Language of document : ECLI:EU:F:2014:246

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

13 ta’ Novembru 2014

Kawża F‑78/13

Stéphane De Loecker

vs

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku — Persunal tas-SEAE — Membru tal-persunal temporanju — Kap ta’ delegazzjoni f’pajjiż terz — Waqfien antiċipat tal-funzjonijiet ta’ kap ta’ delegazzjoni — Trasferiment lejn is-sede tas-SEAE — Drittijiet tad-difiża — Interess tas-servizz — Motivazzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu S. De Loecker jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2013 li permezz tagħha l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASKK”) tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ipproċediet, fl-interess tas-servizz, sabiex tittrasferixxih mill-pożizzjoni tiegħu f’Bujumbura (il-Burundi) għal pożizzjoni fi Brussell (il-Belġju).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. S. de Loecker għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Portata — Oneru tal-prova

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a))

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ membru tal-persunal temporanju — Rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva — Obbligu għall-amministrazzjoni li ddaħħal ir-rapport fil-fajl individwali tal-parti kkonċernata — Assenza — Obbligu li r-rapport sħiħ ta’ investigazzjoni amministrattiva jiġi trażmess lill-parti kkonċernata — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 26 u Anness IX; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 11 u 50a)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Interess tas-servizz — Osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2(e) u 10(1))

4.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni għal impjieg ta’ kap ta’ delegazzjoni tal-Unjoni — Assenjazzjoni lura lejn is-sede fl-interess tas-servizz — Notifika tat-tluq definittiv tal-kap ta’ delegazzjoni tal-Unjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 221 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427, Artikolu 5)

1.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Il-kundizzjoni tar-rispett ta’ dawn id-drittijiet li tikkonsisti f’li l-parti kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tesprimi l-perspettiva tagħha qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tista’ titqies li ġiet sodisfatta biss jekk l-uffiċjal ikun ġie espressament informat dwar abbozz ta’ deċiżjoni u jkun ġie mistieden iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu. F’dan ir-rigward, id-dritt rikonoxxut lill-parti kkonċernata ma jinvolvix biss is-sempliċi possibbiltà li jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu, bħala tali, għall-hekk imsejħa deċiżjoni li għandha tingħata, iżda jimplika l-possibbiltà li tagħmel osservazzjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut tad-deċiżjoni li għandha tittieħed.

Għalhekk, meta deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid lura lejn is-sede tikkostitwixxi miżura li taffettwa b’mod sfavorevoli lil membru tal-persunal temporanju tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), huwa dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandu jisma’ debitament lill-parti kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmi servizz għandu jipproduċi l-prova li l-parti kkonċernata setgħet tesprimi l-perspettiva tagħha b’mod effettiv kemm fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid eventwali immedjata lejn is-sede kif ukoll fir-rigward tar-raġunijiet wara din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 33, 34 u 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punti 57, 58 u 70

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, EU:T:2011:465, punt 116

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Delcroix vs SEAE, F‑11/13, EU:F:2014:91, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Mill-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, ma jirriżultax li l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li ddaħħal fil-fajl individwali ta’ uffiċjal, wara li tkun saret komunikazzjoni f’dan is-sens, ir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva li għaliha kien suġġett dan tal-aħħar. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-investigazzjonijiet amministrattivi, li jinsabu fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolata “Proċeduri dixxiplinari” u applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 50a tal-imsemmija kundizzjonijiet tal-impjieg, lanqas ma jipprovdu l-obbligu li r-rapport sħiħ ta’ investigazzjoni jiġi kkomunikat lill-parti kkonċernata. Fil-fatt, minn naħa, konformement mal-Artikolu 1(3) u mal-Artikolu 2(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, hija d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni fir-rigward ta’ investigazzjoni amministrattiva li tista’ tiġi inkluża fil-fajl personali tal-parti kkonċernata, dejjem sa kemm dan tal-aħħar jagħmel talba espliċita f’dan is-sens. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-amministrazzjoni għandha tinforma lill-parti kkonċernata dwar tmiem l-investigazzjoni u li hija għandha tikkomunikalha biss il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-amministrazzjoni għandha tikkomunikalha, fuq talba tagħha u suġġett għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tat-terzi, id-dokumenti kollha li għandhom relazzjoni diretta mal-allegazzjonijiet ifformulati fil-konfront tagħha.

