Language of document : ECLI:EU:T:2013:487

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

10 ta’ Settembru 2013

Kawża T‑199/11 P-REV

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċedura — Talba għal reviżjoni — Assenza ta’ fatt ġdid — Inammissibbiltà”

Suġġett:      Talba għal reviżjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2012, Strack vs Il-Kummissjoni (T‑199/11 P).

Deċiżjoni:      It-talba għal reviżjoni hija miċħuda bħala manifestament inammissibbli. Guido Strack huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Reviżjoni ta’ sentenza — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba — Fatt ġdid — Kunċett — Fatt magħruf qabel ma tingħata s-sentenza — Esklużjoni — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Spejjeż fiergħa jew vessatorji imposti fuq istituzzjoni permezz ta’ talba għal reviżjoni inammissibbli ta’ ex uffiċjal

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 87(3))

1.       Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, ir-reviżjoni ta’ sentenza tista’ biss tintalab minħabba skoperta ta’ fatt jew fatti ġodda ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva u li, qabel il-qtugħ tas-sentenza, ma kinux magħrufa mill-qorti adita u mill-parti li qed titlob ir-reviżjoni. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, huwa biss jekk il-qorti tikkonstata l-eżistenza ta’ fatt ġdid, tirrikonoxxi li jkollu l-karatteristiċi li jagħtu lok għall-ftuħ tal-proċedura għal reviżjoni, u tiddikjara, konsegwentement, li t-talba hija ammissibbli, li hija tista’ teżamina l-kawża fil-mertu.

Għalhekk, ir-reviżjoni ma tikkostitwixxix appell, iżda appell straordinarju li jippermetti li titqiegħed inkwistjoni l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ sentenza definittiva minħabba konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom il-qorti kienet ibbażat ruħha. Ir-reviżjoni tippreżupponi l-iskoperta ta’ elementi ta’ natura fattwali li jippreċedu l-għoti tas-sentenza, li ma jkunux magħrufa sa dak iż-żmien mill-qorti li tat din is-sentenza kif ukoll mill-parti li qed titlob ir-reviżjoni u li, jekk l-imsemmija qorti setgħet teħodhom inkunsiderazzjoni, setgħu jwasslu sabiex tingħata soluzzjoni differenti tal-kawża. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura straordinarja tal-proċedura ta’ reviżjoni, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ talba għal reviżjoni ta’ sentenza għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

Għalhekk hija manifestament inammissibbli talba għal reviżjoni li insostenn tagħha huwa invokat fatt magħruf qabel ma tingħata s-sentenza mill-konvenuta fl-istadju tat-talba għal reviżjoni.

(ara l-punti 11, 12 u 22)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 16 ta’ April 2012, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni, T-40/07 P-REV u T-62/07 P-REV, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 23 u 24)