti lil dawn il-klijenti d-dritt għal servizzi ta’ assigurazzjoni f’każ, b’mod partikolari, ta’ mard jew inċident barra mill-pajjiż.

____________

1     ĠU C 62, 22.02.2021.