(ara l-punti 50 u 51)

3.      L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fir-rigward ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-assenjazzjoni, minn naħa, issir fl-interess tas-servizz u, min-naħa l-oħra, li hija tosserva l-ekwivalenza tal-impjiegi. Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-osservanza tal-kundizzjoni relatata mal-interess tas-servizz għandha tillimita ruħha għall-kwistjoni dwar jekk l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ baqgħetx fil-limiti raġonevoli tagħha u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat. F’dan ir-rigward, meta diffikultajiet interni ta’ relazzjoni jikkawżaw tensjonijiet li jikkawżaw dannu fuq il-funzjonament it-tajjeb tas-servizz, dawn jistgħu jiġġustifikaw, fl-interess tas-servizz, it-trasferiment ta’ uffiċjal, sabiex tintemm sitwazzjoni amministrattiva li tkun saret irretenibbli. Barra minn hekk, assenjazzjoni mill-ġdid deċiża fl-interess tas-servizz ma tirrikjedix il-kunsens tal-uffiċjal ikkonċernat.

Għandu jingħad ukoll li r-rwol tal-funzjonijiet diplomatiċi huwa li tiġi pprevenuta kull tensjoni u sabiex jiġu mtaffija dawk li madankollu jistgħu jirriżultaw. Barra minn hekk, huma jeħtieġu imperattivament il-kunfidenza tal-interlokuturi. B’hekk, fil-mument li din il-kunfidenza tintlaqat, tkun għal liema raġuni tkun, l-uffiċjal involut ma jkunx iżjed f’pożizzjoni li jiżgura tali funzjonijiet u, sabiex il-kritika magħmula lilu ma testendix ruħha għad-dipartiment kollu kkonċernat, titqies li hija amministrazzjoni tajba li l-istituzzjoni tadotta, fl-iqsar żmien possibbli, miżura ta’ tkeċċija fir-rigward tiegħu. Dawn il-miżuri japplikaw ukoll meta jiġu kkonstatati nuqqasijiet fit-tmexxija tad-dipartiment min-naħa tal-kap ta’ dipartiment inkarigat minn missjonijiet diplomatiċi, fil-kapaċità tiegħu bħala kap tad-delegazzjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi miċħud li tali nuqqasijiet, jekk verament seħħew, jagħmlu ħsara fuq il-funzjonament it-tajjeb tad-delegazzjoni.

Barra minn hekk, meta l-kuntratt ta’ impjieg ta’ membru tal-persunal jispeċifika l-funzjonijiet li huma attribwiti lilu u l-post ta’ assenjazzjoni tiegħu, din il-preċiżazzjoni hija mingħajr effett fuq l-issuġġettar tal-impenn tal-impjieg tal-imsemmi membru tal-persunal għad-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Għalhekk, sa fejn il-membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali impjegati bħala membri tal-persunal temporanji skont l-Artikolu 2(e) tal-imsemmija kundizzjonijiet huma suġġetti għal dawn il-kundizzjonijiet, il-possibbiltà li jiġu assenjati mill-ġdid tinsab impliċitament fil-kuntratt ta’ impjieg li huma ffirmaw mal-istituzzjoni u, fil-mument li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz u osservanza tal-ekwivalenza tal-impjiegi) jiġu sodisfatti, tali assenjazzjoni mill-ġdid ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-imsemmi kuntratt.

(ara l-punti 59, 61 sa 64, 96 u 97)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Hecq vs Il‑Kummissjoni, C‑116/88 u C‑149/88, EU:C:1990:98, punt 22 u Ojha vs Il‑Kummissjoni, C‑294/95 P, EU:C:1996:434, punti 41 u 42

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, EU:T:2000:292, punt 53

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi de Albuquerque vs Il‑Kummissjoni, F‑55/06, EU:F:2007:15, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata u Plasa vs Il‑Kummissjoni, F‑52/08, EU:F:2009:54 punt 77

4.      Mill-Artikolu 221 TFUE u mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427, li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), jirriżulta li d-delegazzjonijiet għandhom jiżguraw ir-rappreżentanza diplomatika tal-Unjoni konformement mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi tat‑18 ta’ April 1961.

L-Artikolu 10(2) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi li t-tluq definittiv tal-membri ta’ missjoni diplomatika għandu jiġi nnotifikat minn qabel biss kull meta dan ikun possibbli. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 19(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdu biss li kull bidla fil-persunal diplomatiku tiġi nnotifikata lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiż riċeventi, jew lil kull ministeru ieħor speċifikat, iżda ma jipprevedux notifika lill-Kap tal-Istat tal-pajjiż riċeventi u lanqas udjenza quddiemu.

(ara l-punti 103 u 104)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Delcroix vs SEAE, EU:F:2014:91, punt 25